Il-Ħallieq Jistaʼ Jagħti Iktar Sinjifikat lil Ħajtek
“Ħa jfaħħru dawn kollha isem il-Mulej: għax hu kkmanda, u huma nħolqu.”— SALM 148:5.
1, 2. (a) Liema mistoqsija għandna nikkunsidraw? (b) Il-ħolqien kif inhu involut fil-mistoqsija taʼ Isaija?
“JAQAW ma tafx?” Din forsi tinstemaʼ bħala sempliċi mistoqsija li twassal lil ħafna biex iwieġbu, ‘X’ma nafx?’ Iżda din hija mistoqsija serja. U nistgħu napprezzaw it-tweġiba aħjar billi ninnotaw l-isfond tagħha—kapitlu 40 tal-ktieb Bibliku taʼ Isaija. Kitibha Isaija, Lhudi tal-qedem, u għalhekk il-mistoqsija hija waħda antika. Madankollu, hija wkoll waħda moderna ħafna, marbuta fil-fond maʼ l-istess sinjifikat taʼ ħajtek.
2 Ladarba hija daqshekk importanti, il-mistoqsija f’Isaija 40:28 jixraq li nikkunsidrawha bis-serjetà: “Jaqaw ma tafx, lanqas ma smajt, ‘Il-Mulej hu Alla taʼ dejjem, il-ħallieq taʼ truf l-art?’” (Korsiv tagħna.) Mela, ‘li wieħed isir jaf’ kien jinvolvi lill-Ħallieq taʼ l-art, u l-kuntest juri li dan kien jinkludi mhux lill-art biss, iżda ħafna iżjed. Żewġ versi qabel, Isaija kiteb dwar il-kwiekeb: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-eżerċti tiegħu . . . Bis-saħħa taʼ qawwietu, bil-qawwa taʼ setgħetu, ħadd minnhom ma jonqos.”
3.Anki jekk taf ħafna dwar il-Ħallieq, għala għandek tkun trid taf iżjed?
3 Iva, il-mistoqsija “Jaqaw ma tafx?” hija attwalment dwar il-Ħallieq taʼ l-univers tagħna. Int personalment forsi konvint li Alla Jehovah hu l-“ħallieq taʼ truf l-art.” Forsi taf ukoll xi ftit mhux ħażin dwar il-personalità tiegħu u dwar triqatu. Imma xi ngħidu jekk tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li jiddubita jekk hemmx Ħallieq, u ovvjament ma jafx kif inhu bħala persuna? M’għandekx għalfejn tiskanta li tiltaqaʼ maʼ xi ħadd bħal dan għax hemm miljuni fuq miljuni li la jafu u lanqas jemmnu bil-Ħallieq.—Salm 14:1; Salm 53:2 [Salm 53:1, NW].
4. (a) Li nikkunsidraw lill-Ħallieq għala huwa addattat f’dan iż-żmien? (b) Ix-xjenza liema tweġibiet ma tistax tipprovdi?
4 L-iskejjel qed jipproduċu ħafna nies xettiċi li jħossu li x-xjenza għandha (jew li se ssib) it-tweġibiet dwar l-oriġini taʼ l-univers u tal-ħajja. F’The Origin of Life (it-titlu oriġinali bil-Franċiż: Aux Origines de la Vie) l-awturi Hagene u Lenay jinnotaw: “L-oriġini tal-ħajja għadu qed isir dibattitu dwarha fil-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin. Din il-problema, tant diffiċli biex tissolva, teħtieġ investigazzjonijiet f’kull qasam, mill-immensità taʼ l-ispazju saċ-ċokon infinit tal-materja.” Xorta waħda, l-aħħar kapitlu, “The Question Remains Alive” (Il-Mistoqsija Tibqaʼ Ħajja), jammetti: “Aħna tkixxifna xi tweġibiet xjentifiċi għall-mistoqsija, Kif bdiet il-ħajja fuq l-art? Iżda għala bdiet il-ħajja? Għandha skop il-ħajja? Dawn il-mistoqsijiet ma tistax tweġibhom ix-xjenza. Din sempliċement tfittex il-‘kif’ taʼ l-affarijiet. ‘Kif’ u ‘għala’ huma żewġ mistoqsijiet kompletament differenti. . . . Inkwantu għall-mistoqsija ‘għala,’ il-filosofija, ir-reliġjon, u—fuq kollox—kull wieħed u waħda minna jrid isib it-tweġiba.”
Insibu t-Tweġibiet u s-Sinjifikat
5. Liema xorta taʼ nies jistgħu jibbenefikaw b’mod speċjali billi jitgħallmu iżjed dwar il-Ħallieq?
5 Iva, irridu nifhmu għala teżisti l-ħajja—u speċjalment għala aħna qegħdin hawn. Iktar minn hekk, għandna nkunu interessati f’nies li għadhom ma kkonkludewx li hemm Ħallieq u ċertament li ftit li xejn jafu dwar triqatu. Jew aħseb dwar dawk li ġejjin minn ambjent fejn lil Alla jħarsu lejh b’mod differenti ħafna minn kif tippreżentah il-Bibbja. Eluf taʼ miljuni trabbew fl-Orjent jew f’postijiet oħrajn fejn il-biċċa l-kbira min-nies ma jaħsbux dwar Alla bħala persuna, esseri reali li għandu personalità li tiġbdek. Għalihom, il-kelma “alla” għandha mnejn tnissel f’moħħhom impressjoni taʼ xi forza vaga jew xi kawża astratta. Dawn ‘ma sarux jafuh lill-Ħallieq,’ jew lil triqatu. Jekk dawn, jew miljuni b’ideat simili, jistgħu jsiru konvinti li l-Ħallieq jeżisti, kemm hemm benefiċċji li jistgħu jirċievu, inkluż prospetti li jibqgħu għal dejjem! Jistgħu jiksbu wkoll xi ħaġa li hija tassew rari—sinjifikat veru, skop veru u paċi tal-moħħ, fil-ħajja.
6. Il-ħajjiet taʼ ħafna llum kif jixbhu l-esperjenza taʼ Paul Gauguin u lil waħda mill-pitturi tiegħu?
6 Bħala eżempju taʼ dan: Fis-sena 1891, il-pittur Franċiż Paul Gauguin mar biex isib ħajja sodisfaċenti fil-Polineżja Franċiża, post li hu bħal ġenna fil-veru sens tal-kelma. Imma l-passat immorali tiegħu malajr ġab mard fuqu u fuq oħrajn. Hekk kif ħass il-mewt riesqa, pitter tila kbira li fiha donnu li kien qiegħed ‘jinterpreta l-ħajja bħala misteru kbir.’ Taf x’semmieha Gauguin dik il-pittura? “Minfejn Ġejjin? Aħna X’Aħna? Fejn Sejrin?” Għandu mnejn li int smajt lil xi ħaddieħor jistaqsi mistoqsijiet simili. Ħafna jistaqsuhom. Imma meta ma jsibux tweġibiet sodisfaċenti—ebda sinjifikat veru fil-ħajja—fejn jistgħu jmorru? Għandhom mnejn jikkonkludu li ħajjithom ma tantx hija differenti wisq minn dik taʼ l-annimali.—2 Pietru 2:12.a
7, 8. L-investigazzjonijiet tax-xjenza għala m’humiex adegwati fihom infushom?
7 B’hekk, tistaʼ tifhem għala xi ħadd bħall-professur tal-fiżika Freeman Dyson setaʼ jikteb: “Ħafna nies jaħsbuha bħali meta nerġaʼ nistaqsi l-mistoqsijiet li staqsa Ġob. Għala nsofru? Għala hija d-dinja daqshekk inġusta? X’inhu l-iskop taʼ l-uġigħ u t-traġedji?” (Ġob 3:20, 21; 10:2, 18; 21:7) Bħalma diġà semmejna, ħafna nies iduru lejn ix-xjenza għat-tweġibiet minflok lejn Alla. Bijoloġi, oċeanografi, u oħrajn qed iżidu mat-tagħrif dwar il-globu tagħna u l-ħajja taʼ fuqu. Billi jfittxu f’direzzjoni oħra, astronomi u fiżiki qed jitgħallmu saħansitra iżjed dwar is-sistema solari tagħna, il-kwiekeb, u anki galassji fil-bogħod. (Qabbel Ġenesi 11:6.) Dawn il-fatti lejn liema konklużjonijiet raġunevoli jistgħu jippontaw?
8 Xi xjenzati jitkellmu dwar il-“moħħ” t’Alla jew il-“kaligrafija” rrivelata fl-univers. Imma jistaʼ dan itellef milli jinftiehem il-punt ewlieni? Ir-rivista Science innotat: “Meta xi riċerkaturi jgħidu li l-kosmoloġija tirrivela l-‘moħħ’ jew il-‘kaligrafija’ t’Alla, huma jkunu qegħdin jattribwixxu lid-divin dak li fl-aħħar mill-aħħar forsi jkun wieħed mill-inqas aspetti taʼ l-univers—l-istruttura fiżika tiegħu.” Fil-fatt, il-fiżiku u rebbieħ tal-premju Nobel Steven Weinberg kiteb: “Iktar ma l-univers jidher komprensibbli, iktar jidher ukoll bla skop.”
9. Liema evidenza tistaʼ tgħin lilna u lil oħrajn jitgħallmu dwar il-Ħallieq?
9 Xorta waħda, għandek mnejn li int wieħed mill-miljuni li studjaw il-kwistjoni bis-serjetà u li jifhmu li s-sinjifikat veru fil-ħajja hu marbut maʼ li wieħed ikun jaf lill-Ħallieq. Ftakar f’dak li kiteb l-appostlu Pawlu: “Il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu taʼ dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq, u għalhekk ma għandhom ebda skuża.” (Rumani 1:20) Iva, hemm fatti dwar id-dinja tagħna u dwarna li jistgħu jgħinu lin-nies jirrikonoxxu lill-Ħallieq u jsibu sinjifikat f’konnessjoni miegħu. Ikkunsidra tliet aspetti dwar dan: l-univers taʼ madwarna, l-oriġini tal-ħajja, u l-abbiltajiet mentali tagħna stess.
Raġunijiet biex Nemmnu
10. Għala għandna naħsbu dwar il-“bidu”? (Ġenesi 1:1; Salm 111:10)
10 Kif ġie l-univers tagħna? Forsi taf minn rapporti dwar teleskopji u esplorazzjonijiet spazjali li l-biċċa l-kbira mix-xjenzati jirrealizzaw li l-univers tagħna ma eżistiex minn dejjem. Kellu bidu u qed jespandi. Dan x’jimplika? Ismaʼ x’jgħid l-astronomu Sir Bernard Lovell: “Jekk f’xi punt fil-passat, l-Univers kien darba viċin taʼ stat singulari taʼ daqs infinitament żgħir u taʼ densità infinita, ikollna nistaqsu x’kien hemm qabel . . . Ikollna niffaċċjaw il-problema taʼ xi Bidu.”
11. (a) Kemm huwa vast l-univers? (b) X’tissuġġerixxi l-preċiżjoni li hemm fl-univers?
11 Il-mod kif inhu magħmul l-univers, inkluż l-art tagħna, jirrifletti li hu aġġustat bi preċiżjoni taʼ l-għaġeb. Per eżempju, żewġ kwalitajiet li jgħaġġbuk dwar ix-xemx tagħna u kwiekeb oħrajn huma l-effiċjenza fit-tul u l-istabbiltà. Stima kurrenti taʼ l-għadd taʼ galassji fl-univers viżibbli tlaħħaq mill-50 elf miljun (50,000,000,000) għall-125 elf miljun. U l-galassja tagħna, it-Triq tal-Ħalib, fiha eluf kbar taʼ miljuni taʼ kwiekeb. Issa ikkunsidra dan: Aħna nafu li magna taʼ karozza teħtieġ rejxjow preċiż taʼ fjuwil u arja. Jekk għandek karozza, għandek mnejn tmur għand mekkanik tas-sengħa biex jissettjalek il-magna, biex il-karozza tiegħek taħdem aħjar, u tkun iżjed effiċjenti. Jekk preċiżjoni bħal din hija importanti għal sempliċi magna, xi ngħidu, per eżempju, dwar ix-xemx tagħna “li taqbad” b’tant effiċjenza? Biċ-ċar li l-forzi fundamentali involuti huma aġġustati b’mod preċiż biex il-ħajja tkun tistaʼ teżisti fuq l-art. Ġie dan b’kumbinazzjoni? Ġob tal-qedem ġie mistoqsi: “Taf hekk sewwa l-liġijiet tas-sema, li tikteb għall-art l-ordni tagħhom?” (Ġob 38:33) L-ebda bniedem m’għamel dan. Allura minfejn ġiet din il-preċiżjoni?—Salm 19:2 [Salm 19:1, NW].
12. Għala huwa raġunevoli li tikkunsidra li hemm Intelliġenza setgħana wara l-ħolqien?
12 Jistaʼ jkun li ġejja minn xi ħaġa jew minn xi Ħadd li ma jidhirx bl-għajnejn umani? Ikkunsidra din il-mistoqsija fid-dawl tax-xjenza moderna. Il-biċċa l-kbira mill-astronomi issa jaċċettaw il-fatt li hemm oġġetti tas-sema potenti ħafna—toqob suwed. Dawn it-toqob suwed ma jidhrux, u madankollu l-esperti huma konvinti li dawn jeżistu. B’mod simili, il-Bibbja tirrapporta li f’qasam ieħor jeżistu ħlejjaq setgħanin li ma jidhrux—ħlejjaq spirti. Jekk jeżistu esseri inviżibbli u setgħanin bħal dawn, m’huwiex raġunevoli li l-preċiżjoni rrivelata fl-univers kollu oriġinat minn Intelliġenza setgħana?—Neħemija 9:6.
13, 14. (a) Ix-xjenza xi stabbiliet attwalment dwar l-oriġini tal-ħajja? (b) L-eżistenza tal-ħajja fuq l-art lejn xiex tipponta?
13 It-tieni linja taʼ evidenza li tistaʼ tgħin lin-nies jirrikonoxxu Ħallieq tinvolvi l-oriġini tal-ħajja. Minn żmien l-esperimenti taʼ Louis Pasteur, ġie aċċettat li l-ħajja ma ssirx teżisti mix-xejn billi tiġġenera spontanjament. Allura kif oriġinat il-ħajja fuq l-art? Fis-snin ħamsin, ix-xjenzati pprovaw juru li din setgħet żviluppat bil-mod il-mod f’xi oċean bikri meta atmosfera primittiva kienet qed tintlaqat kontinwament mill-beraq. Madankollu, evidenza iktar reċenti turi li oriġini bħal din taʼ ħajja terrestri ma tantx hija probabbli għax dik ix-xorta t’atmosfera qatt m’eżistiet. Għaldaqstant, ix-xjenzati qed ifittxu spjegazzjoni inqas difettuża. Iżda qegħdin dawn ukoll jonqsu li jifhmuh il-punt?
14 Wara li qattaʼ għexur taʼ snin jistudja l-univers u l-ħajja taʼ ġo fih, ix-xjenzat Britanniku Sir Fred Hoyle ikkummenta: “Minflok ma naċċettaw il-probabbiltà fantastikament żgħira taʼ ħajja li oriġinat permezz taʼ forzi tan-natura bla kontroll, deher li kien aħjar li nassumu li l-oriġini tal-ħajja kienet att intellettwali maħsub.” Iva, iktar ma nitgħallmu dwar l-għeġubijiet tal-ħajja, iktar isir loġiku li l-ħajja ġejja minn Sors intelliġenti wieħed.—Ġob 33:4; Salm 8:4, 5 [Salm 8:3, 4, NW]; Salm 36:10 [Salm 36:9, NW]; Atti 17:28.
15. Għala jistaʼ jingħad li int uniku?
15 Mela l-ewwel linja taʼ raġunar tinvolvi l-univers, u t-tieni, l-oriġini tal-ħajja fuq l-art. Innota t-tielet—il-fatt li aħna uniċi. F’ħafna modi l-bnedmin kollha huma uniċi, u b’hekk dan ifisser li int ukoll. Dan kif? Int probabbli smajt li l-moħħ tqabbel maʼ kompjuter potenti. Iżda fir-realtà skoperti reċenti juru li dan il-paragun hu dgħajjef ħafna. Wieħed xjenzat fil-Massachusetts Institute of Technology qal: “Il-kompjuters tal-lum lanqas biss joqogħdu fejn bniedem taʼ 4 snin fl-abbiltà tagħhom li jaraw, jitkellmu, jiċċaqalqu, jew jużaw is-sens komun. . . . Ġie stmat li l-kapaċità li tipproċessa l-informazzjoni taʼ saħansitra l-iktar superkompjuter potenti hija ugwali għas-sistema nervuża taʼ bebbuxu—frazzjoni żgħira mill-qawwa disponibbli għas-superkompjuter li hemm ġewwa l-qorriegħa taʼ ras[ek].”
16. L-abbiltà tiegħek tal-lingwa lejn liema ħaġa tipponta?
16 Il-lingwa hija abbiltà li għandek grazzi għal moħħok. Xi nies jitkellmu żewġ lingwi, jew tlieta, u anki iktar, u madankollu l-abbiltà li nitkellmu saħansitra lingwa waħda timmarkana bħala uniċi. (Isaija 36:11; Atti 21:37-40) Il-Professuri R. S. u D. H. Fouts staqsew: “Huwa l-bniedem biss . . . li kapaċi jikkomunika bil-lingwa? . . . Tassew li l-annimali l-iktar komplessi kollha jikkomunikaw . . . b’ġesti, rwejjaħ, sejħiet, għajat, u għana, u saħansitra ż-żifna tan-naħal. Madankollu l-annimali, apparti l-bniedem, ma jidhrux li bnew lingwa grammatikali. U l-annimali ma jpinġux stampi rappreżentattivi, xi ħaġa li jistaʼ jkollha sinjifikat kbir. L-iktar li jistgħu jagħmlu hu li jħarbxu.” Verament, il-bnedmin biss jistgħu jużaw il-moħħ biex jitkellmu lingwa u jpinġu stampi sinjifikanti.—Qabbel Isaija 8:1; 30:8; Luqa 1:3.
17. Liema differenza fundamentali hemm bejn bniedem u bejn annimal meta dawn iħarsu f’mera?
17 Iktar minn hekk, int konxju tiegħek innifsek; taf li int teżisti. (Proverbji 14:10) Qatt osservajt għasfur, kelb, jew qattus iħares f’mera u mbagħad inaqqarha, jinbħilha, jew jattakkaha? Dan jaħseb li qed jara annimal ieħor, għax ma jkunx qed jagħraf lilu nnifsu. B’kuntrast, meta int tħares f’mera, taf li dak int. (Ġakbu 1:23, 24) Forsi tiċċekkja d-dehra tiegħek jew taħseb kif se tkun minn hawn u ftit tas-snin oħra. L-annimali dan ma jagħmluhx. Iva, moħħok jagħmlek uniku. Min għandu jieħdu l-kredtu? Minfejn ġie moħħok, jekk mhux mingħand Alla?
18. Liema kapaċitajiet mentali jagħmluk differenti mill-annimali?
18 Moħħok jippermettilek ukoll li tapprezza l-arti u l-mużika kif ukoll li jkollok valuri morali. (Eżodu 15:20; Mħallfin 11:34; 1 Slaten 6:1, 29-35; Mattew 11:16, 17) Għala int u mhux l-annimali? Huma jużaw moħħhom primarjament biex jieħdu ħsieb tal-bżonnijiet immedjati—isibu l-ikel, jitgħammru, jew jagħmlu xi bejta. Il-bnedmin biss jaħsbu fil-bogħod. Xi wħud saħansitra jaħsbu dwar kif l-azzjonijiet tagħhom se jeffettwaw l-ambjent jew lid-dixxendenti tagħhom għal ħafna snin fil-futur. Għala? Koħèlet 3:11 jgħid dwar il-bnedmin: “Nissel ukoll [il-Ħallieq] sens taʼ l-imgħoddi u l-ġejjieni [“żmien indefinit,” NW] f’moħħ il-bniedem.” Iva, il-kapaċità tiegħek li tikkunsidra s-sinjifikat taż-żmien indefinit jew li timmaġina l-ħajja taʼ dejjem hija speċjali.
Ħalli lill-Ħallieq Jagħtik Iktar Sinjifikat
19. Liema linja taʼ raġunar maqsuma fi tlieta tistaʼ tuża biex tgħin lil oħrajn jaħsbu dwar il-Ħallieq?
19 Messejna biss tliet oqsma: il-preċiżjoni li tidher fl-univers bla tarf, l-oriġini tal-ħajja fuq l-art, u l-mod uniku kif bla dubju jaħdem il-moħħ uman, bil-kapaċitajiet varji tiegħu. Lejn liema ħaġa jippontaw dawn it-tlieta? Din hija linja taʼ raġunar li int tistaʼ tuża biex tgħin lil oħrajn jaslu għal konklużjoni. Tistaʼ l-ewwel tistaqsi: L-univers kellu bidu? Il-biċċa l-kbira jaqblu li kellu. Imbagħad staqsi: Dak il-bidu kien kawżat, jew le? Il-biċċa l-kbira jħossu li l-bidu taʼ l-univers kien kawżat. Dan iwassal għall-mistoqsija finali: Il-bidu kien kawżat minn xi ħaġa eterna jew minn xi Ħadd etern? Bil-kwistjonijiet preżentati b’mod hekk ċar u loġiku, ħafna jistgħu jaslu għall-konklużjoni: Bilfors li hemm Ħallieq! Jekk dan hu hekk, m’għandux ikun possibbli li l-ħajja jkollha sinjifikat?
20, 21. Li nkunu nafu l-Ħallieq għala huwa essenzjali biex ikollna sinjifikat f’ħajjitna?
20 L-eżistenza tagħna kollha kemm hi, inkluż is-sens morali tagħna u l-moralità nfisha għandhom jiġu konnessi mal-Ħallieq. Dr. Rollo May darba kiteb: “L-unika struttura adegwata għall-moralità hija dik ibbażata fuq is-sinjifikat aħħari tal-ħajja.” Din fejn tinsab? Hu żied: “L-istruttura aħħarija hija n-natura t’Alla. Il-prinċipji t’Alla huma l-prinċipji li jifformaw il-pedament tal-ħajja mill-bidu tal-ħolqien sat-tmiem.”
21 Mela nistgħu nifhmu sewwa għala s-salmista kien qed juri kemm umiltà u kemm għerf meta talab lill-Ħallieq: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni. Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni, għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.” (Salm 25:4, 5) Hekk kif is-salmista sar jaf lill-Ħallieq aħjar, żgur li ħajtu ngħatat iżjed sinjifikat, skop, u direzzjoni. L-istess jistaʼ japplika għal kull wieħed u waħda minna.—Eżodu 33:13.
22. X’inhu involut f’li nsiru nafu triqat il-Ħallieq?
22 Li nsiru nafu ‘triqat’ il-Ħallieq jinkludi li nsiru nafu saħansitra aħjar x’tip taʼ persuna hu, kemm il-personalità tiegħu u kemm triqatu. Iżda peress li l-Ħallieq hu inviżibbli u setgħan b’mod taʼ l-għaġeb, kif nistgħu nsiru nafuh aħjar? L-artiklu li jmiss se jikkunsidra dan.
[Nota taʼ taħt]
a Billi bbaża fuq esperjenzi fil-kampijiet tal-konċentrament Nazisti, Dr. Viktor E. Frankl irrealizza: “It-tfittxija tal-bniedem għal sinjifikat hija forza primarja f’ħajtu u mhux ‘xi raġunar sekondarju tal-moħħ’ imqanqal mill-istint,” bħal dak taʼ l-annimali. Hu żied li għexur taʼ snin wara t-tieni gwerra dinjija, stħarriġ fi Franza “wera li 89 fil-mija tan-nies mistħarrġin ammettew li l-bniedem għandu bżonn ‘xi ħaġa’ li tagħtih skop biex jgħix.”
Kif Twieġeb?
◻ Għala għandna bżonn niksbu iżjed minn sempliċi informazzjoni xjentifika dwar l-univers tagħna?
◻ Biex tgħin lil oħrajn jaħsbu dwar il-Ħallieq, lejn liema affarijiet tistaʼ tipponta?
◻ Li nkunu nafu l-Ħallieq għala huwa fundamentali biex ikollna sinjifikat sodisfaċenti f’ħajjitna?
[Dijagramma/Stampa f’paġna 18]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
[Stampa f’paġna 15]
L-immensità u l-preċiżjoni evidenti fl-univers wasslu lil ħafna biex jaħsbu dwar il-Ħallieq
[Sors]
Paġni 15 u 18: Jeff Hester (Arizona State University) and NASA