KAPITLU 2
Nirrikonoxxu l-irwol taʼ Kristu fl-arranġament t’Alla
“FIL-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art” u kull ma kien għamel kien “tajjeb ħafna.” (Ġen. 1:1, 31) Ġeħova ħalaq lill-bniedem bi prospetti meraviljużi għall-futur. Madankollu, l-irvell fl-Għeden temporanjament sfratta l-istat taʼ hena li kienet fih l-umanità. Però, l-iskop taʼ Ġeħova għall-art u għall-umanità baqaʼ ma nbidilx. Alla indika li kellu jkun hemm ħelsien għad-dixxendenti ubbidjenti taʼ Adam. Il-qima vera kellha tiġi mġedda, u Alla kellu jeqred lill-wieħed mill-agħar flimkien max-xogħlijiet vili kollha tiegħu. (Ġen. 3:15) Għal darb’oħra, l-affarijiet kienu se jkunu ‘tajbin ħafna.’ Ġeħova se jagħmel dan permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. (1 Ġw. 3:8) Għalhekk, hu imperattiv li nirrikonoxxu l-irwol taʼ Kristu fl-arranġament t’Alla.—Atti 4:12; Flp. 2:9, 11.
X’INHU L-IRWOL TAʼ KRISTU
2 Meta naħsbu fl-irwol taʼ Kristu fl-arranġament t’Alla, nirrikonoxxu li l-irwol tiegħu għandu ħafna aspetti. Ġesù jservi bħala l-Feddej tal-umanità, bħala l-Qassis il-Kbir, bħala l-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana, u issa bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla. Meta nimmeditaw fuq dawn l-irwoli, l-apprezzament tagħna għall-arranġament t’Alla jiżdied u mħabbitna għal Kristu Ġesù tikber. Il-Bibbja tiddeskrivi wħud mill-irwoli differenti tiegħu.
Ġesù hu l-persunaġġ prinċipali fit-twettiq tal-iskop taʼ Ġeħova għall-umanità
3 Matul il-ministeru taʼ Kristu fuq l-art, deher ċar li l-umanità ubbidjenti kienet se tiġi rikonċiljata maʼ Alla permezz taʼ Ġesù. (Ġw. 14:6) Bħala l-Feddej tal-umanità, Ġesù ta lilu nnifsu bħala fidwa għal ħafna. (Mt. 20:28) Għalhekk, Ġesù hu iżjed minn sempliċement eżempju taʼ kondotta Kristjana. Hu l-persunaġġ prinċipali fit-twettiq tal-iskop taʼ Ġeħova għall-umanità. Hu l-uniku mezz biex jerġaʼ jkollna l-favur t’Alla. (Atti 5:31; 2 Kor. 5:18, 19) Il-mewt taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju u l-irxoxt tiegħu fetħu t-triq biex bnedmin ubbidjenti jesperjenzaw barkiet eterni taħt it-tmexxija tas-Saltna tas-sema t’Alla.
4 Bħala l-Qassis il-Kbir, Ġesù hu kapaċi “jagħder id-dgħjufijiet tagħna” u jpatti għad-dnubiet tas-segwaċi dedikati tiegħu hawn fuq l-art. L-appostlu Pawlu spjega: “Għax bħala qassis il-kbir m’għandniex wieħed li ma jistax jagħder id-dgħjufijiet tagħna, imma wieħed li ġie provat fl-aspetti kollha bħalna, imma baqaʼ mingħajr dnub.” Pawlu mbagħad ħeġġeġ lil dawk li jeżerċitaw fidi f’Ġesù Kristu biex jieħdu vantaġġ sħiħ minn dan l-arranġament taʼ tħabbib mill-ġdid m’Alla billi qal: “Għalhekk, ħa nersqu bil-libertà tal-kelma lejn it-tron tal-qalb tajba mhix mistħoqqa, sabiex insibu ħniena u qalb tajba mhix mistħoqqa għall-għajnuna f’waqtha.”—Ebr. 4:14-16; 1 Ġw. 2:2.
5 Ġesù hu wkoll il-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana. Bħalma kien fil-każ tas-segwaċi tiegħu fl-ewwel seklu, illum aħna m’għandniex bżonn taʼ mexxej uman. Ġesù jagħti d-direzzjoni permezz tal-ispirtu qaddis u permezz taʼ sottoragħajja kwalifikati, li jridu jagħtu kont lilu u lil Missieru tas-sema hekk kif jieħdu ħsieb il-merħla t’Alla. (Ebr. 13:17; 1 Pt. 5:2, 3) Meta tkellem b’mod profetiku dwar Ġesù, Ġeħova qal: “Ara! Tajtu lill-popli bħala xhud, bħala mexxej u kmandant għall-popli.” (Is. 55:4) Ġesù kkonferma t-twettiq taʼ din il-profezija meta qal lid-dixxipli tiegħu: “Tissejħux ‘mexxejja,’ għax wieħed hu l-Mexxej tagħkom, il-Kristu.”—Mt. 23:10.
6 Biex juri l-attitudni mentali tiegħu u kemm hu lest li jgħinna, Ġesù jagħmel l-istedina: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mt. 11:28-30) Billi jidderieġi l-affarijiet fil-kongregazzjoni Kristjana bil-ħlewwa u b’tali mod li jġibilna serħan, Ġesù Kristu ta prova li hu “r-ragħaj mill-aħjar” billi jimita lil Missieru tas-sema, Alla Ġeħova.—Ġw. 10:11; Is. 40:11.
7 Fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, Pawlu spjega aspett ieħor tal-irwol taʼ Ġesù Kristu b’dan il-kliem: “Hu jrid isaltan sakemm Alla jkun qiegħed l-għedewwa kollha taħt saqajh. Imma meta kollox ikun ġie suġġettat għalih, imbagħad l-Iben innifsu wkoll jissottometti ruħu lejn Dak li ssuġġettalu kollox, biex Alla jkun kollox għal kulħadd.” (1 Kor. 15:25, 28) Peress li kien l-ewwel ħolqien t’Alla, qabel ma ġie fuq l-art, Ġesù kien il-“ħaddiem tas-sengħa” t’Alla. (Prov. 8:22-31) Meta Alla bagħtu fuq l-art, Ġesù għamel ir-rieda t’Alla l-ħin kollu. Hu ssaporta l-akbar prova u miet leali lejn Missieru. (Ġw. 4:34; 15:10) Minħabba li Ibnu kien leali saħansitra sal-mewt, Alla rxoxtah għas-sema u tah id-dritt li jkun is-Sultan tas-Saltna fis-sema. (Atti 2:32-36) B’hekk, Kristu Ġesù għandu l-inkarigu grandjuż mingħand Alla li jidderieġi numru bla għadd taʼ ħlejjaq spirti qawwijin f’li jneħħi l-ħakma umana minn fuq l-art u jqaċċat il-ħażen kollu mill-globu tagħna. (Prov. 2:21, 22; 2 Tess. 1:6-9; Riv. 19:11-21; 20:1-3) Imbagħad is-Saltna tas-sema t’Alla bi Kristu se tkun l-unika awtorità li ssaltan fuq l-art kollha.—Riv. 11:15.
XI JFISSER LI NIRRIKONOXXU L-IRWOL TIEGĦU
8 Ġesù Kristu, ix-Xempju tagħna, hu perfett. Hu ġie inkarigat biex jieħu ħsiebna. Sabiex nibbenefikaw mill-ħarsien kollu mħabba tiegħu, għandna nibqgħu leali lejn Ġeħova u nżommu l-pass mal-organizzazzjoni progressiva tiegħu.
9 Is-segwaċi taʼ Ġesù fl-ewwel seklu rrikonoxxew għalkollox l-irwol taʼ Kristu fl-arranġament t’Alla. Dan urewh billi ħadmu flimkien f’unità taħt it-tmexxija taʼ Kristu u ssottomettew ruħhom għad-direzzjoni tiegħu, kif ngħatat permezz tal-ispirtu qaddis. (Atti 15:12-21) L-appostlu Pawlu rrefera għall-unità tal-kongregazzjoni Kristjana midluka meta kiteb: “Billi ngħidu l-verità, ħa nikbru bl-imħabba f’kollox fi Kristu, li hu l-kap. Minnu l-ġisem kollu, li hu magħqud flimkien b’mod armonjuż u magħmul biex jikkoopera permezz taʼ kull ġog li jagħti dak li hu meħtieġ, skond ix-xogħol taʼ kull membru rispettiv bi qjies xieraq, jaħdem għat-tkabbir tal-ġisem biex jibni lilu nnifsu fl-imħabba.”—Efes. 4:15, 16.
10 Meta kulħadd fil-kongregazzjoni jikkoopera maʼ xulxin u jaħdem f’armonija taħt it-tmexxija taʼ Kristu, ikun hemm tkabbir u spirtu taʼ mħabba, li hi “rabta perfetta li tgħaqqad.”—Ġw. 10:16; Kol. 3:14; 1 Kor. 12:14-26.
11 Il-ġrajjiet tad-dinja li jwettqu profeziji Bibliċi ma jħallu l-ebda dubju li mill-1914 ’l hawn, Ġesù Kristu ġie fdat bil-poter tas-Saltna. Hu qiegħed issa jaħkem f’nofs l-għedewwa tiegħu. (Salm 2:1-12; 110:1, 2) Dan xi jfisser għal dawk li issa qed jgħixu fuq l-art? Ġesù dalwaqt se juri l-irwol tiegħu bħala Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien meta jagħmel ġudizzju kontra l-għedewwa tiegħu. (Riv. 11:15; 12:10; 19:16) Imbagħad, il-wegħda taʼ Ġeħova għal ħelsien li tlissnet fil-bidu tal-irvell tal-bniedem se titwettaq favur dawk li b’approvazzjoni qegħdin fuq il-lemin taʼ Kristu. (Mt. 25:34) Kemm aħna henjin li rrikonoxxejna l-irwol taʼ Kristu fl-arranġament t’Alla! Jalla nibqgħu magħqudin biex inwettqu l-ministeru tagħna madwar id-dinja taħt it-tmexxija taʼ Kristu matul dawn l-aħħar jiem.