Liema Ħarsa Għandu Jkollna Lejn in-Nies Hekk Kif Joqrob il-Jum taʼ Jehovah?
“Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, . . . imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.”—2 PIETRU 3:9.
1, 2. (a) Jehovah kif iħares lejn in-nies illum? (b) Liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna?
IL-QADDEJJA taʼ Jehovah għandhom l-inkarigu li jagħmlu “dixxipli mill-ġnus kollha.” (Mattew 28:19) Waqt li nwettqu dan l-inkarigu u nistennew “il-Jum il-kbir tal-Mulej,” jeħtieġ li nħarsu lejn in-nies bħalma jħares lejhom hu. (Sofonija 1:14) U Jehovah kif iħares lejhom? L-appostlu Pietru jgħid: “Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) Alla jħares lejn il-bnedmin bħala individwi li jistgħu jaslu għall-indiema. Hu “jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (1 Timotju 2:4) Kemm jifraħ Jehovah meta wieħed mill-agħar ‘jerġaʼ lura minn triqtu biex jgħix’!—Eżekjel 33:11.
2 Għandna aħna personalment l-istess ħarsa taʼ Jehovah lejn in-nies? Nagħmlu aħna bħalu u nikkunsidraw lil individwi taʼ kull razza u nazzjon bħala li jistgħu jkunu “nagħaġ tal-mergħa tiegħu”? (Salm 100:3; Atti 10:34, 35) Ejja nikkunsidraw żewġ eżempji li juru l-importanza li jkollna l-ħarsa taʼ Jehovah. Fiż-żewġ rakkonti l-qerda kienet qrib ħafna, u l-qaddejja taʼ Jehovah ġew mgħarrfin minn qabel dwar dan. Dawn l-eżempji huma speċjalment sinifikanti waqt li qegħdin nistennew il-jum il-kbir taʼ Jehovah.
Abraham Kellu l-Istess Ħarsa taʼ Jehovah
3. Jehovah kif kien iħares lejn l-abitanti taʼ Sodoma u Gomorra?
3 L-ewwel eżempju jinvolvi l-patrijarka leali Abraham u l-bliet mill-agħar taʼ Sodoma u Gomorra. Meta Jehovah semaʼ “l-għajta qawwija taʼ Sodoma u Gomorra,” ma qeridhomx mill-ewwel lil dawk il-bliet u l-abitanti tagħhom. L-ewwel għamel investigazzjoni. (Ġenesi 18:20, 21) Żewġ anġli ntbagħtu lejn Sodoma u marru joqogħdu fid-dar tar-raġel ġust Lot. Fil-lejla li waslu l-anġli, “in-nies tal-belt . . . miż-żgħir sal-kbir, il-poplu kollu minn kull naħa, dawwru d-dar,” għax riedu li jkollhom atti omosesswali maʼ l-anġli. Biċ-ċar, il-kundizzjoni t’għajb taʼ l-abitanti tal-belt uriet li din kien ħaqqha tinqered. Madankollu, l-anġli qalu lil Lot: “Lil min fadallek aktar? Ħatnek, uliedek, subjien u bniet, u kull ma għandek fil-belt, oħroġhom minn dan il-post.” Jehovah fetaħ it-triq biex isalva lil xi wħud mir-residenti taʼ dik il-belt, imma fl-aħħar mill-aħħar, Lot u ż-żewġt ibniet tiegħu biss inħelsu mill-qerda.—Ġenesi 19:4, 5, 12, 16, 23-26.
4, 5. Abraham għala talab għall-abitanti taʼ Sodoma, u kienet il-ħarsa tiegħu lejn in-nies fi qbil maʼ dik taʼ Jehovah?
4 Issa, ejja mmorru lura għaż-żmien meta Jehovah għarraf l-intenzjoni tiegħu li jispezzjona l-bliet taʼ Sodoma u Gomorra. Kien dakinhar li Abraham talab: “U jekk hemm ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jaqaw lil dawn se teqridhom u ma taħfirx lill-pajjiż minħabba l-ħamsin ġust li hemm f’nofsha? Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin, u l-ġust u l-ħażin tmisshom l-istess xorti. Ma jkun qatt minnek, l-imħallef taʼ l-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja.” Abraham uża l-espressjoni “ma jkun qatt minnek” darbtejn. Mill-esperjenza tiegħu, Abraham kien jaf li Jehovah ma kienx se jeqred il-ġusti flimkien mal-ħżiena. Meta Jehovah qal li ma kienx se jeqred lil Sodoma jekk kien hemm “ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt,” Abraham beda jnaqqas ftit ftit in-numru sakemm wasal għal għaxra biss.—Ġenesi 18:22-33.
5 Kien Jehovah se jismaʼ t-talbiet t’Abraham kieku dawn ma kinux fi qbil mal-ħarsa tiegħu stess? Dażgur li le. Bħala l-“ħabib taʼ Alla,” Abraham mid-dehra kien jaf x’kienet il-ħarsa t’Alla u kellu l-istess ħarsa Tiegħu. (Ġakbu 2:23) Meta Jehovah dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn Sodoma u Gomorra, hu kien lest jismaʼ t-talbiet li għamillu Abraham. Għala? Għaliex Missierna tas-sema “ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.”
Il-Ħarsa li Ġona Kellu Lejn in-Nies —Kuntrast Qawwi
6. In-Ninwin kif irreaġixxew għall-proklamazzjoni taʼ Ġona?
6 Issa ikkunsidra t-tieni eżempju—dak taʼ Ġona. Din id-darba l-belt li kienet kundannata biex tinqered kienet Ninwè. Il-profeta Ġona ntqallu biex jipproklama li l-ħażen tal-belt kien ‘telaʼ quddiem Jehovah.’ (Ġona 1:2, NW) Bl-irħula taʼ madwarha inklużi, Ninwè kienet belt kbira, ‘trid tliet ijiem biex timxiha.’ Meta Ġona finalment obda u daħal Ninwè, hu baqaʼ jiddikjara: “Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!” Malli semgħu dan, “in-nies taʼ Ninwè emmnu f’Alla, nedew sawma u libsu x-xkejjer.” Saħansitra, anki s-sultan taʼ Ninwè nidem.—Ġona 3:1-6.
7. Jehovah kif ħares lejn l-attitudni taʼ ndiema li wrew in-Ninwin?
7 X’kuntrast kien dan mal-mod kif wieġbu n-nies taʼ Sodoma! Jehovah kif ħares lejn in-Ninwin li nindmu? Ġona 3:10 jgħid: “U Alla raġaʼ bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux.” Jehovah ‘reġaʼ bdielu’ fis-sens li hu bidel dak li kien se jagħmel lin-Ninwin minħabba li bidlu ħajjithom. Il-livelli t’Alla ma nbidlux, imma Jehovah bidel id-deċiżjoni tiegħu meta ra li n-Ninwin kienu nidmu.—Malakija 3:6.
8. Ġona għala għamel in-nervi?
8 Meta Ġona rrealizza li Ninwè ma kinitx se tinqered, ra hu l-affarijiet mill-ħarsa taʼ Jehovah? Le, għaliex hemm miktub: “Iżda dan xejn li xejn m’għoġbu lil Ġona, u inkorla.” X’għamel iktar Ġona? Ir-rakkont jgħid: “U talab lill-Mulej u qal: ‘Jaħasra, Mulej, m’hux dan kien kliemi meta kont għadni f’pajjiżi? Kien għalhekk li jien għall-ewwel ħrabt lejn Tarsis, għax kont naf li int Alla ħanin u tagħder, tqil biex tinkorla, kollok tjieba u jisgħob bik għad-deni.’” (Ġona 4:1, 2) Ġona kien jaf dwar il-kwalitajiet taʼ Jehovah. Madankollu, dak il-ħin il-profeta għamel in-nervi u ma kellux l-istess ħarsa t’Alla lejn l-abitanti taʼ Ninwè li nidmu.
9, 10. (a) Jehovah x’lezzjoni pprovdielu lil Ġona? (b) Għala nistgħu nassumu li Ġona eventwalment kellu l-ħarsa taʼ Jehovah dwar in-Ninwin?
9 Ġona ħareġ min-Ninwè, bena għarix, u qagħad bil-qiegħda taħtu għad-dell “biex jara x’kien se jiġri mill-belt.” Jehovah ħalla siġra tar-riġnu titlaʼ sabiex tipprovdilu d-dell. Madankollu, l-għada s-siġra nixfet. Meta Ġona inkorla dwar dan, Jehovah qallu: “Inti ġietek ħasra mis-siġra tar-riġnu . . . Mela jiena ma kellix tiġini ħasra minn Ninwè, il-belt il-kbira fejn hemm aktar minn mija u għoxrin elf ruħ li ma jafux jagħżlu bejn il-lemin u x-xellug tagħhom, u fejn hemm ukoll ħafna bhejjem?” (Ġona 4:5-11) X’lezzjoni kienet din għal Ġona rigward il-ħarsa taʼ Jehovah lejn in-nies!
10 It-tweġiba taʼ Ġona għall-istqarrija t’Alla dwar il-mod kif tħassar lin-nies taʼ Ninwè m’hix dokumentata. Madankollu, huwa evidenti li l-profeta bidel il-ħsieb tiegħu dwar in-Ninwin li nidmu. Aħna naslu għal din il-konklużjoni minħabba l-fatt li Jehovah użah biex jikteb dan ir-rakkont ispirat.
Liema Attitudni Għandek Int?
11. Abraham kif x’aktarx kien iħares lejn in-nies li qed jgħixu llum?
11 Illum, aħna qed niffaċċjaw qerda oħra—dik tas-sistema preżenti mill-agħar matul il-jum il-kbir taʼ Jehovah. (Luqa 17:26-30; Galatin 1:4; 2 Pietru 3:10) Kieku Abraham kien ħaj kif kien iħares lejhom in-nies li qed jgħixu f’din id-dinja li dalwaqt se tinqered? Probabbilment kien ikun konċernat dwar dawk li għadhom ma semgħux “l-Evanġelju tas-Saltna.” (Mattew 24:14) Abraham għal darba wara l-oħra talab lil Alla rigward nies li forsi kienu ġusti f’Sodoma. Inħossuna aħna konċernati personalment dwar in-nies li jkunu lesti li jiċħdu l-modi taʼ din id-dinja taħt il-kontroll taʼ Satana jekk jingħataw l-opportunità biex jindmu u jaqdu lil Alla?—1 Ġwann 5:19; Apokalissi 18:2-4.
12. Għala huwa faċli li niżviluppaw attitudni bħal dik taʼ Ġona lejn in-nies li niltaqgħu magħhom fil-ministeru tagħna, u x’nistgħu nagħmlu dwar dan?
12 Huwa xieraq li nixxennqu għat-tmiem tal-ħażen. (Ħabakkuk 1:2, 3) Madankollu, huwa faċli li niżviluppaw attitudni bħal dik taʼ Ġona, u ma jinteressaniex mill-qagħda taʼ dawk li għandhom mnejn jindmu. Dan jistaʼ jiġri speċjalment jekk nibqgħu niltaqgħu maʼ individwi li juru apatija, jopponu, jew saħansitra jkunu aggressivi meta mmorru għandhom bil-messaġġ tas-Saltna. Forsi ninsew lil dawk li Jehovah għad irid jiġbor minn din is-sistema dinjija mill-agħar. (Rumani 2:4) Jekk wara li neżaminaw lilna nfusna naraw li għandna mqar l-inqas traċċa taʼ l-attitudni li Ġona kien wera fil-bidu lejn in-Ninwin, nistgħu nitolbu għall-għajnuna biex il-ħarsa tagħna nibdluha ħalli tkun bħal dik taʼ Jehovah.
13. Għala nistgħu ngħidu li Jehovah hu konċernat dwar in-nies illum?
13 Jehovah hu konċernat dwar dawk li għadhom mhux qed jaqduh, u hu jismaʼ t-talb tan-nies dedikati tiegħu. (Mattew 10:11) Per eżempju, meta jwieġeb it-talb tagħhom hu se ‘jagħmlilhom ħaqq’. (Luqa 18:7, 8) Iktar minn hekk, Jehovah se jwettaq il-wegħdi u l-iskopijiet kollha tiegħu meta jkun il-waqt tiegħu. (Ħabakkuk 2:3) Dan se jinkludi li jneħħi l-ħażen minn fuq l-art, sewwasew bħalma qered lil Ninwè wara li l-abitanti tagħha reġgħu waqgħu fil-ħażen.—Naħum 3:5-7.
14. X’suppost inkunu qegħdin nagħmlu waqt li qed nistennew il-jum il-kbir taʼ Jehovah?
14 Sakemm din is-sistema dinjija mill-agħar tinqered matul il-jum il-kbir taʼ Jehovah, se nibqgħu aħna nistennew bil-paċenzja, u naħdmu iebes biex inwettqu r-rieda tiegħu? Ma nafux id-dettalji dwar kemm għad baqaʼ xogħol taʼ l-ippridkar xi jsir qabel ma jasal il-jum taʼ Jehovah, imma li nafu hu li l-aħbar tajba tas-Saltna se tixxandar fid-dinja kollha sakemm Alla jkun sodisfatt qabel ma jiġi t-tmiem. U żgur li għandna nkunu konċernati dwar il-“ġid kollu” li għad irid jinġabar waqt li Jehovah ikompli jimla d-dar tiegħu bil-glorja.—Ħaggaj 2:7.
Il-Ħarsa Tagħna Hija Evidenti mill-Azzjonijiet Tagħna
15. X’jistaʼ jżid l-apprezzament tagħna għax-xogħol taʼ l-ippridkar?
15 Forsi ngħixu f’komunità fejn ix-xogħol taʼ l-ippridkar ma tantx jiġi milqugħ tajjeb u m’aħniex f’pożizzjoni li mmorru ngħixu fejn hemm iktar bżonn taʼ proklamaturi tas-Saltna. Ejja ngħidu li hemm għaxra fit-territorju tagħna li jridu jinstabu sakemm jasal it-tmiem. Inħossu aħna li dawk l-għaxra jistħoqqilhom li nfittxuhom? Ġesù “tħassarhom” il-folol “għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” (Mattew 9:36) Jekk nistudjaw il-Bibbja u naqraw b’attenzjoni kbira l-artikli fit-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! inkunu nistgħu niksbu dehen akbar dwar l-istat imwiegħer li tinsab fih id-dinja. Imbagħad, dan jistaʼ jżid l-apprezzament tagħna għall-bżonn li nippridkaw l-aħbar tajba. Iktar minn hekk, il-fatt li nużaw b’apprezzament il-materjal ibbażat fuq il-Bibbja provdut mill-“ilsir leali u diskret” jistaʼ jgħinna nkunu iktar persważivi f’territorju li jinħadem spiss.—Mattew 24:45-47, NW; 2 Timotju 3:14-17.
16. Kif nistgħu nagħmlu l-ministeru tagħna iktar effettiv?
16 It-tħassib tagħna għal dawk li forsi għad iwieġbu għall-messaġġ tal-Bibbja li jagħti l-ħajja jqanqalna nikkunsidraw ħinijiet u modi differenti biex inkunu nistgħu navviċinaw lin-nies fit-territorju tagħna. Insibu li ħafna m’humiex id-dar meta nżuruhom? Jekk iva, forsi nistgħu nagħmlu l-ministeru tagħna iktar effettiv billi invarjaw il-ħinijiet u l-postijiet taʼ l-attività taʼ l-ippridkar tagħna. Is-sajjieda jmorru jistadu meta jistgħu jaqbdu l-ħut. Nistgħu nagħmlu xi ħaġa simili fix-xogħol tas-sajd spiritwali tagħna? (Mark 1:16-18) Għala ma tipprovax tippriedka fil-għaxija u tieħu sehem f’għoti taʼ xiehda bit-telefon, fejn dan hu legali? Xi wħud sabu li fil-parking tal-karozzi, ħdejn il-pompi tal-petrol, ħdejn il-vapuri, u fil-ħwienet huma ‘postijiet għas-sajd’ produttivi. L-attitudni tagħna bħal dik t’Abraham lejn in-nies issir evidenti wkoll meta naħtfu kull opportunità biex nagħtu xiehda informali.
17. B’liema modi nistgħu ninkuraġġixxu lill-missjunarji u oħrajn li jaqdu f’pajjiżi barranin?
17 Miljuni għadhom ma semgħux il-messaġġ tas-Saltna. Flimkien maʼ l-ippridkar tagħna, nistgħu aħna nuru interess f’dawn in-nies saħansitra mid-dar tagħna stess? Nafu lil xi missjunarji jew ministri full-time li qed jaqdu f’pajjiżi oħra? Jekk iva, forsi nistgħu niktbulhom xi ittra li turi l-apprezzament tagħna għax-xogħol li qed jagħmlu. Dan kif juri l-interess tagħna fin-nies in ġenerali? L-ittri tagħna taʼ inkuraġġiment u tifħir jistgħu jsaħħu lill-missjunarji biex jibqgħu fl-inkarigu tagħhom, u b’hekk jgħinu lil ħafna iktar nies jiksbu l-għarfien tal-verità. (Mħallfin 11:40) Nistgħu wkoll nitolbu għall-missjunarji u għal dawk li qed jixxennqu għall-verità f’pajjiżi oħra. (Efesin 6:18-20) Mod ieħor kif nistgħu nuru interess hu billi nagħtu donazzjonijiet taʼ flus għax-xogħol taʼ l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja.—2 Korintin 8:13, 14; 9:6, 7.
Tistaʼ Tmur Tgħix Xi Mkien Ieħor?
18. X’għamlu xi Kristjani biex jippromwovu l-interessi tas-Saltna fil-pajjiż fejn jgħixu?
18 Dawk li marru jgħixu xi mkien fejn il-bżonn għal proklamaturi tas-Saltna huwa akbar ġew imberkin għall-isforzi u s-sagrifiċċji mill-qalb tagħhom. Madankollu, Xhieda taʼ Jehovah oħra li jibqgħu f’pajjiżhom tgħallmu xi lingwa oħra sabiex ikunu t’għajnuna spiritwali għall-immigranti. Dawn l-isforzi ġew tabilħaqq premjati. Per eżempju, sebaʼ Xhieda li kienu qed jgħinu lin-nies Ċiniżi f’belt ġewwa Texas, fl-Istati Uniti, laqgħu 114-il individwu għall-osservanza taʼ l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej fis-sena 2001. Dawk li jgħinu gruppi bħal dawn sabu l-għelieqi tagħhom lesti għall-ħsad.—Mattew 9:37, 38.
19. X’inhu rrikkmandat li tagħmel jekk tkun qed tikkunsidra li tmur tgħix f’pajjiż barrani biex tgħin fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna hemmhekk?
19 Forsi int u l-familja tiegħek tħossu li tistgħu tmorru tgħixu xi mkien fejn il-bżonn għall-predikaturi tas-Saltna huwa akbar. M’għandniex xi ngħidu, l-ewwelnett huwa għaqli li ‘toqgħod bil-qiegħda u tqis in-nefqa.’ (Luqa 14:28) Dan huwa minnu speċjalment jekk xi ħadd qed jaħseb biex imur jgħix f’pajjiż barrani. Kulmin jikkunsidra din il-possibbiltà jagħmel tajjeb jekk jistaqsi lilu nnifsu mistoqsijiet bħal dawn: ‘Inkun nistaʼ nieħu ħsieb il-familja tiegħi? Nistaʼ nakkwista visa xierqa? Jien diġà naf bil-lingwa tal-pajjiż, jew lest jien li nitgħallimha? Ħsibt dwar il-klima u l-kultura? Nistaʼ jien verament inkun “taʼ faraġ kbir” u mhux taʼ piż għal sħabi fit-twemmin f’dak il-pajjiż?’ (Kolossin 4:10, 11) Sabiex issir taf kemm hemm bżonn f’dak il-pajjiż li int qed tippjana li tmur tgħix fih, huwa dejjem xieraq li tikteb lill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah li jieħu ħsieb l-ippridkar f’dak il-pajjiż.a
20. Wieħed żagħżugħ Kristjan kif ta sehmu għall-benefiċċju taʼ sħabu fit-twemmin u oħrajn f’pajjiż barrani?
20 Kristjan wieħed li huwa involut fil-bini taʼ Swali tas-Saltna fil-Ġappun sar jaf li kien hemm bżonn taʼ ħaddiema tas-sengħa biex jibnu post għall-qima fil-Paragwaj. Peress li m’huwiex miżżewweġ u huwa żagħżugħ mimli enerġija, hu mar jgħix f’dak il-pajjiż u ħadem għal tmien xhur bħala l-uniku ħaddiem full-time fuq il-proġett. Matul il-perijodu li dam hemm, hu tgħallem l-Ispanjol u kkonduċa studji tal-Bibbja fid-djar. Hu setaʼ jara l-bżonn għal proklamaturi tas-Saltna fil-pajjiż. Għalkemm irritorna lejn il-Ġappun, hu ma damx ma mar lura l-Paragwaj u għen biex jiġbor lin-nies f’dik l-istess Sala tas-Saltna.
21. X’għandu jkun l-interess prinċipali u l-ħarsa tagħna waqt li nistennew il-jum il-kbir taʼ Jehovah?
21 Alla se jagħmel żgur li x-xogħol taʼ l-ippridkar jitwettaq għalkollox, fi qbil mar-rieda tiegħu. Illum, hu qed iħaffef l-aħħar ħsad spiritwali. (Isaija 60:22) Mela, waqt li nistennew il-jum taʼ Jehovah ejja nieħdu sehem b’mod żeluż fix-xogħol tal-ħsad u nħarsu lejn in-nies bħalma jħares lejhom Alla tagħna kollu mħabba.
[Nota taʼ taħt]
a M’huwiex dejjem t’għajnuna li taqbad u tmur tgħix f’pajjiż fejn ix-xogħol taʼ l-ippridkar huwa projbit jew ristrett. Dan jistaʼ saħansitra jkun taʼ ħsara għall-pubblikaturi tas-Saltna li jkunu qed jaħdmu bil-għaqal f’dawn iċ-ċirkustanzi.
Tiftakar Int?
• Waqt li qed nistennew il-jum taʼ Jehovah, kif għandna nħarsu lejn in-nies?
• X’kienet il-ħarsa t’Abraham lejn dawk il-ġusti li setgħu kienu qed jgħixu f’Sodoma?
• Ġona kif ħares lejn in-nies li nidmu f’Ninwè?
• Kif nistgħu nuru li aħna għandna l-istess ħarsa li Jehovah għandu lejn in-nies li għadhom ma semgħux l-aħbar tajba?
[Stampa f’paġna 16]
Abraham ħares lejn in-nies bħalma jħares lejhom Jehovah
[Stampa f’paġna 17]
Ġona beda jkollu l-istess ħarsa li Jehovah kellu lejn in-Ninwin li nidmu
[Stampi f’paġna 18]
It-tħassib għan-nies iqanqalna nikkunsidraw ħinijiet u modi differenti biex nippridkaw l-aħbar tajba