Kapitlu 2
Faħħar bil-Kbir lil Jehovah Bħala Dak Alla Veru
1. (a) Min hu dak Alla veru? (b) Hekk kif nitgħallmu dwaru, ħajjietna stess kif għandhom jiġu effettwati?
LIL SĦABU Kristjani l-appostlu Pawlu kitbilhom li, avolja hemm ħafna li huma msejħin allat, “hemm attwalment għalina Alla wieħed il-Missier . . . u hemm Mulej wieħed, Ġesù Kristu.” (1 Kor. 8:5, 6) Dak “Alla wieħed” li għalih Pawlu rrefera hu Jehovah, il-Ħallieq taʼ l-affarijiet kollha. (Dewt. 6:4; Riv. 4:11) Persuni li japprezzaw u li jitgħallmu dwar il-kwalitajiet tiegħu u dwar l-affarijiet li hu għamel għall-umanità jsibu rwieħhom miġbudin lejh b’mod irreżistibbli. B’liema riżultat? Huwa biss naturali għalihom li jfaħħru bil-kbir lill-Wieħed li huma tant jammiraw profondament, billi jagħmlu dan kemm bil-kliem u kemm bil-għemejjel. Hekk kif l-imħabba tagħhom lejn Alla tikber, iħossuhom imġegħlin jgħidu lil oħrajn dwaru, u sal-punt possibbli għalihom bħala bnedmin iridu jimitawh. Il-Bibbja tinkuraġġixxi lilna lkoll biex nagħmlu dak, billi tgħid: “Siru imitaturi t’Alla, bħala tfal maħbubin, u ibqgħu mexjin bl-imħabba.” (Ef. 5:1, 2) Biex napplikaw dak il-parir, neħtieġu li nsiru nafu lil Jehovah bħalma verament hu.
IT-TIP TAʼ PERSUNA LI HU JEHOVAH
2. X’inhuma ftit mill-kwalitajiet li jispikkaw t’Alla li jqanqluna biex infaħħruh?
2 Fil-Bibbja kollha kemm hi jinstabu bosta stqarrijiet diretti li jidentifikaw il-kwalitajiet li jispikkaw t’Alla. Meta taqra dawn, ħu l-ħin biex taħseb dwar x’inhuma tassew il-kwalitajiet u kemm huma importanti għalik. Per eżempju: “Alla hu mħabba.” (1 Ġwn. 4:8) “Il-mogħdijiet tiegħu kollha huma ġustizzja.” (Dewt. 32:4) ‘Miegħu hemm l-għerf.’ (Ġob 12:13) Hu “vigoruż fil-qawwa.” (Isa. 40:26) Hekk kif tirrifletti fuq dawn l-attributi, m’intix int imqanqal, minn ammirazzjoni lejn Alla, biex tfaħħru?
3. Liema aspetti oħrajn tal-personalità taʼ Jehovah jappellaw ħafna?
3 Billi tkompli tgħarrafna dwar il-personalità li tappella tiegħu, il-Bibbja tgħidilna li Jehovah hu “Alla mimli ħniena u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba u fil-verità.” (Eżo. 34:6) “Int, O Jehovah, tajjeb u lest li taħfer.” (Salm 86:5) “Inkwantu għal Jehovah, għajnejh qegħdin iżebbġu maʼ l-art kollha biex juri saħħtu f’isem dawk li qalbhom hija sħiħa lejh.” (2 Kron. 16:9) “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens il-bniedem li jibżaʼ minnu u jaħdem it-tjieba hu aċċettabbli għalih.” (Atti 10:34, 35) Jehovah “jagħti b’mod ġeneruż” u hu “dak Alla hieni.” (Ġak. 1:5; 1 Tim. 1:11) Kemm huwa rifreskanti li taqdi lil dan Alla li ma jistaʼ jiġi mqabbel maʼ ħadd u li ġġarrab l-attenzjoni kollha mħabba tiegħu!
4. (a) Jehovah jirrikjedi liema tip taʼ devozzjoni, u dan kemm huwa importanti? (b) Salm 34:3 f’liema ħaġa jistedinna biex nieħdu sehem?
4 Konsistenti maʼ l-attributi tiegħu huwa l-fatt li hu ‘Alla li jesiġi devozzjoni esklussiva.’ (Eżo. 20:5) Biex naqduh b’mod aċċettabbli rridu nagħtuh id-devozzjoni sħiħa tagħna. Ma nistgħux inħobbu wkoll lid-dinja li alla tagħha huwa Satana. (1 Ġwn. 2:15-17; 2 Kor. 4:3, 4) Jehovah jinduna b’min hu biss taparsi tajjeb. Jaf għalkollox mhux biss dak li nagħmlu imma wkoll kif inħossuna dwar dak li nagħmlu u x’tip taʼ persuni qegħdin nipprovaw inkunu. Jekk verament inħobbu t-tjieba, hu jgħinna. (Ġer. 17:10; Prov. 15:9) Minħabba t-tip taʼ persuna li hu Jehovah, miljuni taʼ nies madwar l-art jaċċettaw bil-ferħ l-istedina tas-salmista tal-Bibbja li kiteb: “Faħħru bil-kbir lil Jehovah miegħi, u ejjew neżaltaw lil ismu flimkien.” (Salm 34:3) Int wieħed minnhom?
5. X’se jgħinna biex nibbenefikaw bis-sħiħ mill-istudju tagħna dwar il-personalità taʼ Jehovah?
5 Ix-xewqa tiegħek li titkellem dwar Alla ssir iktar profonda, u tkun mgħejjun ħafna fl-isforzi tiegħek biex timitah jekk teżamina mill-qrib il-kwalitajiet sublimi tiegħu. Skopri (1) eżattament x’inhi kull kwalità, forsi dak li jagħmilha differenti minn kwalitajiet oħrajn, (2) kif Jehovah urieha biċ-ċar u lil min, u (3) kif int tistaʼ turiha jew kif għandha teffettwa l-opinjoni tiegħek.
6. Billi tuża l-imħabba bħala eżempju, uri kif tistaʼ teżamina l-kwalitajiet taʼ Jehovah. Agħmel dan billi twieġeb il-mistoqsijiet fl-aħħar taʼ dan il-paragrafu, u billi tinkludi xi skritturi fit-tweġibiet tiegħek.
6 Ikkunsidra hawnhekk sempliċement eżempju wieħed. Meta l-Bibbja tgħid, “Alla hu mħabba,” xi trid tfisser? (1 Ġwn. 4:8) Hemm, m’għandniex xi ngħidu, diversi tipi taʼ mħabba. Il-kelma Griega wżata f’dan it-test hija a·gaʹpe, li tirreferi għall-ogħla forma taʼ mħabba, murija bħala eżempju fil-persuna taʼ Jehovah innifsu. Imħabba bħal din hija espressjoni taʼ nuqqas assolut t’egoiżmu. Billi żżomm dan f’moħħok, fassal it-tweġibiet tiegħek stess għall-mistoqsijiet t’hawn taħt, billi tuża l-iskritturi ċċitati.
Din il-kwalità kif inhi murija fix-xogħlijiet taʼ ħolqien taʼ Jehovah? (Atti 14:16, 17)
Liema huwa l-iktar eżempju li jispikka taʼ l-imħabba li Jehovah għandu lejn il-bnedmin? (Ġwn. 3:16) Kien minħabba t-tjubija tal-bniedem li Jehovah għamel dan? (Rum. 5:8)
Dak li Jehovah għamel permezz taʼ Ibnu kif għandu jinfluwenza l-mod taʼ kif nużaw ħajjietna? (2 Kor. 5:14, 15, 18, 19)
Bħala Kristjani b’liema modi nistgħu aħna nuru li għandna l-istess tip taʼ mħabba lejn Kristjani sħabna? (1 Kor. 13:4-7; 1 Ġwn. 4:10, 11; 3:16-18)
Lejn min iktar għandna nuru mħabba, u kif? (Matt. 5:43-48; 28:19, 20; Gal. 6:10)
7. Fl-istudju persunali tiegħek, kif tistaʼ ssib materjal simili dwar kwalitajiet oħrajn taʼ Jehovah?
7 Tixtieq int ukoll tesplora xi kwalitajiet oħrajn taʼ Jehovah? Bħala bidu, fl-istudju persunali għax ma tipprovax il-“ġustizzja” u l-“għerf,” imbagħad forsi l-“qalb tajba bl-imħabba” u l-“ħniena.” Bl-użu taʼ l-indiċi tal-pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower u konkordanza tal-Bibbja, se ssib għana taʼ materjal li jdawwal.
GĦIN LIL OĦRAJN JITGĦALLMU
L-VERITÀ DWAR ALLA
8. (a) In-nies tad-dinja jaduraw liema allat? (b) Min hemm wara din il-konfużjoni kollha, u għala tgħid hekk?
8 B’oppożizzjoni lejn il-qima taʼ Dak Alla veru, litteralment miljuni t’allat oħrajn huma meqjumin mill-bnedmin. Fir-rabaʼ seklu, il-Kristjaneżmu adotta t-twemmin tat-“Trinità,” li kien mgħallem mill-Babilonjani, mill-Eġizzjani, mill-Ħindu u mill-Buddisti qabel dak iż-żmien. Minbarra din l-idea dwar Alla, hemm ħakkiema potenti, atleti li jispikkaw u kantanti li ġew mogħtijin qima bħal allat. Il-flus, il-persuna nfisha u s-sess ukoll saru allat li jiġu mogħtijin devozzjoni ferventi. Min hemm wara dan kollu? “L-alla taʼ din is-sistema t’affarijiet,” Satana x-Xitan. (2 Kor. 4:4; 1 Kor. 10:20) B’kull mezz qarrieq li jistaʼ jiġi vvintat, huwa jipprova jdawwar lin-nies ’il bogħod minn Jehovah, jew għall-inqas jaqsam id-devozzjoni tagħhom.
9. Liema huwa l-aħjar mod biex tgħin lil kwalunkwe persuna ħalli titgħallem il-verità dwar Alla?
9 Kif nistgħu aħna ngħinu lil persuni bħal dawn, kemm lil dawk li jgħidu li huma Kristjani u kemm lil oħrajn, biex ikunu jafu l-verità dwar Alla? Wieħed mill-iktar modi mill-aħjar huwa li turihom b’manjiera li tkun t’għajnuna dak li l-Bibbja nfisha tgħid dwar l-identità taʼ dak Alla veru u t-tip taʼ persuna li hu. Imbagħad jeħtieġ li nappoġġjaw dan b’kondotta li tirrifletti kwalitajiet divini fil-ħajjiet tagħna stess.—1 Piet. 2:12.
10. Meta nitkellmu maʼ wieħed li jemmen fit-“Trinità,” għala m’huwiex għaqli li nassumu li nafu eżattament x’jemmen?
10 Imma xi ngħidu jekk xi ftit li huma membri tal-knejjes tal-Kristjaneżmu jħaqquha miegħek, billi jsostnu li t-twemmin tagħhom fit-“Trinità” huwa Skritturali? L-ewwelnett, irrealizza li, għalkemm hemm stqarrijiet uffiċċjali dwar id-duttrina tat-“Trinità,” ħafna persuni għandhom l-ideat tagħhom stess. Stedinhom biex jesprimu rwieħhom, u mbagħad għinhom iqabblu t-twemmin tagħhom maʼ dak li hemm fil-Bibbja tagħhom stess. Maż-żmien, inkuraġġihom ukoll biex iqabblu t-tagħlim uffiċċjali tal-knisja mal-Kelma t’Alla.
11. Billi tieħu biss wieħed mill-ħames punti prinċipali kull darba, uża l-mistoqsijiet u l-iskritturi mniżżlin f’dan il-paragrafu biex tirraġuna dwar kemm m’hijiex skritturali d-duttrina tat-“Trinità.”
11 Billi għandek f’moħħok ix-xewqa li tgħin lil persuni sinċieri, ikkunsidra kif tistaʼ tuża t-testi mniżżlin hawn taħt biex tirraġuna fuq il-punti li magħhom dawn l-iskritturi huma murijin:
(1) Xi wħud li jemmnu fit-“Trinità” jenfasizzaw l-idea li hemm tliet Persuni divini (il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu) imma biss Alla wieħed.
Imma jindika Atti 2:4, 17 li l-“Ispirtu s-Santu,” jew “spirtu qaddis,” hu persuna?
Għala huwa t’għajnuna li tinnota kemm-il persuna ssir referenza għaliha f’kull waħda mill-iskritturi li ġejjin? (Ġwn. 17:20-22; Atti 7:56; Riv. 7:10)
(2) Xi wħud jemmnu li l-membri kollha tat-“Trinità” huma taʼ glorja ugwali, li ebda wieħed minnhom m’hu akbar jew inqas minn ieħor, li huma kougwali kif ukoll koeterni.
Taqbel l-Iskrittura maʼ dan? (Għat-tweġiba, ara Ġwann 14:28; Mattew 24:36; Rivelazzjoni 3:14.)
(3) Xi nies jippontaw lejn Ġwann 1:1 bħala prova tat-“Trinità.” Jargumentaw li hawnhekk it-test Grieg m’għandux artiklu indefinit (“wieħed”) u li l-iskrittura trid għalhekk tinqara: “il-Kelma kienet Alla,” minflok “wieħed alla.”
Imma kemm-il persuna tissemma fi Ġwann 1:1? Tlieta? Jew tnejn? Ġwann 1:18 kif inhu f’konflitt ukoll mad-duttrina tat-“Trinità”?
Huwa minnu li l-Grieg m’għandux artiklu indefinit, imma ħafna ilsna għandhom, u dan jiġi wżat f’dawk l-ilsna sabiex jesprimi l-ħsibijiet b’mod korrett. Jekk xi ħadd iħoss li huwa żbaljat li tuża l-artiklu indefinit meta tittraduċi Ġwann 1:1, ikun hu jrid ukoll iħallih barra f’Atti 28:6 skond il-King James Version u oħrajn? (Mod ieħor li tittraduċi Ġwann 1:1, bħalma huwa muri f’An American Translation, huwa “l-Kelma kienet divina,” jiġifieri, hu kellu l-istess kwalitajiet divini li għandu Alla.)
(4) Dawk li jemmnu fit-“Trinità” jargumentaw ukoll li f’Ġenesi 1:1, 26 il-kelma Ebrajka tradotta “Alla” hija El·o·himʹ u li din hija l-plural fl-Ebrajk u attwalment tfisser “Allat.”
Dak għala ma jappoġġjax it-tagħlim taʼ tliet Persuni divini f’“Alla wieħed”?
Jekk din tindika “Trinità” f’Ġenesi 1:1, x’tindika din f’Imħallfin 16:23, li juża el·o·himʹ għal “alla,” bil-verb Ebrajk fis-singular, u mhux fil-plural?
Għala hija l-forma fil-plural t’Alla wżata f’dawn it-testi fl-Ebrajk? Dan huwa mod wieħed li l-Ebrajk jagħti l-idea t’eċċellenza jew maestà. Kieku iktar minn persuna waħda kienet involuta, kieku l-verbi li jakkumpanjaw kienu wkoll ikunu fil-plural, imma fil-postijiet imsemmijin hawn fuq m’humiex.
(5) Minħabba l-enfasi li l-knejjes poġġew fuq Ġesù (flimkien mal-fatt li l-isem Jehovah ġie mneħħi minn ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja), xi persuni jaħsbu biss dwar Ġesù meta jissemma Alla.
Imma f’dik li hi qima Ġesù liema eżempju pprovda għalina biex nimitawh? (Luqa 4:8)
12. Ġesù għala b’mod xieraq indirizza lil Missieru bħala “l-uniku Alla veru”?
12 Għalkemm l-Iskrittura titkellem dwar Ġesù bħala “wieħed alla,” saħansitra “Alla Setgħan,” madankollu hu faħħar bil-kbir lil Missieru, billi rrefera għalih bħala “Alla tiegħi u Alla tagħkom.” (Ġwn. 1:1; 20:17; Isa. 9:6) Hu qabel maʼ Mosè, li iktar kmieni kien stqarr: “Jehovah hu dak Alla veru; m’hemmx ieħor għajru.” (Dewt. 4:35) Jehovah qiegħed f’kuntrast assolut m’oġġetti taʼ qima bħal idoli, bnedmin dejifikati u Satana x-Xitan. F’kuntrast maʼ l-affarijiet kollha, Jehovah hu, bħalma sejjaħlu Ġesù, “l-uniku Alla veru.”—Ġwn. 17:3.
‘IMXI FL-ISEM TAʼ JEHOVAH’
13, 14. X’inhu involut f’li tkun ‘taf’ u li ‘timxi’ f’isem Jehovah?
13 Wara snin sħaħ taʼ konfużjoni rigward l-identità t’Alla, ħafna persuni jsibuha eċċitanti meta għall-ewwel darba jaraw l-isem persunali t’Alla, Jehovah, fil-Bibbja tagħhom. (Eżo. 6:3) Imma dawn se jkollhom il-benefiċċju dejjiemi b’dan l-għarfien jekk biss ‘jimxu f’isem Jehovah għal dejjem.’ (Mik. 4:5) Dan jinvolvi ħafna iktar milli sempliċement ikunu jafu l-isem taʼ Jehovah jew li jistqarru li huma Xhieda taʼ Jehovah.
14 Rigward is-sinjifikat taʼ l-isem t’Alla, Salm 9:10 jistqarr: “Dawk li jafu lil ismek se jafdaw fik, . . . O Jehovah.” Dak x’jinvolvi? Jinvolvi iktar milli tkun taf biss l-isem Jehovah, li ma jfissirx awtomatikament li tafda f’Jehovah. Li tkun ‘taf’ l-isem t’Alla hawnhekk ifisser li tapprezza t-tip t’Alla li Jehovah hu, tirrispetta l-awtorità tiegħu, tobdi l-kmandi tiegħu. B’mod simili, li ‘timxi f’isem Jehovah’ jimplika li tkun iddedikat lejh u li tirrappreżentah bħala wieħed mill-adoraturi tiegħu, li tassew tkun qiegħed tuża ħajtek f’armonija mar-rieda t’Alla. (Luqa 10:27) Qiegħed int tagħmel dak?
15. Liema ħaġa, minbarra sens taʼ dover, hija meħtieġa jekk se naqdu lil Jehovah għal dejjem?
15 Jekk se naqdu lil Jehovah għall-eternità, iktar minn sens taʼ dover irid iqanqalna. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil Timotju, li kien diġà ilu jaqdi lil Jehovah għal bosta snin: “Kun qiegħed tħarreġ lilek innifsek bid-devozzjoni lejn Alla bħala l-mira tiegħek.” (1 Tim. 4:7) Id-devozzjoni tiġi mill-qalb; titqanqal mill-apprezzament lejn il-persuna li lejha d-devozzjoni hija diretta. Id-“devozzjoni lejn Alla” hija rispett profond lejn Jehovah personalment. Turi rabta taʼ mħabba miegħu minħabba apprezzament lejh u lejn il-mogħdijiet tiegħu. Iġġegħilna nkunu rridu li kulħadd iżomm lil ismu bi stima għolja. Irridu nikkultivaw “devozzjoni lejn Alla” bħala l-għan jew il-mira f’ħajjietna jekk se nimxu f’isem Jehovah, dak Alla veru, għal dejjem.—Salm 37:4; 2 Piet. 3:11.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● X’tip taʼ persuna hu Jehovah? Kif nibbenefikaw billi niksbu fehma ċara dwar kull waħda mill-kwalitajiet tiegħu?
● Kif nistgħu ngħinu lil nies oħrajn biex jitgħallmu l-verità dwar Alla?
● X’hemm involut f’li tkun ‘taf’ lil Jehovah u li ‘timxi f’ismu’?