Meta Ġesù Jiġi Fil-Glorja tas-Saltna
“Xi wħud minn dawk li qegħdin hawn . . . ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw Bin il-bniedem ġej fis-Saltna tiegħu.”—MATTEW 16:28.
1, 2. X’ġara ftit wara Pentekoste tas-sena 32 E.K., u x’kien l-iskop taʼ l-avveniment?
FTIT wara Pentekoste tas-sena 32 E.K., tlieta mill-appostli taʼ Ġesù Kristu raw viżjoni memorabbli. Skond il-kitba mnebbħa, “Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom.”—Mattew 17:1, 2.
2 Il-viżjoni tat-trasfigurazzjoni ġiet fi żmien kritiku. Ġesù kien beda jgħid lis-segwaċi tiegħu li kien se jbati u jmut f’Ġerusalemm, imma huma sabu kliemu diffiċli biex jifhmuh. (Mattew 16:21-23) Il-viżjoni saħħet il-fidi tat-tliet appostli bi tħejjija għall-mewt tiegħu li kienet riesqa u wkoll għas-snin taʼ xogħol u provi ibsin li l-kongregazzjoni Kristjana kellha quddiemha. Nistgħu aħna llum nitgħallmu xi ħaġa mill-viżjoni? Iva, għaliex dak li ffigurat bil-quddiem attwalment iseħħ fi żmienna.
3, 4. (a) X’qal Ġesù sitt ijiem qabel it-trasfigurazzjoni? (b) Iddeskrivi x’ġara waqt it-trasfigurazzjoni.
3 Sitt ijiem qabel it-trasfigurazzjoni, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja taʼ Missieru flimkien maʼ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel.” Dan il-kliem kellu jitwettaq fi “tmiem id-dinja.” Ġesù stqarr ukoll: “Tassew, ngħidilkom, li hawn xi wħud minn dawk li qegħdin hawn, li ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw Bin il-bniedem ġej fis-Saltna tiegħu.” (Mattew 16:27, 28; 24:3; 25:31-34, 41; Danjel 12:4) It-trasfigurazzjoni seħħet bi twettiq taʼ dan il-kliem taʼ l-aħħar.
4 X’raw eżattament it-tliet appostli? Din li ġejja hi d-deskrizzjoni taʼ l-avveniment minn Luqa: “Ġara li huwa u jitlob, id-dehra taʼ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru taʼ bjuda li tgħammex. U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem taʼ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm.” Imbagħad, “ġiet sħaba u għattiethom [l-appostli] u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstamaʼ leħen jgħid: ‘Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu.’”—Luqa 9:29-31, 34, 35.
Il-Fidi Msaħħa
5. It-trasfigurazzjoni x’effett kellha fuq l-appostlu Pietru?
5 L-appostlu Pietru kien diġà identifika lil Ġesù bħala “l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” (Mattew 16:16) Il-kliem taʼ Jehovah mis-sema kkonferma dik l-identifikazzjoni, u l-viżjoni taʼ Ġesù trasfigurat kienet dewqien bil-quddiem tal-miġja taʼ Kristu bil-qawwa u l-glorja tas-Saltna, biex eventwalment jiġġudika lill-bnedmin. Iktar minn 30 sena wara t-trasfigurazzjoni, Pietru kiteb: “Aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafniekom dwar il-qawwa taʼ Sidna Ġesù Kristu u dwar il-miġja tiegħu. Rajna b’għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu meta hu ħa mingħand Alla l-Missier ġieħ u sebħ, u leħen mit-Tron Glorjuż instemaʼ jgħid għalih: ‘Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq.’ Aħna smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa.”—2 Pietru 1:16-18; 1 Pietru 4:17.
6. Il-ġrajjiet kif żviluppaw wara t-trasfigurazzjoni?
6 Illum, il-fidi tagħna wkoll tiġi msaħħa b’dak li raw it-tliet appostli. M’għandniex xi ngħidu, l-affarijiet imxew ’il quddiem mis-sena 32 E.K. ’l hawn. Is-sena taʼ wara, Ġesù miet u ġie rxoxtat, u telaʼ għal fuq il-lemin taʼ Missieru. (Atti 2:29-36) F’Pentekoste taʼ dik is-sena, l-“Iżrael [ġdid] taʼ Alla” ġie fformat, u bdiet kampanja taʼ ppridkar li kellha l-bidu f’Ġerusalemm u iktar tard infirxet sa truf l-art. (Galatin 6:16; Atti 1:8) Kważi mill-ewwel il-fidi tas-segwaċi taʼ Ġesù tpoġġiet taħt prova. L-appostli ġew arrestati u msawtin bl-aħrax għaliex irrifjutaw li jieqfu jippridkaw. Ftit wara Stiefnu ngħata l-mewt. Imbagħad Ġakbu, wieħed minn dawk li raw b’għajnejhom stess it-trasfigurazzjoni, ġie maqtul. (Atti 5:17-40; 6:8–7:60; 12:1, 2) Pietru u Ġwanni, madankollu, baqgħu ħajjin biex jaqdu lil Jehovah għal ħafna iżjed snin. Fil-fatt, lejn tmiem l-ewwel seklu E.K., Ġwanni niżżel bil-miktub iżjed viżjonijiet fejn Ġesù jidher fil-glorja tas-sema.—Apokalissi 1:12-20; 14:14; 19:11-16.
7. (a) Il-viżjoni tat-trasfigurazzjoni meta bdiet titwettaq? (b) Ġesù meta radd lil xi wħud skond ma għamlu?
7 Minn mindu beda “jum il-Mulej” fl-1914, twettqu ħafna mill-viżjonijiet li ra Ġwanni. (Apokalissi 1:10) Xi ngħidu dwar ‘il-miġja taʼ Ġesù fil-glorja taʼ Missieru,’ bħalma ġie ffigurat bil-quddiem mit-trasfigurazzjoni? Din il-viżjoni bdiet titwettaq mat-twelid tas-Saltna tas-sema t’Alla fl-1914. Meta Ġesù, bħal kewkba taʼ fil-għodu, daħal fix-xena internazzjonali bħala s-Sultan appena ġie mogħti t-tron, dak kien, bħal li kieku, iż-żerniq taʼ jum ġdid. (2 Pietru 1:19; Apokalissi 11:15; 22:16) Raddilhom Ġesù f’dak iż-żmien lil xi wħud skond ma kienu għamlu? Iva. Hemm evidenza qawwija li ftit wara beda l-irxoxt taʼ Kristjani midlukin għas-sema.—2 Timotju 4:8; Apokalissi 14:13.
8. Liema ġrajjiet se jimmarkaw il-qofol tat-twettiq tal-viżjoni tat-trasfigurazzjoni?
8 Dalwaqt, iżda, Ġesù se jiġi “fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu” sabiex jiġġudika lill-bnedmin kollha. (Mattew 25:31) F’dak iż-żmien, se jirrivela lilu nnifsu fil-glorja taʼ l-għaġeb kollha tiegħu u jagħti lil “kull wieħed” ħlas xieraq għal dak li jkun għamel. Uħud bħal ngħaġ se jirtu ħajja taʼ dejjem fis-Saltna mħejjija għalihom, u wħud bħal mogħoż se jmorru għall-“kastig taʼ dejjem.” X’konklużjoni splendida se tkun dik għat-twettiq tal-viżjoni tat-trasfigurazzjoni!—Mattew 25:34, 41, 46; Mark 8:38; 2 Tessalonikin 1:6-10.
L-Imseħbin Igglorifikati Taʼ Ġesù
9. Għandna nistennew li Mosè u Elija jkunu maʼ Ġesù fit-twettiq tal-viżjoni tat-trasfigurazzjoni? Spjega.
9 Ġesù ma kienx waħdu fit-trasfigurazzjoni. Mosè u Elija dehru miegħu. (Mattew 17:2, 3) Kienu huma preżenti litteralment? Le, għax it-tnejn li huma sa dak iż-żmien kienu ilhom mejtin u kienu reqdin fit-trab jistennew irxoxt. (Koħèlet 9:5, 10; Lhud 11:35) Se jidhru huma maʼ Ġesù meta jiġi fil-glorja tas-sema? Le, għaliex Mosè u Elija kienu jgħixu qabel ma ġiet ippreżentata t-tama għas-sema lill-bnedmin. Huma se jkunu parti mill-‘qawmien tat-tajbin’ għal fuq l-art. (Atti 24:15) Mela d-dehra tagħhom fil-viżjoni tat-trasfigurazzjoni hi simbolika. Taʼ liema ħaġa?
10, 11. Mosè u Elija taʼ min jagħtu stampa f’kuntesti differenti?
10 F’kuntesti oħra, Mosè u Elija huma figuri profetiċi. Bħala medjatur tal-patt tal-Liġi, Mosè ffigura bil-quddiem lil Ġesù, il-Medjatur tal-patt il-ġdid. (Dewteronomju 18:18; Galatin 3:19; Lhud 8:6) Elija ffigura bil-quddiem lil Ġwanni l-Battista, prekursur tal-Messija. (Mattew 17:11-13) Iktar minn hekk, fil-kuntest t’Apokalissi kapitlu 11, Mosè u Elija jiffiguraw bil-quddiem lill-fdal midluk fiż-żmien tat-tmiem. Dan kif nafuh?
11 Sewwa, iftaħ Apokalissi 11:1-6. Fil-vers 3 naqraw: “Liż-żewġ xhieda tiegħi nagħtihom li, bl-ilbies tax-xkejjer fuqhom, iħabbru għal elf, mitejn u sittin jum.” Din il-profezija twettqet fuq il-fdal taʼ Kristjani midlukin matul l-Ewwel Gwerra Dinjija.a Għala żewġ xhieda? Għaliex il-fdal midluk iwettaq xogħlijiet li, b’mod spiritwali, jixbhu lil dawk taʼ Mosè u Elija. Versi 5 u 6 jissoktaw jgħidu: “Jekk xi ħadd jaqbad biex jagħmlilhom ħsara [liż-żewġ xhieda], joħroġ nar minn fommhom li jiblaʼ l-għedewwa tagħhom. Jekk xi ħadd ikun irid jagħmlilhom ħsara, hekk ikollu jinqered. Huma għandhom is-setgħa jagħlqu s-sema biex ma tagħmilx xita matul il-jiem li fihom ikunu qegħdin iħabbru; għandhom is-setgħa fuq l-ilmijiet biex ibiddluhom f’demm, u li, kull meta jridu, jidorbu l-art b’kull kastig.” B’hekk, niġu mfakkrin f’mirakli li saru minn Elija u Mosè.—Numri 16:31-34; 1 Slaten 17:1; 2 Slaten 1:9-12.
12. Fil-kuntest tat-trasfigurazzjoni, min jiġi ffigurat minn Mosè u Elija?
12 Mosè u Elija lil min, mela, jiffiguraw bil-quddiem fil-kuntest tat-trasfigurazzjoni? Luqa jgħid li huma dehru flimkien maʼ Ġesù “fil-glorja.” (Luqa 9:31) Jidher ċar li huma jiffiguraw bil-quddiem lill-Kristjani li ġew midlukin bi spirtu qaddis bħala “werrieta” bi sħab maʼ Ġesù u li minħabba f’dan ħadu t-tama meraviljuża li jkunu “gglorifikati” flimkien miegħu. (Rumani 8:17) Uħud midlukin irxoxtati se jkunu maʼ Ġesù meta jiġi fil-glorja taʼ Missieru biex “irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel.”—Mattew 16:27.
Xhieda Bħal Mosè u Elija
13. Liema fatturi jimmarkaw lil Mosè u Elija bħala stampi profetiċi xierqa tal-werrieta midlukin sħab Ġesù gglorifikati miegħu?
13 Hemm fatturi notevoli li jimmarkaw lil Mosè u Elija bħala stampi profetiċi xierqa tal-werrieta sħab midlukin taʼ Ġesù. Kemm Mosè u kemm Elija qdew bħala l-kelliema taʼ Jehovah għal ħafna snin. It-tnejn li huma ffaċċjaw il-korla taʼ xi ħakkiem. Fi żmien taʼ bżonn, kull wieħed minnhom ġie mgħejjun minn familja stranġiera. It-tnejn li huma pprofetizzaw bi qlubija lil slaten u żammew sod kontra l-profeti foloz. Mosè u Elija t-tnejn raw turijiet tal-qawwa taʼ Jehovah fuq il-Muntanja Sinaj (imsejħa wkoll Ħoreb). It-tnejn li huma ħatru suċċessuri fuq in-naħa tal-Lvant tal-Ġordan. U kemm fi żmien Mosè (maʼ Ġożwè) u kemm fi żmien Elija (maʼ Eliżew) saru l-akbar għadd taʼ mirakli, apparti minn dawk li seħħew matul il-ħajja taʼ Ġesù.b
14. Il-midlukin kif qdew bħala kelliema taʼ Jehovah, bħal Mosè u Elija?
14 Ma jfakkarniex dan kollu fl-Iżrael t’Alla? Iva, tabilħaqq. Ġesù qal lis-segwaċi leali tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.” (Mattew 28:19, 20) B’ubbidjenza għal dan il-kliem, Kristjani midlukin qdew bħala l-kelliema taʼ Jehovah minn Pentekoste tas-sena 33 E.K. s’issa. Bħal Mosè u Elija, iffaċċjaw il-korla taʼ ħakkiema u tawhom xiehda. Ġesù qal lit-12-il appostlu tiegħu: “Itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-pagani.” (Mattew 10:18) Kliemu twettaq ripetutament matul l-istorja tal-kongregazzjoni Kristjana.—Atti 25:6, 11, 12, 24-27; 26:3.
15, 16. Liema paralleli hemm bejn il-midlukin fuq naħa u Mosè u Elija fuq in-naħa l-oħra fil-kwistjoni tagħhom li (a) jieqfu bla biżaʼ għall-verità? (b) jirċievu għajnuna minn nies mhux Iżraeliti?
15 Iktar minn hekk, Kristjani midlukin urew li kienu bla biżaʼ bħal Mosè u Elija f’li jappoġġjaw il-verità kontra l-qerq reliġjuż. Ftakar kif Pawlu akkuża lill-profeta falz Lhudi Barjesu u bit-tattika, imma b’mod sod, kixef il-qerq taʼ l-allat tan-nies t’Ateni. (Atti 13:6-12; 17:16, 22-31) Ftakar, ukoll, li fi żmienna l-fdal midluk kixfu bil-qlubija lill-Kristjaneżmu li ġie kkastigat minn dan l-għoti taʼ xiehda.—Apokalissi 8:7-12.c
16 Meta Mosè ħarab mill-korla taʼ Farawni, sab refuġju fid-dar taʼ wieħed mhux Iżraelit, Ruwel, imsejjaħ ukoll Ġetro. F’xi żmien wara dan, Mosè rċieva pariri organizzazzjonali imprezzabbli mingħand Ruwel, li ibnu, Ħobab, iggwida lil Iżrael minn ġox-xagħri.d (Eżodu 2:15-22; 18:5-27; Numri 10:29) Ġew mgħejjunin b’mod simili membri taʼ l-Iżrael t’Alla minn individwi li m’humiex membri midlukin taʼ l-Iżrael t’Alla? Iva, ġew appoġġjati minn “kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra,” li tfaċċaw fuq ix-xena matul dawn l-aħħar jiem. (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:16; Isaija 61:5) Billi bassar l-appoġġ kordjali u taʼ mħabba li dawn in-“nagħaġ” kellhom joffru lil ħutu l-midlukin, Ġesù qalilhom profetikament: “Jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni. . . . Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu maʼ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”—Mattew 25:35-40.
17. Il-midlukin kif kellhom esperjenza simili għal dik t’Elija fuq il-Muntanja Ħoreb?
17 Jerġaʼ, l-Iżrael t’Alla kellhom esperjenza simili għal dik t’Elija fuq il-Muntanja Ħoreb.e Bħal Elija meta kien qed jaħrab mir-Reġina Ġeżebel, il-fdal midluk beżgħanin ħasbu li xogħlhom kien mitmum meta spiċċat l-Ewwel Gwerra Dinjija. Imbagħad, ukoll bħal Elija, kellhom laqgħa maʼ Jehovah, li kien ġie biex jiġġudika lil dawk l-organizzazzjonijiet li kienu jgħidu li huma “mid-dar taʼ Alla.” (1 Pietru 4:17; Malakija 3:1-3) Fil-waqt li l-Kristjaneżmu nstab nieqes, il-fdal midluk ġie rrikonoxxut bħala “l-irsir leali u diskret” u ġie maħtur fuq il-ġid kollu taʼ Ġesù fuq l-art. (Mattew 24:45-47, New World Translation) F’Ħoreb, Elija ħass “żiffa ħelwa” li kienet leħen Jehovah, jagħtih iktar xogħol x’jagħmel. Fil-perijodu kwiet tas-snin taʼ wara l-gwerra, qaddejja midlukin leali taʼ Jehovah semgħu leħnu mill-paġni tal-Bibbja. Huma wkoll indunaw li kellhom inkarigu x’iwettqu.—1 Slaten 19:4, 9-18; Apokalissi 11:7-13.
18. Turijiet taʼ l-għaġeb tal-qawwa taʼ Jehovah kif saru permezz taʼ l-Iżrael t’Alla?
18 Finalment, saru xi turijiet taʼ l-għaġeb tal-qawwa taʼ Jehovah permezz taʼ l-Iżrael t’Alla? Wara l-mewt taʼ Ġesù, l-appostli wettqu ħafna mirakli, imma dawn maż-żmien waqfu. (1 Korintin 13:8-13) Illum il-ġurnata, ma narawx mirakli f’sens fiżiku. Mill-banda l-oħra, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel.” (Ġwann 14:12) Dan kellu twettiq inizjali hekk kif id-dixxipli taʼ Ġesù ppridkaw l-aħbar tajba maʼ l-Imperu Ruman kollu fl-ewwel seklu. (Rumani 10:18) Illum saru saħansitra xogħlijiet akbar hekk kif il-fdal midluk ġabu ’l quddiem l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba “fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda.” (Mattew 24:14) Ir-riżultat? Is-seklu 20 xehed il-ġbir taʼ l-akbar numru taʼ qaddejja leali u ddedikati taʼ Jehovah fl-istorja. (Apokalissi 5:9, 10; 7:9, 10) X’evidenza taʼ l-għaġeb tal-qawwa taʼ Jehovah!—Isaija 60:22.
Ħut Ġesù Jiġu Fil-Glorja
19. L-aħwa midlukin taʼ Ġesù meta jidhru miegħu fil-glorja?
19 Hekk kif il-fdal t’aħwa midlukin taʼ Ġesù jtemmu l-korsa tagħhom fuq l-art, huma jiġu gglorifikati miegħu. (Rumani 2:6, 7; 1 Korintin 15:53; 1 Tessalonikin 4:14, 17) B’hekk isiru slaten u qassisin immortali fis-Saltna tas-sema. Maʼ Ġesù, huma mbagħad se ‘jmexxu lin-nies b’xettru tal-ħadid bħal min ifarrak il-bwieqi tal-fuħħar.’ (Apokalissi 2:27; 20:4-6; Salm 110:2, 5, 6) Maʼ Ġesù, se jpoġġu fuq tronijiet biex jiġġudikaw lit-“tnax-il tribù taʼ Iżrael.” (Mattew 19:28) Il-ħolqien jitniehed stenna b’ħerqa dawn il-ġrajjiet, li huma parti mir-“rivelazzjoni taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:19-21; 2 Tessalonikin 1:6-8.
20. (a) It-trasfigurazzjoni rigward liema prospett saħħet il-fidi taʼ Pietru? (b) It-trasfigurazzjoni kif issaħħaħ lill-Kristjani llum?
20 Pawlu tkellem dwar ir-rivelazzjoni taʼ Ġesù matul it-“tribulazzjoni kbira” meta kiteb: “Dakinhar . . . jiġi biex jieħu l-glorja mingħand il-qaddisin tiegħu u l-ġieħ minn dawk kollha li jkunu emmnu.” (Mattew 24:21, NW; 2 Tessalonikin 1:10) Xi prospett taʼ l-għaġeb dak għal Pietru, Ġakbu, Ġwanni, u għall-Kristjani midlukin kollha! It-trasfigurazzjoni saħħet il-fidi taʼ Pietru. Ċertament, meta naqraw dwarha tissaħħaħ il-fidi tagħna wkoll u titqawwa l-fiduċja tagħna li Ġesù dalwaqt “irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel.” Kristjani midlukin leali li għadhom ħajjin sal-lum jaraw ikkonfermata l-fiduċja tagħhom li se jkunu gglorifikati maʼ Ġesù. Ngħaġ oħrajn għandhom il-fidi tagħhom imsaħħa billi jafu li hu se jsalvahom matul it-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet mill-agħar għal ġod-dinja l-ġdida glorjuża. (Apokalissi 7:14) X’inkuraġġiment biex nibqgħu sodi sat-tmiem! U din il-viżjoni tistaʼ tgħallimna wisq iżjed, bħalma se naraw fl-artiklu li jmiss. (w97 5/15)
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-kotba “Let Your Name Be Sanctified,” paġni 313-14, u Revelation—Its Grand Climax At Hand!, paġni 164-5, ippubblikati mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Eżodu 2:15-22; 3:1-6; 5:2; 7:8-13; 8:18; 19:16-19; Dewteronomju 31:23; 1 Slaten 17:8-16; 18:21-40; 19:1, 2, 8-18; 2 Slaten 2:1-14.
c Ara paġni 133-41 fil-ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand!
d Ara l-ktieb You May Survive Armageddon Into God’s New World, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., paġni 281-3.
e Ara “Let Your Name Be Sanctified,” paġni 317-20.
Tiftakar Int?
◻ Min deher maʼ Ġesù fit-trasfigurazzjoni?
◻ Il-fidi taʼ l-appostli kif ġiet imsaħħa permezz tat-trasfigurazzjoni?
◻ Meta Mosè u Elija dehru “fil-glorja” flimkien maʼ Ġesù fit-trasfigurazzjoni, lil min kienu jirrappreżentaw?
◻ Liema paralleli hemm bejn Mosè u Elija fuq naħa u l-Iżrael t’Alla fuq in-naħa l-oħra?
[Stampa f’paġna 8]
It-trasfigurazzjoni saħħet il-fidi tal-Kristjani taʼ l-imgħoddi u tal-preżent