LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 9/15 pp. 4-7
  • Huwa Urġenti li Nistenbħu!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Huwa Urġenti li Nistenbħu!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kollox Għadu l-​Istess?
  • Bżonn Veru biex Nibqgħu Mqajmin
  • Id-dinja dalwaqt se tispiċċa?
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Qegħdin Aħna Ngħixu fl-​“Aħħar Jiem”?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • “Ishru!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • L-appostli jistaqsu għal sinjal
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 9/15 pp. 4-7

Huwa Urġenti li Nistenbħu!

“LA TITQARRQUX dwar iż-​żmien li qegħdin ngħixu fih; diġà huwa urġenti għalina biex inqumu mir-​raqda.” (Rumani 13:11, Knox) L-​appostlu Pawlu kiteb dan il-​kliem lill-​Kristjani f’Ruma xi 14-il sena qabel it-​tmiem katastrofiku tas-​sistema t’affarijiet Lhudija fis-​sena 70 E.K. Minħabba li kienu mqajmin spiritwalment, il-​Kristjani Lhud ma kinux f’Ġerusalemm f’dak iż-​żmien kruċjali, u għalhekk skansaw il-​mewt jew il-​jasar. Imma kif kienu jafu li kien hemm bżonn li jżommu ’l bogħod mill-​belt?

Ġesù Kristu kien wissa li l-​għedewwa kienu se jdawru lil Ġerusalemm u li l-​abitanti tagħha kienu se jinġiebu fix-​xejn. (Luqa 19:43, 44) Wara dan, Ġesù ta lis-​segwaċi tiegħu sinjal kompost li ma kienx diffiċli biex jingħaraf. (Luqa 21:7-24) Għal dawk il-​Kristjani li kienu jgħixu f’Ġerusalemm, li jabbandunaw il-​belt kien ifisser li jħallu darhom u l-​impjieg tagħhom. Minkejja dan, il-​viġilanza u l-​ħarba tagħhom ippreservawlhom ħajjithom.

Meta Ġesù bassar il-​qerda taʼ Ġerusalemm, id-​dixxipli tiegħu staqsewh: “Għidilna, dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-​sinjal tal-​miġja tiegħek u taʼ tmiem id-​dinja?” (Mattew 24:3) Fit-​tweġiba tiegħu, Ġesù qabbel il-​preżenza futura tiegħu mal-​perijodu li wassal għad-​Dilluvju globali taʼ żmien Noè. Ġesù wera li l-​Għarqa kinset lil dawk kollha li kienu mill-​agħar. (Mattew 24:21, 37-39) Hu b’hekk indika li Alla kien se jerġaʼ jintervieni fil-​kwistjonijiet umani. Sa liema punt? Iva, sal-​punt li jneħħi dinja, jew sistema t’affarijiet ħażina, kollha kemm hi! (Qabbel it-2 Pietru 3:5, 6.) Dan jistaʼ jiġri fi żmienna?

Kollox Għadu l-​Istess?

Ftit kienu l-​Lhud taʼ l-​ewwel seklu li qatt għaddielhom minn rashom li l-​belt qaddisa tagħhom, Ġerusalemm, kienet se tiġi meqruda. Taʼ spiss, ħafna nies li jgħixu qrib xi vulkan imma li qatt ma jkunu għaddew mill-​esperjenza taʼ xi żbroff isibuha diffiċli biex jemmnu. “Mhux fi żmieni” hija reazzjoni komuni għal dawn it-​twissijiet. “Tipikament il-​vulkani jiżbroffaw kull mitejn jew tliet mitt sena,” jispjega l-​vulkanologu Lionel Wilson. “In-​nies jinkwetaw jekk il-​ġenituri tagħhom kellhom jitilqu minħabba xi żbroff. Imma jekk dan ġara lin-​nanniet tagħhom, allura għalihom hu sempliċi storja.”

Madankollu, informazzjoni eżatta tistaʼ tgħinna nagħrfu s-​sinjali taʼ periklu u niħduhom bis-​serjetà. Wieħed minn dawk li ħarbu mill-​Muntanja Pelée kien familjari mal-​vulkani, u fehem is-​sinjali taʼ periklu. Dawn is-​sinjali kienu interpretati b’mod korrett ukoll ftit qabel l-​iżbroff tal-​Muntanja Pinatubo. Il-​vulkanologi li kienu josservaw il-​forzi moħbijin li dejjem jiżdiedu ġewwa l-​muntanja kkonvinċew lin-​nies lokali biex jitilqu minn dawk l-​inħawi.

M’għandniex xi ngħidu, dejjem se jkun hemm dawk li jinjoraw is-​sinjali taʼ periklu u jinsistu li xejn m’hu se jiġri. Dawn jistgħu saħansitra jirridikolaw lil dawk li jieħdu azzjoni deċiżiva. L-​appostlu Pietru bassar li opinjoni bħal din kellha tkun komuni fi żmienna. “Dan għandkom tkunu tafu, l-​ewwelnett,” qal hu, “li fl-​aħħar jiem jiġu nies kollhom tmaqdir u jwaqqgħu kollox għaż-​żufjett, nies li jaġixxu skond ix-​xewqat ħżiena tagħhom; u jibdew jgħidu: ‘Fejn hi l-​wegħda tal-​miġja tiegħu? Għax sa minn meta mietu missirijietna, kollox baqaʼ miexi kif kien sa mill-​bidu tal-​ħolqien.’”—2 Pietru 3:3, 4.

Temmen int li ninsabu “fl-​aħħar jiem”? Fil-​ktieb The Columbia History of the World, John A. Garraty u Peter Gay jistaqsu: “Qegħdin narawh aħna l-​kollass taċ-​ċivilizzazzjoni tagħna?” Imbagħad dawn l-​istorjografi janalizzaw il-​problemi tal-​gvernijiet, iż-​żjieda globali fil-​kriminalità u fid-​diżubbidjenza ċivili, il-​kollass tal-​ħajja tal-​familja, il-​falliment tax-​xjenza u t-​teknoloġija f’li jsolvu l-​problemi tas-​soċjetà, il-​kriżi taʼ l-​awtorità, u t-​taħsir morali u reliġjuż mad-​dinja kollha. Huma jikkonkludu: “Jekk dawn m’humiex is-​sinjali taʼ tmiem ċert, żgur li hekk jidhru.”

Għandna raġuni soda biex nemmnu li xi xorta taʼ “tmiem” huwa imminenti. Le, m’għandniex għalxiex nibżgħu li se jkun it-​tmiem tal-​globu nnifsu, għax il-​Bibbja tgħid li Alla ‘waqqaf l-​art fuq is-​sisien tagħha, b’mod li qatt ma titħarrek.’ (Salm 104:5) Madankollu, għandna nistennew li jkun hemm tmiem bikri għas-​sistema t’affarijiet mill-​agħar li ġabet tant miżerja għall-​umanità. Għala? Għaliex nistgħu naraw ħafna karatteristiċi evidenti li jidentifikaw l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema, kif indikati minn Ġesù Kristu. (Ara l-​kaxxa “Xi Karatteristiċi taʼ l-​Aħħar Jiem.”) Għala ma tqabbilx il-​kliem taʼ Ġesù mal-​ġrajjiet tad-​dinja? Billi tagħmel hekk, dan jistaʼ jgħinek tieħu deċiżjonijiet għaqlin għalik u għall-​familja tiegħek. Imma għala għandek taġixxi preċiż issa?

Bżonn Veru biex Nibqgħu Mqajmin

Għalkemm ix-​xjenzati għandhom mnejn ikunu jafu meta jkun imminenti żbroff vulkaniku, ma jistgħux jgħidu preċiżament dan meta se jiġri. Bl-​istess mod, Ġesù qal rigward it-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet: “Dwar dak il-​jum u s-​siegħa ħadd ma jaf xejn . . . meta se jaslu, la l-​anġli tas-​sema u lanqas l-​Iben; ħadd ħlief il-​Missier waħdu.” (Mattew 24:36) Ladarba ma nafux eżatt meta se tispiċċa s-​sistema preżenti t’affarijiet, Ġesù tana din it-​twissija: “Kunu afu dan, li kieku sid id-​dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-​lejl se jiġi l-​ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-​ħitan taʼ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-​siegħa li fiha jiġi Bin il-​bniedem [Ġesù].”—Mattew 24:43, 44.

Il-kliem taʼ Ġesù juri li t-​tmiem katakliżmiku taʼ din is-​sistema se jasal fuq din id-​dinja bla mistenni. Saħansitra jekk aħna s-​segwaċi tiegħu, irridu ‘nkunu lesti.’ Is-​sitwazzjoni tagħna hi bħal dik taʼ inkwilin li jidħlu fuqu għal għarrieda minħabba li ma jkunx jaf meta l-​ħallelin se jidħlulu f’daru.

B’mod simili, l-​appostlu Pawlu qal lill-​Kristjani f’Tessalonika: “Intom tafu sewwa li jum il-​Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel billejl. . . . Ħuti, intom m’intomx fid-​dlam biex jum il-​Mulej jeħodkom għal għarrieda bħal ħalliel.” Pawlu ħeġġeġ ukoll: “Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-​oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-​qjies [“noqogħdu mqajmin u nibqgħu f’sensina,” New World Translation].” (1 Tessalonikin 5:2, 4, 6) X’ifisser li “noqogħdu mqajmin u nibqgħu f’sensina?”

B’differenza għall-​ħarba tal-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu minn Ġerusalemm, il-​ħarba tagħna lejn is-​sigurtà ma tinvolvix li nitilqu minn xi belt. Wara li wissa lil sħabu l-​kredenti f’Ruma biex iqumu mir-​raqda, Pawlu ħeġġiġhom biex ‘iwarrbu l-​għemil tad-​dlam’ u ‘jilbsu lil Sidna Ġesù Kristu.’ (Rumani 13:12, 14) Billi nsegwu l-​passi taʼ Ġesù mill-​qrib, se nuru li aħna attenti għaż-​żminijiet, u din il-​viġilanza spiritwali se tagħmilha possibbli għalina li jkollna l-​protezzjoni divina meta din is-​sistema mill-​agħar t’affarijiet tiġi fi tmiemha.—1 Pietru 2:21.

Dawk li jsegwu lil Ġesù Kristu jgawdu ħajjiet sodisfaċenti u mimlijin skop. Miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah skoprew li l-​madmad taʼ li wieħed ikun dixxiplu Kristjan huwa ħanin u rifreskanti. (Mattew 11:29, 30) L-​ewwel pass biex wieħed isir dixxiplu hu li ‘jagħraf lil Alla, u lil Ġesù Kristu li hu bagħat.’ (Ġwann 17:3) Ix-​Xhieda jżuru miljuni taʼ djar kull ġimgħa sabiex jgħinu lin-​nies “jagħrfu [“jiġu għal għarfien eżatt dwar,” NW] [i]l-verità.” (1 Timotju 2:4) Huma jieħdu pjaċir li jikkonduċu studju tal-​Bibbja b’xejn miegħek f’darek. U hekk kif tkompli tikber fl-​għarfien tal-​Kelma t’Alla, bla dubju taʼ xejn se tikkonvinċi ruħek li ż-​żminijiet li qegħdin ngħixu fihom huma differenti. Tabilħaqq, huwa urġenti li nistenbħu mir-​raqda!

[Kaxxa/Stampi f’paġna 7]

XI KARATTERISTĊI TAʼ L-​AĦĦAR JIEM

“Għad iqum ġens kontra ġens”; ‘tinqered il-​paċi minn fuq wiċċ l-​art.’ (Mattew 24:7; Apokalissi 6:4)

Iż-​żewġ gwerer dinjin taʼ dan is-​seklu, flimkien maʼ bosta konflitti oħrajn, qerdu l-​paċi minn fuq wiċċ l-​art. “L-​Ewwel​—u mbagħad it-​Tieni—​Gwerra Dinjija saru differenti mill-​gwerer kollha li ġew miġġildin qabel,” jikteb l-​istorjografu John Keegan, “differenti fl-​iskala, fl-​intensità, fl-​estent, u f’kemm swew riżorsi materjali u ħajjiet. . . . Il-​Gwerer Dinjin qatlu iktar nies, ikkonsmaw iktar ġid u kkaġunaw iktar sofferenza f’iktar inħawi tal-​globu minn kwalunkwe gwerra li ġiet miġġielda qabel.” Issa n-​nisa u t-​tfal saru jbatu minħabba l-​gwerer iktar milli jbatu s-​suldati. Il-​Fond tal-​Ġnus Magħquda għat-​Tfal jikkalkula li f’dawn l-​aħħar għaxar snin, ġew maqtulin żewġ miljun tifel u tifla fil-​gwerer.

“Ġuħ kbir” (Mattew 24:7; Apokalissi 6:5, 6, 8)

Fl-​1996 il-​prezzijiet tal-​qamħ u l-​qamħirrun għolew m’ogħla s-​sema. X’kienet ir-​raġuni? Il-​ħażniet tad-​dinja taʼ dawn iċ-​ċereali kienu naqsu għal provvista taʼ 50 jum biss, l-​iktar figura baxxa li qatt ġiet iddokumentata. Il-​fatt li l-​prezzijiet taʼ l-​ikel bażiku qed jogħlew ifisser li mijiet taʼ miljuni taʼ nies fqar fid-​dinja​—ħafna minnhom tfal—​imorru jorqdu żaqqhom vojta.

“L-​art titheżheż f’ħafna bnadi” (Mattew 24:7)

Matul dawn l-​aħħar 2,500 sena, disaʼ terremoti biss qatlu iktar minn 100,000 ruħ kull wieħed. Erbgħa minn dawn it-​terremoti ġraw mill-​1914 ’l hawn.

“Joktor il-​ħażen” (Mattew 24:12)

Hekk kif is-​seklu 20 jersaq lejn tmiemu, l-​illegalità, jew il-​ksur tal-​liġi, saret mifruxa maʼ kullimkien. L-​attakki terroristi fuq in-​nies pajżani, il-​kriminali li joqtlu bla skrupli taʼ xejn, u l-​qtil tal-​massa huma fost l-​aspetti orribbli taʼ dawn l-​aħħar jiem vjolenti.

“F’ħafna bnadi jkun hemm . . . mard li jittieħed” (Luqa 21:11)

Matul is-​snin 90, x’aktarx li se jmutu 30 miljun ruħ bit-​tuberkulosi. Il-​batterji li jġorru l-​mard qegħdin isiru iktar u iktar reżistenti għall-​mediċina. Kull sena, bejn 300 u 500 ruħ jintlaqtu mill-​malarja, marda qattiela oħra, u huwa kkalkulat li din toqtol lil xi 2 miljun ruħ. Sa l-​aħħar taʼ dan is-​seklu, huwa mistenni li l-​AIDS se tikkaġuna 1,800,000 mewt kull sena. “Illum l-​umanità qed tesperjenza epidemija taʼ epidemiji,” jiddikjara r-​rapport annwali State of the World 1996.

“Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda.” (Mattew 24:14)

Fl-​1997, ix-​Xhieda taʼ Jehovah qattgħu ’l fuq minn biljun siegħa jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Iktar minn ħames miljun Xhud taʼ Jehovah jagħtu dan il-​messaġġ lin-​nies f’232 pajjiż.

[Sorsi]

Ritratt tal-​FAO/B. Imevbore

Ritratt taʼ l-​U.S. Coast Guard

[Stampa f’paġna 4, 5]

Il-​Kristjani ħarbu minn Ġerusalemm għaliex kienu mqajmin spiritwalment

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja