LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 5/15 pp. 3-7
  • Kif Għandna Nittrattaw Lil Oħrajn?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Għandna Nittrattaw Lil Oħrajn?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kun Ġwejjed
  • Kemm Huma Henjin Dawk li Jħennu!
  • Għala “Dawk li Jġibu l-​Paċi” Huma Henjin
  • Ħallu ‘d-​Dawl Tagħkom Jiddi’
  • “Agħmel Paċi maʼ Ħuk”
  • Dejjem Ittratta lil Oħrajn b’Rispett
  • Kif Kliem Ġesù Jippromwovi l-Hena
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Qaddejja Henjin taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • “Hekk Għandu Jiddi d-Dawl Tagħkom”
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Kemm Huma Henjin il-Kalmi!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 5/15 pp. 3-7

Kif Għandna Nittrattaw Lil Oħrajn?

“Bħalma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-​istess lilhom.”—LQ. 6:31.

ĠESÙ KRISTU kien tabilħaqq l-​Għalliem il-​Kbir. Meta l-​għedewwa reliġjużi tiegħu bagħtu xi rġiel biex jarrestawh, l-​uffiċjali marru lura idhom f’idhom u qalu: “Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu.” (Ġw. 7:32, 45, 46) Waħda mill-​aqwa taħditiet li ta Ġesù kienet il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja. Hija mniżżla f’kapitli 5 sa 7 taʼ l-​Evanġelju taʼ Mattew, u nsibu informazzjoni simili preżentata f’Luqa 6:20-49.a

1, 2. (a) X’inhi l-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu u f’dak taʼ warajh?

2 Forsi l-​iktar stqarrija magħrufa f’din il-​priedka hija dik li spiss tissejjaħ ir-​Regola tad-​Deheb. Din għandha x’taqsam mal-​mod kif nittrattaw lil oħrajn. “Bħalma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-​istess lilhom,” qal Ġesù. (Lq. 6:31) U kemm affarijiet tajbin għamel hu għan-​nies! Ġesù fejjaq lill-​morda u saħansitra qajjem lill-​mejtin. Madankollu, in-​nies ġew speċjalment imberkin meta aċċettaw l-​aħbar tajba li għallimhom. (Aqra Luqa 7:20-22.) Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, hija l-​għaxqa tagħna li nieħdu sehem f’attività simili taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna. (Mt. 24:14; 28:19, 20) F’dan l-​artiklu u f’dak taʼ warajh, se nikkunsidraw il-​kliem taʼ Ġesù dwar ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar kif ukoll punti oħrajn mill-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja li huma relatati mal-​mod kif għandna nittrattaw lil oħrajn.

Kun Ġwejjed

3. X’inhu temperament ġwejjed?

3 Ġesù qal: “Henjin il-​ġwejdin, għax għad jirtu l-​art.” (Mt. 5:5) Fl-​Iskrittura, temperament ġwejjed m’għandu x’jaqsam xejn mad-​dgħjufija. Huwa l-​ġentilezza li nuru meta nagħmlu dak li Alla jirrikjedi minna. Din l-​attitudni tidher fil-​mod kif inġibu ruħna mal-​bnedmin sħabna. Per eżempju, aħna ‘ma rroddu lil ħadd ħsara bi ħsara.’—Rum. 12:17-19.

4. Il-​ġwejdin għala huma henjin?

4 Il-​ġwejdin huma henjin għax “għad jirtu l-​art.” Ġesù, li kien ‘ġwejjed u umli f’qalbu,’ huwa l-​‘werriet maħtur taʼ kollox,’ u għalhekk huwa l-​Werriet prinċipali taʼ l-​art. (Mt. 11:29; Ebr. 1:2; Salm 2:8) Ġie mbassar li l-​“iben taʼ bniedem,” il-​Messija, kien se jkollu ħakkiema bi sħab miegħu fis-​Saltna tas-​sema. (Dan. 7:13, 14, 21, 22, 27) Bħala “werrieta bi sħab maʼ Kristu,” il-​144,000 midlukin li huma ġwejdin kien se jkollhom sehem maʼ Ġesù f’li jirtu l-​art. (Rum. 8:16, 17; Riv. 14:1) Uħud ġwejdin oħrajn se jitbierku b’ħajja taʼ dejjem fuq l-​art taħt it-​tmexxija tas-​Saltna.—Salm 37:11.

5 Kieku kellna nkunu ħorox, x’aktarx li konna nġarrbu l-​paċenzja t’oħrajn u nbegħduhom minna. Madankollu, jekk inkunu ġwejdin bħalma kien Kristu se nkunu kumpanija pjaċevoli u li tibni bħala membri tal-​kongregazzjoni. Il-​ħlewwa hija waħda mill-​frott li l-​forza attiva t’Alla tipproduċi fina jekk ‘ngħixu u nimxu bl-​ispirtu.’ (Aqra Galatin 5:22-25.) Żgur li rridu nkunu magħdudin mal-​ġwejdin li huma mmexxijin mill-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova!

Kemm Huma Henjin Dawk li Jħennu!

6 Fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal ukoll: “Henjin dawk li jħennu, għax għad jintwerew ħniena.” (Mt. 5:7) “Dawk li jħennu” jagħdru b’mod teneru u juru konsiderazzjoni b’qalb tajba, u saħansitra jitħassru, lil dawk li huma żvantaġġati. Ġesù taffa b’mod mirakoluż it-​tbatija tan-​nies minħabba li “tħassarhom.” (Mt. 14:14; 20:34) Għalhekk, sentimenti taʼ ħasra u konsiderazzjoni għandhom iqanqluna biex nuru l-​ħniena.—Ġak. 2:13.

7. Minħabba li tħassar lin-​nies, Ġesù x’ġie mqanqal jagħmel?

7 Hekk kif kien sejjer jistrieħ, Ġesù ltaqaʼ maʼ folla u “tħassarhom, għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” Għaldaqstant, “beda jgħallimhom ħafna affarijiet.” (Mk. 6:34) Kemm nesperjenzaw ferħ meta aħna bl-​istess mod naqsmu l-​messaġġ tas-​Saltna m’oħrajn u ngħidulhom dwar il-​ħniena kbira t’Alla!

8. Dawk li jħennu għala huma henjin?

8 Dawk li jħennu huma henjin minħabba li “jintwerew ħniena.” Meta nittrattawhom bil-​ħniena, in-​nies ġeneralment jaġixxu bl-​istess mod. (Lq. 6:38) Iktar minn hekk, Ġesù qal: “Jekk taħfru lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, Missierkom tas-​sema se jaħfrilkom ukoll.” (Mt. 6:14) Dawk biss li jħennu jesperjenzaw l-​hena li jiġi mill-​maħfra tad-​dnubiet u l-​approvazzjoni divina.

Għala “Dawk li Jġibu l-​Paċi” Huma Henjin

9 Ġesù semma raġuni oħra biex inkunu henjin meta qal: “Henjin dawk li jġibu l-​paċi, għax għad jissejħu ‘wlied Alla.’” (Mt. 5:9) Jekk aħna wħud li jġibu l-​paċi, m’aħniex se nagħlqu għajnejna jew nieħdu sehem f’xi ħaġa li tistaʼ ‘tifred il-​ħbieb,’ bħal per eżempju l-​malafama. (Prov. 16:28) Permezz tal-​kliem u l-​azzjonijiet, aħna rridu nfittxu li nkunu fil-​paċi kemm maʼ dawk li huma parti mill-​kongregazzjoni Kristjana u kemm maʼ dawk li m’humiex. (Ebr. 12:14) B’mod speċjali aħna rridu nagħmlu ħilitna kollha biex inkunu fil-​paċi m’Alla Ġeħova.—Aqra l-​1 Pietru 3:10-12.

10. “Dawk li jġibu l-​paċi” għala huma henjin?

10 Ġesù qal li “dawk li jġibu l-​paċi” huma henjin, “għax għad jissejħu ‘wlied Alla.’” Minħabba li jeżerċitaw fidi f’Ġesù bħala l-​Messija, il-​Kristjani midlukin jirċievu “awtorità li jsiru wlied Alla.” (Ġw. 1:12; 1 Pt. 2:24) U xi ngħidu għan-​“nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù li jġibu l-​paċi? Hu se jkun għalihom “Missier għal dejjem” matul ir-​Renju tiegħu t’Elf Sena mal-​werrieta bi sħab miegħu fis-​sema. (Ġw. 10:14, 16; Is. 9:5 [9:6, NW]; Riv. 20:6) Fi tmiem il-​Ħakma Millennjali tiegħu, dawn l-​uħud li jġibu l-​paċi se jsiru wlied Alla fuq l-​art fil-​veru sens tal-​kelma.—1 Kor. 15:27, 28.

11. Jekk aħna gwidati mill-​“għerf li ġej minn fuq,” kif se nittrattaw lil oħrajn?

11 Sabiex ingawdu relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova, “l-​Alla tal-​paċi,” għandna nimitaw il-​kwalitajiet tiegħu, inkluż dik li nżommu l-​paċi. (Flp. 4:9) Jekk inħallu lilna nfusna niġu gwidati mill-​“għerf li ġej minn fuq,” se nittrattaw lil oħrajn b’mod paċifiku. (Ġak. 3:17) Iva, se nkunu wħud ferħanin li jġibu l-​paċi.

Ħallu ‘d-​Dawl Tagħkom Jiddi’

12. (a) Ġesù x’qal dwar id-​dawl spiritwali? (b) Kif nistgħu nħallu d-​dawl tagħna jiddi?

12 Meta ngħinu lin-​nies jirċievu d-​dawl spiritwali mingħand Alla nkunu qed nittrattawhom bl-​aqwa mod possibbli. (Salm 43:3) Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu li huma kienu “d-​dawl tad-​dinja” u ħeġġiġhom biex iħallu d-​dawl tagħhom jiddi sabiex in-​nies ikunu jistgħu jaraw “l-​għemejjel tajbin,” jew l-​azzjonijiet mill-​aħjar li jagħmlu għal oħrajn. Dan se jirriżulta f’dawl spiritwali “quddiem il-​bnedmin,” jew għall-​benefiċċju taʼ l-​umanità. (Aqra Mattew 5:14-16.) Illum, aħna nħallu d-​dawl tagħna jiddi billi nagħmlu l-​ġid lil għajrna u billi nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba “fid-​dinja kollha,” jiġifieri, “fil-​ġnus kollha.” (Mt. 26:13; Mk. 13:10) Xi privileġġ għandna!

13. In-​nies x’jinnotaw fina?

13 “Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba,” qal Ġesù. Kwalunkwe belt li tkun fuq muntanja tistaʼ tidher faċilment. Bl-​istess mod, in-​nies jinnotawna minħabba l-​għemejjel tajbin tagħna bħala proklamaturi tas-​Saltna u għal kwalitajiet bħalma huma l-​moderazzjoni u s-​safa.—Titu 2:1-14.

14. (a) Kif kienu jaħdmu l-​imsiebaħ fl-​ewwel seklu? (b) Xi jfisser li ma naħbux id-​dawl spiritwali taħt xi “qoffa”?

14 Ġesù tkellem dwar musbieħ li jinxtegħel u jitpoġġa fuq gandlier, u mhux taħt xi qoffa, sabiex ikun jistaʼ jiddi fuq dawk kollha fid-​dar. Musbieħ komuni taʼ l-​ewwel seklu kien reċipjent tal-​fuħħar bi ftila li kienet ittellaʼ l-​likwidu (ġeneralment żejt taż-​żebbuġa) biex il-​fjamma tibqaʼ taqbad. Ħafna drabi l-​musbieħ kien jitpoġġa fuq gandlier taʼ l-​injam jew tal-​metall, u kien “jiddi fuq dawk kollha fid-​dar.” In-​nies ma kinux jixegħlu musbieħ u jpoġġuh taħt xi “qoffa”—reċipjent kbir li kien jesaʼ disaʼ litri. Ġesù ma riedx li d-​dixxipli tiegħu jaħbu d-​dawl spiritwali taħt xi qoffa figurattiva. Għalhekk, għandna nħallu d-​dawl tagħna jiddi, u m’għandna qatt nippermettu l-​oppożizzjoni jew il-​persekuzzjoni jġegħluna naħbu l-​verità Skritturali jew inżommuha għalina nfusna.

15. L-​“għemejjel tajbin” tagħna kif jeffettwaw lil ċerti nies?

15 Kien wara li semma l-​musbieħ jiddi li Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Hekk għandu jiddi d-​dawl tagħkom quddiem il-​bnedmin, biex jaraw l-​għemejjel tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-​smewwiet.” Minħabba l-​“għemejjel tajbin” tagħna, xi wħud “jagħtu glorja” lil Alla billi jsiru qaddejja tiegħu. Kemm jimmotivana dan biex inkomplu ‘niddu bħala dawwala fid-​dinja’!—Flp. 2:15.

16. Ladarba aħna “d-​dawl tad-​dinja” x’għandna nagħmlu?

16 Ladarba aħna “d-​dawl tad-​dinja” għandna ninvolvu ruħna fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli. Imma hemm xi ħaġa oħra li hemm bżonn nagħmlu. “Ibqgħu mexjin bħala wlied id-​dawl,” kiteb l-​appostlu Pawlu, “għax il-​frott tad-​dawl jikkonsisti minn kull xorta taʼ tjubija u ġustizzja u verità.” (Efes. 5:8, 9) Il-​kondotta tagħna għandha tkun eżemplari u fi qbil mal-​livelli għoljin t’Alla. Tabilħaqq, għandna nagħtu kas il-​parir taʼ l-​appostlu Pietru: “Żommu kondotta tajba fost il-​ġnus, sabiex, f’dak li qed jgħidu kontrikom bħala li intom nies ħżiena, minħabba l-​għemejjel tajbin tagħkom li jaraw b’għajnejhom stess jigglorifikaw lil Alla fil-​jum taʼ l-​ispezzjoni tiegħu.” (1 Pt. 2:12) Imma x’għandna nagħmlu jekk tinqalaʼ xi problema bejnna u bejn xi ħadd minn sħabna fit-​twemmin?

“Agħmel Paċi maʼ Ħuk”

17-19. (a) X’kienet l-​“għotja” msemmija f’Mattew 5:23, 24? (b) Kemm hu importanti li tirranġa maʼ ħuk, u Ġesù kif urieh dan?

17 Fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù wissa lid-​dixxipli tiegħu biex ma jibqgħux iżommu f’qalbhom rabja u disprezz għal xi ħu. Minflok, huma kellhom ikunu pronti biex ifittxu li jagħmlu paċi mal-​ħu li jkun ħassu offiż. (Aqra Mattew 5:21-25.) Agħti kas sew il-​parir taʼ Ġesù. Li kieku kont qed iġġib l-​għotja tiegħek quddiem l-​artal u hemmhekk tiftakar li ħuk kellu xi ħaġa kontrik, x’kellek tagħmel? Kellek tħalli l-​għotja tiegħek quddiem l-​artal u tmur tagħmel paċi maʼ ħuk. Wara li tkun għamilt dan, int stajt tmur lura u toffri l-​għotja tiegħek.

18 Spiss, l-​“għotja” kienet offerta taʼ sagrifiċċju li individwu setaʼ jippreżenta fit-​tempju taʼ Ġeħova. Is-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali kienu importanti ħafna għax kienu ġew kmandati minn Alla fil-​Liġi Mosajka bħala parti mill-​qima taʼ Iżrael. Imma kieku kellek tiftakar li ħuk kellu xi ħaġa kontrik, kien ikun saħansitra iktar importanti li tmur tirranġa miegħu milli toffri l-​offerta tiegħek. “Itlaq l-​għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-​artal, u mur,” qal Ġesù. “L-​ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-​għotja tiegħek.” Kien jeħtieġ li l-​ewwel tirranġa maʼ ħuk għax dan kien jiġi qabel it-​twettiq taʼ xi obbligu meħtieġ mil-​Liġi.

19 L-​istqarrija taʼ Ġesù ma kinitx tgħodd biss għal xi offerti partikulari jew nuqqasijiet speċifiċi. Għalhekk, kwalunkwe offerta kellha tiġi offruta iktar tard jekk dak li jkun jiftakar li ħuh kellu xi ħaġa kontrih. Jekk l-​offerta kienet annimal ħaj, dan kellu jitħalla “quddiem l-​artal” taʼ l-​offerta tal-​ħruq fil-​bitħa tal-​qassisin tat-​tempju. Wara li jkun solva l-​problema, dak li wettaq l-​offiża kellu jmur lura, u mbagħad setaʼ joffri l-​offerta.

20. Għala għandna nirranġaw malajr jekk aħna rrabjati għal xi ħadd minn ħutna?

20 Mill-​ħarsa t’Alla, ir-​relazzjoni tagħna maʼ ħutna hija parti importanti mill-​qima vera. Is-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali kienu jkunu bla valur għal Ġeħova li kieku dawk li offrewhom ma kinux jittrattaw lill-​bnedmin sħabhom kif jixraq. (Mik. 6:6-8) Għaldaqstant, Ġesù ħeġġeġ lid-​dixxipli tiegħu biex ‘jirranġaw malajr.’ (Mt. 5:25) Pawlu qal xi ħaġa simili meta kiteb: “Inkorlaw, iżda tidinbux; tħallux ix-​xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati, u tagħtux wisaʼ lix-​Xitan.” (Efes. 4:26, 27) Jekk ikollna raġuni valida għalxiex nirrabjaw, għandna nirranġaw malajr ħalli ma nibqgħux inkorlati għax b’hekk inkunu qed nagħtu wisaʼ lix-​Xitan biex jieħu vantaġġ minna.—Lq. 17:3, 4.

Dejjem Ittratta lil Oħrajn b’Rispett

21, 22. (a) Kif nistgħu napplikaw il-​pariri taʼ Ġesù li għadna kif iddiskutejna? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

21 Ir-​reviżjoni li għamilna taʼ l-​istqarrijiet taʼ Ġesù fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja għandha tgħinna nittrattaw lil oħrajn b’qalb tajba u b’rispett. Għalkemm aħna lkoll imperfetti, nistgħu napplikaw il-​pariri taʼ Ġesù għax hu ma jistenniex minna iktar milli nistgħu nagħtu, u lanqas Missierna tas-​sema ma jagħmel dan. Bit-​talb, bi sforz sinċier, u bil-​barka t’Alla Ġeħova nistgħu nkunu ġwejdin, nuru ħniena, u nġibu l-​paċi. Nistgħu nirriflettu d-​dawl spiritwali li jiddi għall-​glorja taʼ Ġeħova. Iktar minn hekk, nistgħu nagħmlu paċi maʼ ħuna meta jkun meħtieġ.

22 Il-​qima li jaċċetta Ġeħova tinkludi li nittrattaw lill-​proxxmu b’mod xieraq. (Mk. 12:31) Fl-​artiklu li jmiss, se nikkunsidraw stqarrijiet oħrajn mill-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja li għandhom jgħinuna nibqgħu nagħmlu l-​ġid lil oħrajn. Madankollu, wara li nimmeditaw fuq il-​punti li kkunsidrajna mit-​taħdita li tispikka taʼ Ġesù, nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Kemm nittrattahom sew jien lil oħrajn?’

[Nota taʼ taħt]

a Fl-istudju persunali tiegħek, x’aktarx li se ssibha verament taʼ benefiċċju jekk taqra dawn is-​siltiet qabel ma tikkunsidra dan l-​artiklu u dak taʼ warajh.

Int Kif Twieġeb?

• Xi jfisser li nkunu ġwejdin?

• “Dawk li jħennu” għala huma henjin?

• Kif nistgħu nħallu d-​dawl tagħna jiddi?

• Għala għandna nkunu pronti biex ‘nagħmlu paċi maʼ ħuna’?

5. Il-​personalità tagħna kif se tiġi effettwata jekk inkunu ġwejdin bħal Kristu?

6. “Dawk li jħennu” liema kwalitajiet li jispikkaw juru?

9. Kif se naġixxu jekk aħna wħud li jġibu l-​paċi?

[Stampa f’paġna 4]

Ix-​xandir tal-​messaġġ tas-​Saltna huwa mod vitali kif inħallu d-​dawl tagħna jiddi

[Stampa f’paġna 5]

Il-​kondotta tal-​Kristjani għandha tkun eżemplari u fi qbil mal-​livelli għoljin t’Alla

[Stampa f’paġna 6]

Agħmel ħiltek kollha biex tagħmel paċi maʼ ħuk

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja