Ħu Gost bl-Istudju Persunali tal-Kelma t’Alla
“Naħseb f’kull ma int għamilt; nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.”—SALM 77:13 (77:12, NW).
1, 2. (a) Għala rridu nwarrbu l-ħin biex nimmeditaw? (b) X’jiġifieri li timmedita?
BĦALA dixxipli taʼ Ġesù Kristu, ir-relazzjoni tagħna m’Alla u rraġunijiet għala naqdu Lilu huma żewġ affarijiet li għandhom jinteressawna profondament. Madankollu, illum il-biċċa l-kbira min-nies tant jgħixu ħajja mgħaġġla li ma jħallux ħin għall-meditazzjoni. Jinsabu mitlufin fil-geġwiġija taʼ materjaliżmu, konsumiżmu, u ġiri bla sens wara l-pjaċiri. Kif nistgħu nevitaw li nagħmlu ħaġa bla siwi bħal din? Bħalma nwarrbu ħin kuljum speċifikament għal attivitajiet essenzjali, bħal li nieklu u norqdu, hekk ukoll irridu nħallu ħin kuljum biex nimmeditaw fuq l-attivitajiet u l-għemejjel taʼ Jehovah.—Dewteronomju 8:3; Mattew 4:4.
2 Ġieli tieqaf u timmedita? X’jiġifieri li timmedita? Din il-kelma tfisser li wieħed jiffoka ħsibijietu fuq: jirrifletti jew jaħseb fil-fond dwar xi ħaġa; li jikkunsidra speċjalment bil-kwiet, bis-serjetà, u fil-fond. Dan xi jfisser għalina?
3. Maʼ xiex huwa konness direttament il-progress spiritwali?
3 Qabel xejn, dan għandu jfakkarna f’dak li kiteb l-appostlu Pawlu lill-qaddej sieħbu Timotju: “Sa ma niġi, ħu ħsieb il-qari tal-Kotba Mqaddsa, it-twissijiet u t-tagħlim. . . . Dawn il-ħwejjeġ ħu ħsiebhom [‘immedita fuqhom,’ NW], agħti ruħek għalihom [jew, “kun medhi fihom,” NW], biex kulħadd jara li int miexi ’l quddiem.” Iva, il-mixi ’l quddiem u l-progress kienu mistennijin, u kliem Pawlu wera li kien hemm relazzjoni diretta bejn li wieħed jimmedita fuq affarijiet spiritwali u li jimxi ’l quddiem. Dan għadu jgħodd għalina llum. Sabiex ingawdu s-sodisfazzjon li jiġi meta nagħmlu progress spiritwali, għadna rridu ‘nimmeditaw’ u ‘nkunu medhijin’ f’affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Kelma t’Alla.—1 Timotju 4:13-15.
4. Liema provvedimenti tistaʼ tuża biex jgħinuk timmedita regolarment fuq il-Kelma taʼ Jehovah?
4 L-aqwa ħin għalik biex timmedita jiddependi minnek u s-sehem tiegħek fir-rutina tal-familja. Ħafna jimmeditaw fuq vers mill-Bibbja kmieni fil-għodu meta jaqraw mill-ktejjeb Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum. Fil-fatt, xi 20,000 volontier fid-djar Betel madwar id-dinja jibdew il-ġurnata tagħhom billi jagħmlu kwarta jikkunsidraw il-vers Bibliku għal dak in-nhar. Għalkemm kull fil-għodu jkun hemm biss ftit uħud mill-familja taʼ Betel li jikkummentaw b’mod verbali, il-bqija jimmeditaw fuq dak li jkun qed jintqal u jinqara. Xhieda oħra jimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla waqt li jkunu sejrin ix-xogħol. Huma jisimgħu l-awdjokasetts tal-Bibbja u tar-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! li huma disponibbli b’xi lingwi. Ħafna nisa tad-dar jagħmlu dan waqt li jkunu qed jagħmlu l-faċendi. Fil-fatt, ikunu qed jimitaw lis-salmista Asaf, li kiteb: “Niftakar f’għemilek, Mulej; naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi. Naħseb f’kull ma int għamilt; nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.”—Salm 77:12, 13 (77:11, 12, NW).
Attitudni Xierqa Ġġib Riżultati Pożittivi
5. L-istudju persunali għala għandu jkun importanti għalina?
5 Fiż-żminijiet moderni tagħna tat-TV, vidjos, u kompjuters, il-qari ħa daqqa taʼ ħarta kbira. Dan żgur li m’għandux ikun minnu fost ix-Xhieda taʼ Jehovah. Wara kollox, il-qari tal-Bibbja huwa bħal ħabel tas-salvataġġ li jqabbadna maʼ Jehovah. Eluf taʼ snin ilu, Ġożwè sar il-mexxej taʼ Iżrael wara Mosè. Biex jikseb il-barka taʼ Jehovah, Ġożwè kellu jaqra l-Kelma t’Alla għalih innifsu. (Ġożwè 1:8; Salm 1:1, 2) Din għadha ħtieġa llum. Madankollu, minħabba edukazzjoni limitata xi wħud forsi jsibuha diffiċli biex jaqraw jew il-qari jdejjaqhom. Mela, x’jistaʼ jgħinna biex inkunu rridu naqraw u nistudjaw il-Kelma t’Alla? It-tweġiba nistgħu nsibuha fil-kliem tas-Sultan Salamun imniżżel fi Proverbji 2:1-6. Jekk jogħġbok iftaħ il-Bibbja tiegħek u aqra dawn il-versi. Imbagħad se niddiskutuhom flimkien.
6. Liema attitudni għandna nuru lejn l-għarfien t’Alla?
6 L-ewwelnett insibu dan it-tħeġġiġ: “Ibni, jekk int tilqaʼ kliemi, u taħżen ġo fik il-kmandamenti tiegħi billi tagħti widen għall-għerf, u tħalli lil moħħok jifhem sewwa [jikseb “id-dixxerniment,” NW]; . . . ” (Proverbji 2:1, 2) X’nitgħallmu minn dan il-kliem? Li r-responsabbiltà taqaʼ fuqna individwalment. Innota l-kundizzjoni “jekk tilqaʼ kliemi.” Din il-“jekk” hija importanti għax il-biċċa l-kbira min-nies ma jagħtux kas il-Kelma t’Alla. Sabiex nieħdu gost nistudjaw il-Kelma t’Alla, irridu nkunu lesti li nilqgħu kliem Jehovah u nqisuh bħal teżor li ma nixtiqux nitilfuh. Qatt m’għandna nħallu r-rutina tagħna taʼ kuljum iġġagħalna nkunu tant imħabbtin jew aljenati li nibdew nittrattaw il-Kelma t’Alla b’indifferenza, saħansitra b’dubji.—Rumani 3:3, 4.
7. Kulmeta jkun possibbli, għala għandna nkunu preżenti u nagħtu widen fil-laqgħat Kristjani?
7 Noqogħdu attenti verament u ‘nagħtu widen’ bir-reqqa meta l-Kelma t’Alla tkun qiegħda tiġi spjegata fil-laqgħat Kristjani tagħna? (Efesin 4:20, 21) ‘Inħallu lil moħħna jifhem sewwa’ biex b’hekk niksbu d-dixxerniment? Jistaʼ jkun li l-kelliemi ma jkunx l-iktar wieħed t’esperjenza, imma waqt li jkun qed juża l-Kelma t’Alla, dan jixraqlu l-attenzjoni sħiħa tagħna. M’għandniex xi ngħidu, sabiex nagħtu widen għall-għerf taʼ Jehovah, irridu, kulmeta jkun possibbli, inkunu preżenti għal-laqgħat Kristjani. (Proverbji 18:1) Immaġina kemm iddiżappuntaw ruħhom dawk li forsi tilfu l-laqgħa fil-kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm f’Pentekoste tat-33 E.K.! Għalkemm il-laqgħat tagħna m’humiex spettakolari daqs dik il-waħda, fihom tiġi diskussa l-Bibbja, il-ktieb ewlieni għall-istudju tagħna. B’hekk, kull laqgħa tistaʼ tkun barka għalina jekk nagħtu widen u nsegwu fil-Bibbji tagħna.—Atti 2:1-4; Lhud 10:24, 25.
8, 9. (a) X’jirrikjedi minna l-istudju persunali? (b) Kif tqabbel il-valur tad-deheb mal-fehma taʼ l-għarfien t’Alla?
8 Il-kliem li jmiss tas-sultan għaref jgħid: “Jekk issejjaħ l-għerf [“il-fehma,” NW], u tgħolli leħnek għall-fehma t-tajba [“għad-dixxerniment,” NW]; . . . ” (Proverbji 2:3) Liema attitudni jew spirtu jesprimilna dan il-kliem? Bla dubju, xewqa kbira li nifhmu l-Kelma taʼ Jehovah! Dan il-kliem jimplika li rridu nkunu lesti li nistudjaw bl-għan li niksbu d-dixxerniment, li nifhmu x’inhi r-rieda taʼ Jehovah. M’għandniex xi ngħidu, biex nagħmlu hekk hemm bżonn sforz, u dan iġibna għall-kliem u t-tixbiha li jmiss taʼ Salamun.—Efesin 5:15-17.
9 Hu jkompli: “Jekk tfittex l-għerf [il-fehma] bħall-fidda, u tħaffer għalih bħal teżor moħbi; . . . ” (Proverbji 2:4) Dan iġagħalna naħsbu f’dak li rnexxielhom iwettqu fil-minjieri l-irġiel li matul is-sekli fittxew id-deheb u l-fidda, metalli hekk imsejħin prezzjużi. Kien hemm min qatel għad-deheb. Oħrajn qattgħu ħajjithom kollha jipprovaw isibuh. Iżda, kemm jiswa verament id-deheb? Jekk tintilef f’deżert u tkun qed tmut bl-għatx, x’kont tippreferi: ingott tad-deheb jew tazza ilma? Madankollu, kemm fittxewh b’żelu dan id-deheb in-nies, bil-valur artifiċjali tiegħu li dejjem jinbidel!a Kemm iktar għandna nfittxu b’żelu l-għerf, id-dixxerniment, u l-fehma t’Alla u tar-rieda tiegħu! Imma x’inhuma l-benefiċċji taʼ tfittxija bħal din?—Salm 19:8-11 (19:7-10, NW); Proverbji 3:13-18.
10. X’nistgħu nsibu jekk nistudjaw il-Kelma t’Alla?
10 Il-kliem taʼ Salamun ikompli: “Mbagħad tifhem il-biżaʼ tal-Mulej, u ssib it-tagħrif [“l-għarfien,” NW] taʼ Alla.” (Proverbji 2:5) Kemm hu ħsieb taʼ l-għaġeb—li aħna bħala bnedmin imperfetti nistgħu nsibu l-għarfien t’Alla, Jehovah, il-Mulej Sovran taʼ l-univers! (Salm 73:28; Atti 4:24) Il-filosfi u l-hekk imsejħa għorrief tad-dinja ilhom sekli sħaħ jipprovaw jifhmu l-misteri tal-ħajja u l-univers. Madankollu, ma rnexxilhomx isibu l-għarfien t’Alla. Għala? Għalkemm dan ilu disponibbli għal eluf taʼ snin fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja, huma jwarrbuh bħala xi ħaġa sempliċi żżejjed, u b’hekk ma jaċċettawhx u ma jifhmuhx.—1 Korintin 1:18-21.
11. X’inhuma xi benefiċċji taʼ l-istudju persunali?
11 Inċentiv ieħor li Salamun jenfasizza hu: “Il-Mulej jagħti l-għerf, minn fommu ġej it-tagħrif u d-dehen [“dixxerniment,” NW].” (Proverbji 2:6) Jehovah minn qalbu u b’mod ġeneruż jagħti għerf, għarfien, u dixxerniment lil kulmin lest li jfittex għalihom. Żgur li għandna kull raġuni biex napprezzaw l-istudju persunali tal-Kelma t’Alla, avolja jeħtieġ sforz, dixxiplina, u sagrifiċċju. Għallinqas għandna kopji stampati tal-Bibbja u ma rridux noqogħdu nagħmlu kopji bil-miktub, bħalma kellhom jagħmlu xi wħud fl-imgħoddi!—Dewteronomju 17:18, 19.
Biex Ngħixu Sewwa Kif Jixraq lil Jehovah
12. X’għandu jkun il-motiv tagħna meta nfittxu l-għarfien t’Alla?
12 X’għandu jkun il-motiv għall-istudju persunali tagħna? Biex nidhru aħjar minn ħaddieħor? Biex nuru li għandna iktar għarfien? Biex attwalment insiru nafu dak kollu li hemm fil-Bibbja? Le. Il-mira tagħna hi li nkunu Kristjani f’dak kollu li ngħidu u nagħmlu, dejjem lesti li ngħinu lil oħrajn, fl-ispirtu rifreskanti taʼ Kristu. (Mattew 11:28-30) L-appostlu Pawlu wissa: “L-għerf [“għarfien,” NW] jonfoħna; l-imħabba tibnina.” (1 Korintin 8:1) Għalhekk, għandu jkollna l-attitudni umli li wera Mosè meta qal lil Jehovah: “Għallimni triqatek, biex nagħrfek u nsib ħniena quddiemek.” (Eżodu 33:13) Iva, għandna nixtiequ li jkollna l-għarfien sabiex nogħġbu lil Alla, mhux biex nimpressjonaw lin-nies. Irridu nkunu qaddejja t’Alla li huma umlin u li jgħixu kif jixraq lilu. Kif nistgħu nilħqu din il-mira?
13. X’hemm bżonn biex wieħed ikun qaddej t’Alla kif jixraq Lilu?
13 Pawlu ta parir lil Timotju dwar kif jogħġob lil Alla billi qal: “Agħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa [‘jimmaniġġa sewwa,’ NW] l-kelma tal-verità.” (2 Timotju 2:15) L-espressjoni ‘timmaniġġa sewwa’ ġejja minn verb Grieg li huwa msawwar b’żewġ kelmiet jew iktar li oriġinalment kien ifisser “taqtaʼ dritt.” (Kingdom Interlinear) Skond xi wħud, dan jissuġġerixxi l-idea taʼ ħajjât li jaqtaʼ d-drapp skond mudell, taʼ bidwi li jagħmel ir-raddi fl-għalqa, eċċetra. Hu x’inhu li jissuġġerixxi, ir-riżultat finali jrid ikun preċiż, jew dritt. Il-punt hu li biex ikun qaddej approvat t’Alla kif jixraq Lilu, Timotju kellu ‘jagħmel mill-aħjar’ biex ikun ċert li t-tagħlim u l-kondotta tiegħu jkunu fi qbil mal-kelma tal-verità.—1 Timotju 4:16.
14. L-istudju persunali tagħna kif għandu jeffettwana f’dak li nagħmlu u ngħidu?
14 Pawlu ħareġ l-istess punt meta ħeġġeġ lil sħabu l-Kristjani f’Kolossi biex ‘jgħixu sewwa kif jixraq lill-Mulej u jogħġbuh f’kollox’ billi jagħmlu l-frott f’kull opra tajba u jikbru fl-għarfien t’Alla. (Kolossin 1:10) Pawlu hawn jagħmel konnessjoni bejn li wieħed jgħix kif jixraq lil Jehovah u li jagħmel il-frott f’kull opra tajba kif ukoll li jikber fl-għarfien t’Alla. Fi kliem ieħor, dak li jgħodd għal Jehovah m’huwiex biss kemm napprezzaw l-għarfien imma wkoll kemm inżommu mill-qrib mal-Kelma t’Alla f’dak li nagħmlu u ngħidu. (Rumani 2:21, 22) Dan ifisser li l-istudju persunali tagħna għandu jeffettwa l-mod kif naħsbu u naġixxu jekk irridu nogħġbu lil Alla.
15. Kif nistgħu nipproteġu u nikkontrollaw lil moħħna u ħsibijietna?
15 Illum, Satana huwa determinat li jkisser l-ispiritwalità tagħna billi jmexxi ’l quddiem battalja li tinvolvi l-moħħ. (Rumani 7:14-25) Għalhekk, għandna nipproteġu u nikkontrollaw lil moħħna u ħsibijietna sabiex inkunu wħud li jgħixu kif jixraq lil Alla tagħna, Jehovah. L-arma li għandna hija “l-għarfien taʼ Alla,” li kapaċi ‘ijassar kull ħsieb għall-ubbidjenza lil Kristu.’ Din hija raġuni akbar għala għandna noqogħdu attenti li nistudjaw il-Bibbja kuljum, għax irridu nqaċċtu ’l barra minn moħħna ħsibijiet egoistiċi u karnali.—2 Korintin 10:5.
Għajnuniet biex Nifhmu
16. Kif nistgħu nibbenefikaw hekk kif Jehovah jgħallimna?
16 It-tagħlim taʼ Jehovah iġib benefiċċji spiritwali u fiżiċi. M’huwiex teoloġija bla gost u akkademika. B’hekk naqraw: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.” (Isaija 48:17) Jehovah kif iqabbadna t-triq li hija taʼ ġid għalina? L-ewwelnett, għandna l-Kelma mnebbħa tiegħu, il-Bibbja Mqaddsa. Din hija l-ktieb ewlieni għall-istudju tagħna li nirreferu għalih spiss. Għalhekk huwa tajjeb li nsegwu dak li jintqal fil-laqgħat Kristjani billi niftħu l-Bibbji tagħna. Il-benefiċċji li jiġu jekk nagħmlu dan jistgħu jidhru mir-rakkont dwar l-ewnuku Etjopjan, imniżżel f’Atti kapitlu 8.
17. X’ġara fil-każ taʼ l-ewnuku Etjopjan, u dan x’juri?
17 L-ewnuku Etjopjan kien ikkonverta għall-Ġudaiżmu. Hu kien jemmen sinċerament f’Alla, u kien jistudja l-Iskrittura. Waqt li kien qed jivvjaġġa fil-karru tiegħu, l-ewnuku kien qed jaqra silta minn Isaija meta Filippu ġera għal ħdejh u staqsieh: “Dan li qed taqra qiegħed tifhmu?” X’wieġbu l-ewnuku? “‘Kif nistaʼ nifhem jekk xi ħadd ma jurinix?’ Mbagħad stieden lil Filippu biex jitlaʼ bilqiegħda ħdejh.” Imbagħad Filippu, bid-direzzjoni taʼ l-ispirtu, għen lill-ewnuku jifhem il-profezija taʼ Isaija. (Atti 8:27-35) Dan x’juri? Li l-qari tagħna tal-Bibbja fil-privat m’huwiex biżżejjed. Jehovah, bl-ispirtu tiegħu, juża l-klassi taʼ l-ilsir leali u diskret biex tgħinna nifhmu l-Kelma tiegħu fil-ħin u fil-waqt. Dan kif isir?—Mattew 24:45-47; Luqa 12:42.
18. Il-klassi taʼ l-ilsir leali u diskret kif tgħinna?
18 Għalkemm il-klassi taʼ l-ilsir hija deskritta bħala leali u diskreta, Ġesù ma qalx li kienet se tkun infallibbli. Dan il-grupp t’aħwa midlukin leali għadu magħmul minn Kristjani imperfetti. Avolja bl-aħjar intenzjonijiet, dawn jistgħu jieħdu żball, bħalma kultant ħadu xi wħud fl-ewwel seklu. (Atti 10:9-15; Galatin 2:8, 11-14) Madankollu, il-motiv tagħhom huwa pur, u Jehovah qed jużahom biex jipprovdulna l-għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja biex nibnu l-fidi tagħna fil-Kelma t’Alla u l-wegħdi tiegħu. Il-provvediment bażiku li tana l-ilsir għall-istudju persunali huwa n-New World Translation of the Holy Scriptures. Din issa hi disponibbli, jew sħiħa jew partijiet minnha, bi 42 lingwa, u ġew stampati 114-il kopja tagħha f’diversi edizzjonijiet. Kif nistgħu nużawha b’mod effettiv fl-istudju persunali tagħna?—2 Timotju 3:14-17.
19. Liema huma xi karatteristiċi tan-New World Translation—With References li jistgħu jkunu t’għajnuna fl-istudju persunali?
19 Ħu per eżempju n-New World Translation of the Holy Scriptures—With References. Din għandha kolonni taʼ referenzi marġinali, noti taʼ taħt, indiċi żgħir tal-kliem f’għamla taʼ “Bible Words Indexed” u “Footnote Words Indexed,” u Appendiċi estensiva li tkopri 43 suġġett, inkluż mapep u tabelli. Hemm ukoll l-“Introduction,” li tagħti spjegazzjoni dwar il-ħafna sorsi użati għal din it-traduzzjoni unika tal-Bibbja. Jekk inhi disponibbli b’lingwa li tistaʼ tifhem, agħmel li tistaʼ biex issir midħla taʼ dawn il-karatteristiċi u użahom. Fi kwalunkwe każ, il-Bibbja hija l-pedament għall-programm taʼ studju tagħna, u permezz tan-New World Translation, għandna verżjoni li b’mod xieraq tenfasizza l-isem divin hekk kif tiġbed l-attenzjoni lejn il-ħakma tas-Saltna t’Alla.—Salm 149:1-9; Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10.
20. Issa liema mistoqsijiet dwar l-istudju persunali jeħtieġu tweġiba?
20 Issa, għandna mnejn nistaqsu: ‘Liema għajnuna oħra għandna bżonn biex nifhmu l-Bibbja? Kif nistgħu nippjanaw il-ħin għall-istudju persunali? Kif nistgħu nagħmlu l-istudju tagħna iktar effettiv? L-istudju tagħna kif għandu jeffettwa lil oħrajn?’ L-artiklu li jmiss se jikkunsidra dawn l-aspetti vitali tal-progress Kristjan tagħna.
[Nota taʼ taħt]
a Mill-1979 ’l hawn il-valur tad-deheb telaʼ u niżel diversi drabi. L-ogħla prezz kien taʼ Lm370 għal kull 31 gramma fl-1980 u l-iktar prezz baxx kien dak taʼ Lm110 għal kull 31 gramma fl-1999.
Tiftakar Int?
• X’jiġifieri li timmedita?
• Liema attitudni għandu jkollna lejn l-istudju tal-Kelma t’Alla?
• X’għandu jkun il-motiv għall-istudju persunali tagħna?
• Liema għajnuniet għandna biex nifhmu l-Bibbja?
[Stampa f’paġna 15]
Il-membri tal-familja taʼ Betel isibu li l-fatt li jibdew kull ġurnata billi jikkunsidraw vers mill-Bibbja jsaħħaħhom spiritwalment
[Stampi f’paġna 15]
Billi wieħed jismaʼ t-tejps tal-Bibbja waqt li jivvjaġġa jkun qed juża tajjeb il-ħin prezzjuż
[Stampa f’paġna 16]
Il-bnedmin ħadmu iebes u għal żmien twil biex jakkwistaw id-deheb. Kemm tagħmel sforz int biex tistudja l-Kelma t’Alla?
[Sors]
Courtesy of California State Parks, 2002
[Stampi f’paġna 17]
Il-Bibbja hija teżor li tistaʼ twassal għall-ħajja taʼ dejjem