Jistaʼ Xi Ħadd Ibiddel Verament id-Dinja?
“Il-foqra jgħidulna li, iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, dak li jixtiequ hu l-paċi u s-sigurtà—u mbagħad li jkollhom opportunitajiet biex itejbu ħajjithom. Huma jridu sistemi nazzjonali u internazzjonali sabiex l-isforzi tagħhom ma jitħassrux minn qawwiet b’saħħithom f’pajjiżi sinjuri u minn kumpaniji għonja.”
DAN hu kif direttriċi t’aġenzija internazzjonali li tagħti l-għajnuna ddeskriviet it-tamiet u x-xewqat taʼ dawk li huma foqra. Fil-fatt, kliemha jiddeskrivi sew ix-xewqa taʼ kull vittma fid-dinja li sofriet traġedja jew inġustizzja. Ilkoll kemm huma jixxennqu għal dinja li tkun mimlija paċi u sigurtà vera. Dinja bħal din qatt se ssir realtà? Hemm xi ħadd li vera għandu l-qawwa u l-abbiltà li jġib bidla f’din id-dinja li hi verament inġusta?
Sforzi li Jġibu Barkiet
Ħafna nies ipprovaw. Per eżempju, Florence Nightingale, mara Ingliża li kienet tgħix fid-19-il seklu, iddedikat ħajjitha biex dawk li kienu morda jingħataw kura medika li tilħaq livell tajjeb taʼ iġjene, u għamlet ċert li din tingħata b’mogħdrija. Fi żmienha—qabel ma kien hemm l-antisettiċi u l-antibijotiċi—il-kura tal-morda ma kinitx kif nistennew li tkun illum. Ktieb wieħed jgħid li l-infermiera kienu bla edukazzjoni, ma kinux nodfa, u kienu magħrufin għas-sokor u għall-ħajja immorali li kienu jgħixu. Kellha Florence Nightingale xi suċċess fl-isforzi tagħha biex tbiddel il-qasam tal-kura tal-morda? Iva. B’mod simili, ħafna nies li jimpurtahom u li huma altruisti kellhom suċċess mill-aqwa f’ħafna oqsma tal-ħajja, bħal per eżempju billi tejbu l-qari u l-kitba, l-edukazzjoni, il-mediċina, l-akkomodazzjoni, u l-programmi tat-tqassim taʼ l-ikel, biex insemmu biss ftit. B’riżultat taʼ dan, sar titjib sinifikanti fil-kwalità tal-ħajja taʼ miljuni taʼ nies li huma żvantaġġati.
Madankollu, ma nistgħux ninjoraw din ir-realtà kiefra: Mijiet taʼ miljuni taʼ nies għadhom isofru mill-gwerer, il-kriminalità, il-mard, il-ġuħ, u problemi oħra. Aġenzija Irlandiża li tagħti l-għajnuna bl-isem taʼ Concern tgħid li “l-faqar joqtol 30,000 persuna kuljum.” Anki l-iskjavitù, li kien il-mira taʼ ħafna riformisti tul is-sekli, għadu madwarna. Id-Disposable People—New Slavery in the Global Economy jgħid, “Hemm iktar skjavi ħajjin illum milli kien hemm meta nsterqu n-nies mill-Afrika fiż-żmien meta kien hawn l-ittraffikar taʼ l-iskjavi lejn l-Amerika.”
X’kien dak li tellef l-isforzi tan-nies biex iġibu bidla dejjiema? Huwa dan biss minħabba l-qawwa taʼ l-għonja u taʼ dawk fil-poter, jew hemm iktar involut?
Affarijiet li Ma Jħallux il-Bidliet Iseħħu
Skond il-Kelma t’Alla, l-akbar problema li ma tħallix l-isforzi tal-bniedem iġibu dinja verament ġusta hi Satana x-Xitan. L-appostlu Ġwanni jgħid li “d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Fil-fatt, bħalissa Satana qed “iqarraq bl-art abitata kollha.” (Rivelazzjoni 12:9) Sakemm ma titneħħiex l-influwenza mill-agħar tiegħu, se jibqaʼ jkun hawn vittmi tal-ħażen u l-inġustizzja. X’kien dak li ġab din is-soluzzjoni tal-biki?
Il-ġenituri oriġinali tagħna, Adam u Eva, ngħataw art li kienet disinjata b’tali mod li kienet ġenna taʼ l-art perfetta għall-familja umana kollha—dinja li kienet ‘tajba ħafna.’ (Ġenesi 1:31) X’kien dak li ġab din il-bidla? Kien Satana. Hu sfida d-dritt li għandu Alla biex jagħmel ir-regoli li l-irġiel u n-nisa għandhom jimxu magħhom. Hu insinwa li l-mod kif Alla jaħkem m’huwiex ġust. Hu ġagħal lil Adam u lil Eva jagħżlu ħajja indipendenti sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu għalihom infushom dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. (Ġenesi 3:1-6) Dan wassal għat-tieni problema li ma tħallix l-isforzi li jagħmel il-bniedem iġibu dinja ġusta—id-dnub u l-imperfezzjoni.—Rumani 5:12.
Għala Tħalla?
Xi wħud jistaqsu, ‘Imma Alla għala ħalla d-dnub u l-imperfezzjoni jiżviluppaw? Għala m’użax il-qawwa bla limitu tiegħu sabiex jeqred ir-ribelli u jerġaʼ jibda mill-bidu?’ Kemm tinstemaʼ li kienet tkun soluzzjoni faċli! Madankollu, l-użu tal-qawwa tiegħu tqajjem mistoqsijiet serji. M’huwiex minnu li l-abbuż tal-poter huwa r-raġuni prinċipali għall-problemi taʼ dawk li huma foqra u li huma magħkusin fid-dinja? Ma jqajjimx dan mistoqsijiet fi mħuħ dawk li huma sinċieri meta xi dittaturi jużaw il-qawwa tagħhom biex jeqirdu lil dawk li ma jaqblux mar-regoli tagħhom?
Sabiex jaċċerta lil dawk li huma onesti li m’huwiex xi tirann li se jabbuża mill-qawwa tiegħu, Alla għażel li jħalli lil Satana u r-ribelli umani jkunu indipendenti mil-liġijiet u l-prinċipji divini—għal żmien qasir biss. Iż-żmien kellu jagħti prova li l-mod kif jaħkem Alla huwa l-uniku mod tajjeb. Kellu juri li kwalunkwe restrizzjoni li jpoġġi fuqna jagħmilha għall-ġid tagħna. Fil-fatt, ir-riżultati traġiċi li ġabet ir-ribelljoni kontra l-ħakma t’Alla wrew kemm dan huwa minnu. U taw prova li Alla għandu raġuni valida biex juża l-qawwa kbira tiegħu biex jelimina kull ħażen meta jiddeċiedi li jagħmel dan. Dan mhux se jdum ma jseħħ.—Ġenesi 18:23-32; Dewteronomju 32:4; Salm 37:9, 10, 38.
Biss, sakemm jaġixxi Alla, aħna ninsabu maqbudin f’sistema inġusta, ‘nokorbu u nħossu l-uġigħ flimkien.’ (Rumani 8:22) Nagħmlu x’nagħmlu biex inbiddlu l-affarijiet, ma nistgħux neħilsu minn Satana, u lanqas ma nistgħu nneħħu kompletament l-imperfezzjoni li hi l-problema bażika tas-sofferenza kollha li nesperjenzaw. Aħna żgur li ma nistgħux nipprovdu rimedju għall-effetti tad-dnub li wrietna minn Adam.—Salm 49:8-10 (49:7-9, NW).
Ġesù Kristu Se Jġib Bidla Dejjiema
Ifisser dan li s-sitwazzjoni hija kompletament bla tama? Żgur li le. Xi ħadd li hu bil-wisq iktar minn sempliċi bniedem mortali ġie inkarigat bir-responsabbiltà taʼ li jġib bidla permanenti. Dan min hu? Huwa Ġesù Kristu. Fil-Bibbja huwa deskritt bħala l-Aġent Ewlieni għas-salvazzjoni tal-familja umana.—Atti 5:31.
Bħalissa hu qed jistenna għaż-“żmien stabbilit” t’Alla sabiex ikun jistaʼ jaġixxi. (Rivelazzjoni 11:18) X’se jagħmel eżattament? Hu se ‘jġedded l-affarijiet kollha li Alla tkellem dwarhom b’fomm il-profeti mqaddsa tiegħu tal-qedem.’ (Atti 3:21) Per eżempju, Ġesù se “jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. . . . Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija.” (Salm 72:12-16) Permezz taʼ Ġesù Kristu, Alla wiegħed li se “jwaqqaf il-gwerer sa truf l-art.” (Salm 46:10 [46:9, NW]) Hu jwiegħed: “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” L-għomja, it-torox, iz-zopop—dawk kollha li huma milqutin minn xi mard—se tingħatalhom saħħa perfetta. (Isaija 33:24; 35:5, 6; Rivelazzjoni 21:3, 4) Anki dawk li mietu sekli ilu se jibbenefikaw. Hu wiegħed li se jġib lura għall-ħajja lil dawk kollha li kienu vittmi taʼ l-inġustizzja u l-oppressjoni.—Ġwanni 5:28, 29.
Ġesù Kristu mhux se jġib bidla parzjali jew temporanja. Hu se jneħħi għalkollox kull problema li ma tħallix lil din id-dinja tkun verament ġusta. Hu se jneħħi d-dnub u l-imperfezzjoni u se jeqred lil Satana x-Xitan u lil dawk kollha li jsegwu r-ribelljoni tiegħu. (Rivelazzjoni 19:19, 20; 20:1-3, 10) In-niket u s-sofferenza li Alla ħalla għal ftit żmien mhux se jitħallew ‘iqumu darbtejn.’ (Naħum 1:9) Dan kellu f’moħħu Ġesù meta għallimna nitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla u biex isseħħ ir-rieda tiegħu “kif fis-sema, ukoll fuq l-art.”—Mattew 6:10.
Forsi għandek mnejn toġġezzjona, ‘Imma mhux Ġesù nnifsu qal li “l-foqra dejjem magħna”? Ma jurix dan li l-inġustizzja u l-faqar se jibqgħu għal dejjem?’ (Mattew 26:11) Iva, Ġesù vera qal li dejjem se jkun hemm il-foqra. Madankollu, il-kuntest tal-kliem tiegħu kif ukoll il-wegħda tal-Kelma t’Alla juru li dak li ried ifisser kien li l-foqra dejjem se jkunu hemm sakemm tibqaʼ din is-sistema. Hu kien jaf li l-ebda bniedem m’hu qatt se jkun jistaʼ jneħħi l-faqar u l-inġustizzja mid-dinja. Hu kien jaf ukoll li kien se jbiddel dan kollu. Hu dalwaqt se jġib sistema kompletament ġdida—“smewwiet ġodda u art ġdida” fejn mhux se jkun hemm iktar uġigħ, mard, faqar, u mewt.—2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:1.
“Tinsewx Tagħmlu l-Ġid”
Ma jurix dan kollu li ma jagħmilx sens li tipprova tagħmel ħiltek kollha biex tgħin lin-nies? Żgur li le. Il-Bibbja tinkuraġġina biex ngħinu lil oħrajn meta jiffaċċjaw xi provi jew xi ċirkustanzi taʼ niket. Is-Sultan Salamun tal-qedem kiteb: “Min ħaqqu l-ġid tiċħadhulux, meta dan tistaʼ tagħmlu.” (Proverbji 3:27) L-appostlu Pawlu ħeġġeġ: “Tinsewx tagħmlu l-ġid u taqsmu m’oħrajn.”—Ebrej 13:16.
Ġesù Kristu nnifsu inkuraġġiena nagħmlu ħilitna biex ngħinu lil oħrajn. Hu ġab tixbiha taʼ Samaritan li ltaqaʼ maʼ raġel li kienu sawtuh u serquh. Ġesù qal li r-raġel Samaritan “tħassru” u uża r-riżorsi tiegħu stess biex jinfaxxa l-feriti tar-raġel li kien ġie msawwat u għenu jirkupra mill-assalt. (Luqa 10:29-37) Il-mogħdrija tas-Samaritan ma biddlitx id-dinja, imma għamlet differenza kbira fil-ħajja taʼ dan ir-raġel. Aħna nistgħu nagħmlu l-istess.
Madankollu, Ġesù Kristu jistaʼ jagħmel iktar milli jgħin biss lil uħud individwalment. Hu jistaʼ verament iġib bidla, u se jagħmel hekk dalwaqt. Meta jagħmel hekk, dawk li sfaw vittmi minħabba l-kundizzjonijiet taʼ din id-dinja inġusta se jkunu jistgħu jtejbu l-ħajjiet tagħhom u jgawdu paċi u sigurtà vera.—Salm 4:8; 37:10, 11.
Sakemm nistennew li dan iseħħ, jalla qatt ma noqogħdu lura milli nagħmlu ħilitna, kemm spiritwalment u kemm materjalment, biex “nagħmlu t-tajjeb” maʼ dawk kollha li huma vittmi taʼ din id-dinja inġusta.—Galatin 6:10.
[Stampi f’paġna 5]
Florence Nightingale għamlet bidliet kbar fil-qasam tal-kura
[Sors]
Courtesy National Library of Medicine
[Stampi f’paġna 7]
Is-segwaċi taʼ Kristu jagħmlu l-ġid maʼ l-oħrajn
[Sors tal-Istampa f’paġna 4]
The Star, Johannesburg, S.A.