“Sabiex Ma Tidħlux fit-Tentazzjoni”
“Ibqgħu għassa u itolbu kontinwament, sabiex ma tidħlux fit-tentazzjoni.”—MATTEW 26:41.
IL-PRESSJONI kienet intensa—qatt ma kien esperjenza xi ħaġa simili. Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla, kien qorob it-tmiem tal-ħajja tiegħu fuq l-art. Ġesù kien jaf li ftit ieħor hu kien se jiġi arrestat, ikkundannat għall-mewt, u msammar maʼ zokk tat-tortura. Kien jaf li kull deċiżjoni u azzjoni li jieħu kienet se tirrifletti fuq l-isem taʼ Missieru. Ġesù kien jaf ukoll li kien wasal il-ħin biex jiġu determinati l-prospetti għall-ħajja futura taʼ l-umanità. X’ħin sab ruħu wiċċ imbwiċċ maʼ din il-pressjoni, x’għamel?
2 Ġesù mar fil-ġnien tal-Ġetsemani mad-dixxipli tiegħu. Dan kien il-post favorit taʼ Ġesù. Hemmhekk hu resaq ftit ’il bogħod mid-dixxipli tiegħu. Kif sab ruħu waħdu, dar lejn Missieru tas-sema biex jagħtih is-saħħa billi fetaħ qalbu miegħu b’talb ħerqan—mhux darba biss imma tliet darbiet. Minkejja li kien perfett, Ġesù ma ħassx li setaʼ jiffaċċja l-pressjoni waħdu.—Mattew 26:36-44.
3 Illum, aħna wkoll ninsabu taħt pressjoni. Iktar kmieni f’dan il-browxer, ikkunsidrajna l-evidenza li aħna qegħdin ngħixu fl-aħħar jiem taʼ din is-sistema mill-agħar. It-tentazzjonijiet u l-istress tad-dinja taʼ Satana qed jiħraxu. Id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet taʼ kull wieħed u waħda minna li nistqarru li naqdu lill-Alla veru jirriflettu fuq ismu u għandhom effett kbir fuq il-prospetti individwali tagħna għall-ħajja fid-dinja l-ġdida tiegħu. Aħna nħobbuh lil Ġeħova. Irridu ‘nissaportu sat-tmiem’—it-tmiem taʼ ħajjitna jew it-tmiem taʼ din is-sistema, liema minnhom jiġi l-ewwel. (Mattew 24:13) Imma kif nistgħu nżommu s-sens t’urġenza tagħna u nibqgħu għassa?
4 Billi kien jaf li d-dixxipli tiegħu—kemm taʼ dak iż-żmien u kemm taʼ issa—ukoll kienu se jkunu taħt pressjoni, Ġesù ħeġġeġ: “Ibqgħu għassa u itolbu kontinwament, sabiex ma tidħlux fit-tentazzjoni.” (Mattew 26:41) Xi jfisser dan il-kliem għalina llum? X’tentazzjonijiet qed tiffaċċja int? U kif tistaʼ ‘tibqaʼ għassa’?
Tentazzjoni għal Xiex?
5 Ilkoll kemm aħna kuljum niffaċċjaw it-tentazzjoni li naqgħu fin-“nassa tax-Xitan.” (2 Timotju 2:26) Il-Bibbja twissina li l-aduraturi taʼ Ġeħova huma l-mira speċjali taʼ Satana. (1 Pietru 5:8; Rivelazzjoni 12:12, 17) B’liema skop? Mhux neċessarjament biex jiħdilna ħajjitna. Ma tkunx rebħa għal Satana li kieku kellna mmutu leali lejn Ġeħova. Satana huwa konxju li Ġeħova, fiż-żmien Tiegħu, se jneħħi l-mewt permezz taʼ l-irxoxt.—Luqa 20:37, 38.
6 Satana jixtieq jeqred xi ħaġa saħansitra iktar prezzjuża mill-ħajja li għandna bħalissa—l-integrità tagħna lejn Alla. Satana huwa ddisprat biex jagħti prova li hu jistaʼ jbegħedna minn Ġeħova. Għalhekk, jekk aħna nistgħu niġu influwenzati biex ma nibqgħux leali—biex ma nibqgħux inxandru l-aħbar tajba jew biex nabbandunaw il-livelli Kristjani—din tkun vittorja għal Satana! (Efesin 6:11-13) Għalhekk, “it-Tentatur” ipoġġi t-tentazzjonijiet quddiemna.—Mattew 4:3.
7 It-“tattiċi qarrieqa” taʼ Satana huma varjati. (Efesin 6:11, Jewish New Testament) Hu jistaʼ jittantana bil-materjaliżmu, biżaʼ, dubji, jew ġiri wara l-pjaċiri. Imma waħda mill-aħjar tattiċi tiegħu tinvolvi l-iskuraġġiment. Hu opportunist li jilħaqlu u jaf li l-qtugħ taʼ qalb jistaʼ jdgħajjifna, u jagħmilna iktar vulnerabbli. (Proverbji 24:10) Għalhekk, speċjalment meta ‘nħossuna mfarrkin’ emozzjonalment, hu jittantana biex naqtgħu qalbna.—Salm 38:9 (38:8, NW ).
8 Hekk kif noqorbu iktar lejn it-tmiem taʼ l-aħħar jiem, dawk l-affarijiet li jikkaġunaw l-iskuraġġiment jidhru li qed jiżdiedu, u aħna m’aħniex ħelsin mill-influwenza tagħhom. (Ara l-kaxxa “Xi Fatturi li Jikkaġunaw l-Iskuraġġiment.”) Hu x’inhu l-kaġun, l-iskuraġġiment jistaʼ jixorbilna saħħitna. Ikun taʼ sfida biex ‘nużaw il-ħin bl-aħjar mod’—fosthom li nistudjaw il-Bibbja, nattendu l-laqgħat Kristjani, u nieħdu sehem fil-ministeru—jekk inkunu għajjenin fiżikament, mentalment, u emozzjonalment. (Efesin 5:15, 16) Ftakar li t-Tentatur iridek tieqaf. Imma issa mhux iż-żmien li tnaqqas il-pass jew li titlef is-sens t’urġenza tiegħek dwar iż-żminijiet li qed ngħixu fihom! (Luqa 21:34-36) Kif tistaʼ tirreżisti t-tentazzjoni u tibqaʼ għassa? Ikkunsidra erbaʼ suġġerimenti li jistgħu jkunu t’għajnuna.
‘Itlob Kontinwament’
9 Strieħ fuq Ġeħova permezz tat-talb. Ftakar fl-eżempju taʼ Ġesù fil-ġnien tal-Ġetsemani. Meta ffaċċja stress emozzjonali kbir, x’għamel? Hu dar lejn Ġeħova għall-għajnuna, u tant talab bil-ħerqa li “l-għaraq tiegħu beda nieżel fl-art bħal qtar tad-demm.” (Luqa 22:44) Aħseb dwar dan. Ġesù kien jafu sew lil Satana. Mis-sema, Ġesù kien osserva t-tentazzjonijiet kollha taʼ Satana biex jipprova jonsob lill-qaddejja t’Alla. Madankollu, Ġesù ma ħassx li hu setaʼ jkampa faċilment maʼ dak kollu li t-Tentatur setaʼ jippreżentalu quddiemu. Jekk l-Iben perfett t’Alla ħass il-bżonn li jitlob għall-għajnuna u għas-saħħa mingħand Alla, kemm iktar imissna nagħmlu hekk aħna!—1 Pietru 2:21.
10 Ftakar ukoll li wara li ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex ‘jitolbu kontinwament,’ Ġesù qal: “L-ispirtu hu ħerqan imma l-laħam dgħajjef.” (Mattew 26:41) Ġesù għal-laħam taʼ min kien qed jirreferi? Żgur li mhux għal tiegħu; il-laħam uman perfett tiegħu ma kellu xejn dgħajjef fih. (1 Pietru 2:22) Imma kienet sitwazzjoni differenti għad-dixxipli tiegħu. Minħabba l-imperfezzjoni u t-tendenzi midinba li wirtu, huma kien se jkollhom bżonn l-għajnuna b’mod speċjali biex jirreżistu t-tentazzjoni. (Rumani 7:21-24) Kien għalhekk li hu ħeġġeġ lilhom—u lill-Kristjani veri kollha warajhom—biex jitolbu għall-għajnuna meta jiffaċċjaw xi tentazzjoni. (Mattew 6:13) Ġeħova jwieġbu talb bħal dan. (Salm 65:3, 4a [65:2, NW ]) Kif? Mill-inqas b’żewġ modi.
11 L-ewwel, Alla jgħinna nagħrfu t-tentazzjonijiet. It-tentazzjonijiet taʼ Satana huma bħal nasbiet mitfugħin ġo passaġġ mudlam. Jekk ma tarahomx, tistaʼ tinqabad ġo waħda minnhom. Permezz tal-Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha, Ġeħova jitfaʼ d-dawl fuq in-nasbiet taʼ Satana, u b’hekk jgħinna nevitaw li nċedu għat-tentazzjoni. Matul iż-żmien, il-letteratura stampata u l-programmi tal-konvenzjonijiet u l-assembleat wissewna ripetutament għal perikli bħalma huma l-biżaʼ mill-bniedem, l-immoralità sesswali, il-materjaliżmu, u tentazzjonijiet sataniċi oħrajn. (Proverbji 29:25; 1 Korintin 10:8-11; 1 Timotju 6:9, 10) Ma tħossokx grat lejn Ġeħova talli jwissina dwar il-pjanijiet taʼ Satana? (2 Korintin 2:11) Twissijiet bħal dawn huma tweġiba għat-talb tiegħek għall-għajnuna biex tirreżisti t-tentazzjonijiet.
12 It-tieni, Ġeħova jwieġeb it-talb tagħna billi jagħtina s-saħħa biex nissaportu t-tentazzjoni. Il-Kelma tiegħu tgħid: “Alla . . . ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma mat-tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.” (1 Korintin 10:13) Alla qatt ma se jippermetti li xi tentazzjoni tant tkun qawwija li ma jkollniex saħħa spiritwali biżżejjed biex nirreżistuha—dment li nkomplu nistrieħu fuqu. Hu kif ‘jiftħilna t-triq’? Hu “jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh.” (Luqa 11:13) Dan l-ispirtu jistaʼ jgħinna niftakru fi prinċipji Bibliċi li jistgħu jsaħħu r-riżoluzzjoni tagħna biex nagħmlu dak li hu sewwa u jgħinna biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. (Ġwanni 14:26; Ġakbu 1:5, 6) Jistaʼ jgħinna nuru dawk il-kwalitajiet li għandna bżonn biex negħlbu tendenzi ħżiena. (Galatin 5:22, 23) L-ispirtu t’Alla jistaʼ wkoll iqanqal lil sħabna fit-twemmin biex ikunu ‘għajnuna li ssaħħaħna.’ (Kolossin 4:11) Ma tħossokx grat li Ġeħova jwieġeb b’tant imħabba t-talb tiegħek għall-għajnuna?
Kun Realistiku fl-Istennijiet Tiegħek
13 Sabiex nibqgħu għassa, għandna bżonn inkunu realistiċi fl-istennijiet tagħna. Minħabba l-pressjonijiet tal-ħajja, ilkoll kemm aħna ngħejjew kultant. Imma rridu niftakru li Alla qatt ma wiegħed li se jkollna ħajja mingħajr problemi f’din is-sistema qadima. Anki fi żminijiet Bibliċi, il-qaddejja taʼ Ġeħova ffaċċjaw ħafna kuntrarju, fosthom persekuzzjoni, faqar, dipressjoni, u mard.—Atti 8:1; 2 Korintin 8:1, 2; 1 Tessalonikin 5:14; 1 Timotju 5:23.
14 Illum, aħna wkoll qed niffaċċjaw il-problemi. Għandna mnejn niffaċċjaw il-persekuzzjoni, ikollna ansjetajiet finanzjarji, nitqabdu mad-dipressjoni, nimirdu, jew inbatu b’modi oħrajn. Kieku Ġeħova jipproteġina mirakolożament minn kull ħsara, ma kienx dan ikun bażi soda biex Satana jgħajjar lil Ġeħova? (Proverbji 27:11) Ġeħova jippermetti li l-qaddejja tiegħu jiġu ttantati u jgħaddu mill-provi, xi drabi anki b’mewt qabel il-waqt f’idejn min ikun kontrihom.—Ġwanni 16:2.
15 Mela Ġeħova x’wiegħed? Bħalma ntqal qabel, hu wegħedna li se jgħinna nifilħu għal kull tentazzjoni li nistgħu niltaqgħu magħha, dejjem jekk aħna nafdaw fih kompletament. (Proverbji 3:5, 6) Permezz tal-Kelma tiegħu, l-ispirtu tiegħu, u l-organizzazzjoni tiegħu, hu jipproteġina spiritwalment billi jgħinna nipproteġu r-relazzjoni tagħna miegħu. Jekk dik ir-relazzjoni tibqaʼ hemm, saħansitra jekk immutu, se nkunu rebbieħa. Xejn—lanqas il-mewt—ma se jżomm lil Alla milli jippremja lill-qaddejja leali tiegħu. (Ebrej 11:6) U fid-dinja l-ġdida li issa tinsab tefgħa taʼ ġebla ’l bogħod, Ġeħova mhux se jonqos milli jwettaq il-kumplament tal-wegħdi meraviljużi taʼ barkiet għal dawk li jħobbuh.—Salm 145:16.
Ftakar fil-Kwistjonijiet
16 Sabiex nissaportu sa l-aħħar, irridu niftakru l-kwistjonijiet vitali involuti fil-fatt li Alla jippermetti l-ħażen. Jekk xi drabi l-problemi li jkollna jidhru tant kbar li nibdew naħsbu biex nieqfu, nagħmlu tajjeb li nfakkru lilna nfusna li Satana sfida d-dritt tas-sovranità taʼ Ġeħova. Il-Qarrieq tefaʼ dubju wkoll fuq id-devozzjoni u l-integrità taʼ dawk li jqimu lil Alla. (Ġob 1:8-11; 2:3, 4) Dawn il-kwistjonijiet u l-mod kif Ġeħova għażel li jsolvihom huma iktar importanti minn ħajjitna stess. Dan kif?
17 Il-fatt li Alla jippermetti t-tbatija b’mod temporanju ta ċans biex ikun hemm oħrajn li jħaddnu l-verità. Aħseb dwar dan: Ġesù bata biex aħna nkunu nistgħu niksbu l-ħajja. (Ġwanni 3:16) M’aħniex grati għal dan? Imma lesti aħna li għal ftit ieħor nissaportu l-problemi li jinqalgħu sabiex ikun hemm iktar nies li jkunu jistgħu jiksbu l-ħajja? Jekk irridu nissaportu sa l-aħħar, irridu nirrikonoxxu li lgħerf taʼ Ġeħova huwa bil-wisq akbar minn tagħna. (Isaija 55:9) Hu se jtemm il-ħażen fl-aħjar żmien biex jiġu setiljati dawn il-kwistjonijiet darba għal dejjem u għall-ġid etern tagħna. Jistaʼ jkun hemm mod aħjar minn dan? M’hemm l-ebda inġustizzja f’Alla!—Rumani 9:14-24.
“Ersaq Qrib Lejn Alla”
18 Sabiex inżommu s-sens t’urġenza tagħna, irridu nibqgħu qrib Ġeħova. Qatt tinsa li Satana qed jagħmel dak kollu li jistaʼ biex jeqred ir-relazzjoni tajba tagħna maʼ Ġeħova. Satana jridna nemmnu li t-tmiem qatt m’hu ġej u li m’hemmx skop f’li nippridkaw l-aħbar tajba jew f’li ngħixu skond il-livelli tal-Bibbja. Però, “hu giddieb u missier il-gidba.” (Ġwanni 8:44) Irridu nkunu determinati li ‘nopponu lix-Xitan.’ Qatt ma rridu nħarsu lejn ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova bħala xi ħaġa taʼ valur żgħir. Il-Bibbja tħeġġiġna bl-imħabba: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġakbu 4:7, 8) Kif tistaʼ tersaq eqreb lejn Ġeħova?
19 Hemm bżonn taʼ meditazzjoni bit-talb. Meta l-pressjonijiet tal-ħajja jidhru li huma iktar milli tistaʼ tiflaħ, iftaħ qalbek kompletament maʼ Ġeħova. Iktar kemm tkun speċifiku, iktar se jkun faċli biex tara t-tweġiba għal dak li tlabt. Għandu mnejn li t-tweġiba ma tkunx eżatt dak li kellek f’moħħok, imma jekk ix-xewqa tiegħek hija li tonorah u li żżomm l-integrità, hu se jipprovdilek lgħajnuna li għandek bżonn biex jirnexxilek tistabar. (1 Ġwanni 5:14) Hekk kif tara d-direzzjoni tiegħu f’ħajtek, se tersaq eqreb lejh. Il-qari u l-ħsieb fil-fond dwar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova u l-modi tiegħu, kif murijin fil-Bibbja, ukoll huma bżonnjużi. Meditazzjoni bħal din tgħinek issir tafu aħjar; tqanqallek qalbek u tkabbarlek l-imħabba tiegħek għalih. (Salm 19:15 [19:14, NW ]) Din l-imħabba, iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, se tgħinek tirreżisti t-tentazzjoni u tibqaʼ għassa.—1 Ġwanni 5:3.
20 Biex nibqgħu qrib Ġeħova, huwa importanti wkoll li nibqgħu qrib sħabna fit-twemmin. Dan se jiġi diskuss fl-aħħar sezzjoni taʼ dan il-browxer.
MISTOQSIJIET TAʼ STUDJU
• Meta qorob it-tmiem taʼ ħajtu, Ġesù x’għamel taħt pressjoni estrema, u x’ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu? (Pari. 1-4)
• Satana għalfejn jimmira lejn l-aduraturi taʼ Ġeħova, u b’liema modi jittantana? (Pari. 5-8)
• Sabiex nirreżistu t-tentazzjoni, għala għandna nitolbu kontinwament (Pari. 9-12), inkunu realistiċi fl-istennijiet tagħna (Pari. 13-15), niftakru fil-kwistjonijiet (Pari. 16-17), u ‘nersqu qrib lejn Alla’ (Pari. 18-20)?
[Kaxxa f’paġna 25]
Xi Fatturi li Jikkaġunaw l-Iskuraġġiment
Is-Saħħa/l-età. Jekk inbatu minn xi marda kronika jew jekk l-età avanzata qed tillimitana, nistgħu nkunu mdejqin minħabba li ma nkunux nistgħu nagħmlu iktar biex naqdu lil Alla.—Ebrej 6:10.
Diżappunt. Nistgħu nibdew naqtgħu qalbna jekk ftit li xejn naraw min iwieġeb għall-isforzi tagħna biex nippridkaw il-Kelma t’Alla.—Proverbji 13:12.
Tħossok li ma tiswaʼ għal xejn. Individwu li għal snin sħaħ jiġi trattat ħażin jistaʼ jsir konvint li hu m’huwiex maħbub, lanqas minn Ġeħova.—1 Ġwanni 3:19, 20.
Sentimenti mweġġgħin. Jekk xi ħadd jiġi offiż ħafna minn individwu taʼ l-istess twemmin, dan jistaʼ tant jinfixel li jiġih il-ħsieb biex ma jibqax jattendi l-laqgħat Kristjani jew jieħu sehem fil-ministeru.—Luqa 17:1.
Persekuzzjoni. Nies li m’għandhomx listess twemmin tiegħek jistgħu jopponuk, jippersegwitawk, jew iwaqqgħuk għaċ-ċajt.—2 Timotju 3:12; 2 Pietru 3:3, 4.
[Stampa f’paġna 26]
Ġesù ħeġġiġna biex ‘nitolbu kontinwament’ għall-għajnuna ħalli niġġieldu t-tentazzjoni