Għala Żżomm l-Integrità Tiegħek?
“Iġġudikani, O Ġeħova, . . . skond l-integrità li għandi.”—SALM 7:8.
1, 2. Liema sitwazzjonijiet komuni jippreżentaw sfidi għall-integrità taʼ Kristjan?
IMMAĠINA tliet sitwazzjonijiet differenti: Tifel qed jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt minn xi wħud mit-tfal taʼ l-iskola. Qed jipprovaw jipprovokawh sabiex jarawh jirrabja, forsi biex jitkellem ħażin jew jiġġieled. Se jirritalja hu, jew se jrażżan lilu nnifsu u jitlaq ’l hemm? Raġel miżżewweġ qiegħed waħdu d-dar u qed ifittex fuq l-Internet. Titlaʼ kaxxa fuq l-iskrin tal-kompjuter tiegħu li tirreklama Web site vulgari. Se jiġi hu ttantat biex jara dan is-sit, jew se jkun ċert li jevitah? Mara Kristjana qed titkellem maʼ grupp żgħir t’aħwa u d-diskors isir negattiv. Dan imbagħad jinbidel f’seksik li jweġġaʼ dwar oħt fil-kongregazzjoni. Se tkompli magħhom hi, jew se tipprova tbiddel is-suġġett?
2 Għalkemm dawn is-sitwazzjonijiet huma differenti, għandhom xi ħaġa komuni. Ilkoll jinvolvu l-ġlieda biex tinżamm l-integrità bħala Kristjani. Taħseb int dwar l-integrità tiegħek meta tiffaċċja t-tħassib, il-bżonnijiet, u l-miri tiegħek fil-ħajja? Fuq bażi regulari, in-nies jaħsbu dwar l-apparenza, is-saħħa, l-isfidi sabiex jaqilgħu l-għajxien, il-ferħ u d-diżappunti fil-ħbiberiji, forsi anki fir-relazzjonijiet romantiċi tagħhom. Forsi t-tħassib fuq affarijiet bħal dawn nagħtuh ċerta importanza. Imma għal Ġeħova x’inhu importanti b’mod partikulari hekk kif ifittex ġewwa qalbna? (Salm 139:23, 24) Hija l-integrità tagħna.
3. Ġeħova liema privileġġ tana, u x’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
3 Ġeħova, id-Donatur taʼ “kull għotja tajba u kull rigal perfett,” ta lil kull wieħed u waħda minna diversi għotjiet. (Ġak. 1:17) Grazzi għalih, għandna għotjiet bħal ġisem, moħħ, ċertu ammont taʼ saħħa, u diversi abbiltajiet. (1 Kor. 4:7) Madankollu, Ġeħova ma jisforzaniex biex nuru integrità. Hu jħallina nagħżlu għalina nfusna jekk niżviluppawx din il-kwalità jew le. (Dt. 30:19) Imbagħad ikollna bżonn neżaminaw x’inhi l-integrità. Se nikkunsidraw ukoll tliet raġunijiet għala din il-kwalità hija daqstant importanti.
X’Inhi l-Integrità?
4. L-integrità x’tinvolvi, u x’nistgħu nitgħallmu mil-liġi taʼ Ġeħova rigward is-sagrifiċċji taʼ l-annimali?
4 Ħafna nies milli jidher ma tantx għandhom idea ċara dwar x’inhi l-integrità. Per eżempju, meta l-politikanti jiftaħru dwar l-integrità tagħhom, ħafna drabi huma jkunu qed jirreferu għall-onestà. Din il-kwalità hija importanti, imma hija biss parti mill-integrità. L-integrità, kif użata fil-Bibbja, tinvolvi kompletezza u sodizza morali. Il-kelma Ebrajka li hi relatata maʼ “integrità” ġejja mill-għerq li jfisser sod, sħiħ, jew bla ħtija. Waħda minn dawn il-kelmiet hi użata b’konnessjoni mas-sagrifiċċji li kellhom jiġu offruti lil Ġeħova. L-annimal għas-sagrifiċċju kellu l-approvazzjoni tiegħu biss jekk kien ikun bla difett, jew sħiħ. (Aqra Levitiku 22:19, 20.) Ġeħova kkundanna bil-kbir lil dawk li minn jeddhom m’obdewx id-direzzjoni tiegħu billi offrewlu annimali għas-sagrifiċċju li kienu zopop, morda, jew għomja.—Mal. 1:6-8.
5, 6. (a) Liema eżempji juru li aħna spiss nagħtu valur lil dak li hu sħiħ, jew komplet? (b) Inkwantu għall-bnedmin imperfetti, ifisser li biex juru integrità jridu jkunu perfetti? Spjega.
5 L-idea li nfittxu u nevalwaw dak li hu sħiħ, jew komplet, m’hijiex xi ħaġa stramba. Immaġina, per eżempju, wieħed li jikkollezzjona l-kotba u li jsib volum prezzjuż wara tfittxija fit-tul, imma mbagħad jiskopri li fih diversi paġni importanti neqsin. Diżappuntat, hu wisq probabbli jpoġġi l-ktieb lura fuq l-ixkaffa. Jew immaġina mara miexja f’xatt il-baħar u qed tiġbor xi arzell li ġab miegħu l-mewġ. Meraviljata mill-varjetà u s-sbuħija taʼ dawn il-ħlejjaq, hi kultant titbaxxa u teżamina xi waħda minnhom. Liema żżomm? Dawk li huma sħaħ, mhux imkissrin. Bl-istess mod, Alla qed ifittex nies li għandhom din il-kwalità taʼ li jkunu sħaħ, jew kompleti.—2 Kron. 16:9.
6 Madankollu, għandek mnejn taħseb jekk l-integrità tirrikjedix il-perfezzjoni. Minħabba d-dnub u l-imperfezzjoni, għandu mnejn ikollna t-tendenza li naħsbu li aħna xi ftit jew wisq bħal ktieb mhux komplet jew bħal arzella mxellfa. Ġieli tħossok hekk? Ibqaʼ ċert li Ġeħova ma jistenniex li nkunu perfetti fis-sens assolut. Hu qatt ma jistenna iktar milli nistgħu nagħmlu.a (Salm 103:14; Ġak. 3:2) Madankollu, hu jistenna li nżommu l-integrità. Allura, hemm differenza bejn il-perfezzjoni u l-integrità? Iva. Per eżempju: Żagħżugħ iħobb lit-tfajla li jkun se jiżżewwiġha. Hu jkun iblah kieku jistenna li tkun perfetta. Madankollu, hu jkun għaqli li jistenna li hi tħobbu b’qalbha kollha, jiġifieri, li jkollha mħabba romantika għalih biss. Bl-istess mod, Ġeħova huwa ‘Alla li jesiġi devozzjoni esklużiva.’ (Eżo. 20:5) Hu ma jistenniex li nkunu perfetti imma li nħobbuh b’qalbna kollha, billi nagħtu qima lilu biss.
7, 8. (a) Ġesù ħalla liema eżempju rigward l-integrità? (b) X’inhu l-qofol taʼ l-integrità fis-sens Skritturali?
7 Forsi niftakru fit-tweġiba taʼ Ġesù meta ġie mistoqsi liema kienet l-iktar importanti minn fost il-liġijiet kollha. (Aqra Marku 12:28-30.) Ġesù mhux biss ta t-tweġiba; hu għexha. Hu ta l-aqwa eżempju f’li jħobb lil Ġeħova b’moħħu, b’qalbu, b’ruħu, u bis-saħħa tiegħu kollha. Hu wera li l-integrità ma tintweriex bil-kliem biss, imma wkoll b’azzjonijiet pożittivi li jiġu minn motivi puri. Sabiex nibqgħu nżommu l-integrità jeħtieġ li nsegwu l-passi taʼ Ġesù.—1 Pt. 2:21.
8 Mela hawnhekk jinsab il-qofol taʼ l-integrità tagħna fis-sens Skritturali: devozzjoni b’qalb sħiħa lejn Persunaġġ wieħed li qiegħed fis-sema, Alla Ġeħova, u lejn ir-rieda u l-iskop rivelati minnu. Li nżommu l-integrità jfisser li fil-ħajja tagħna taʼ kuljum, aħna fuq kollox inqisu li nogħġbu lil Alla Ġeħova. Il-prijoritajiet tagħna f’ħajjitna se jirriflettu l-prijoritajiet tiegħu. Ejja nikkunsidraw tliet raġunijiet għala dan hu daqstant importanti.
1. L-Integrità Tagħna u l-Kwistjoni tas-Sovranità
9. L-integrità persunali tagħna kif inhi relatata mal-kwistjoni tas-sovranità universali?
9 Is-sovranità taʼ Ġeħova ma tiddependix mill-integrità tagħna. Is-sovranità tiegħu hija ġusta, eterna, u universali. Dejjem hekk se tkun, jgħid x’jgħid u jagħmel x’jagħmel kwalunkwe wieħed mill-ħlejjaq tiegħu. Madankollu, is-sovranità t’Alla ġiet malafamata bil-kbir fis-smewwiet u fuq l-art. B’hekk, il-ħakma tiegħu trid tiġi vindikata—konfermata bħala sewwa, ġusta, u mimlija mħabba—quddiem il-ħlejjaq intelliġenti kollha. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna nħobbu niddiskutu dwar is-sovranità universali t’Alla maʼ kulmin irid jismaʼ. Madankollu, aħna kif nistgħu nagħmlu għażliet u naġixxu fi qbil mal-fatt li nirrikonoxxu s-sovranità tiegħu? Kif nuru li nagħżlu lil Ġeħova bħala s-Sovran tagħna? Billi nżommu l-integrità.
10. Liema akkuża għamel Satana dwar l-integrità tal-bnedmin, u int kif tixtieq twieġeb?
10 Ikkunsidra kif l-integrità tiegħek hija involuta. Fi ftit kliem, Satana sostna li l-ebda bniedem m’hu se jappoġġa s-sovranità t’Alla, li ħadd m’hu se jaqdi lil Ġeħova bi mħabba mhix egoistika. Quddiem ġemgħa kbira taʼ ħlejjaq spirti, ix-Xitan qal lil Ġeħova: “Ġild għal ġild, u raġel jagħti kulma jkollu għal ruħu.” (Ġob 2:4) Innota li Satana m’akkużax b’mod falz biss lir-raġel sewwa Ġob imma wkoll lill-umanità in ġenerali. Għaldaqstant, il-Bibbja ssejjaħ lil Satana “l-akkużatur taʼ ħutna.” (Riv. 12:10) Hu jgħajjar lil Ġeħova bl-istqarrija li l-Kristjani—inkluż int—mhux se jibqgħu leali. Satana jsostni li int tasal biex tittradih lil Ġeħova sabiex issalva ġildek. Kif tħossok int dwar akkużi bħal dawn magħmulin kontrik? Ma tiħux int vantaġġ minn kull opportunità biex tagħti prova li Satana huwa giddieb? Jekk iżżomm l-integrità tiegħek, int se tagħmel eżattament hekk.
11, 12. (a) Liema eżempji juru kif id-deċiżjonijiet tagħna tal-ħajja taʼ kuljum huma relatati mal-kwistjoni taʼ l-integrità persunali? (b) Għala huwa privileġġ li nżommu l-integrità?
11 B’hekk, il-kwistjoni taʼ l-integrità tiegħek tagħmel il-kondotta u l-għażliet tal-ħajja tiegħek taʼ kuljum importanti mhux ħażin. Erġaʼ kkunsidra t-tliet sitwazzjonijiet li ssemmew qabel. Kif kienu se jżommu l-integrità? It-tifel li kien qed jiġi mgħajjar mit-tfal taʼ l-iskola jħossu verament ittantat biex jirritalja, imma hu jiftakar f’din it-twissija: “Maħbubin, tivvendikawx ruħkom, imma agħmlu wisaʼ għall-korla; għax hu miktub: ‘Il-vendetta hi tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’” (Rum. 12:19) Hu jitlaq ’l hemm. Ir-raġel miżżewweġ li qed juża l-Internet jistaʼ joqgħod jara materjal li jqanqal sesswalment, imma jiftakar fil-prinċipju li hemm fil-kliem taʼ Ġob: “Patt m’għajnejja għamilt. Għalhekk, kif nistaʼ nkun moħħni f’xi verġni?” (Ġob 31:1) B’mod simili, ir-raġel jirrifjuta li jara stampi li huma moralment offensivi, u jevita materjal bħal dan daqslikieku kien velenu. Il-mara li qed titkellem fi grupp fejn tistaʼ tismaʼ xi seksik li jweġġaʼ żżomm lura, billi tiftakar id-direzzjoni: “Ħa jogħġob kull wieħed minna lill-proxxmu tiegħu f’dak li hu tajjeb biex jgħinu jinbena.” (Rum. 15:2) Is-seksik li hi tistaʼ tirripeti ma jibnix. Ma jkunx jirrifletti tajjeb fuqha bħala oħt Kristjana u lanqas ma se jogħġob lil Missierha. Għalhekk, hi tikkontrolla lsienha u tbiddel is-suġġett.
12 F’kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, l-għażla tal-Kristjan fil-fatt tkun qed tgħid: ‘Ġeħova huwa l-Ħakkiem tiegħi. Se nipprova nagħmel dak li jogħġob lilu f’din il-kwistjoni.’ Tqishom int b’dan il-mod l-għażliet u d-deċiżjonijiet persunali tiegħek? Jekk iva, int tassew tkun qed tgħix fi qbil mal-kliem inkuraġġanti mniżżel fi Proverbji 27:11: “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.” Xi privileġġ għandna li nferrħu qalb Alla! Ma jkunx verament jiswa kull sforz li nagħmlu biex inżommu l-integrità tagħna?
2. Il-Bażi għall-Ġudizzju Divin
13. Il-kliem taʼ Ġob u David kif juri li l-integrità hija l-bażi li fuqha Ġeħova jiġġudikana?
13 Naraw li l-integrità tgħinna nieħdu waqfa favur is-sovranità taʼ Ġeħova. B’hekk, hija l-bażi li Alla jistaʼ jiġġudikana fuqha. Ġob fehemha sew din il-verità. (Aqra Ġob 31:6.) Ġob kien jaf li Alla jiżen l-umanità kollha “f’miżien eżatt,” billi juża l-livell perfett Tiegħu taʼ ġustizzja sabiex ikun jistaʼ jkejjel l-integrità tagħna. B’mod simili David qal: “Ġeħova se jaqtaʼ s-sentenza fuq il-popli. Iġġudikani, O Ġeħova, skond is-sewwa tiegħi u skond l-integrità li għandi fija. . . . Alla li hu ġust qed jeżamina l-qalb u l-kliewi.” (Salm 7:8, 9) Aħna nafu li Alla jistaʼ jħares fil-fond tal-persuna li aħna minn ġewwa, “il-qalb u l-kliewi” figurattivi. Imma rridu niftakru dak li hu qed ifittex. Bħalma qal David, Ġeħova jiġġudikana skond l-integrità tagħna.
14. Għala m’għandna qatt nassumu li minħabba li aħna imperfetti u midinbin ma nistgħux inżommu l-integrità tagħna?
14 Immaġina lil Alla Ġeħova jfittex fil-biljuni taʼ qlub taʼ l-umanità llum. (1 Kron. 28:9) Kemm se jsib uħud li qed iżommu l-integrità Kristjana? Huwa tabilħaqq relattivament rari! Madankollu, m’għandniex nassumu li għandna wisq difetti biex inżommu l-integrità. Għall-kuntrarju, għandna raġuni tajba sabiex ikollna fiduċja, bħalma kellhom David u Ġob, li Ġeħova se jsibna nżommu l-integrità, aħna kemm aħna imperfetti. Ftakar, il-perfezzjoni ma tiggarantix li nżommu l-integrità. Tliet bnedmin biss kienu perfetti f’din id-dinja, u tnejn minnhom, Adam u Eva, ma żammewx l-integrità. Xorta waħda, ħafna miljuni taʼ bnedmin imperfetti rnexxielhom jagħmlu dan. Int jistaʼ jirnexxilek ukoll.
3. Essenzjali għat-Tama Tagħna
15. David kif wera li l-integrità hija essenzjali għat-tama tagħna għall-futur?
15 Minħabba li l-integrità hija l-bażi li Ġeħova jiġġudikana fuqha, hija essenzjali għat-tama tagħna għall-futur. David kien jaf li dan kien minnu. (Aqra Salm 41:12.) Hu kien jgħożż it-tama li jirċievi l-attenzjoni favorevoli t’Alla għal dejjem. Bħall-Kristjani veri llum, David kien jittama li jgħix għal dejjem, u baqaʼ jersaq dejjem eqreb lejn Alla Ġeħova waqt li kien jaqdih. David kien jaf li kellu jżomm l-integrità tiegħu biex jara t-twettiq taʼ dik it-tama. B’mod simili, Ġeħova jwiżinna, jgħallimna, jiggwidana, u jberikna hekk kif inżommu l-integrità tagħna.
16, 17. (a) Għala int daqstant determinat li dejjem iżżomm sod l-integrità tiegħek? (b) Liema mistoqsijiet se jiddiskuti l-artiklu li jmiss?
16 It-tama hija essenzjali għall-hena tagħna llum. Tistaʼ tagħtina l-ferħ li għandna bżonn sabiex inkunu nistgħu ngħaddu minn żminijiet diffiċli. It-tama tistaʼ tipproteġilna l-ħsibijiet tagħna wkoll. Ftakar, il-Bibbja xxebbah it-tama m’elmu. (1 Tess. 5:8) Bħalma elmu jipproteġi ras suldat fil-battalja, it-tama tipproteġilna lil moħħna mill-ħsibijiet negattivi u pessimistiċi li Satana qed jippromwovi f’din id-dinja qadima li qed tmut. Il-ħajja tkun tabilħaqq mingħajr sinifikat meta ma jkollniex tama. Għandna bżonn neżaminaw lilna nfusna bl-onestà, u nikkunsidraw bir-reqqa kif inhi l-integrità tagħna u t-tama li hi relatata magħha. Tinsiex li billi żżomm l-integrità, int tkun qed tappoġġa s-sovranità taʼ Ġeħova u tipproteġi t-tama prezzjuża tiegħek għall-futur. Jalla dejjem iżżomm sod l-integrità tiegħek!
17 Ladarba l-integrità hija daqstant importanti, hemm bżonn nikkunsidraw xi mistoqsijiet oħrajn. Kif nibnuha l-integrità? Kif nistgħu nżommuha? U x’jistaʼ jsir jekk xi ħadd ma baqax iżomm l-integrità għal xi żmien? L-artiklu li jmiss se jittratta dawn il-mistoqsijiet.
[Nota taʼ taħt]
a Veru li Ġesù qal: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom tas-sema.” (Mt. 5:48) Hu b’mod evidenti fehem li anki bnedmin imperfetti jistgħu jkunu kompleti, jew perfetti, f’sens relattiv. Aħna nistgħu nwettqu l-kmand biex inħobbu ħafna lil oħrajn, u b’hekk inkunu qed nogħġbu lil Alla. Madankollu, Ġeħova huwa perfett fis-sens assolut. Meta tiġi applikata għalih, il-kelma “integrità” tinvolvi wkoll perfezzjoni.—Salm 18:30.
Int Kif Twieġeb?
• X’inhi l-integrità?
• L-integrità kif inhi relatata mal-kwistjoni tas-sovranità universali?
• L-integrità kif tipprovdi bażi għat-tama tagħna?
[Stampi f’paġna 5]
Il-ħajja taʼ kuljum tippreżenta ħafna sfidi għall-integrità tagħna