Erfaʼ ’l Fuq Idejn Leali Biex Titlob
“Nixtieq li l-irġiel jitolbu kullimkien, jerfgħu ’l fuq idejn safja bla għadab u bla ġlied.”—1 TIMOTJU 2:8.
1, 2. (a) L-Ewwel Timotju 2:8 kif japplika għal talb li jinvolvi lill-poplu taʼ Jehovah? (b) X’se nikkunsidraw issa?
JEHOVAH jistenna li n-nies tiegħu jkunu leali lejh u lejn xulxin. L-appostlu Pawlu assoċja l-lealtà mat-talb meta kiteb: “Nixtieq li l-irġiel jitolbu kullimkien, jerfgħu ’l fuq idejn safja [“leali,” NW] bla għadab u bla ġlied.” (1 Timotju 2:8) Milli jidher, Pawlu kien qed jirreferi għal talb pubbliku ‘kulfejn’ il-Kristjani kienu jiltaqgħu flimkien. Min kellu jirrappreżenta lill-poplu t’Alla bit-talb fil-laqgħat tal-kongregazzjoni? Irġiel qaddisin, twajbin u taʼ rispett biss u li kienu josservaw bir-reqqa d-dmirijiet Skritturali kollha lejn Alla. (Koħèlet 12:13, 14) Dawn kellhom ikunu nodfa spiritwalment u moralment u bla ebda dubju devoti lejn Alla Jehovah.
2 L-anzjani tal-kongregazzjoni għandhom speċjalment ‘jerfgħu ’l fuq idejn leali biex jitolbu.’ It-talb tagħhom mill-qalb permezz taʼ Ġesù Kristu juri lealtà lejn Alla u jgħinhom jevitaw dibattiti u tmasħin. Fil-fatt, kull raġel li jkollu l-privileġġ li jirrappreżenta lill-kongregazzjoni Kristjana f’talb pubbliku għandu jkun ħieles mill-korla, il-malizzja, u l-infedeltà lejn Jehovah u lejn l-organizzazzjoni tiegħu. (Ġakbu 1:19, 20) Liema linji taʼ gwida Skritturali oħrajn hemm għal dawk li għandhom il-privileġġ li jirrappreżentaw lill-oħrajn f’talb pubbliku? U liema huma xi prinċipji Skritturali li għandna napplikaw fit-talb privat tagħna u dak mal-familja?
Aħseb bil-Quddiem dwar x’Se Tgħid fit-Talba
3, 4. (a) Għala huwa taʼ benefiċċju li naħsbu bil-quddiem dwar x’se ngħidu f’talb pubbliku? (b) L-Iskrittura x’tindika dwar it-tul tat-talb?
3 Jekk jistidnuna biex nitolbu pubblikament, x’aktarx li nkunu nistgħu naħsbu ftit bil-quddiem dwar x’se ngħidu fit-talba tagħna. Li nagħmlu dan jistaʼ jgħinna ninkludu affarijiet importanti u addattati, u b’hekk it-talba tagħna ma tkunx twila żżejjed u bla sugu. M’għandniex xi ngħidu, it-talb privat tagħna jistaʼ wkoll jitlissen. Dan jistaʼ jvarja fit-tul. Ġesù qattaʼ lejl sħiħ jitlob qabel ma għażel lit-12-il appostlu tiegħu. Madankollu, qabel ma waqqaf il-Mafkar taʼ mewtu, it-talb tiegħu rigward il-ħobż u l-inbid milli jidher kien pjuttost qasir. (Luqa 6:12-16; Mark 14:22-24) U aħna nafu li anki t-talb qasir taʼ Ġesù kien għalkollox aċċettabbli għal Alla.
4 Nassumu li jkollna l-privileġġ li nirrappreżentaw lil xi familja fit-talb qabel l-ikel. Talba bħal din tistaʼ tkun pjuttost qasira—imma fiha trid tiġi inkluża espressjoni taʼ gratitudni għall-ikel. Jekk qed nitolbu pubblikament qabel jew wara xi laqgħa Kristjana, m’għandniex għalfejn noffru talba twila li tinkludi ħafna punti. Ġesù kkritika lill-iskribi li “għal wiċċ in-nies [kienu] idumu ħafna jitolbu.” (Luqa 20:46, 47) Bniedem devot żgur li ma jkunx irid jagħmel ħaġa bħal din. Xi drabi, iżda, talba pubblika pjuttost twila tistaʼ tkun addattata. Per eżempju, anzjan li jintgħażel biex jgħid it-talba finali f’xi assemblea għandu jaħseb bil-quddiem dwar x’se jgħid u forsi jkun jixtieq isemmi diversi punti. Madankollu, saħansitra talba bħal din m’għandhiex tkun taʼ tul esaġerat.
Avviċina lil Alla bir-Rispett
5. (a) X’għandna nżommu f’moħħna meta nitolbu pubblikament? (b) Għala għandna nitolbu b’mod dinjituż u taʼ rispett?
5 Meta nitolbu pubblikament għandna niftakru li m’aħniex nindirizzaw lil xi bniedem. Pjuttost, aħna ħlejjaq midinbin li qegħdin inressqu petizzjoni quddiem il-Mulej Sovran Jehovah. (Salm 8:4-6, 10 [Salm 8:3-5, 9, NW]; Salm 73:28) Għalhekk, għandna nuru rispett u biżaʼ li ma mmorrux ma nogħġbuhx b’dak li ngħidu u bil-mod kif nesprimuh. (Proverbji 1:7) Is-salmista David kanta: “Imma jien għat-tjieba kbira tiegħek nistaʼ nidħol ġewwa darek; ninxteħet quddiem is-santwarju mqaddes tiegħek, . . . mimli bil-biżaʼ tiegħek.” (Salm 5:8 [Salm 5:7, NW]) Jekk għandna din l-attitudni, kif se nesprimu ruħna meta jistidnuna biex nitolbu pubblikament f’xi laqgħa tax-Xhieda taʼ Jehovah? Ara, li kieku konna qed nitkellmu maʼ xi sultan uman, konna navviċinawh b’rispett u b’dinjità. M’għandux it-talb tagħna jkun saħansitra iżjed dinjituż u taʼ rispett, ladarba nkunu qed nitolbu lil Jehovah, is-“Sultan tal-ġnus [“taʼ l-eternità,” NW]”? (Apokalissi 15:3) Mela meta nitolbu rridu nevitaw stqarrijiet bħal, “Bonġu, Jehovah,” “Nibagħtu nsellu għalik,” jew, “Il-ġurnata t-tajba.” L-Iskrittura turi li Ġesù Kristu, l-Iben uniġenitu t’Alla, qatt ma indirizza lil Missieru tas-sema b’dan il-mod.
6. X’għandna nżommu f’moħħna meta nersqu “b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja”?
6 Pawlu qal: “Ħa nersqu . . . b’qalbna qawwija [“liberi fi kliemna,” NW] lejn it-tron tal-grazzja.” (Lhud 4:16) Minħabba l-fidi li għandna fis-sagrifiċċju li ħallas Ġesù Kristu bħala prezz għall-fidwa, aħna nistgħu navviċinaw lil Jehovah “liberi fi kliemna” minkejja l-istat midneb tagħna. (Atti 10:42, 43; 20:20, 21) Madankollu, din il-“libertà fi kliemna” ma tfissirx li nkunu qed inpaċpċu m’Alla; lanqas m’għandna ngħidulu affarijiet taʼ diżrispett. Biex it-talb pubbliku tagħna jkun jogħġob lil Jehovah, dan irid jiġi offrut b’rispett u dinjità xierqa, u ma jkunx addattat li jintuża biex tixxandar xi ħaġa, biex jingħata parir lil xi individwu, jew biex l-udjenza tiġi ammonita.
Itlob bi Spirtu Umli
7. Salamun kif wera l-umiltà meta talab fid-dedikazzjoni tat-tempju taʼ Jehovah?
7 Kemm jekk nitolbu pubblikament u kemm fil-privat, prinċipju Skritturali importanti li għandna nżommu f’moħħna hu li fit-talb tagħna għandna nuru spirtu umli. (2 Kronaki 7:13, 14) Is-Sultan Salamun wera l-umiltà fit-talba pubblika tiegħu meta saret id-dedikazzjoni tat-tempju taʼ Jehovah f’Ġerusalemm. Salamun kien għadu kif lesta wieħed mill-iktar proġetti manjifiċi li qatt inbnew fuq l-art. Madankollu, hu talab umilment: “Imma, tgħid, tassew li Alla se jgħix fuq l-art? Ara! Lanqas biss is-smewwiet – u s-smewwiet tas-smewwiet – ma jesgħuk, aħseb u ara dan id-daqsxejn taʼ tempju li bnejt jien!”—1 Slaten 8:27.
8. Liema huma xi modi li bihom tintwera l-umiltà fit-talb pubbliku?
8 Bħal Salamun, għandna nkunu umlin meta nirrappreżentaw lil oħrajn f’talb pubbliku. Għalkemm ma rridux li nagħmlu xi turija taʼ qdusija, l-umiltà tistaʼ tintwera mit-ton taʼ leħinna. Talb umli m’huwiex bombastiku jew melodrammatiku. Dan jiġbed l-attenzjoni lejn Dak li qed jiġi indirizzat u mhux lejn dak li qed jitlob. (Mattew 6:5) L-umiltà tintwera wkoll b’dak li ngħidu fit-talb. Jekk nitolbu b’umiltà, ma ninstemgħux qisna qed nordnaw li Alla jagħmel ċerti affarijiet kif irriduhom aħna. Minflok, aħna nagħmlu petizzjoni lil Jehovah biex jaġixxi b’manjiera li hija fi qbil mar-rieda qaddisa tiegħu. Is-salmista eżemplifika l-attitudni xierqa meta talab bil-ħniena: “O, issa, Jehovah, salva, jekk jogħġbok! O, issa, Jehovah, agħti suċċess, jekk jogħġbok!”—Salm 118:25, NW; Luqa 18:9-14.
Itlob mill-Qalb
9. Liema parir mill-aħjar mogħti minn Ġesù jinstab f’Mattew 6:7, u kif nistgħu napplikawh?
9 Biex it-talb tagħna, fil-pubbliku jew fil-privat, jogħġob lil Jehovah, dan irid jiġi mill-qalb. B’hekk, ma rridux sempliċement nirrepetu darba wara l-oħra xi talba preskritta mingħajr ma naħsbu dwar dak li qed ngħidu. Fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù wissa: “Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu.” Fi kliem ieħor, Ġesù qal: “Tgħidux kliem bla sens; toqogħdux tirrepetu fil-vojt.”—Mattew 6:7; ara n-nota taʼ taħt fin-NW.
10. Għala jkun xieraq li titlob iktar minn darba dwar l-istess ħaġa?
10 M’għandniex xi ngħidu, forsi jkollna bżonn nitolbu dwar l-istess ħaġa ripetutament. Din m’hijiex ħaġa żbaljata għaliex Ġesù ħeġġeġ: “Ibqgħu itolbu, u se jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u se ssibu; ibqgħu ħabbtu, u se jinfetħilkom.” (Mattew 7:7, NW) Forsi hemm bżonn taʼ Sala tas-Saltna ġdida għaliex Jehovah qed jagħti l-prosperità lix-xogħol lokali taʼ l-ippridkar. (Isaija 60:22) Ikun xieraq li jibqaʼ jissemma dan il-bżonn kemm f’talb privat kif ukoll f’talb pubbliku offrut fil-laqgħat tal-poplu taʼ Jehovah. Jekk nagħmlu dan ma jfissirx li nkunu qegħdin ‘nirrepetu fil-vojt.’
Ftakar fil-Gratitudni u t-Tifħir
11. Filippin 4:6, 7 kif japplika għal talb privat u pubbliku?
11 Ħafna nies jitolbu biss meta jkollhom bżonn xi ħaġa, imma l-imħabba tagħna għal Alla Jehovah għandha tqanqalna biex nirringrazzjawh u nfaħħruh f’talb kemm privat u kemm pubbliku. “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Iva, flimkien maʼ suppliki u petizzjonijiet, għandna nesprimu radd il-ħajr lil Jehovah għall-barkiet spiritwali u materjali. (Proverbji 10:22) Is-salmista kanta: “Agħti ’l Alla sagrifiċċju taʼ radd il-ħajr, u rodd lill-Għoli l-wegħdiet tiegħek.” (Salm 50:14) U melodija forma taʼ talba minn David kienet tinkludi dan il-kliem kommoventi: “Nfaħħar l-isem taʼ Alla bl-għana, nkabbru b’għana taʼ radd il-ħajr.” (Salm 69:31 [Salm 69:30, NW]) M’għandniex aħna nagħmlu l-istess f’talb pubbliku u privat?
12. Salm 100:4, 5 kif qed jitwettaq illum, u għal liema ħaġa nistgħu għalhekk niżżu ħajr u nfaħħru lil Alla?
12 Rigward Alla, is-salmista kanta: “Idħlu b’għana taʼ ħajr mill-bibien tiegħu, bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu; roddulu ħajr u bierku ismu! Għax twajjeb il-Mulej, għal dejjem it-tjieba tiegħu; minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu.” (Salm 100:4, 5) Illum, nies mill-ġnus kollha deħlin fil-btieħi tas-santwarju taʼ Jehovah, u għal dan nistgħu nagħtuh tifħir u ħajr. Tesprimi int gratitudni lejn Alla għas-Sala tas-Saltna lokali u turi l-apprezzament tiegħek billi tiltaqaʼ hemmhekk regolarment maʼ dawk li jħobbuh? Waqt li tkun hemmhekk, tgħolli int il-vuċi tiegħek mill-qalb f’għanjiet taʼ tifħir u ringrazzjament għal Missierna tas-sema kollu mħabba?
Qatt Tistħi Titlob
13. Liema eżempju Skritturali juri li għandna nitolbu bil-ħniena lil Jehovah saħansitra meta ma nħossuniex denji minħabba l-ħtija?
13 Anki jekk ma nħossuniex denji minħabba xi ħtija, għandna nduru lejn Alla b’talb ħerqan. Meta l-Lhud dinbu billi żżewġu nisa barranin, Esdra niżel għarkubbtejh, fetaħ idejn leali lejn Alla, u talab b’umiltà: “Alla tiegħi, jien inħossni nistħi, u wiċċi ma jagħtinix li nerfaʼ ħarsti lejk, Alla tiegħi. Għax dnubietna tant kotru li ninsabu mgħaddsin sa rasna fihom, u ħtijietna għolew m’ogħla s-smewwiet. Minn żmien missirijietna sa llum waqajna fi ħtijiet kbar . . . Wara dak kollu li għadda minn fuqna minħabba fl-għemejjel ħżiena tagħna u fi dnubietna kbar – għalkemm int, Alla tagħna, ikkunsidrajt ħtijietna inqas milli tabilħaqq kienu u ħallejtilna dan il-fdal – u se nerġgħu forsi niksru l-kmandamenti tiegħek u nitħalltu biż-żwieġ mal-ġnus li jagħmlu ħwejjeġ moqżieża? Ma jkunx forsi l-għadab tiegħek għalina hekk kbir li teqridna, u ma jeħlisha ħadd u ma jibqaʼ l-ebda fdal? Mulej, Alla taʼ Iżrael, int ġust, għax fadal aħna li ħlisnieha llum. Ara, aħna nistqarru dnubietna quddiemek, għax minħabba fihom ħadd ma jibqaʼ wieqaf quddiemek.”—Esdra 9:1-15; Dewteronomju 7:3, 4.
14. Bħalma ntwera fi żmien Esdra, x’inhu meħtieġ sabiex niksbu l-maħfra t’Alla?
14 Biex naqilgħu l-maħfra t’Alla, il-qrara tagħna miegħu trid tkun akkumpanjata minn sogħba u “frott li jixraq lill-indiema.” (Luqa 3:8; Ġob 42:1-6; Isaija 66:2) Fi żmien Esdra, attitudni niedma kienet akkumpanjata minn sforz biex jissewwa l-ħażin billi jitkeċċew in-nisa barranin. (Esdra 10:44; qabbel it-2 Korintin 7:8-13.) Jekk qed infittxu l-maħfra mingħand Alla minħabba xi għemil ħażin serju, ejjew nistqarru ħtijietna b’talba umli u nipproduċu frott li jixraq lill-indiema. Spirtu niedem u xewqa li nsewwu l-ħażin se jqanqluna wkoll biex infittxu l-għajnuna spiritwali t’anzjani Kristjani.—Ġakbu 5:13-15.
Ikseb Faraġ mit-Talb
15. L-esperjenza taʼ Anna kif turi li nistgħu niksbu faraġ mit-talb?
15 Meta qalbna tkun muġugħa minħabba xi raġuni jew oħra, nistgħu niksbu faraġ mit-talb. (Salm 51:19 [Salm 51:17, NW]; Proverbji 15:13) Hekk għamlet Anna li kienet leali. Kienet tgħix meta f’Iżrael kienu komuni familji kbar, imma hi ma kellhiex tfal. Żewġha, Elkana, kellu tfal subjien u bniet minn martu l-oħra, Peninna, li kienet tinki lil Anna għax kienet ħawlija. Anna talbet bil-ħerqa u wiegħdet li jekk titbierek b’iben, kienet se “tagħtih lill-Mulej il-jiem kollha taʼ ħajtu.” Imfarrġa bit-talba tagħha u bil-kliem taʼ Għeli, il-qassis il-kbir, Anna ‘ma baqgħetx inkwetata.’ Hi welldet tifel u semmietu Samwel. Iktar tard, bagħtitu jaqdi fis-santwarju taʼ Jehovah. (1 Samwel 1:9-28) Grata għall-qalb tajba t’Alla lejha, hi offriet talba taʼ radd il-ħajr—talba li faħħret lil Jehovah bħala dak li m’hawnx ieħor daqsu. (1 Samwel 2:1-10) Bħal Anna, aħna nistgħu niksbu l-faraġ mit-talb, fiduċjużi li Alla jwieġeb it-talb kollu li jkun fi qbil mar-rieda tiegħu. Meta niftħu qalbna miegħu, ħalli ‘wiċċna ma jibqax bħal qabel,’ għax hu se jneħħi x-xkiel tagħna jew jgħinna nissaportuh.—Salm 55:23 [Salm 55:22, NW].
16. Bħalma ntwera fil-każ taʼ Ġakobb, għala għandna nitolbu meta nkunu beżgħanin jew ansjużi?
16 Jekk xi sitwazzjoni tikkaġuna biżaʼ, uġigħ taʼ qalb, jew ansjetà, ejjew ma nonqsux li nduru lejn Alla għall-faraġ bit-talb. (Salm 55:2-5 [Salm 55:1-4, NW]) Ġakobb kien beżgħan meta kien sejjer jiltaqaʼ maʼ ħuh Għesaw, li kien kisirha miegħu. Madankollu, Ġakobb talab: “Alla taʼ missieri Abraham, Alla taʼ missieri Iżakk, int il-Mulej li għedtli: ‘Erġaʼ lura lejn artek u lejn niesek, u jien nagħtik ir-riżq.’ Ma kinux jistħoqquli t-tjieba u l-fedeltà kollha tiegħek, li wrejt mal-qaddej tiegħek; jien qsamt dan il-Ġordan bil-ħatar tiegħi biss, imma issa sirt żewġ kampijiet. Eħlisni issa minn idejn Għesaw, għax qiegħed nibżaʼ minnu, li ma jiġix u joqtol lili, ’l omm u ’l uliedha. Issa int għedtli: ‘Jien nagħtik riżq kbir u nagħmel lil nislek bħar-ramel tal-baħar, li ma jingħaddx bil-kotra.’” (Ġenesi 32:9-12) Għesaw ma ħebbx għal Ġakobb u għal dawk li kienu miegħu. B’hekk Jehovah veru li ‘ta r-riżq’ lil Ġakobb f’dik l-okkażjoni.
17. Fi qbil maʼ Salm 119:52, kif jistaʼ t-talb iġibilna faraġ meta nkunu għaddejjin minn provi ħorox?
17 Waqt is-suppliki tagħna, nistgħu nitfarrġu billi niftakru affarijiet li ntqalu fil-Kelma t’Alla. Fl-itwal salm—talba sabiħa akkumpanjata bil-mużika—għandu mnejn kien il-Prinċep Ħeżekija li kanta: “Niftakar fid-digrieti tiegħek taʼ dari; fihom, Mulej, jiena nsib il-faraġ tiegħi.” (Salm 119:52) F’talb umli meta nkunu għaddejjin minn xi provi ħorox, aħna nistgħu niftakru xi prinċipju jew liġi tal-Bibbja li jistgħu jgħinuna nsegwu korsa li tirriżulta fl-assiguranza taʼ faraġ li aħna qegħdin nogħġbu lil Missierna tas-sema.
Uħud Leali Jipperseveraw fit-Talb
18. Għala jistaʼ jingħad li ‘kull min hu leali se jitlob lil Alla’?
18 Dawk kollha li huma leali lejn Alla Jehovah “jitolbu bla waqfien.” (Rumani 12:12) F’Salm 32, li x’aktarx ikkomponieh David wara li dineb maʼ Batseba, hu ddeskriva l-agunija tiegħu talli naqas li jfittex il-maħfra u s-serħan li ġabulu l-indiema u l-qrara tiegħu m’Alla. Imbagħad David kanta: “Għalhekk [minħabba li l-maħfra taʼ Jehovah hija disponibbli għal kulmin jindem tassew] kull min hu twajjeb lilek jitlob fi żmien in-niket.”—Salm 32:6.
19. Għala għandna nerfgħu ’l fuq idejn leali biex nitolbu?
19 Jekk ngħożżu r-relazzjoni tagħna m’Alla Jehovah, aħna se nitolbu għall-ħniena tiegħu fuq il-bażi tas-sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz għall-fidwa. B’fidi, nistgħu navviċinaw it-tron tal-grazzja b’libertà fi kliemna biex niksbu ħniena u għajnuna f’waqtha. (Lhud 4:16) Imma hemm ħafna u ħafna raġunijiet għat-talb! Ejjew għalhekk ‘nitolbu bla heda’—spiss bi kliem taʼ tifħir u gratitudni mill-qalb lejn Alla. (1 Tessalonikin 5:17) Lejl u nhar, ejjew nerfgħu ’l fuq idejn leali biex nitolbu.
Int kif Twieġeb?
◻ Li taħseb bil-quddiem dwar x’se tgħid fit-talb huwa taʼ liema benefiċċju?
◻ Għala għandna nitolbu b’manjiera dinjituża u taʼ rispett?
◻ Liema spirtu għandna nuru meta nitolbu?
◻ Meta nitolbu, għala għandna niftakru fir-radd il-ħajr u t-tifħir?
◻ Il-Bibbja kif turi li nistgħu niksbu faraġ mit-talb?
[Stampa f’paġna 17]
Is-Sultan Salamun wera l-umiltà fit-talba pubblika tiegħu fid-dedikazzjoni tat-tempju taʼ Jehovah
[Stampi f’paġna 18]
Bħal Anna, int tistaʼ tikseb faraġ mit-talb