Kapitlu 16
Kif Tistaʼ Tersaq Qrib Lejn Alla
1. Liema similaritajiet huma evidenti f’ħafna reliġjonijiet?
TURISTA li kienet qiegħda żżur pajjiż Orjentali baqgħet skantata bir-ritwali reliġjużi li osservat f’tempju Buddist. Għalkemm ix-xbihat ma kinux dawk taʼ Marija jew taʼ Kristu, ħafna mir-ritwali kienu jixbhu lil dawk tal-knisja tagħha lura f’pajjiżha. Per eżempju, innotat l-użu taʼ rużarji u kantaliena taʼ talb. Oħrajn ukoll għamlu paraguni bħal dawn. Fil-Lvant jew fil-Punent, il-modi li bihom nies devoti jipprovaw jersqu qrib lejn Alla jew lejn l-oġġetti tal-qima tagħhom huma simili b’mod rimarkevoli.
2. It-talb kif ġie deskritt, u ħafna nies għala jitolbu?
2 Ħafna speċjalment jipprovaw jersqu qrib lejn Alla billi jitolbuh. It-talb ġie deskritt bħala “att taʼ komunikazzjoni mill-bniedem maʼ dak li huwa sagru jew qaddis—Alla, l-allat, il-qasam traxxendentali, jew potenzi soprannaturali.” (The New Encyclopædia Britannica) Meta jersqu lejn Alla fit-talb, madankollu, xi wħud jaħsbu biss f’termini taʼ x’jistgħu jiksbu mingħandu. Per eżempju, raġel darba staqsa lil wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah: “Jekk titlob għalija, se jissolvewli l-problemi li għandi fil-familja tiegħi, fuq ix-xogħol, u taʼ saħħti?” Milli jidher dak ir-raġel hekk ħaseb, imma ħafna jitolbu u jsibu li l-problemi tagħhom jippersistu. Mela nistgħu nistaqsu, ‘Sewwa sew għala għandna nersqu qrib lejn Alla?’
GĦALA NERSQU QRIB LEJN ALLA
3. It-talb tagħna lil min għandu jiġi indirizzat, u għala?
3 It-talb m’huwiex ritwal bla sugu, lanqas m’huwa sempliċement mezz li bih niksbu xi ħaġa. Raġuni prinċipali biex nersqu lejn Alla hija biex ikollna relazzjoni mill-qrib miegħu. It-talb tagħna għalhekk għandu jiġi indirizzat lil Alla Jehovah. “Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,” qal is-salmista David. (Salm 145:18) Jehovah jistedinna biex nidħlu f’relazzjoni paċifika miegħu. (Isaija 1:18) Dawk li jwieġbu għal din l-istedina jaqblu mas-salmista li qal: “Jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla.” Għala? Għaliex dawk li jersqu qrib lejn Alla Jehovah se jgawdu hena u paċi tal-moħħ veri.—Salm 73:28.
4, 5. (a) Għala huwa importanti li nitolbu lil Alla? (b) Liema xorta taʼ relazzjoni nistgħu nibnu m’Alla permezz tat-talb?
4 Għala nitolbu lil Alla għall-għajnuna jekk ‘jaf x’neħtieġu qabel ma nitolbuh’? (Mattew 6:8; Salm 139:4) It-talb juri li għandna fidi f’Alla u li nqisuh bħala s-Sors taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett.” (Ġakbu 1:17; Lhud 11:6) Jehovah jieħu pjaċir bit-talb tagħna. (Proverbji 15:8) Jieħu gost jismaʼ l-espressjonijiet sinjifikanti tagħna t’apprezzament u tifħir, sewwa sew bħalma missier jithenna meta jismaʼ lil ibnu ż-żgħir jgħid kliem sinċier taʼ gratitudni. (Salm 119:108) Fejn hemm relazzjoni tajba bejn il-missier u l-iben (bint), hemm komunikazzjoni kordjali. Iben li hu maħbub irid jitkellem maʼ missieru. L-istess huwa veru meta niġu għar-relazzjoni tagħna m’Alla. Jekk tassew napprezzaw dak li qegħdin nitgħallmu dwar Jehovah u l-imħabba li wera għalina, se jkollna xewqa kbira li nesprimu lilna nfusna miegħu fit-talb.—1 Ġwann 4:16-18.
5 Meta navviċinaw lil dak Alla l-Iktar Għoli, għandna nuru rispett kbir, għalkemm m’hemmx għalfejn ninkwetaw iżżejjed dwar il-kliem eżatt li nużaw. (Lhud 4:16) Dejjem għandna aċċess għal Jehovah. U xi privileġġ huwa dan li nistgħu ‘niftħu qalbna’ m’Alla fit-talb! (Salm 62:9 [62:8, NW]) Apprezzament lejn Jehovah iwassal għal relazzjoni kordjali miegħu, bħal dik li r-raġel leali Abraham gawda bħala l-ħabib t’Alla. (Ġakbu 2:23) Imma meta nitolbu lill-Mulej Sovran taʼ l-univers, irridu nikkonformaw maʼ dak li hu jirrikjedi biex navviċinawh.
ĦTIĠIJIET BIEX NERSQU QRIB LEJN ALLA
6, 7. Għalkemm Alla ma jesiġix ħlas biex jismaʼ t-talb tagħna, x’jirrikjedi minna meta nitolbu?
6 Għandna bżonn il-flus biex navviċinaw lil Alla? Ħafna nies iħallsu lill-kleru biex jitolbu għalihom. Xi wħud saħansitra jemmnu li t-talb tagħhom se jiġi mismugħ skond kemm tkun kbira d-donazzjoni li jagħmlu. Madankollu, il-Kelma t’Alla ma tgħidx li hemm bżonn xi offerta taʼ flus biex aħna navviċinaw lil Jehovah fit-talb. Il-provvedimenti spiritwali tiegħu u l-barkiet taʼ relazzjoni miegħu fit-talb huma disponibbli mingħajr prezz.—Isaija 55:1, 2.
7 X’inhu, allura, meħtieġ? Attitudni xierqa tal-qalb hija ħtieġa waħda. (2 Kronaki 6:29, 30; Proverbji 15:11) F’qalbna rridu neżerċitaw fidi f’Alla Jehovah bħala ‘dak li jismaʼ talbna’ u dak “li . . . jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Salm 65:3 [65:2, NW]; Lhud 11:6) Irridu wkoll ikollna qalb umli. (2 Slaten 22:19; Salm 51:19 [51:17, NW]) F’waħda mit-tixbihat tiegħu, Ġesù Kristu wera li meta kollettur umli tat-taxxi b’attitudni taʼ qalb ġwejda avviċina lil Alla, dan ta prova li kien iktar twajjeb minn wieħed Fariżew arroganti. (Luqa 18:10-14) Hekk kif navviċinaw lil Alla fit-talb, ejjew niftakru li “l-Mulej jistmell lil kull min hu mkabbar.”—Proverbji 16:5.
8. Jekk nixtiequ li Alla jwieġeb it-talb tagħna, minn liema affarijiet irridu nnaddfu lilna nfusna?
8 Jekk nixtiequ li Alla jwieġeb it-talb tagħna, irridu nnaddfu lilna nfusna minn kondotta midinba. Meta d-dixxiplu Ġakbu inkuraġġixxa lil oħrajn biex jersqu qrib lejn Alla, hu żied: “Midinbin, naddfu idejkom; nies taʼ moħħ imħawwad saffu qlubkom.” (Ġakbu 4:8) Saħansitra dawk li jagħmlu l-ħażen jistgħu jidħlu f’relazzjoni paċifika maʼ Jehovah jekk jindmu u jitilqu l-mod taʼ ħajja taʼ qabel tagħhom. (Proverbji 28:13) Ma nistgħux ikollna udjenza maʼ Jehovah jekk aħna sempliċement nippretendu li naddafna l-mogħdija tagħna. “Għajnejn il-Mulej huma fuq il-ġusti, u widnejh miftuħa għat-talb tagħhom. Imma l-Mulej ħarstu fuq dawk li jagħmlu l-ħażen,” tgħid il-Kelma t’Alla.—1 Pietru 3:12.
9. Permezz taʼ min għandna nersqu lejn Jehovah, u għala?
9 Il-Bibbja tistqarr: “Ma ssibx bniedem ġust fid-dinja li jagħmel is-sewwa bla ma jaqaʼ f’xi ħtija.” (Koħelet 7:20) Int għalhekk tistaʼ tistaqsi: ‘Kif, allura, nistgħu navviċinaw lil Alla Jehovah?’ Il-Bibbja twieġeb: “Jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust.” (1 Ġwann 2:1) Għalkemm aħna midinbin, nistgħu navviċinaw lil Alla bil-libertà tal-kelma permezz taʼ Ġesù Kristu, li miet bħala rahan għalina. (Mattew 20:28) Hu l-uniku mezz taʼ komunikazzjoni li permezz tiegħu nistgħu navviċinaw lil Alla Jehovah. (Ġwann 14:6) Ma rridux nieħdu l-mertu tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala ħaġa żgura u deliberatament nipprattikaw id-dnub. (Lhud 10:26) Madankollu, jekk qegħdin nagħmlu l-aħjar tagħna biex inżommu lura minn dak li huwa ħażin u madankollu kultant niżbaljaw, nistgħu nindmu u nitolbu maħfra lil Alla. Meta navviċinawh b’qalb umli, hu se jismagħna.—Luqa 11:4.
OPPORTUNITAJIET BIEX NITKELLMU M’ALLA
10. Inkwantu għat-talb, kif nistgħu nimitaw lil Ġesù, u x’inhuma xi okkażjonijiet għal talb privat?
10 Ġesù Kristu kien jistmaha ferm ir-relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah. Għalhekk, Ġesù għamel il-ħin biex jitkellem m’Alla f’talb privat. (Mark 1:35; Luqa 22:40-46) Nagħmlu tajjeb li nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù u nitolbu lil Alla fuq bażi regulari. (Rumani 12:12) Huwa xieraq li nibdew il-ġurnata bi kliem taʼ talb, u qabel ma nidħlu fis-sodda, nistgħu bix-xieraq niżżu ħajr lil Jehovah għall-attività tal-jum. Matul il-ġurnata, kun determinat li tavviċina lil Alla “f’kull okkażjoni.” (Efesin 6:18, NW) Nistgħu saħansitra nitolbu bla ma ninstemgħu f’qalbna, billi nafu li Jehovah jistaʼ jismagħna. Li nitkellmu privatament m’Alla jgħinna nissodaw ir-relazzjoni tagħna miegħu, u li nitolbu lil Jehovah kuljum jgħinna nersqu dejjem eqreb lejh.
11. (a) Il-familji għala għandhom jitolbu flimkien? (b) X’ifisser meta tgħid “Amen” fl-aħħar taʼ talba?
11 Jehovah jagħti widen ukoll għal talb offrut għan-nom taʼ gruppi taʼ nies. (1 Slaten 8:22-53) Nistgħu nersqu qrib lejn Jehovah bħala familja, billi l-kap tal-familja jieħu t-tmexxija. Dan isaħħaħ l-għaqda tal-familja, u Jehovah isir reali għal uħud żgħar hekk kif huma jisimgħu lill-ġenituri tagħhom jitolbu b’umiltà lil Alla. Xi ngħidu jekk xi ħadd qiegħed jirrappreżenta lil xi grupp fit-talb, forsi f’laqgħa tax-Xhieda taʼ Jehovah? Jekk aħna qegħdin fl-udjenza, ejjew nagħtu widen b’attenzjoni sabiex fi tmiem it-talba, nistgħu b’qalbna kollha ngħidu “Amen,” li tfisser “Hekk ikun.”—1 Korintin 14:16.
TALB LI JEHOVAH JISMAʼ
12. (a) Alla għala ma jweġibx xi ftit mit-talb? (b) Għala m’għandniex nikkonċentraw unikament fuq ħtiġijiet persunali meta nitolbu?
12 Xi wħud jistgħu jħossu li Alla ma jweġibx it-talb tagħhom avolja jitolbuh permezz taʼ Kristu. Madankollu, l-appostlu Ġwanni qal: “Jekk nitolbu xi ħaġa skond ir-rieda [t’Alla], hu jismagħna.” (1 Ġwann 5:14) Mela, allura, jeħtieġ li nitolbu skond ir-rieda t’Alla. Ladarba hu interessat fil-ġid spiritwali tagħna, kwalunkwe ħaġa li teffettwa l-ispiritwalità tagħna hija suġġett xieraq għat-talb. Irridu nirreżistu t-tentazzjoni li nikkonċentraw kompletament fuq ħtiġijiet fiżiċi. Per eżempju, waqt li huwa xieraq li nitolbu għal dehen u saħħa biex inkampaw maʼ xi mard, tħassib dwar is-saħħa m’għandux idallam l-interessi spiritwali. (Salm 41:2-4 [41:1-3, NW]) Billi indunat li kienet saret ikkonċernata żżejjed dwar saħħitha, waħda mara Kristjana talbet lil Jehovah għall-għajnuna biex ikollha l-ħarsa xierqa dwar il-marda tagħha. Bħala riżultat, il-problemi taʼ saħħitha saru kwistjoni ferm iżgħar, u ħasset li ġiet mogħtija “qawwa iktar min-normal.” (2 Korintin 4:7, NW) Ix-xewqa tagħha li tkun t’għajnuna spiritwali għal oħrajn intensifikat, u hi saret proklamatriċi full-time tas-Saltna.
13. Bħalma huwa indikat f’Mattew 6:9-13, x’inhuma xi suġġetti addattati li nistgħu ninkludu fit-talb tagħna?
13 X’nistgħu ninkludu fit-talb tagħna sabiex Jehovah jieħu pjaċir jisimgħu? Ġesù Kristu għallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbu. Fit-talba mudell iddokumentata f’Mattew 6:9-13, hu stabbilixxa mudell taʼ suġġetti li dwarhom nistgħu nitolbu b’mod xieraq. X’għandu jkun taʼ tħassib prinċipali fit-talb tagħna? L-isem u s-Saltna t’Alla Jehovah iridu jkunu taʼ l-ogħla prijorità. Li nitolbu għall-ħtiġijiet materjali tagħna huwa xieraq. Huwa importanti wkoll li nitolbu għall-maħfra taʼ dnubietna u għall-ħelsien mit-tentazzjonijiet u mill-wieħed mill-agħar, Satana x-Xitan. Ġesù ma ridniex ngħidu din it-talba bil-kantaliena jew nirrepetuha darba wara l-oħra, billi ngħiduha bla ma naħsbu dwar it-tifsira tagħha. (Mattew 6:7) Liema xorta taʼ relazzjoni kienet tkun li kieku tifel juża l-istess kliem kull darba li jkellem lil missieru?
14. Minbarra petizzjonijiet, liema talb għandna noffru?
14 Minbarra petizzjonijiet u suppliki mill-qalb, għandna noffru talb taʼ tifħir u radd il-ħajr. (Salm 34:2 [34:1, NW]; Salm 92:2 [92:1, NW]; 1 Tessalonkin 5:18) Nistgħu wkoll nitolbu għal oħrajn. It-talb rigward ħutna spiritwali li jinsabu mnikktin jew ippersegwitati juri l-interess tagħna fihom, u Jehovah jieħu pjaċir jismagħna nesprimu tħassib bħal dan. (Luqa 22:32; Ġwann 17:20; 1 Tessalonkin 5:25) Fil-fatt, l-appostlu Pawlu kiteb: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, iżżuh ħajr. U s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu [Ġesù].”—Filippin 4:6, 7.
IPPERSEVERA FIT-TALB
15. X’għandna niftakru jekk it-talb tagħna jidher li m’huwiex jiġi mwieġeb?
15 Għalkemm qiegħed tikseb l-għarfien dwar Alla, tistaʼ tħoss li t-talb tiegħek xi drabi m’huwiex jiġi mwieġeb. Dan jistaʼ jkun il-każ għaliex għandu mnejn li għadu m’huwiex il-waqt t’Alla biex iwieġeb talba speċifika. (Koħelet 3:1-9) Jehovah jistaʼ jħalli sitwazzjoni tkompli sejra għal xi żmien, imma hu tassew iwieġbu t-talb u jaf l-aħjar żmien biex jagħmel dan.—2 Korintin 12:7-9.
16. Għala għandna nippersistu fit-talb, u li nagħmlu dan kif jeffettwa r-relazzjoni tagħna m’Alla?
16 Il-persistenza tagħna fit-talb tirrivela l-interess mill-qalb tagħna f’dak li qegħdin ngħidu lil Alla. (Luqa 18:1-8) Per eżempju, nistgħu nitolbu lil Jehovah biex jgħinna negħlbu ċerta dgħjufija. Billi nipperseveraw fit-talb u naġixxu f’armonija mal-petizzjonijiet tagħna, aħna nuru s-sinċerità tagħna. Għandna nkunu speċifiċi u onesti fil-petizzjonijiet tagħna. Huwa speċjalment importanti li nitolbu intensament meta nkunu qegħdin inġarrbu xi tentazzjoni. (Mattew 6:13) Hekk kif inkomplu nitolbu waqt li nipprovaw nikkontrollaw it-tqanqil midneb tagħna, se naraw kif Jehovah jgħinna. Dan se jibni l-fidi tagħna u jsaħħaħ ir-relazzjoni tagħna miegħu.—1 Korintin 10:13; Filippin 4:13.
17. Kif se nibbenefikaw minn attitudni taʼ talb f’li naqdu lil Alla?
17 Billi nikkultivaw attitudni taʼ talb f’li nagħtu servizz sagru lil Alla Jehovah, se nibdew nirrealizzaw li aħna ma naqduhx bis-saħħa tagħna stess. Huwa bis-saħħa taʼ Jehovah li jsir kollox. (1 Korintin 4:7) Li nirrikonoxxu dan se jgħinna biex inkunu umlin u se jtejjeb ir-relazzjoni tagħna miegħu. (1 Pietru 5:5, 6) Iva, għandna raġunijiet sodi biex nipperseveraw fit-talb. It-talb serju tagħna u l-għarfien prezzjuż li għandna dwar kif nersqu qrib lejn Missierna kollu mħabba tas-sema se jagħmlu lil ħajjitna verament hienja.
IL-KOMUNIKAZZJONI MAʼ JEHOVAH MHIX UNILATERALI
18. Kif nistgħu nagħtu widen lil Alla?
18 Jekk irridu li Alla jismaʼ t-talb tagħna, irridu nagħtu widen għal dak li jgħid hu. (Żakkarija 7:13) Hu m’għadux jibgħat il-messaġġi tiegħu permezz taʼ profeti ispirati b’mod divin u żgur li mhux qiegħed juża mezzi spiritistiċi. (Dewteronomju 18:10-12) Imma aħna nistgħu nagħtu widen lil Alla billi nistudjaw il-Kelma tiegħu, il-Bibbja. (Rumani 15:4; 2 Timotju 3:16, 17) Sewwa sew bħalma nistgħu jkollna bżonn niksbu gosti għal ikel fiżiku li huwa tajjeb għalina, aħna mħeġġin biex ‘nixxennqu għall-ħalib safi, il-ħalib tar-ruħ [“tal-kelma,” NW].’ Ikkultiva inklinazzjoni għal ikel spiritwali billi taqra l-Kelma t’Alla kuljum.—1 Pietru 2:2, 3; Atti 17:11.
19. X’benefiċċju hemm f’li timmedita fuq dak li taqra fil-Bibbja?
19 Immedita fuq dak li taqra fil-Bibbja. (Salm 1:1-3; 77:12, 13 [77:11, 12, NW]) Dak ifisser li tiżen il-materjal f’moħħok. Tistaʼ xxebbah dan maʼ li tixtarr l-ikel. Tistaʼ tixtarr ikel spiritwali billi tara kif dak li qiegħed taqra huwa relatat m’affarijiet li diġà taf. Ikkunsidra kif il-materjal jeffettwa lil ħajtek, jew irrifletti fuq dak li dan jirrivela dwar il-kwalitajiet u l-aġir taʼ Jehovah. B’hekk permezz taʼ studju persunali, tistaʼ ddaħħal ġewwa fik l-ikel spiritwali li jipprovdi Jehovah. Dan se jressqek eqreb lejn Alla u se jgħinek tittratta mal-problemi minn jum għal jum.
20. Li nattendu l-laqgħat Kristjani kif jgħinna nersqu qrib lejn Alla?
20 Tistaʼ wkoll tersaq qrib lejn Alla billi tagħti widen għall-Kelma tiegħu diskussa f’laqgħat Kristjani, sewwa sew bħalma l-Iżraeliti taw widen b’attenzjoni meta nġabru biex jisimgħu l-qari pubbliku tal-Liġi t’Alla. L-għalliema taʼ dak iż-żmien taw sinjifikat lill-qari tagħhom tal-Liġi, billi b’hekk għenu lis-semmiegħa tagħhom jifhmu u jiġu mqanqlin biex japplikaw dak li semgħu. Dan wassal għal ferħ kbir. (Neħemija 8:8, 12) Mela agħmilha d-drawwa tiegħek li tattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah. (Lhud 10:24, 25) Dan se jgħinek tifhem u mbagħad tapplika l-għarfien dwar Alla f’ħajtek u se jġiblek l-hena. Li tkun parti mill-fratellanza Kristjana mad-dinja kollha se jgħinek tibqaʼ qrib taʼ Jehovah. U bħalma se naraw, int tistaʼ ssib sigurtà vera fost il-poplu t’Alla.
ITTESTJA L-GĦARFIEN TIEGĦEK
Għala għandek tersaq qrib lejn Jehovah?
X’inhuma xi ħtiġijiet biex tersaq qrib lejn Alla?
X’tistaʼ tinkludi fit-talb tiegħek?
Għala għandek tippersevera fit-talb?
Kif tistaʼ tagħti widen lil Jehovah illum?
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 157]