Kapitlu 11
‘Ibqgħu Fittxu l-Ewwel is-Saltna’
1. (a) 1,900 sena ilu, Ġesù għala qal biex infittxu s-Saltna l-ewwel? (b) Liema mistoqsija għandna nistaqsu lilna nfusna?
’IL FUQ minn 1,900 sena ilu, f’diskors mogħti fil-Galilija, Ġesù ħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu: “Ibqgħu, allura, fittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba tiegħu.” Imma għala? Ma kienx il-waqt għat-tqegħid taʼ Kristu fuq it-tron ħafna sekli ’l bogħod? Iva. Imma dik is-Saltna Messjanika hija l-mezz li bih l-isem qaddis taʼ Jehovah stess se jiġi ssantifikat u l-iskop grandjuż tiegħu għall-art se jiġi mwettaq. Kulmin verament japprezza l-importanza taʼ dan se jagħti lis-Saltna l-ewwel post fil-ħajja tiegħu. Dak kien veru fl-ewwel seklu u ċertament li huwa hekk issa li s-Saltna qiegħda taħkem. Juri l-mod taʼ ħajja tiegħek li int qiegħed tfittex is-Saltna t’Alla l-ewwel?—Matt. 6:33.
2. Liema huma l-affarijiet li n-nies inġenerali qegħdin jiġru warajhom bil-ħrara?
2 In-nies inġenerali huma iktar interessati f’affarijiet oħrajn. Jiġru bil-ħrara wara r-rikkezzi u l-ilbies, ikel u ġid materjali u pjaċiri oħrajn li l-flus jistgħu jixtru. (Matt. 6:31, 32) Il-mod taʼ ħajja tagħhom jirrifletti preokkupazzjoni bihom infushom u bil-pjaċiri. F’ħajjiethom, Alla jitpoġġa fit-tieni post—jekk jemmnu bih wara kollox.
3. (a) Liema tip taʼ teżori ħeġġeġ Ġesù lis-segwaċi tiegħu biex ifittxu, u għala? (b) Għala ma kien hemm ebda bżonn li wieħed ikun ikkonċernat iżżejjed dwar ħtiġijiet materjali?
3 Imma lid-dixxipli tiegħu Ġesù tahom il-parir: “Ieqfu milli taħżnu għalikom infuskom teżori fuq l-art,” għaliex ebda waħda minn dawn l-affarijiet li wieħed jippossiedi ma tibqaʼ għal dejjem. “Minflok,” hu qal, “aħżnu għalikom infuskom teżori fis-sema,” billi taqdu ’l Jehovah. Hu ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex iżommu għajnhom “sempliċi,” billi jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq ħaġa waħda biss, dik li jagħmlu r-rieda t’Alla. “Ma tistgħux titjassru għal Alla u għar-Rikkezzi,” qalilhom. Imma xi ngħidu għall-ħtiġijiet materjali—ikel, ilbies u kenn? “Ieqfu milli tkunu anzjużi,” kien il-parir taʼ Ġesù. Hu ġibed l-attenzjoni tagħhom lejn l-għasafar—Alla jitmagħhom. Inkuraġġixxa lis-segwaċi tiegħu biex jieħdu lezzjoni mill-fjuri—Alla jlibbishom bil-ġmiel. Ma jiswewx il-qaddejja umani intelliġenti taʼ Jehovah iktar minn dawn? “Ibqgħu, allura, fittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba tiegħu,” qal Ġesù, “u dawn l-affarijiet [neċessarji] l-oħrajn kollha se jiġu miżjudin lilkom.” (Matt. 6:19-34) Temmnu int dak? Juruh dan l-azzjonijiet tiegħek?
TĦALLIX IL-VERITÀ TAS-SALTNA TIĠI MAĦNUQA
4. Jekk persuna tpoġġi enfasi żejda fuq affarijiet materjali, x’jistaʼ jkun ir-riżultat? Uri b’eżempji.
4 Jekk persuna tkun ikkonċernata żżejjed dwar affarijiet materjali, ir-riżultati jistgħu jkunu diżastrużi. Avolja tistqarr l-interess tagħha fis-Saltna, jekk f’qalbha tpoġġi affarijiet oħrajn l-ewwel, il-verità tas-Saltna se tiġi maħnuqa. (Matt. 13:18, 19, 22) Per eżempju, f’okkażjoni minnhom ħakkiem żagħżugħ u għani staqsa lil Ġesù, “X’irrid nagħmel jien biex niret il-ħajja taʼ dejjem?” Il-mod kif hu rrisponda għat-tweġiba taʼ Ġesù wera li hu kien jgħix ħajja morali u kien jittratta tajjeb lil oħrajn. Imma kien marbut iżżejjed mal-ġid materjali li kellu. Ma setax jifred lilu nnifsu minnu bi preferenza għal li jkun segwaċi taʼ Kristu. Għalhekk tilef opportunità li setgħet wasslitu biex ikun ħakkiem maʼ Kristu fis-Saltna tas-sema. Bħalma qal Ġesù f’dik l-okkażjoni: “Kemm se tkun ħaġa diffiċli għal dawk li għandhom il-flus biex jidħlu fis-saltna t’Alla!”—Mark 10:17-23.
5. (a) Pawlu inkuraġġixxa lil Timotju biex ikun kuntent b’liema affarijiet, u għala? (b) Satana kif juża “l-imħabba għall-flus” bħala nassa distruttiva?
5 Snin wara, l-appostlu Pawlu kiteb lil Timotju, li dak iż-żmien kien f’Efesu, ċentru kummerċjali għani. Hu fakkru: “Ma ġibna xejn fid-dinja, u lanqas ma nistgħu nġorru xi ħaġa ’l barra. Mela, billi għandna sosteniment u għata, se nkunu kuntenti b’dawn l-affarijiet.” Li wieħed jaħdem sabiex jipprovdi “sosteniment u għata” b’mod addattat għalih innifsu u għall-familja tiegħu huwa sewwa. Imma Pawlu wissa: “Dawk li huma determinati li jkunu għonja jaqgħu f’tentazzjoni u nassa u ħafna xewqat bla sens u li jikkaġunaw uġigħ, li jixħtu lill-bnedmin f’qerda u f’rovina.” Satana huwa sottili. Għall-ewwel għandu mnejn iħajjar lil persuna b’affarijiet żgħar. Dan taʼ spiss jiġi segwit bi pressjoni akbar—forsi opportunità taʼ promozzjoni għal impjieg li jħallas iktar imma li jirrikjedi ħin li qabel kien iddedikat għal affarijiet spiritwali. Jekk ma noqogħdux għassa, “l-imħabba għall-flus” tistaʼ toħnoq l-interessi l-iktar importanti tas-Saltna. Bħalma poġġieha Pawlu, “Billi rsistew għal din l-imħabba [għall-flus] xi wħud ġew żvijati mill-fidi u nifdu lilhom infushom minn fuq s’isfel b’ħafna weġgħat.”—1 Tim. 6:7-10.
6. (a) Biex nevitaw li ninqabdu f’nassa, x’irridu nagħmlu? (b) Huwa dak realistiku meta wieħed iqis is-sitwazzjoni ekonomika tad-dinja llum?
6 B’imħabba ġenwina għal ħuh Kristjan, Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Aħrab minn dawn l-affarijiet,” u, “Iġġieled il-ġlieda mill-aħjar tal-fidi.” (1 Tim. 6:11, 12) Sforz serju huwa meħtieġ jekk irridu nevitaw li niġu mkaxkrin flimkien mal-mod taʼ ħajja materjalistiku tad-dinja taʼ madwarna. Imma jekk aħna tassew nistinkaw f’armonija mal-fidi tagħna, Jehovah qatt ma se jabbandunana. Huma kif inhuma l-prezzijiet għoljin u n-nuqqas taʼ impjieg imxerred kullimkien, hu jiżgura li jkollna dak li tassew għandna bżonn.—Eb. 13:5, 6.
ID-DIXXIPLI BIKRIN JIPPROVDU MUDELL
7. Meta Ġesù bagħat lill-appostli biex jippridkaw f’Iżrael, liema struzzjonijiet tahom, u dawn għala kienu xierqa?
7 Wara li ta lill-appostli tiegħu taħriġ addattat Ġesù bagħathom f’Iżrael biex jippridkaw aħbar tajba. “Is-saltna tas-smewwiet qorbot.” Kemm kien messaġġ li jferraħ il-qalb dak! Ġesù Kristu, is-Sultan Messjaniku, kien fosthom. Ladarba l-appostli kienu qegħdin jiddedikaw erwieħhom għas-servizz t’Alla, Ġesù ħeġġiġhom biex ikollhom fiduċja li Alla kellu jieħu ħsiebhom. Għalhekk qal: “Iġġorru xejn għall-vjaġġ, la ħatar u lanqas ħorġa taʼ l-ikel, la ħobż u lanqas flus tal-fidda; lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi taʼ taħt. Imma kulfejn tidħlu ġo dar, oqogħdu hemmhekk u itilqu minn hemmhekk.” (Matt. 10:5-10; Luqa 9:1-6; 10:4-7) Jehovah kellu jara li l-bżonnijiet tagħhom jiġu ssodisfati permezz taʼ l-idejn taʼ l-Iżraeliti mseħbin magħhom, li fosthom l-ospitalità lejn il-barranin kienet drawwa.
8. (a) Ġesù għala ta struzzjonijiet differenti ftit qabel mewtu? (b) Minkejja dan, x’kellu xorta waħda jkun fl-ewwel post f’ħajjiethom?
8 Iktar tard, sewwa sew qabel mewtu, Ġesù fetaħ għajnejn l-appostli tiegħu għall-fatt li kellhom ikunu qegħdin jaħdmu taħt ċirkostanzi mibdulin. Bħala riżultat t’oppożizzjoni uffiċċjali, l-ospitalità setgħet ma baqgħetx daqshekk offruta volontarjament f’Iżrael. Ukoll, kellhom dalwaqt ikunu qegħdin iġorru l-messaġġ tas-Saltna lejn il-pajjiżi Ġentili. Issa kellhom jieħdu magħhom “portmoni” u “ħorġa taʼ l-ikel.” Minkejja dan, kellhom ikomplu jfittxu l-ewwel is-Saltna taʼ Jehovah u t-tjieba tiegħu, fiduċjużi li Alla kellu jbierek l-isforzi tagħhom biex jiksbu s-sosteniment u l-għata meħtiġin.—Luqa 22:35-37.
9. (a) Pawlu kif żamm is-Saltna fl-ewwel post? (b) Kif ħa ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi tiegħu? (ċ) Liema parir ta hu lil oħrajn fuq dawn il-kwistjonijiet?
9 L-appostlu Pawlu ta eżempju mill-aħjar taʼ kif wieħed għandu japplika l-parir taʼ Ġesù. Pawlu bena ħajtu madwar il-ministeru. (Atti 20:24, 25) Meta mar f’territorju biex jippriedka ħa ħsieb il-bżonnijiet materjali tiegħu stess billi ħadem it-tined. Ma stenniex li oħrajn jieħdu ħsiebu. (Atti 18:1-4; 1 Tess. 2:9; 1 Kor. 9:18) Madankollu aċċetta bi gratitudni ospitalità u għotjiet meta oħrajn riedu jesprimu l-imħabba u l-apprezzament tagħhom b’dan il-mod. (Atti 16:15, 34; Fil. 4:15-17) Hu ma nkuraġġiex lill-irġiel u n-nisa Kristjani biex jittraskuraw l-obbligi tagħhom tal-familja sabiex imorru jippridkaw, imma minflok biex jittrattaw id-diversi responsabbiltajiet tagħhom b’mod ibbilanċjat. Tahom il-parir biex jaħdmu b’idejhom, biex iħobbu lill-familji tagħhom u biex ikunu jdejhom miftuħin f’li jaqsmu m’oħrajn. (Ef. 4:28; 2 Tess. 3:7-12; Titus 2:3-5) Hu wkoll ħeġġiġhom biex ipoġġu l-fiduċja tagħhom, mhux fil-ġid materjali, imma f’Alla u biex jużaw ħajjiethom b’mod li wera li tassew fehmu x’kienu l-affarijiet l-iktar importanti fil-ħajja. F’armonija mat-tagħlim taʼ Ġesù, dak kien ifisser li jfittxu l-ewwel is-Saltna t’Alla u t-tjieba tiegħu.—Fil. 1:9-11.
ŻOMM IS-SALTNA L-EWWEL F’ĦAJTEK
10. (a) X’ifisser li ‘tfittex l-ewwel is-Saltna’? (b) Imma x’m’għandux jiġi ttraskurat?
10 Sa liema punt naqsmu aħna personalment l-aħbar tajba tas-Saltna m’oħrajn? Dak jiddependi, parzjalment, miċ-ċirkostanzi tagħna, u fil-parti l-kbira, mill-profondità taʼ l-apprezzament tagħna. Żomm f’moħħok li Ġesù ma qalx, ‘Fittxu s-Saltna meta ma jkollkom xejn iżjed x’tagħmlu.’ Lanqas ma qal, ‘Sakemm titkellmu dwar is-Saltna darba kultant, qegħdin tagħmlu dak kollu li huwa neċessarju.’ Lanqas ma qal, ‘Ibdew biż-żelu għall-interessi tas-Saltna; imma jekk l-Ordni l-Ġdid jidher li se jdum ma jiġi, komplu agħmlu xi ħaġa fis-servizz t’Alla imma għixu iktar bħal nies oħrajn.’ Billi kien jaf sewwa l-importanza tas-Saltna, esprima r-rieda taʼ Missieru fuq il-kwistjoni, billi qal: “Fittxu kontinwament is-saltna tiegħu.” Jew, bħalma l-appostlu Mattew niżżilha: “Ibqgħu, allura, fittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba tiegħu.” (Luqa 12:31; Matt. 6:33) Għalkemm il-biċċa l-kbira minna jsibuh neċessarju li jagħmlu xi tip taʼ xogħol biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi tagħhom infushom u tal-familji tagħhom, jekk tassew għandna l-fidi, ħajjietna se jiċċentraw fuq ix-xogħol li Alla tana f’konnessjoni mas-Saltna tiegħu. Fl-istess ħin m’aħniex se nittraskuraw ir-responsabbiltajiet tal-familja tagħna.—1 Tim. 5:8; Prov. 29:15.
11. (a) Ġesù kif ta stampa tal-fatt li mhux kulħadd kellu jkun jistaʼ jagħmel l-istess ammont f’li jxerred il-messaġġ tas-Saltna? (b) Liema fatturi huma marbutin maʼ dan?
11 Xi wħud minna jistgħu jiddedikaw iktar ħin minn oħrajn fil-ministeru taʼ l-għalqa. Imma fil-parabbola tiegħu dwar diversi tipi taʼ ħamrija Ġesù wera li dawk kollha li qlubhom huma bħal ħamrija mill-aħjar se jagħtu l-frott. Sa liema punt? Iċ-ċirkostanzi taʼ l-individwi jvarjaw. L-età, is-saħħa u r-responsabbiltajiet tal-familja huma kollha fatturi. Imma meta hemm apprezzament ġenwin, ħafna jistaʼ jitwettaq.—Matt. 13:19, 23.
12. Liema mira spiritwali bnina huma ż-żgħażagħ speċjalment inkuraġġiti biex jikkunsidraw?
12 Huwa tajjeb li jkollna miri li se jgħinuna nespandu s-sehem tagħna fil-ministeru tas-Saltna. Uħud żgħażagħ għandhom jaħsbu bis-serjetà dwar l-eżempju eċċellenti taʼ Timotju, dak il-Kristjan żagħżugħ u żeluż. (Fil. 2:19-22) X’jistaʼ jkun aħjar għalihom milli jidħlu fil-ministeru full-time meta jlestu l-edukazzjoni sekulari tagħhom? Uħud akbar, ukoll, se jibbenefikaw billi jagħmlu miri spiritwali bnini.
13. (a) Min jiddeċiedi dak li int personalment tistaʼ tagħmel fis-servizz tas-Saltna? (b) Jekk verament infittxu l-ewwel is-Saltna, dan taʼ liema ħaġa huwa evidenza?
13 Minflok ma nikkritikaw lil dawk li aħna għandna mnejn inħossu li jistgħu jagħmlu iktar, għandna niġu mqanqlin mill-fidi biex naħdmu għal titjib persunali ħalli nkunu nistgħu naqdu lil Alla bis-sħiħ skond kemm jippermettu ċ-ċirkostanzi tagħna stess. (Rum. 14:10-12; Gal. 6:4) Bħalma huwa muri fil-każ taʼ Ġob, Satana jargumenta li aħna l-iktar li aħna interessati huwa fil-ġid materjali tagħna, fil-kumdità tagħna stess u fil-benesseri persunali, u li l-motiv tagħna f’li naqdu lil Alla huwa wieħed egoistiku. Imma jekk verament infittxu l-ewwel is-Saltna, aħna qegħdin nieħdu sehem f’li nagħtu prova li x-Xitan huwa l-giddieb faħxi li huwa. Qegħdin nagħtu evidenza li dak li jiġi l-ewwel f’ħajjietna la huwa l-ġid materjali u lanqas il-kumdità persunali tagħna imma s-servizz t’Alla. Bil-kliem u bil-għemil aħna b’hekk nagħtu prova taʼ l-imħabba profonda tagħna għal Jehovah, l-appoġġ leali tagħna għas-sovranità tiegħu u l-imħabba tagħna lejn għajrna.—Prov. 27:11; Ġob 1:9-11; 2:4, 5.
14. (a) Skeda għas-servizz taʼ l-għalqa għala hija taʼ benefiċċju? (b) Ħafna Xhieda sa liema punt qegħdin jaqsmu fil-ministeru taʼ l-għalqa, u għala?
14 Skeda tistaʼ tgħinna nwettqu iktar milli kieku konna nagħmlu. Jehovah innifsu għandu ‘żminijiet maħturin’ għat-twettiq taʼ l-iskop tiegħu, u nagħmlu tajjeb li nimitaw dak. (Eżo. 9:5; Mark 1:15; Gal. 4:4) Jekk inhu possibbli, huwa tajjeb li wieħed jieħu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa f’xi żmien maħtur wieħed jew iktar kull ġimgħa. Għaxriet t’eluf taʼ Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja nkitbu bħala pijunieri awżiljari u jieħdu pjaċir iqattgħu medja taʼ sagħtejn jew iktar sigħat kuljum fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. X’uħud jagħmlu dan regolarment; oħrajn, xi ftit drabi kull sena. Ħafna eluf oħrajn jaqdu bħala pijunieri regulari, billi jużaw minn taʼ l-inqas medja taʼ tliet sigħat kuljum, jipproklamaw il-messaġġ tas-Saltna. Oħrajn, bħala pijunieri speċjali u missjunarji, iqattgħu saħansitra iktar ħin fis-servizz tas-Saltna. U kemm jekk aħna attwalment fil-ministeru taʼ l-għalqa u kemm jekk le, nistgħu nfittxu opportunitajiet biex naqsmu t-tama tas-Saltna f’kull okkażjoni addattata maʼ kulmin hu lest li jismaʼ. (Qabbel Ġwann 4:7-15.) Ilkoll kemm aħna għandna naħsbu bis-serjetà dwar l-implikazzjonijiet tal-profezija taʼ Ġesù li “din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-tmiem.” Ix-xewqa tagħna għandha tkun li jkollna sehem bis-sħiħ kemm jistaʼ jkun f’dak ix-xogħol skond kemm jippermettu ċ-ċirkostanzi tagħna.—Matt. 24:14; Ef. 5:15-17.
15. F’konnessjoni mal-ministeru tagħna, għala tħoss li l-parir fl-1 Korintin 15:58 huwa f’waqtu?
15 Magħqudin, fil-partijiet kollha taʼ l-art, hu x’inhu n-nazzjon li jgħixu fih, ix-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jaqsmu b’mod attiv f’dan il-privileġġ grandjuż taʼ servizz. Huma japplikaw għalihom infushom il-parir ispirat tal-Bibbja: “Siru sodi, ma titħarrkux, dejjem għandkom ħafna x’tagħmlu fix-xogħol tal-Mulej, billi tafu li l-ħidma tagħkom m’hijiex għalxejn f’konnessjoni mal-Mulej.”—1 Kor. 15:58.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● Meta Ġesù qal biex infittxu l-ewwel is-Saltna, x’kien qiegħed jindika li għandu jitqiegħed f’post sekondarju?
● Liema ħarsa għandna jkollna lejn li nieħdu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi tagħna nfusna u tal-familji tagħna? Alla liema għajnuna se jagħtina?
● Jagħmel xi differenza kemm nagħmlu fis-servizz tas-Saltna dment li jkollna xi sehem? Għala?