LEZZJONI 23
Il-Magħmudija Ġġiblek Futur Sabiħ!
Ġesù għallem li biex xi ħadd isir Kristjan għandu jitgħammed. (Aqra Mattew 28:19, 20.) Imma x’inhi l-magħmudija? U persuna x’għandha tagħmel biex titgħammed?
1. X’inhi l-magħmudija?
Il-kelma “magħmudija” ġejja minn kelma bil-Grieg li tfisser “tinżel” taħt l-ilma. Meta Ġesù tgħammed, Ġwanni niżżlu fl-ilma tax-Xmara Ġordan, u mbagħad “telaʼ mill-ilma.” (Marku 1:9, 10) B’mod simili, meta l-Kristjani veri jitgħammdu, huma jinżlu kompletament taħt l-ilma.
2. Meta xi ħadd jitgħammed, xi jkun qed juri?
Meta persuna titgħammed, turi li hi ddedikat lilha nfisha lil Alla Ġeħova. Persuna kif tiddedika lilha nfisha lil Ġeħova? Qabel ma titgħammed, titlob lil Ġeħova waħedha u tgħidlu li tixtieq taqdih għal dejjem. Hi twiegħed li se taqdi lil Ġeħova biss u l-iżjed ħaġa importanti f’ħajjitha hi li tagħmel dak li jixtieq. Hi tagħżel li ‘tiċħad lilha nfisha u tibqaʼ miexja’ wara l-eżempju u t-tagħlim taʼ Ġesù. (Mattew 16:24) Id-dedikazzjoni u l-magħmudija se jgħinu lil persuna biex ikollha ħbiberija maʼ Ġeħova u maʼ dawk li jaqduh.
3. Persuna xi trid tagħmel qabel titgħammed?
Biex int tkun lest għall-magħmudija, għandek titgħallem dwar Ġeħova u jkollok fidi b’saħħitha fih. (Aqra Ebrej 11:6.) Iżjed ma ssir taf lil Ġeħova u ssaħħaħ il-fidi fih, iżjed se tħobbu. Imbagħad se tkun tixtieq titkellem m’oħrajn dwaru u tgħix kif jixtieq hu. (2 Timotju 4:2; 1 Ġwanni 5:3) Meta persuna tgħix kif ‘jixraq lil Ġeħova biex togħġbu,’ imbagħad hi se tkun tixtieq tiddedika ħajjitha lil Alla u titgħammed.—Kolossin 1:9, 10.a
TGĦALLEM IŻJED
Sir af x’nistgħu nitgħallmu mill-magħmudija taʼ Ġesù u kif tistaʼ tkun lest biex tieħu din id-deċiżjoni importanti.
4. X’nitgħallmu minn kif tgħammed Ġesù?
Aqra Mattew 3:13-17, u nnota kif tgħammed Ġesù. Imbagħad iddiskuti:
Ġesù kien għadu tarbija meta tgħammed?
Kif tgħammed? Tefgħulu ftit ilma fuq rasu biss?
Wara li tgħammed, Ġesù beda jagħmel ix-xogħol importanti li tah Alla. Aqra Luqa 3:21-23 u Ġwanni 6:38, u mbagħad iddiskuti:
X’kien l-iżjed xogħol importanti għal Ġesù wara li tgħammed?
5. Il-magħmudija hija mira li tistaʼ tilħaq
Il-ħsieb li tiddedika lilek innifsek u titgħammed jaf jaqtagħlek qalbek. Imma jekk titgħallem iżjed dwar Ġeħova, se tkun iżjed ċert li trid tieħu din id-deċiżjoni importanti. Ara l-VIDJOW biex issir taf kif oħrajn waslu għal din id-deċiżjoni.
Aqra Ġwanni 17:3 u Ġakbu 1:5, u mbagħad iddiskuti:
X’jistaʼ jgħin lil persuna biex tkun lesta għall-magħmudija?
Id-dedikazzjoni hi li ngħidu lil Ġeħova li rridu naqduh għal dejjem
Meta nitgħammdu nkunu qed nuru lil oħrajn li ddedikajna lilna nfusna lil Ġeħova
6. Meta nitgħammdu, insiru parti mill-familja taʼ Ġeħova
Meta nitgħammdu, insiru parti minn familja magħquda madwar id-dinja. Aħna nemmnu l-istess u ngħixu kif tgħid il-Bibbja. Ma tagħmilx differenza minn fejn aħna u x’inhu l-background tagħna. Aqra Ġakbu 2:23 u l-1 Pietru 2:17, u mbagħad iddiskuti:
Meta persuna titgħammed, kif teffettwa l-ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova u l-aħwa kollha?
ĦAFNA JGĦIDU: “M’iniex lest biex nitgħammed.”
Jekk tħossok hekk, xorta taħseb li tixtieq tilħaq din il-mira?
XI DDISKUTEJNA?
Ġesù għallem li l-Kristjani jridu jitgħammdu. Qabel ma xi ħadd jitgħammed, irid ikollu fidi b’saħħitha f’Ġeħova, jgħix kif jixtieq Alla u jiddedika lilu nnifsu lil Ġeħova.
X’Tgħallimt
Il-magħmudija x’inhi u għala hija importanti?
X’inhi d-differenza bejn id-dedikazzjoni u l-magħmudija? Għala t-tnejn huma importanti?
Persuna xi trid tagħmel qabel id-dedikazzjoni u l-magħmudija?
ARA IŻJED
Tgħallem x’inhi u x’mhix il-magħmudija.
Ara kif persuna tistaʼ tasal għall-magħmudija.
Aqra xi mmotiva raġel biex jitgħammed.
Sir af kif se tibbenefika jekk titgħammed u xi trid tagħmel biex tkun lest.
a Jekk persuna tkun ġa tgħammdet f’reliġjon oħra, trid terġaʼ titgħammed. Għala? Għax dik ir-reliġjon m’għallmitx il-verità mill-Bibbja.—Ara Atti 19:1-5 u Lezzjoni 13.