X’Tistaʼ Titgħallem mit-Tfal?
“QISEK tifel żgħir!” Jekk jintqallek dan il-kliem, wisq probabbli se tieħu għalik. Minkejja l-ħlewwa tagħhom, it-tfal żgħar bla dubju m’għandhomx il-maturità, l-esperjenza, u l-għerf li ġeneralment jinkisbu bl-età.—Ġob 12:12.
Madankollu, darba minnhom Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tassew ngħidilkom, Jekk ma tinbidlux u ma ssirux bħal tfal żgħar, żgur li ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet.” (Mattew 18:3) X’ried ifisser Ġesù? Liema kwalitajiet li għandhom it-tfal ikun tajjeb li jimitawhom il-kbar?
Ikkultiva Umiltà bħal tat-Tfal
Ikkunsidra s-sitwazzjoni li wasslet għar-rimarki li għamel Ġesù. Malli wasal lura Kafarnahum wara vjaġġ twil, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu: “Fuqiex kontu qed targumentaw fit-triq?” Id-dixxipli bil-mistħija ma qalu xejn, għaliex kienu tlewmu bejniethom dwar min minnhom kien l-akbar. Fl-aħħar, rabbew biżżejjed kuraġġ biex jistaqsu lil Ġesù: “Fil-fatt, min hu l-akbar fis-saltna tas-smewwiet?”—Marku 9:33, 34; Mattew 18:1.
Tistaʼ tidher bħala ħaġa taʼ l-iskantament li wara li kienu ilhom tliet snin maʼ Ġesù, id-dixxipli kienu jargumentaw dwar il-pożizzjonijiet. Madankollu, huma kienu trabbew fir-reliġjon Lhudija, li poġġiet importanza kbira fuq dawn il-kwistjonijiet. Milli jidher, dan l-isfond reliġjuż, flimkien maʼ l-imperfezzjoni tal-bniedem, influwenza l-mod kif kienu jaħsbuha d-dixxipli.
Ġesù qagħad bil-qiegħda, sejjaħ lid-dixxipli ħdejh, u qal: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel, għandu jkun l-aħħar wieħed u l-qaddej taʼ kulħadd.” (Marku 9:35) Dan il-kliem wisq probabbli għaġġibhom. L-irraġunar taʼ Ġesù kkontradixxa direttament il-konċetti Lhud dwar min hu l-akbar! Ġesù mbagħad sejjaħ tifel ċkejken biex imur ħdejh. Hekk kif ħaddnu miegħu b’tenerezza, hu wasslilhom il-punt li xtaq joħroġ: “Tassew ngħidilkom, Jekk ma tinbidlux u ma ssirux bħal tfal żgħar, żgur li ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet. Għalhekk, kulmin jumilja ruħu bħal dan it-tifel hu l-akbar fis-saltna tas-smewwiet.”—Mattew 18:3, 4.
X’eżempju prattiku taʼ l-umiltà! Immaġina x-xena. Grupp taʼ rġiel kbar, adulti, u serji kienu mdawrin maʼ tifel żgħir, u lkoll kemm huma kienu qed iħarsu fiss lejh. L-irġiel kollha bdew iħarsu lejn it-tifel. Kemm kien timidu u kemm kien jafdahom! Kemm kien ħieles mir-rivalità u l-ħażen! Kemm kien sottomess u modest! Iva, it-tifel ċkejken b’mod mill-isbaħ kien xempju tal-kwalità divina taʼ l-umiltà.
Il-punt li ried joħroġ Ġesù huwa ċar. Ilkoll kemm aħna rridu nikkultivaw umiltà bħal tat-tfal jekk irridu nirtu s-Saltna t’Alla. Fl-arranġament taʼ Ġeħova għall-familja, m’hemmx lok għall-kompetizzjoni bejn persuna u oħra jew għall-kburija. (Galatin 5:26) Fil-fatt, dawn huma eżattament il-karatteristiki li qanqlu lil Satana x-Xitan biex jirribella kontra Alla fil-bidunett. Mhux taʼ b’xejn li Ġeħova jobgħodhom!—Proverbji 8:13.
Il-Kristjani veri jfittxu li jaqdu, mhux li jeżerċitaw l-awtorità. Minkejja kemm tistaʼ ma tkunx pjaċevoli l-biċċa xogħol jew minkejja kemm ikun umli l-individwu li nkunu se naqdu, l-umiltà vera tqanqalna biex naqdu lil oħrajn. Servizz umli bħal dan iġib miegħu premjijiet kbar. Ġesù jgħid: “Kulmin jilqaʼ lil wieħed minn dawn it-tfal żgħar f’ismi, jilqaʼ lili; u kulmin jilqaʼ lili, ma jilqax lili biss imma wkoll lil dak li bagħatni.” (Marku 9:37) Meta nikkultivaw spirtu taʼ ġenerożità u umiltà bħal tat-tfal, aħna se nkunu f’unjoni maʼ l-ogħla Persunaġġ fl-univers u maʼ Ibnu. (Ġwanni 17:20, 21; 1 Pietru 5:5) Aħna se naħsdu l-ferħ li jiġi meta nagħtu. (Atti 20:35) U għandna s-sodisfazzjon li nikkontribwixxu għall-paċi u l-għaqda li jidhru ċari fost il-poplu t’Alla.—Efesin 4:1-3.
Lesti li Jitgħallmu u li Jafdaw
Ġesù mbagħad jenfasizza tagħlima oħra li l-adulti jistgħu jitgħallmu mit-tfal: “Kulmin ma jilqax is-saltna t’Alla bħal tifel żgħir żgur ma jidħolx fiha.” (Marku 10:15) It-tfal mhux biss huma umli, imma wkoll lesti li jitgħallmu. “Huma jixorbu l-informazzjoni bħal sponża,” tgħid waħda omm.
Għaldaqstant, sabiex nirtu s-Saltna t’Alla, aħna rridu nilqgħu l-messaġġ tas-Saltna u nobduh. (1 Tessalonikin 2:13) Bħal trabi tat-twelid, aħna “[n]ifformaw xenqa għall-ħalib safi tal-kelma, sabiex permezz tiegħu [n]ikbru għas-salvazzjoni.” (1 Pietru 2:2) Imma xi ngħidu jekk xi tagħlim Bibliku jkun diffiċli biex nifhmuh? “It-tfal jibqgħu jistaqsu ‘Għala?’ sakemm isibu tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tagħhom,” tosserva waħda mara li xogħolha hu li tieħu ħsieb it-tfal. Nagħmlu tajjeb jekk nimitaw l-eżempju tagħhom. Mela kompli studja. Tkellem maʼ Kristjani oħrajn li għandhom l-esperjenza. Itlob lil Ġeħova għall-għerf. (Ġakbu 1:5) Mingħajr dubju, il-persistenza tiegħek fit-talb maż-żmien se tiġi premjata.—Mattew 7:7-11.
Madankollu, xi wħud jistgħu jaħsbu, ‘Ma jistgħux in-nies li jkunu lesti li jitgħallmu jiġu żvijati faċilment?’ Dan ma jiġrix jekk ikollhom gwida taʼ min joqgħod fuqha. Per eżempju, it-tfal b’mod istintiv iduru lejn il-ġenituri tagħhom għall-gwida. “Il-ġenituri jagħtu prova li huma taʼ min jafdahom billi jipproteġu lil uliedhom u jipprovdulhom il-bżonnijiet tagħhom ġurnata wara l-oħra,” jgħid wieħed missier. Bla dubju, aħna għandna raġunijiet simili biex nafdaw lil Missierna tas-sema, Ġeħova. (Ġakbu 1:17; 1 Ġwanni 4:9, 10) Ġeħova jagħtina gwida li ma tfalli qatt permezz tal-Kelma miktuba tiegħu. L-ispirtu qaddis u l-organizzazzjoni tiegħu jfarrġuna u jappoġġawna. (Mattew 24:45-47; Ġwanni 14:26) Jekk nagħmlu użu minn dawn il-provvedimenti se nibqgħu ħielsa mill-ħsara spiritwali.—Salm 91:1-16.
Meta nikkultivaw fiduċja f’Alla bħal tat-tfal se jkollna wkoll il-paċi tal-moħħ. Wieħed studjuż tal-Bibbja josserva: “Meta nkunu tfal, aħna nibdew vjaġġ li għalih ma jkollniex mezzi biex inħallsu l-biljett, u ma jkollniex ħjiel kif naslu fid-destinazzjoni, u madankollu qatt ma jgħaddilna minn rasna li niddubitaw jekk il-ġenituri tagħna humiex se jwassluna qawwijin u sħaħ lejn tmiemu.” Għandna aħna din l-istess fiduċja f’Ġeħova hekk kif nivvjaġġaw fit-triq taʼ ħajjitna?—Isaija 41:10.
Fiduċja sħiħa f’Alla tgħinna nevitaw attitudnijiet u azzjonijiet li jistgħu jipperikolaw l-ispiritwalità tagħna. Minflok, aħna għandna fiduċja sħiħa fil-kliem taʼ Ġesù li Missierna tas-sema jaf l-għemejjel tagħna u li Hu se jieħu ħsiebna dment li nfittxu l-ewwel is-Saltna u s-sewwa t’Alla. Dan se jgħinna nirreżistu t-tentazzjoni li niffokaw fuq ħsibijiet materjali, u b’hekk nittraskuraw ir-responsabbiltajiet spiritwali tagħna.—Mattew 6:19-34.
“Trabi fil-Ħażen”
Għalkemm jitwieldu imperfetti, it-tfal żgħar għandhom is-safa f’qalbhom u f’moħħhom b’mod li jserrħek. Għal din ir-raġuni, il-Bibbja tħeġġeġ lill-Kristjani: “Kunu tfal ċkejknin għal dak li hu ħażen.”—1 Korintin 14:20.
Ikkunsidra lil Monique li għandha ħames snin u li kollha eċċitament qalet lil ommha: “Il-ħabiba l-ġdida tiegħi, Sarah, għandha xagħarha nnokklat bħal tiegħi!” Il-kulur tal-ġilda u r-razza differenti taʼ Sarah ma ssemmewx. Waħda omm tgħid: “It-tfal żgħar m’humiex influwenzati minn razez differenti. M’għandhom l-ebda idea taʼ razza jew preġudizzju.” F’dan l-aspett, it-tfal tassew jirriflettu b’mod mill-isbaħ il-ħarsa taʼ l-Alla imparzjali tagħna, li jħobb lin-nies tal-ġnus kollha.—Atti 10:34, 35.
Ukoll, it-tfal għandhom kapaċità taʼ l-għaġeb li jaħfru. Wieħed missier jgħid: “Meta ċċkejknin Jack u Levi jiġġieldu, aħna ngħidulhom biex jitolbu apoloġija lil xulxin, u malajr tarahom jerġgħu jibdew jilagħbu flimkien ferħanin. Ma joqogħdux jhewdnu u jiftakru fil-passat, jew jitolbu xi ħaġa qabel ikunu lesti li jaħfru. Huma sempliċement jibqgħu għaddejjin.” X’eżempju mill-aħjar biex jimitawh l-adulti!—Kolossin 3:13.
Barra minn hekk, it-tfal żgħar jirrikonoxxu bla diffikultà l-eżistenza t’Alla. (Ebrej 11:6) Is-sinċerità naturali tagħhom spiss tqanqalhom biex jippridkaw bil-kuraġġ lil oħrajn. (2 Slaten 5:2, 3) It-talb tagħhom, sempliċi u mill-qalb, jistaʼ jmiss lil dawk li għandhom qalbhom tassew iebsa. U meta jiffaċċjaw xi tentazzjoni, huma kapaċi juru saħħa morali li tispikka. X’għotjiet prezzjużi huma t-tfal ċkejknin!—Salm 127:3, 4.
Is-Sbuħija Mġedda
Int għandek mnejn taħseb, ‘Huwa possibbli għall-adulti li jerġgħu jiksbu l-kwalitajiet mill-isbaħ konnessi mat-tfulija?’ It-tweġiba sempliċi u li tqawwi l-qalb hija iva! Bla dubju, il-kmand taʼ Ġesù biex ‘insiru bħal tfal żgħar’ jagħti prova li dan huwa possibbli.—Mattew 18:3.
Biex nagħtu eżempju: Grupp taʼ restawraturi taʼ l-arti jistgħu jaħdmu biex jirrestawraw kapulavur imprezzabbli. F’dan il-proċess, huma jneħħu saffi taʼ ħmieġ li jakkumula biż-żmien u jneħħu xogħlijiet oħrajn taʼ restawrazzjoni bla sengħa li jkunu saru fuqha. Wara ħafna sforzi li r-restawraturi għamlu bil-paċenzja, il-kuluri vivaċi u s-sbuħija naturali tat-tpinġija oriġinali jiġu mikxufin biex jarahom kulħadd. Bl-istess mod, bi sforz persistenti, bl-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, u bl-appoġġ bi mħabba tal-kongregazzjoni Kristjana, aħna nistgħu nerġgħu niksbu l-kwalitajiet sbieħ li kienu jiffjorixxu b’mod naturali meta konna għadna tfal.—Efesin 5:1.
[Stampa f’paġna 9]
It-tfal huma umli b’mod naturali
[Stampa f’paġna 10]
It-tfal żgħar m’humiex preġudikati, u jaħfru u jinsew malajr