LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 7/1 pp. 7-12
  • X’Jimmotivak Biex Taqdi lil Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Jimmotivak Biex Taqdi lil Alla?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ostakli Għal Motivazzjoni Xierqa
  • “L-​Imħabba Li L-​Kristu Għandu Ġġegħilna”
  • “Għassu Għall-​Ħmira Tal-​Fariżej”
  • “Kull Wieħed Skond L-​Abbiltà Tiegħu Stess”
  • Tgħallmu mit-tixbiha tat-talenti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Lezzjoni dwar id-diliġenza—It-talenti
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Ħobb lill-Alla li Jħobbok
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Issaħħaħ Permezz taʼ l-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 7/1 pp. 7-12

X’Jimmotivak Biex Taqdi lil Alla?

“Trid tħobb lil Jehovah Alla tiegħek b’qalbek kollha kemm hi u b’ruħek kollha kemm hi u b’moħħok kollu kemm hu u b’saħħtek kollha kemm hi.”—MARK 12:30.

1, 2. Liema affarijiet eċċitanti qegħdin jitwettqu f’konnessjoni max-​xogħol taʼ l-​ippridkar?

IL-​VALUR veru taʼ karozza m’huwiex iddeterminat biss mid-​dehra tagħha. Kisja żebgħa tistaʼ ssebbaħha minn barra, u disinn eleganti jistaʼ jattira klijent potenzjali; imma taʼ ħafna iżjed importanza huma l-​affarijiet li ma jidhrux malajr​—il-​magna li tiġbed lill-​vettura, flimkien maʼ l-​apparat l-​ieħor kollu li jikkontrollaha.

2 Huwa simili għas-​servizz taʼ Kristjan lejn Alla. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah joktru f’xogħlijiet taʼ tjieba. Kull sena, iktar minn biljun siegħa jiġu mqattgħin fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla. Iktar minn hekk, miljuni taʼ studji tal-​Bibbja jiġu kkonduċuti, u dawk li jitgħammdu jgħoddu fil-​mijiet t’eluf. Jekk int proklamatur taʼ l-​aħbar tajba, kellek sehem​—saħansitra jekk forsi jidher żgħir—​f’dawn l-​istatistiċi eċċitanti. U tistaʼ tkun żgur li “Alla mhux bla tjieba biex jinsa x-​xogħol tagħkom u l-​imħabba li wrejtu għal ismu.”—Ebrej 6:10.

3. Minbarra xogħlijiet x’għandu jkun taʼ tħassib vitali għall-​Kristjani, u għala?

3 Madankollu, il-​valur veru tas-​servizz tagħna​—kollettivament jew individwalment—​ma jitkejjilx biss bil-​figuri. Bħalma ntqal lil Samwel, “sempliċi bniedem jara dak li jidher fl-​għajnejn; imma nkwantu għal Jehovah, hu jara x’inhi l-​qalb.” (1 Samwel 16:7) Iva, huwa dak li aħna minn ġewwa li jgħodd m’Alla. Veru, ix-​xogħlijiet huma essenzjali. Għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla jżejnu t-​tagħlim taʼ Jehovah u jattiraw dixxipli potenzjali. (Mattew 5:14-16; Titus 2:10; 2 Pietru 3:11) Madankollu, ix-​xogħlijiet tagħna ma jgħidux l-​istorja kollha. Ġesù rxoxtat kellu għalxiex jinkwieta dwar il-​kongregazzjoni f’Efesu​—minkejja r-​rekord tagħhom taʼ xogħlijiet tajbin. “Jien naf l-​għemejjel tiegħek,” qalilhom. “Minkejja dan, inżomm dan kontra tiegħek, li int tlaqt l-​imħabba li kellek għall-​ewwel.”—Rivelazzjoni 2:1-4.

4. (a) Is-​servizz tagħna lejn Alla b’liema mod jistaʼ jsir bħal ritwal b’dover? (b) Għala hemm ħtieġa għal eżami tagħna nfusna?

4 Jeżisti periklu. Matul perijodu taʼ żmien, is-​servizz tagħna lejn Alla jistaʼ jsir bħal ritwal taʼ dover. Waħda mara Kristjana ddeskriviet dan b’dan il-​mod: “Kont noħroġ fis-​servizz, immur għal-​laqgħat, nistudja, nitlob​—imma kont nagħmel kollox awtomatikament, bla ma nħoss xejn.” M’għandniex xi ngħidu, il-​qaddejja t’Alla jistħoqqilhom prosit meta jisforzaw lilhom infushom minkejja li jħossuhom “mitfugħin ’l isfel” jew “mgħakksin.” (2 Korintin 4:9; 7:6) Minkejja dan, meta r-​rutina Kristjana tagħna tiġġamja, jkollna bżonn nagħtu titwila fil-​magna, biex ngħidu hekk. Saħansitra l-​aqwa karozzi jkollhom bżonn manutenzjoni perijodika; b’mod simili, il-​Kristjani kollha għandhom bżonn jagħmlu eżami persunali regulari. (2 Korintin 13:5) Oħrajn jistgħu jaraw ix-​xogħlijiet tagħna, imma ma jistgħux jagħrfu xi jqanqal l-​azzjonijiet tagħna. Kull wieħed minna, għalhekk, għandu jkun ikkonċernat dwar il-​mistoqsija: ‘X’jimmotivani biex naqdi lil Alla?’

Ostakli Għal Motivazzjoni Xierqa

5. Ġesù liema kmand qal li kien l-​ewwel qabel kollox?

5 Meta mistoqsi dwar liema mil-​liġijiet mogħtijin lil Iżrael kienet l-​ewwel waħda, Ġesù kkwota kmand li ffoka, mhux fuq l-​apparenza taʼ barra, imma fuq il-​motiv ġewwieni: “Trid tħobb lil Jehovah Alla tiegħek b’qalbek kollha kemm hi u b’ruħek kollha kemm hi u b’moħħok kollu kemm hu u b’saħħtek kollha kemm hi.” (Mark 12:28-30) Ġesù b’hekk identifika x’għandha tkun il-​forza li tqanqalna fis-​servizz tagħna lejn Alla​—l-​imħabba.

6, 7. (a) Satana b’liema mod insidjuż attakka ċ-​ċirku tal-​familja, u għala? (2 Korintin 2:11) (b) It-​trobbija kif tistaʼ teffettwa l-​attitudni taʼ l-​individwu lejn l-​awtorità divina?

6 Satana jrid iżomm lura l-​abbiltà tagħna li nikkultivaw il-​kwalità vitali taʼ l-​imħabba. Biex iwettaq dan, metodu wieħed li uża huwa li jattakka ċ-​ċirku tal-​familja. Għala? Għax dan huwa fejn jiġu fformati l-​ewwel u l-​iktar impressjonijiet dejjiema tagħna dwar l-​imħabba. Satana jaf tajjeb il-​prinċipju Bibliku li dak li nitgħallmu fit-​tfulija jistaʼ jkun taʼ valur meta nsiru adulti. (Proverbji 22:6) B’mod insidjuż jipprova jgħawweġ il-​kunċett tagħna taʼ l-​imħabba f’età bikrija. Bħala “alla taʼ din is-​sistema t’affarijiet,” Satana jara l-​iskopijiet tiegħu moqdijin tajjeb meta ħafna jitrabbew fi djar li m’humiex menqiet taʼ mħabba imma kampijiet tal-​gwerra taʼ mrar, korla, u kliem t’abbuż.—2 Korintin 4:4; Efesin 4:31, 32; 6:4, nota taʼ taħt; Kolossin 3:21.

7 Il-​ktieb Making Your Family Life Happy osserva li l-​mod kif missier iwettaq l-​irwol tiegħu taʼ ġenitur “jistaʼ jkollu effett dejjiemi fuq l-​attitudni futura taʼ wliedu lejn l-​awtorità, kemm umana kif ukoll divina.”a Wieħed raġel Kristjan li kien trabba taħt l-​id tqila taʼ missier aħrax jammetti: “Għalija, li nobdi lil Jehovah huwa faċli; li nħobbu huwa bil-​wisq iżjed diffiċli.” M’għandniex xi ngħidu, l-​ubbidjenza hija vitali, għax f’għajnejn Alla “li tobdi huwa aħjar minn sagrifiċċju.” (1 Samwel 15:22) Imma x’jistaʼ jgħinna biex navanzaw lil hinn minn sempliċi ubbidjenza u nikkultivaw imħabba lejn Jehovah bħala l-​forza motivanti wara l-​qima tagħna?

“L-​Imħabba Li L-​Kristu Għandu Ġġegħilna”

8, 9. Is-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù kif għandu jqanqal l-​imħabba tagħna lejn Jehovah?

8 L-​akbar stimulant f’li nikkultivaw imħabba b’qalbna kollha kemm hi lejn Jehovah huwa apprezzament lejn is-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù Kristu. “B’dan intgħamlet tidher l-​imħabba t’Alla fil-​każ tagħna, għaliex Alla bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu fid-​dinja biex nistgħu naqilgħu l-​ħajja permezz tiegħu.” (1 Ġwann 4:9) Ladarba nifhmu u napprezzaw dan, dan l-​att taʼ mħabba jipproduċi reazzjoni taʼ mħabba. “Aħna nħobbu, għaliex [Jehovah] ħabbna l-​ewwel.”—1 Ġwann 4:19.

9 Ġesù volontarjament aċċetta l-​inkarigu tiegħu biex jaqdi bħala s-​Salvatur tal-​bniedem. “B’dan sirna nafu l-​imħabba, għaliex dak il-​wieħed ċeda ruħu għalina.” (1 Ġwann 3:16; Ġwann 15:13) L-​imħabba li tissagrifika lilha nfisha taʼ Ġesù għandha tqanqal rispons apprezzattiv fina. Biex nagħtu tixbieha: Nassumu li ġejt salvat minn għarqa. Tistaʼ int sempliċement tmur id-​dar, tixxotta lilek innifsek, u tinsa kollox? Dażgur li le! Tħossok midjun lejn il-​persuna li salvatek. Wara kollox, taf ħajtek lil dik il-​persuna. Għandna nħossuna inqas midjunin lejn Alla Jehovah u Ġesù Kristu? Mingħajr ir-​rahan, kull wieħed minna jegħreq, biex ngħidu hekk, fid-​dnub u l-​mewt. Minflok, minħabba dan l-​att kbir taʼ mħabba, għandna l-​prospett li ngħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna.—Rumani 5:12, 18; 1 Pietru 2:24.

10. (a) Kif nistgħu nagħmlu r-​rahan xi ħaġa persunali? (b) L-​imħabba li għandu Kristu kif iġġegħilna?

10 Immedita fuq ir-​rahan. Applikah għalik personalment, bħalma għamel Pawlu: “Tabilħaqq, il-​ħajja li issa ngħix fil-​laħam ngħixha bil-​fidi li hija lejn l-​Iben t’Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu f’idejn ħaddieħor għalija.” (Galatin 2:20) Riflessjoni bħal din se tkebbes motivazzjoni mill-​qalb, għax Pawlu kiteb lill-​Korintin: “L-​imħabba li l-​Kristu għandu ġġegħilna, għaliex . . . hu miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu jistgħu jgħixu mhux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.” (2 Korintin 5:14, 15) The Jerusalem Bible tgħid li l-​imħabba taʼ Kristu “tissuperana.” Meta nikkontemplaw l-​imħabba taʼ Kristu, niġu mġegħlin, imqanqlin profondament, saħansitra ssuperati. Tmissilna qlubna u tqanqalna għall-​azzjoni. Bħalma tpoġġiha t-​traduzzjoni taʼ J. B. Phillips, “l-​istess molla taʼ l-​azzjonijiet tagħna hija l-​imħabba taʼ Kristu.” Kwalunkwe tip ieħor taʼ motivazzjoni m’huwiex se jipproduċi frott dejjiemi fina, bħalma huwa muri mill-​eżempju tal-​Fariżej.

“Għassu Għall-​Ħmira Tal-​Fariżej”

11. Iddeskrivi l-​attitudni tal-​Fariżej lejn xogħlijiet reliġjużi.

11 Il-​Fariżej neħħew il-​ħajja kollha mill-​qima t’Alla. Minflok m’enfasizzaw imħabba lejn Alla, enfasizzaw xogħlijiet bħala kejl għall-​ispiritwalità. Il-​preokkupazzjoni tagħhom għal regoli ddettaljati ġegħlithom jidhru twajbin minn barra, imma minn ġewwa kienu “mimlijin b’għadam tan-​nies mejtin u b’kull xorta taʼ nuqqas taʼ ndafa.”—Mattew 23:27.

12. Wara li Ġesù fejjaq lil wieħed raġel, il-​Fariżej kif urew lilhom infushom bħala insensibbli f’qalbhom?

12 F’okkażjoni waħda Ġesù b’mogħdrija fejjaq lil raġel li kellu idu niexfa. Kemm żgur li kien hieni dan ir-raġel li jesperjenza l-​fejqan istantanju minn marda li bla dubju kkaġunatlu ħafna skomdu fiżiku u emozzjonali! Madankollu, il-​Fariżej ma thennewx miegħu. Minflok, sabu x-​xagħra fl-​għaġina fuq teknikalità​—li Ġesù kien ta għajnuna nhar is-​Sabat. Preokkupati bl-​interpretazzjoni teknika tagħhom tal-​Liġi, il-​Fariżej kompletament tilfu l-​ispirtu tal-​Liġi. Mhux taʼ b’xejn li Ġesù kien “imnikket għall-​aħħar minħabba l-​insensibbiltà taʼ qlubhom”! (Mark 3:1-5) Barra minn hekk, wissa lid-​dixxipli tiegħu: “Għassu għall-​ħmira tal-​Fariżej u s-​Sadduċej.” (Mattew 16:6) L-​azzjonijiet u l-​attitudnijiet tagħhom huma mikxufin fil-​Bibbja għall-​benefiċċju tagħna.

13. Liema lezzjoni hemm għalina fl-​eżempju tal-​Fariżej?

13 L-​eżempju tal-​Fariżej jgħallimna li għandna bżonn ikollna ħarsa raġonevoli dwar xogħlijiet. Tabilħaqq, ix-​xogħlijiet huma vitali, għax “fidi mingħajr xogħlijiet hija mejta.” (Ġakbu 2:26) Madankollu, bnedmin imperfetti għandhom tendenza li jiġġudikaw lil oħrajn minn dak li jagħmlu minflok minn dak li huma. Xi drabi, nistgħu saħansitra niġġudikaw lilna nfusna b’dan il-​mod. Nistgħu nsiru ossessjonati b’kemm inwettqu, bħal li kieku dan kien l-​uniku kriterju taʼ l-​ispiritwalità tagħna. Nistgħu ninsew l-​importanza li neżaminaw il-​motivi tagħna. (Qabbel 2 Korintin 5:12.) Nistgħu nsiru legalisti riġidi li ‘nsaffu n-​nemusa u nibilgħu l-​ġemel,’ billi nobdu l-​ittra tal-​liġi fil-​waqt li niksru l-​intenzjoni tagħha.—Mattew 23:24.

14. Il-​Fariżej kif kienu bħal kies jew dixx m’huwiex nadif?

14 Dak li l-​Fariżej ma fehmux huwa li jekk persuna verament tħobb lil Jehovah, atti taʼ devozzjoni lejn Alla se jsegwu b’mod naturali. L-​ispiritwalità toħroġ mill-​ġewwieni għal barra. Ġesù ddenunzja bil-​qawwa lill-​Fariżej għall-​ħsieb żbaljat tagħhom f’dan ir-​rigward, billi qal: “Gwaj għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! għaliex intom tnaddfu n-​naħa taʼ barra tal-​kies u tad-​dixx, imma minn ġewwa huma mimlijin ħtif u nuqqas taʼ moderazzjoni. Fariżew agħma, naddaf l-​ewwel in-​naħa taʼ ġewwa tal-​kies u tad-​dixx, biex in-​naħa taʼ barra tiegħu wkoll tistaʼ ssir nadifa.”—Mattew 23:25, 26.

15. Iċċita eżempji li juru li Ġesù jħares iżjed ’il bogħod mill-​apparenzi.

15 Id-​dehra minn barra taʼ kies, dixx, jew saħansitra bini tirrivela biss ftit informazzjoni. Id-​dixxipli taʼ Ġesù kienu mmeraviljati bil-​ġmiel tat-​tempju taʼ Ġerusalemm, li Ġesù sejjaħlu “għar tal-​ħallelin” minħabba dak li kien għaddej fuq ġewwa. (Mark 11:17; 13:1) Dak li kien veru dwar it-​tempju huwa veru dwar miljuni taʼ nies li jistqarru li huma Kristjani, bħalma juri r-​rekord tal-​Kristjaneżmu. Ġesù qal li kien se jiġġudika lil xi wħud li jwettqu “xogħlijiet potenti” f’ismu bħala “ħaddiema taʼ l-​illegalità.” (Mattew 7:22, 23) F’kuntrast qawwi, qal dwar armla li kkontribwiet ammont kważi negliġibbli taʼ flus fit-​tempju: “Din l-​armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li qegħdin jitfgħu l-​flus fis-​sniedaq tat-​teżor . . . Hi, min-​nieqes tagħha, tefgħet dak kollu li kellha, l-​għixien kollu kemm hu tagħha.” (Mark 12:41-44) Ġudizzji inkonsistenti? Xejn affattu. Fiż-​żewġ sitwazzjonijiet, Ġesù rrifletta l-​ħarsa taʼ Jehovah. (Ġwann 8:16) Ra l-​motivi wara x-​xogħlijiet u ġġudika fi qbil magħhom.

“Kull Wieħed Skond L-​Abbiltà Tiegħu Stess”

16. Għala m’għandniex bżonn li dejjem nipparagunaw l-​attività tagħna maʼ dik taʼ xi Kristjan ieħor?

16 Jekk il-​motivi tagħna huma xierqa, m’hemmx għalfejn nagħmlu paraguni l-​ħin kollu. Per eżempju, ftit li xejn joħroġ ġid jekk b’mod kompetittiv nistinkaw biex inqattgħu l-​istess ammont taʼ ħin fil-​ministeru li xi Kristjan ieħor jagħmel jew li nħabbtuha maʼ dak li jirnexxilu jwettaq fl-​ippridkar. Ġesù qal li għandek tħobb lil Jehovah bil-​qalb, bil-​moħħ, bir-​ruħ, u bis-​saħħa tiegħek kollha kemm huma​—mhux b’taʼ xi ħadd ieħor. L-​abbiltajiet, l-​enerġija, u ċ-​ċirkostanzi taʼ kull persuna jvarjaw. Jekk tippermetti s-​sitwazzjoni tiegħek, l-​imħabba se timmotivak biex tqattaʼ ħafna ħin fil-​ministeru​—forsi saħansitra bħala ministru pijunier full-time. Jekk qed tissielet kontra xi marda, madankollu, il-​ħin li tqattaʼ fil-​ministeru jistaʼ jkun inqas milli tkun tixtieq. Taqtax qalbek. Fedeltà lejn Alla m’hijiex imkejla bis-​sigħat. Jekk il-​motivi tiegħek huma puri, se jkollok raġuni għall-​ferħ. Pawlu kiteb: “Ħalli kull wieħed jagħti prova taʼ x’inhu xogħlu stess, u mbagħad se jkollu raġuni biex jifraħ dwaru nnifsu waħdu, u mhux b’paragun mal-​persuna l-​oħra.”—Galatin 6:4.

17. Fi kliemek stess, irrakkonta fil-​qosor il-​parabbola tat-​talenti.

17 Ikkunsidra l-​parabbola taʼ Ġesù tat-​talenti, kif imniżżla f’Mattew 25:14-30. Wieħed raġel li kien wasal biex isiefer sejjaħ lill-​irsiera tiegħu u fdalhom f’idejhom l-​affarijiet li kellu. “Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, jerġaʼ lil ieħor wieħed, lil kull wieħed skond l-​abbiltà tiegħu stess.” Meta s-​sid irritorna biex jissetilja l-​kontijiet maʼ l-​irsiera tiegħu, x’sab? L-​irsir li kien ġie mogħti ħames talenti akkwista ħames talenti oħrajn. Bl-​istess mod, l-​irsir li kien ġie mogħti żewġ talenti akkwista żewġ talenti oħrajn. L-​irsir li kien ġie mogħti talent wieħed ħbieh fil-​ħamrija u m’għamel xejn biex iżid il-​ġid taʼ sidu. X’kienet l-​istima tas-​sid rigward is-​sitwazzjoni?

18, 19. (a) Is-​sid għala ma pparagunax lill-​irsir li ngħata żewġ talenti maʼ l-​irsir li ngħata ħames talenti? (b) Il-​parabbola tat-​talenti x’tgħallimna dwar għoti taʼ prosit u paraguni? (ċ) It-​tielet irsir għala ġie ġġudikat b’mod avvers?

18 L-​ewwel, ejjew nikkunsidraw l-​irsiera li ngħataw ħames u żewġ talenti rispettivament. Lil kull wieħed minn dawn l-​irsiera, is-​sid qal: “Prosit, irsir tajjeb u leali!” Kien se jgħid hekk lill-​irsir b’ħames talenti li kieku dak akkwista biss tnejn? X’aktarx li le! Mill-​banda l-​oħra, ma qalx lill-​irsir li akkwista żewġ talenti: ‘Għala m’akkwistajtx ħamsa? Iva, ħares lejn l-​irsir sieħbek kemm akkwistali!’ Le, is-​sid taʼ mogħdrija, li kien jiffigura lil Ġesù, m’għamilx paraguni. Qassam it-​talenti “lil kull wieħed skond l-​abbiltà tiegħu stess,” u ma stenna xejn iżjed lura iktar milli kull wieħed setaʼ jagħti. Iż-​żewġt irsiera ħadu prosit indaqs, għax it-​tnejn ħadmu b’ruħhom kollha kemm hi għal sidhom. Ilkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu minn dan.

19 M’għandniex xi ngħidu, it-​tielet irsir ma ngħatax prosit. Fil-​fatt, ġie mitfugħ fid-​dlam taʼ barra. Billi kien irċieva biss talent wieħed, ma kienx mistenni li jipproduċi daqs l-​irsir b’ħames talenti. Hu, iżda, lanqas biss ipprova! Il-​ġudizzju avvers tiegħu kien ultimament minħabba l-​attitudni tal-​qalb ‘mill-​agħar u merħija’ tiegħu, li wriet nuqqas taʼ mħabba għas-​sid.

20. Jehovah kif iqis il-​limitazzjonijiet tagħna?

20 Jehovah jistenna lil kull wieħed minna li nħobbuh b’saħħitna kollha kemm hi, u madankollu kemm huwa rassiguranti li “hu nnifsu jaf sewwa t-​tiswir tagħna, billi jiftakar li aħna trab”! (Salm 103:14) Proverbji 21:2 jgħid li “Jehovah qiegħed jagħmel stima tal-​qlub”​—mhux taʼ l-​istatistiċi. Jifhem kwalunkwe limitazzjonijiet li fuqhom m’għandna ebda kontroll, kemm jekk huma finanzjarji, fiżiċi, emozzjonali, jew mod ieħor. (Isaija 63:9) Fl-​istess ħin, jistenna minna li nużaw bl-​aħjar mod ir-​riżorsi kollha li jistaʼ jkollna. Jehovah hu perfett, imma meta jittratta maʼ l-​adoraturi imperfetti tiegħu, mhux perfezzjonist. Hu la hu rraġonevoli fl-​ittrattar tiegħu lanqas m’hu rrealistiku f’dak li jistenna minna.

21. Jekk is-​servizz tagħna lejn Alla huwa mmotivat mill-​imħabba, liema riżultati tajbin se jsegwu?

21 Li nħobbu lil Jehovah b’qalbna, b’ruħna, b’moħħna, u b’saħħitna kollha kemm huma ‘jiswa ferm iktar mill-​offerti maħruqin u s-​sagrifiċċji kollha kemm huma.’ (Mark 12:33) Jekk aħna mmotivati mill-​imħabba, allura se nagħmlu dak kollu li nistgħu fis-​servizz t’Alla. Pietru kiteb li jekk il-​kwalitajiet taʼ tjieba, inkluża l-​imħabba, “jeżistu fikom u jfuru, se jżommukom milli tkunu jew inattivi jew bla frott rigward l-​għarfien eżatt tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu.”—2 Pietru 1:8. (w95 6/15)

[Nota taʼ taħt]

a  Ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Bħala Reviżjoni

◻ X’għandha tkun il-​forza motivanti wara s-​servizz tagħna lejn Alla?

◻ L-​imħabba taʼ Kristu kif iġġegħilna naqdu lil Jehovah?

◻ Liema pre-okuppazzjoni tal-​Fariżej irridu nevitaw?

◻ Għala m’huwiex għaqli li nibqgħu nipparagunaw is-​servizz tagħna maʼ dak taʼ xi Kristjan ieħor?

[Stampi f’paġna 10]

L-​abbiltajiet, l-​istamina, u ċ-​ċirkostanzi taʼ individwi jvarjaw

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja