LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 8/15 pp. 12-16
  • “Għallimna Kif Nitolbu”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Għallimna Kif Nitolbu”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Lezzjonijiet Għalina
  • Missierna u Ismu
  • Is-​Saltna t’Alla u r-​Rieda Tiegħu
  • Ħobżna taʼ Kuljum
  • Jaħfrilna d-​Djun Tagħna
  • Tentazzjoni u l-​Wieħed Ħażin
  • It-​Talb Jibni Fidi u Tama
  • Il-Missierna—Dak li Tfisser Għalik
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Jehovah Jipprovdi l-Bżonnijiet Tagħna taʼ Kuljum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Kliem Ġesù Jinfluwenzah it-Talb Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Dwar Talb li Jismaʼ Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 8/15 pp. 12-16

“Għallimna Kif Nitolbu”

“Ċertu wieħed mid-​dixxipli tiegħu qallu: ‘Mulej, għallimna kif nitolbu.’”—LUQA 11:1.

1-3. (a) Id-​dixxipli taʼ Ġesù għala fittxew struzzjonijiet dwar it-​talb? (b) X’mistoqsijiet iqumu dwar it-​talb?

ĊERTI nies huma mżejnin b’vuċi sabiħa għall-​kant. Oħrajn għandhom talent naturali bħala mużiċisti. Imma biex jilħqu l-​ogħla potenzjal tagħhom, saħansitra dawn il-​kantanti u strumentalisti jinħtieġu l-​istruzzjoni. Huwa l-​istess fit-​talb. Id-​dixxipli taʼ Ġesù Kristu bdew jirrealizzaw li kellhom bżonn taʼ struzzjonijiet biex Alla jismaʼ t-​talb tagħhom.

2 Ġesù normalment kien imur għand Missieru bit-​talb fil-​privat, bħalma għamel għal lejl sħiħ qabel għażel it-​12-il appostlu. (Luqa 6:12-16) Għalkemm hu ħeġġeġ ukoll lid-​dixxipli tiegħu biex jitolbu fil-​privat, huma semgħuh jitlob fil-​pubbliku u osservaw li hu ma kienx bħall-​ipokriti reliġjużi li kienu jitolbu biex jarawhom in-​nies. (Mattew 6:5, 6) B’mod loġiku, mela, is-​segwaċi taʼ Ġesù xtaqu li jkollhom l-​istruzzjonijiet avvanzati tiegħu dwar it-​talb. B’hekk, naqraw: “Issa dak in-​nhar li kien f’ċertu post jitlob, meta waqaf, ċertu wieħed mid-​dixxipli tiegħu qallu: ‘Mulej, għallimna kif nitolbu, bħalma Ġwanni [l-Għammied] ukoll għallem lid-​dixxipli tiegħu.’”—Luqa 11:1.

3 Ġesù kif wieġeb? X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tiegħu? U kif nistgħu nibbenefikaw mill-​istruzzjonijiet tiegħu dwar it-​talb?

Lezzjonijiet Għalina

4. Għala għandna ‘nitolbu bla ma naqtgħu,’ u xi jfisser li nagħmlu dan?

4 Nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​kliem u l-​eżempju taʼ Ġesù bħala raġel taʼ talb. Lezzjoni waħda hi li jekk l-​Iben perfett t’Alla kellu bżonn jitlob regolarment, id-​dixxipli imperfetti tiegħu għandhom bżonn bil-​wisq iktar li jħarsu lejn Alla kontinwament għall-​gwida, faraġ, u manteniment spiritwali. Għalhekk, għandna ‘nitolbu bla ma naqtgħu.’ (1 Tessalonkin 5:17) Naturalment, dan ma jfissirx li rridu nkunu dejjem litteralment għar-​rkobbtejna. Minflok, aħna għandna kontinwament ikollna attitudni taʼ talb. Għandna nħarsu lejn Alla għall-​gwida fl-​aspetti kollha tal-​ħajja sabiex inkunu nistgħu naġixxu bid-​dehen u dejjem ikollna l-​approvazzjoni tiegħu.—Proverbji 15:24.

5. X’jistaʼ jisirqilna mill-​ħin li għandna niddedikaw għat-​talb, u x’għandna nagħmlu dwar dan?

5 F’dawn “l-​aħħar jiem,” ħafna affarijiet jistgħu jisirqulna mill-​ħin li għandna nqattgħu fit-​talb. (2 Timotew 3:1) Imma jekk xi nkwiet fid-​dar, xi tħassib dwar in-​negozju u affarijiet bħal dawn qed ifixklu t-​talb regulari tagħna lil Missierna tas-​sema, aħna qed inkunu wisq magħfusin ’l isfel bit-​tħassib taʼ din il-​ħajja. Sitwazzjoni bħal din għandha tiġi kkoreġuta bla dewmien, għax nuqqas taʼ talb iwassal għal telfien taʼ fidi. Jew ikollna nnaqqsu mill-​obbliġi sekulari tagħna jew inkella rridu nibbilanċjaw it-​tħassib tal-​ħajja b’iżjed dawrien taʼ qalbna bil-​ħeġġa u ripetut lejn Alla għall-​gwida. Għandna nkunu “għassa rigward it-​talb.”—1 Pietru 4:7.

6. Liema talba se nistudjaw issa, u b’liema oġġetiv?

6 F’dik li ġiet imsejħa t-​talba mudell Ġesù għallem lid-​dixxipii tiegħu kif jitolbu, mhux x’għandhom igħidu kelma b’kelma. Ir-​rakkont taʼ Luqa jvarja xi ftit minn dak taʼ Mattew għaliex kienu involuti okkażjonijiet differenti. Se nistudjaw din it-​talba bħala xempju tan-​natura tat-​talb tagħna bħala segwaċi taʼ Ġesù u Xhieda taʼ Jehovah.

Missierna u Ismu

7. Min hu pprivileġġat li jindirizza lil Jehovah bħala “Missierna”?

7 “Missierna fis-​smewwiet.” (Mattew 6:9; Luqa 11:2) Ladarba Jehovah hu l-​Ħallieq tal-​umanità u jgħix fil-​qasam tas-​sema, huwa xieraq li nindirizzawh bħala “Missierna fis-​smewwiet.” (1 Slaten 8:49; Atti 17:24, 28) L-​użu tas-​sillaba “na” għal “tagħna” jirrikonoxxi li oħrajn ukoll għandhom relazzjoni mill-​qrib maʼ Alla. Imma min huma dawk li għandhom il-​privileġġ mhux ristrett li jindirizzawh bħala Missierhom? Individwi ddedikati u mgħammdin biss fil-​familja tiegħu taʼ adoraturi. Li nsejħu lil Jehovah “Missierna” jindika li għandna fidi f’Alla u li nirrealizzaw li l-​unika bażi biex nitħabbu mill-​ġdid miegħu hi li naċċettaw għalkollox is-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù.—Ebrej 4:14-16; 11:6.

8. Għala għandna nixxennqu għal li nqattgħu ħin fit-​talb maʼ Jehovah?

8 Kemm għandna nħossuna qrib taʼ Missierna tas-​sema! Bħal ulied li qatt ma jiddejqu jmorru għand missierhom, aħna għandna nixxennqu biex inqattgħu ħin fit-​talb maʼ Alla. Gratitudni profonda għall-​barkiet spiritwali u materjali tiegħu għandha tqanqalna biex nirringrazzjawh għat-​tjieba tiegħu. Għandna nħossuna inklinati li nġorru għandu t-​tagħbijiet li jtaqqluna, billi nkunu kunfidenti li hu se jwiżinna. (Salm 55:22) Nistgħu nkunu żguri li jekk inkunu lejali, kollox fl-​aħħar mill-​aħħar se jaħdem tajjeb għaliex hu jieħu ħsiebna.—1 Pietru 5:6, 7.

9. Talba għat-​taqdis tal-​isem t’Alla hija rikjesta għal liema ħaġa?

9 “Ħa jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9; Luqa 11:2) Il-​kelma “isem” xi drabi tirreferi għall-​persuna nfisha, u “li tqaddes” ifisser “li tagħmel qaddis, tpoġġi apparti jew iżżomm bħala sagru.” (Qabbel Rivelazzjoni 3:4.) Fil-​fatt, mela, talba għat-​taqdis tal-​isem t’Alla hija rikjesta biex Jehovah jaġixxi biex iqaddes lilu nnifsu. Kif? Billi jnaddaf it-​tmaqdir kollu li qatt ġie mitfugħ fuq ismu. (Salm 135:13) Għal dak il-​għan, Alla se jneħħi l-​ħażen, igħolli lilu nnifsu, u jġiegħel lill-​ġnus li jkunu jafu li hu Jehovah. (Eżekjel 36:23; 38:23) Jekk aħna nixxennqu biex naraw dak il-​jum u verament napprezzaw il-​majestà taʼ Jehovah, se navviċinawh dejjem fl-​ispirtu taʼ reverenza li huwa implikat mill-​kliem “ħa jitqaddes ismek.”

Is-​Saltna t’Alla u r-​Rieda Tiegħu

10. Xi jfisser meta nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla?

10 “Ħa tiġi saltnatek.” (Mattew 6:10; Luqa 11:2) Is-​Saltna mfissra hawn hija t-​tmexxija sovrana taʼ Jehovah, kif espressa permezz tal-​gvern Messjaniku tas-​sema f’idejn Ġesù Kristu u l-​“qaddisin” tiegħu mseħbin miegħu. (Danjel 7:13, 14, 18, 27; Isaija 9:6, 7; 11:l-5) Xi jfisser li nitolbu għaliha biex “tiġi”? Dan ifisser li nitolbu biex is-​Saltna t’Alla tiġi kontra dawk kollha fuq l-​art li jopponu t-​tmexxija divina. Wara li s-​Saltna ‘tfarrak u ġġib fi tmiem lis-​saltniet kollha tal-​art,’ hi se tbiddel l-​art f’ġenna globali.—Danjel 2:44; Luqa 23:43.

11. Jekk nixxennqu biex naraw ir-​rieda taʼ Jehovah issir fl-​univers kollu, x’se nagħmlu aħna?

11 “Ħa tintgħamel ir-​rieda tiegħek, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mattew 6:10) Din hi talba biex Alla jwettaq il-​għan tiegħu lejn l-​art, li jinkludi t-​tneħħija tal-​egħdewwa tiegħu. (Salm 83:9-18; 135:6-10) Fil-​fatt, hija timplika li aħna nixxennqu biex naraw ir-​rieda divina ssir fl-​univers kollu. Jekk dak għandna f’qalbna, aħna dejjem se nagħmlu r-​rieda taʼ Jehovah mill-​aħjar li nistgħu. Ma nistgħux bl-​onestà nagħmlu din il-​petizzjoni jekk ma nippruvawx bil-​ħeġġa biex nagħmlu r-​rieda t’Alla fil-​każ tagħna stess. Jekk qed nitolbu b’dan il-​mod, mela, irridu nkunu żguri li ma nagħmlux affarijiet kuntrarji għal dik ir-​rieda, bħalma huma li ninnamraw maʼ xi ħadd li ma jemminx jew li naddottaw mogħdijiet dinjin. (1 Korintin 7:39; 1 Ġwann 2:15-17) Minflok, għandna dejjem inżommu f’moħħna l-​ħsieb, ‘X’inhi r-​rieda taʼ Jehovah fuq din il-​kwistjoni?’ Iva, jekk inħobbu lil Alla b’qalbna kollha, se nfittxu d-​direzzjoni tiegħu fl-​affarijiet kollha tal-​ħajja.—Mattew 22:37.

Ħobżna taʼ Kuljum

12. Li nitolbu biss għal ‘ħobżna taʼ kuljum’ x’effett tajjeb għandu fuqna?

12 “Agħtina llum ħobżna għal dan il-​jum.” (Mattew 6:11) Ir-​rakkont taʼ Luqa jaqra: “Agħtina ħobżna għall-​jum skond il-​ħtieġa tal-​jum.” (Luqa 11:3) Li nitolbu lil Alla biex jipprovdi ikel neċessarju “għal dan il-​jum” isaħħaħ il-​fidi fl-​abbiltà tiegħu biex jieħu ħsieb il-​bżonnijiet tagħna minn jum għal jum. L-​Iżraeliti kellhom jiġbru manna “kull wieħed l-​ammont tiegħu taʼ jum għal jum,” mhux għal xi ġimgħa jew iktar. (Eżodu 16:4) Din mhix xi talba għall-​aqwa ikel u għal proviżjonijiet bil-​gzuz imma għall-​bżonnijiet tagħna taʼ kuljum hekk kif jinqalgħu. Li nitolbu biss ħobżna taʼ kuljum igħinna wkoll biex ma nsirux rgħiba.—1 Korintin 6:9, 10.

13. (a) F’sens ġenerali, xi jfisser li nitolbu għall-​ħobż taʼ kuljum? (b) X’għandha tkun l-​attitudni tagħna, anki jekk naħdmu iebes u bil-​kemm għandna biżżejjed biex ingħaddu?

13 B’tifsira ġenerali, li nitolbu għall-​ħobż taʼ kuljum jindika li ma nħossuniex indipendenti imma kontinwament inħarsu lejn Alla għall-​ikel, ix-​xorb, l-​ilbies, u bżonnijiet oħra. Bħala membri ddedikati tal-​familja tiegħu taʼ adoraturi, aħna nafdaw lil Missierna imma ma noqogħdox nitgħażżnu billi nistennew li hu jipprovdi għalina b’mod mirakoluż. Aħna naħdmu u nużaw kwalunkwe mezzi li għandna għad-​dispożizzjoni tagħna biex nakkwistaw l-​ikel u bżonnijiet oħra. Madankollu, aħna b’mod xieraq nirringrazzjaw lil Alla fit-​talb għaliex naraw wara dawn il-​proviżjonijiet l-​imħabba, il-​għerf, u l-​qawwa taʼ Missierna tas-​sema. (Atti 14:15-17; qabbel Luqa 22:19.) It-​tħabrik tagħna jistaʼ jwassal għal prosperità. Imma anki jekk naħdmu iebes u bil-​kemm għandna biżżejjed, ejjew inkunu grati u kuntenti. (Filippin 4:12; 1 Timotew 6:6-8) Fil-​fatt, persuna taʼ tjieba b’ammont taʼ ikel u lbies ordinarju forsi tkun ħafna iżjed kuntenta minn xi wħud li huma materjalment prosperużi. Mela anki jekk għandna ftit minħabba ċ-​ċirkostanzi li m’għandniex kontroll fuqhom, ejjew ma nsirux imdejqin. Nistgħu xorta waħda nkunu għonja spiritwalment. Tabilħaqq, m’għandniex għalfejn niftaqru fil-​fidi, fit-​tama, u fl-​imħabba lejn Jehovah, li għandu jitilgħu t-​tifħir u r-​radd il-​ħajr tagħna f’talb mill-​qalb.

Jaħfrilna d-​Djun Tagħna

14. Għal liema djun nitolbu l-​maħfra, u Alla x’japplika għalihom?

14 “U aħfrilna d-​djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lill-​midjunin tagħna.” (Mattew 6:12) Ir rakkont taʼ Luqa juri li dawk id-​djun huma dnubiet. (Luqa 11:4) L-​istat taʼ dnub li writna jfixkilna milli nagħmlu l-​affarijiet kollha skond ir-​rieda perfetta t’Alla. F’ċertu sens, għalhekk, dawn in-​nuqqasijiet kienu d-​djun jew l-​obbligi tagħna lejn Alla, ladarba bdejna ‘ngħixu u nimxu bl-​ispirtu.’ (Galatin 5:16-25; qabbel Rumani 7:2l-25.) Aħna għandna dawn id-​djun għaliex aħna imperfetti u ma nistgħux issa naslu għalkollox għal-​livelli t’Alla. Huwa għall-​maħfra taʼ dawn id-​dnubiet li aħna pprivileġġati nitolbu. B’ferħ, Alla jistaʼ japplika l-​mertu tas-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù għal dawn id-​djun, jew dnubiet.—Rumani 5:8; 6:23.

15. X’attitudni għandu jkollna lejn dixxiplina meħtieġa?

15 Jekk aħna nistennew li Alla jaħfer id-​djun jew dnubiet tagħna, rridu nuru ndiema u nkunu lesti li nilqgħu d-​dixxiplina. (Proverbji 28:13; Atti 3:19) Peress li Jehovah jħobbna, hu jagħtina d-​dixxiplina li għandna bżonn personalment biex aħna nistgħu nikkorreġu d-​djufijiet tagħna. (Proverbji 6:23; Ebrej 12:4-6) Nistgħu nkunu ferħanin, naturalment, jekk kobor fil-​fidi u fil-​għarfien isib lil qalbna tant mimlija fi qbil mal-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla li qatt ma nonqsu minn jeddna. Imma xi ngħidu jekk nagħrfu xi volontà fil-​għemil ħażin tagħna? Allura għandna nħossuna mweġġgħin fil-​fond u għandna nitolbu bil-​ħeġġa għall-​maħfra. (Ebrej 10:26-31) Billi napplikaw il-​pariri li nkunu rċevejna, għandna nikkorreġu l-​korsa tagħna malajr.

16. Għala hu taʼ benefiċċju li nibqgħu nitolbu lil Alla biex jaħfer id-​dnubiet tagħna?

16 Li nitolbu lil Alla regolarment biex jaħfrilna dnubietna hu taʼ benefiċċju. Li nagħmlu dan se jżomm l-​istat midneb tagħna quddiemna u għandu jkollu l-​effett li jżommna umlin. (Salm 51:3, 4, 7) Aħna għandna bżonn li jkollna lil Missierna tas-​sema “jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull nuqqas taʼ tjieba.” (1 Ġwann 1:8, 9) Barra minn dan, li nsemmu dnubietna fit-​talb igħinna nibqgħu niġġieldu iebes kontra tagħhom. B’hekk aħna wkoll niġu mfakkra kontinwament dwar il-​bżonn tagħna għall-​fidwa u l-​mertu tad-​demm imxerred taʼ Ġesù.—1 Ġwann 2:1, 2; Rivelazzjoni 7:9, 14.

17. Li nitolbu għall-​maħfra kif igħinna fir-​relazzjoni tagħna maʼ oħrajn?

17 Li nitolbu għall-​maħfra jgħinna wkoll biex nuru ħniena, mogħdrija, u ġenerożità lejn dawk li jistgħu jkunu midjunin lejna f’affarijiet kbar u żgħar. Ir-​rakkont taʼ Luqa jgħid: “Aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kulmin għandu d-​dejn magħna.” (Luqa 11:4) Fil-​fatt, aħna nistgħu niksbu maħfra mingħand Alla biss jekk aħna diġà “ħfirna lill-​midjunin tagħna,” nies li dinbu kontrina. (Mattew 6:12; Mark 11:25) Ġesù żied: “Għax jekk taħfru lin-​nies in-​nuqqasijiet tagħhom, Missierkom tas-​sema se jaħfer ukoll lilkom; fil-​waqt li jekk ma taħfrux lin-​nies in-​nuqqasijiet tagħhom, lanqas Missierkom ma se jaħfer in-​nuqqasijiet tagħkom.” (Mattew 6:14, 15) Li nitolbu għall-​maħfra taʼ dnubietna għandu jqanqalna biex nissaportu lill-​oħrajn u naħfrulhom. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Saħanistra bħalma Jehovah ħafer lilkom mill-​qalb, hekk agħmlu intom ukoll.”—Kolossin 3:13; Efesin 4:32.

Tentazzjoni u l-​Wieħed Ħażin

18. Għala m’għandna qatt inwaħħlu f’Alla minħabba t-​tentazzjonijiet u l-​provi tagħna?

18 “U ġġibniex fit-​tentazzjoni.” (Mattew 6:13; Luqa 11:4) Dawn il-​kelmiet ma jimplikawx li Jehovah jittantana biex nikkommettu dnub. L-​Iskrittura xi drabi titkellem dwar li Alla jagħmel jew jikkaġuna affarijiet li hu sempliċement jippermetti. (Rut 1:20, 21; qabbel Ekkleżjasti 11:5.) Imma “b’affarijiet mill-​agħar Alla ma jistax jiġi ppruvat u lanqas hu nnifsu ma jipprova lil xi ħadd,” kiteb id-​dixxiplu Ġakbu. (Ġakbu 1:13) Għalhekk, ejjew qatt ma nwaħħlu f’Missierna tas-​sema għat-​tentazzjonijiet u l-​provi b’affarijiet mill-​agħar, għax Satana hu t-​Tentatur li jipprova jimmanuvrana f’li nidinbu kontra Alla.—Mattew 4:3; 1 Tessalonkin 3:5.

19. Kif nistgħu nitolbu rigward it-​tentazzjoni?

19 Bir-​rikjesta, “Iġġibniex fit-​tentazzjoni,” aħna fil-​fatt nitolbu lil Jehovah biex ma jħalliniex inċedu meta niġu ttantati jew imbuttati biex ma nobduhx. Aħna nistgħu nitolbu bil-​ħrara lil Missierna biex jiggwida l-​passi tagħna sabiex l-​ebda tentazzjoni ma tiġi lejna li hi ħarxa wisq għalina. F’dan ir-​rigward Pawlu kiteb: “Ebda tentazzjoni ma ġiet fuqkom ħlief dik li hi komuni għall-​bnedmin. Imma Alla fidil, u mhux se jħallikom tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma flimkien mat-​tentazzjoni se jagħmel ukoll it-​triq tal-​ħruġ sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.” (1 Korintin l0:13) Nistgħu nitolbu li Jehovah jmexxina sabiex ma niġux ittantati iktar milli nifilħu nissaportu u li hu jipprovdi triq biex naħarbu meta nkunu mnikktin bl-​aħrax. It-​tentazzjonijiet huma mix-​Xitan, mil-​laħam midneb tagħna, u mid-​djufijiet taʼ oħrajn, imma Missierna taʼ mħabba jistaʼ jiggwidana sabiex ma niġux megħlubin.

20. Għala nitolbu għal ħelsien minn “dak il-​ħażin”?

20 “Imma eħlisna minn dak il-​ħażin.” (Mattew 6:13) Alla ċertament jistaʼ jżomm lil Satana, “dak il-​ħażin,” milli jegħlibna. (2 Pietru 2:9) U qatt iżjed minn issa ma kien hemm ħtieġa akbar għal ħelsien mix-​Xitan, għax hu ‘għandu rabja kbira, billi jaf li ż-​żmien tiegħu qasir.’ (Rivelazzjoni 12:12) M’aħniex fl-​injoranza rigward il-​pjanijiet taʼ Satana, imma lanqas hu ma hu fil-​għama rigward id-​djufijiet tagħna. Għaldaqstant, għandna bżonn nitolbu biex Jehovah iżommna ’l bogħod mill-​ħatfa tal-​Avversarju bħal iljun. (2 Korintin 2:11; 1 Pietru 5:8, 9; qabbel Salm 141:8, 9.) Per eżempju, jekk aħna interessati f’li niżżewġu, forsi jkollna bżonn nitolbu lil Jehovah biex jeħlisna mill-​pjanijiet taʼ Satana u mit-​tentazzjoni li nikkultivaw relazzjonijiet dinjin li jistgħu jwasslu għall-​immoralità jew għal li ma nobdux lil Alla billi niżżewġu lil xi ħadd li ma jemminx. (Dewteronomju 7:3, 4; 1 Korintin 7:39) Nixxennqu aħna għall-​għana? Allura t-​talb jistaʼ jkun bżonnjuz f’li jgħinna nirreżistu tentazzjonijiet biex nilagħbuhom jew inqarrqu. Billi huwa anzjuż biex jeqred ir-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah, Satana se juża kwalunkwe arma mill-​ħażna tiegħu taʼ tentazzjonijiet. Mela jalla nitolbu kontinwament lil Missierna tas-​sema, li qatt ma jabbanduna lit-​tajjeb fit-​tentazzjoni u li jipprovdi ħelsien mill-​wieħed ħażin.

It-​Talb Jibni Fidi u Tama

21. Kif ibbenefikajna billi nitolbu għas-​Saltna?

21 Missierna tas-​sema, li jeħlisna mill-​wieħed ħażin, jitgħaxxaq f’li jberikna b’mod abbundanti. Iżda, għala ħalla għal żmien daqshekk twil lill-​poplu għażiż tiegħu li jitlob, “Ħa tiġi saltnatek”? Sewwa, matul is-​snin, li nitolbu b’dan il-​mod żied ix-​xewqa u l-​apprezzament tagħna għas-​Saltna. Talb bħal dan ifakkarna dwar il-​ħtieġa kbira għal dan il-​gvern ħanin tas-​sema. Iżomm ukoll quddiem għajnejna t-​tama taʼ ħajja taħt il-​ħakma tas-​Saltna.—Rivelazzjoni 21:l-5.

22. X’għandha tkun l-​attitudni kontinwa tagħna lejn it-​talb lil Missierna tas-​sema Jehovah?

22 It-​talb bla dubju jibni fidi f’Jehovah. Ir-​rabta tagħna miegħu tiġi msaħħa meta hu jwieġeb it-​talb tagħna. Għalhekk, ejjew qatt ma ngħejjew f’li nduru lejh kuljum b’tifħir, radd il-​ħajr, u bi tħannin. U jalla nkun grati għat-​tweġiba taʼ għajnuna li Ġesù ta lis-​segwaċi tiegħu meta talbuh: “Mulej, għallimna kif nitolbu.”

Tiftkar?

◻ X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mill-​kliem u l-​eżempju taʼ Ġesù bħala raġel taʼ talb?

◻ Għal xiex għandna nitolbu rigward Missierna tas-​sema u ismu?

◻ Għal xiex qed nixxennqu meta nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla u biex ir-​rieda tiegħu ssir fuq l-​art?

◻ Xi nkunu rridu meta nitolbu għal ħobżna taʼ kuljum?

◻ Xi jfisser meta nitoblu għall-​maħfra taʼ djunna?

◻Għala huwa vitali li nitoblu rigward it-​tentazzjoni u l-​ħelsien minn Satana, il-​wieħed ħażin?

[Stampa f’paġna 13]

Is-​segwaċi taʼ Ġesù staqsewh biex igħallimhom kif jitolbu. Taf kif nistgħu nibbenefikaw mill-​istruzzjonijiet tiegħu dwar it-​talb?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja