“Għassu Kontra Kull Xenqa b’Għira”
“Anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.”—LUQA 12:15.
1, 2. (a) X’tinnota dwar l-interessi tan-nies illum u dwar dak li jipprovaw jiksbu? (b) Kif għandna mnejn niġu effettwati minn dawn l-attitudnijiet?
FLUS, proprjetà, prestiġju, xogħol b’paga tajba, familja—dawn huma fost l-affarijiet li n-nies jikkunsidrawhom bħala mod kif ikejlu s-suċċess jew bħala garanzija taʼ futur fis-sigurtà. Huwa evidenti li f’pajjiżi għonja u fqar, l-interessi taʼ ħafna nies u dak li jipprovaw jiksbu huma ffokati fuq dak li jiksbu materjalment u s-suċċess li jkollhom. Mill-banda l-oħra, l-interess tagħhom fl-affarijiet spiritwali—jekk jeżisti—qiegħed jonqos bil-ħeffa.
2 Dan hu sewwasew bħalma bassret il-Bibbja. Din tgħid: “Imma kun af dan, li fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, . . . iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla, ikollhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-fatti l-qawwa tagħha.” (2 Timotju 3:1-5) Minħabba li l-Kristjani veri jgħixu kontinwament fost nies bħal dawn, huma jinsabu taħt pressjoni l-ħin kollu biex jgħixu fi qbil maʼ dan it-tip taʼ mentalità u ħajja. X’jistaʼ jgħinna nirreżistu l-isforzi tad-dinja biex ‘trossna fil-forma tagħha’?—Rumani 12:2, The New Testament in Modern English, minn J. B. Phillips.
3. Liema parir li pprovda Ġesù se nikkunsidraw issa?
3 Bħala “l-Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-fidi tagħna,” Ġesù Kristu jipprovdilna lezzjonijiet qawwijin f’dan ir-rigward. (Ebrej 12:2) Darba minnhom waqt li Ġesù kien qed ikellem il-folla dwar kwistjonijiet konnessi mal-qima vera, wieħed raġel interrompa d-diskussjoni bir-rikjesta: “Għalliem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.” Bħala tweġiba, Ġesù ta lil dan ir-raġel—u lil dawk kollha li kienu qed jisimgħu—pariri taʼ min jiħodhom bis-serjetà. Hu qal twissija qawwija kontra x-xenqa b’għira u reġaʼ saħħaħ din it-twissija b’tixbiha li tqanqal il-ħsieb. Aħna nagħmlu tajjeb jekk nagħtu kas dak li qal Ġesù f’din l-okkażjoni u naraw kif nistgħu nibbenefikaw billi napplikawh fil-ħajja tagħna stess.—Luqa 12:13-21.
Rikjesta li M’Hijiex Xierqa
4. Għala ma kienx xieraq li r-raġel jinterrompi lil Ġesù?
4 Qabel ma interrompieh ir-raġel, Ġesù kien qed jitkellem mad-dixxipli tiegħu u m’oħrajn dwar li jgħassu kontra l-ipokrisija, dwar li juru kuraġġ biex jistqarru li huma f’unjoni maʼ Bin il-bniedem, u dwar li jirċievu l-għajnuna mill-ispirtu qaddis. (Luqa 12:1-12) Żgur li dawn huma suġġetti vitali li d-dixxipli għandhom bżonn jiħduhom bis-serjetà. Madankollu, f’nofs taħdita li tqanqal il-ħsieb, dan ir-raġel interrompieh f’daqqa waħda u talab lil Ġesù biex jirranġa dak li donnu kien argument fil-familja dwar ġid materjali. Madankollu, hemm lezzjoni importanti li nistgħu nitgħallmu minn din il-ġrajja.
5. Ir-rikjesta tar-raġel xi wriet dwaru?
5 Jingħad li “l-karattru taʼ dak li jkun spiss jintwera mill-ħsibijiet li jkollu waqt li jkun qed jismaʼ twissija reliġjuża.” Waqt li Ġesù kien qed jitkellem dwar kwistjonijiet spiritwali serji, ir-raġel x’aktarx li kien qed jaħseb dwar dak li setaʼ jagħmel sabiex jikseb ċerti vantaġġi materjali. Ma jingħad xejn dwar jekk kellux raġun jinkwieta dwar il-wirt. Forsi kien qed jipprova jieħu vantaġġ mill-awtorità u r-reputazzjoni taʼ Ġesù bħala mħallef għaref fl-affarijiet tal-bniedem. (Isaija 11:3, 4; Mattew 22:16) Kien x’kien il-każ, il-mistoqsija ssuġġeriet li f’qalbu kien hemm problema—nuqqas t’apprezzament kbir għal kwistjonijiet spiritwali. M’hijiex din raġuni tajba biex neżaminaw lilna nfusna? Per eżempju, fil-laqgħat Kristjani huwa faċli għalina li nħallu lil moħħna jiġi aljenat jew li noqogħdu naħsbu dwar dak li nistgħu nagħmlu iktar tard. Minflok, għandna nagħtu kas taʼ dak li jkun qed jintqal u naħsbu dwar modi kif nistgħu napplikaw l-informazzjoni personalment ħalli ntejbu r-relazzjoni tagħna maʼ Missierna tas-sema, Alla Ġeħova, u maʼ sħabna l-Kristjani.—Salm 22:23 (22:22, NW); Marku 4:24.
6. Ġesù għala ma riedx jaġixxi fuq dak li qallu r-raġel?
6 Kien x’kien li qanqal lir-raġel jagħmel ir-rikjesta tiegħu, Ġesù ma riedx jaġixxi fuqha. Minflok, Ġesù qallu: “Raġel, min ħatarni mħallef fuqkom jew qabbadni naqsmilkom ġidkom bejnietkom?” (Luqa 12:14) Meta qal dan, Ġesù kien qed jirreferi għal xi ħaġa li n-nies kienu jafu sew biha, għaliex skond il-Liġi Mosajka, l-imħallfin fil-bliet kienu maħturin biex jagħmlu deċiżjonijiet proprju dwar kwistjonijiet bħal dawn. (Dewteronomju 16:18-20; 21:15-17; Rut 4:1, 2) Mill-banda l-oħra, Ġesù kien konċernat dwar affarijiet li kienu iktar importanti—li jixhed dwar il-verità tas-Saltna u jgħallem ir-rieda t’Alla lin-nies. (Ġwanni 18:37) Biex insegwu l-eżempju taʼ Ġesù, minflok ma niġu aljenati minn kwistjonijiet tal-ħajja taʼ kuljum, aħna nużaw il-ħin u l-enerġija tagħna biex nippridkaw l-aħbar tajba u biex ‘nagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.’—Mattew 24:14; 28:19.
Oqgħod Attent mix-Xenqa b’Għira
7.Ġesù liema osservazzjoni profonda għamel?
7 Minħabba li hu setaʼ jifhem l-iktar intenzjonijiet profondi tal-qalb, Ġesù kien jaf li xi ħaġa ħafna iktar serja kienet involuta fir-rikjesta tar-raġel biex Ġesù jindaħal fi kwistjoni persunali. Għalhekk, Ġesù mhux biss irrifjuta li jaġixxi, imma ffoka fuq il-qalba tal-kwistjoni u qal: “Żommu għajnejkom miftuħin u għassu kontra kull xenqa b’għira, għax anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.”—Luqa 12:15.
8. X’inhi x-xenqa b’għira u għal xiex tistaʼ twassal?
8 Ix-xenqa b’għira hija iktar minn sempliċi xewqa biex dak li jkun ikollu l-flus jew ċerti affarijiet, li jistaʼ jkollhom użu u skop xieraq. Skond dizzjunarju wieħed din hija “x-xewqa eċċessiva għall-għana jew biex dak li jkun ikollu iktar affarijiet jew ikun jixtieq dak li għandu ħaddieħor.” Din tistaʼ tinvolvi xenqa kbira u rgħiba li ma tistax tissodisfaha biex individwu jkollu affarijiet—forsi li jkunu jappartjenu lil ħaddieħor—sempliċement biex ikollu, mingħajr ma jagħti kas jekk għandux bżonnhom jew l-effett li jistgħu jħallu fuq oħrajn. Individwu li jkollu xenqa b’għira jħalli li l-oġġett li jkun jixtieq jiddomina l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħu tant li bażikament isir l-alla tiegħu. Ftakar li l-appostlu Pawlu jxebbah individwu rgħib maʼ idolatra, li m’għandu ebda sehem fis-Saltna t’Alla.—Efesin 5:5; Kolossin 3:5.
9. B’liema modi tistaʼ tintwera x-xenqa b’għira? Agħti xi eżempji.
9 Huwa interessanti li Ġesù wissa “kontra kull xenqa b’għira.” Ix-xenqa b’għira tistaʼ tidher f’diversi affarijiet. L-aħħar mill-Għaxar Kmandamenti jsemmi xi wħud minnhom, billi jgħid: “La tixtieqx dar għajrek: la tixtieqx il-mara taʼ għajrek, il-qaddej jew il-qaddejja tiegħu, l-għoġol jew il-ħmar tiegħu, u xejn minn kull ma għandu għajrek.” (Eżodu 20:17) Il-Bibbja hija mimlija b’eżempji taʼ individwi li waqgħu fi dnub serju minħabba xi tip jew ieħor taʼ xenqa b’għira. Satana kien l-ewwel wieħed li b’għira xtaq xi ħaġa li kienet tappartjeni lil ħaddieħor—il-glorja, l-unur, u l-awtorità li huma taʼ Ġeħova biss. (Rivelazzjoni 4:11) Eva b’għira xtaqet id-dritt li tiddetermina għaliha nfisha x’inhu tajjeb jew ħażin, u minħabba li ġiet imqarrqa b’dan il-mod hi ġabet id-dnub u l-mewt fuq ir-razza umana. (Ġenesi 3:4-7) Id-demonji kienu anġli li ma baqgħux kuntenti bil-“pożizzjoni oriġinali tagħhom imma abbandunaw il-post xieraq fejn kellhom jgħammru” għal xi ħaġa li ma kinux intitolati għaliha. (Ġuda 6; Ġenesi 6:2) Aħseb ukoll dwar Bagħlam, Għakan, Geħażi, u Ġuda. Minflok ma kienu kuntenti b’dak li kellhom f’ħajjithom, huma ħallew xenqa mhux normali biex ikollhom affarijiet materjali ġġagħalhom jużaw ħażin il-pożizzjoni taʼ responsabbiltà tagħhom, u b’hekk spiċċaw ġabu l-ħsara u l-qerda fuqhom infushom.
10. Kif għandna ‘nżommu għajnejna miftuħin,’ bħalma wissa Ġesù?
10 Kemm hu xieraq li Ġesù introduċa t-twissija kontra x-xenqa b’għira bil-kliem “żommu għajnejkom miftuħin”! Għala? Għaliex huwa tassew faċli li n-nies jaraw li xi ħadd ieħor ikun rgħib jew ikollu xenqa b’għira, imma rari jirrikonoxxu li huma stess ħatjin taʼ dan. Però, l-appostlu Pawlu jsemmi li “l-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.” (1 Timotju 6:9, 10) Id-dixxiplu Ġakbu jispjega li meta x-xewqa ħażina “ssir fertili, tiled id-dnub.” (Ġakbu 1:15) Fi qbil mat-twissija taʼ Ġesù, aħna għandna ‘nżommu għajnejna miftuħin,’ mhux biex niġġudikaw jekk oħrajn għandhomx ix-xenqa b’għira, imma biex neżaminaw lilna nfusna ħalli naraw fuqiex aħna ffokati, sabiex ‘ngħassu kontra kull xenqa b’għira.’
Ħajja bl-Abbundanza
11, 12. (a) Ġesù liema twissija ta kontra x-xenqa b’għira? (b) Għala għandna bżonn nagħtu kas it-twissija taʼ Ġesù?
11 Hemm jerġaʼ raġuni oħra għala għandna ngħassu kontra kull xenqa b’għira. Innota x’qal Ġesù wara dan: “Anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” (Luqa 12:15) Dan żgur jistħoqqlu li nikkunsidrawh bir-reqqa fiż-żmien materjalistiku tagħna, fejn għan-nies l-hena u s-suċċess jiġu mill-għana u l-prosperità. Permezz taʼ dan il-kliem, Ġesù kien qed juri li ħajja bi skop veru u sodisfaċenti ma tiġix jew ma tiddependix mill-affarijiet materjali li jkollok, minkejja kemm ikunu abbundanti.
12 Madankollu, xi wħud għandhom mnejn ma jaqblux maʼ dan. Huma forsi jirraġunaw li l-affarijiet materjali li għandhom jagħmlulhom ħajjithom iktar komda u iktar pjaċevoli, u għalhekk huma iktar siewja. Għal din ir-raġuni, huma jiddedikaw ruħhom għal attivitajiet li se jippermettulhom jiksbu l-affarijiet materjali u t-tagħmir elettroniku kollu li jixtiequ. Huma jaħsbu li permezz t’hekk se jgħixu ħajja tajba. Imma meta jaħsbu b’dan il-mod ikunu qed jonqsu li jifhmu l-punt li kien qed jitkellem dwaru Ġesù.
13. Liema hi ħarsa bilanċjata lejn il-ħajja u l-affarijiet li jkollna?
13 Minflok ma ffoka fuq jekk huwiex tajjeb jew ħażin li jkollok bl-abbundanza, Ġesù kien qed jagħmel il-punt li l-ħajja taʼ bniedem ma tirriżultax minn “dak li għandu,” jiġifieri, dak li għandu diġà. F’dan ir-rigward, aħna lkoll nafu li biex ngħixu, jew biex immantnu l-ħajja tagħna bħalissa, m’hemmx bżonn taʼ ħafna affarijiet. Kulma għandna bżonn hu daqsxejn ikel, xi ħaġa x’nilbsu, u post fejn nimteddu. L-għonja għandhom abbundanza minn dawn l-affarijiet, u l-foqra forsi jridu jissieltu biex jiksbu dak li għandhom bżonn. Madankollu, din id-differenza ma tibqax teżisti meta l-ħajja tkun waslet fi tmiemha—kollox jiġi fix-xejn. (Koħèlet 9:5, 6) Għalhekk biex il-ħajja jkollha skop u sinifikat, din ma tistax u m’għandhiex tkun tikkonsisti biss fl-affarijiet li wieħed jikseb jew għandu. Dan il-ħsieb jidher ċar meta neżaminaw it-tip taʼ ħajja li Ġesù kien qed jitkellem dwaru.
14. X’nistgħu nitgħallmu mill-kelma għal “ħajtu” li nsibu fir-rakkont tal-Bibbja?
14 Meta Ġesù qal, li “ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu,” il-kelma li tintuża hawn għal “ħajtu” fl-Evanġelju taʼ Luqa (żoe bil-Grieg) ma tirreferix għall-mod jew l-istil taʼ ħajja, imma għall-ħajja nfisha, il-ħajja fis-sens assolut.a Ġesù kien qed jgħid li kemm jekk aħna għonja u kemm jekk aħna foqra, kemm jekk ngħixu fil-lussu u kemm jekk jirnexxilna niksbu biss il-bżonnijiet biex ngħixu, aħna m’għandniex kontroll għalkollox fuq kemm nistgħu ngħixu fit-tul jew jekk saħansitra hux se nkunu ħajjin għada. Fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Min minnkom billi jkun ansjuż jistaʼ jtawwal għomru mqar bi ftit?” (Mattew 6:27) Il-Bibbja turi b’mod ċar li Ġeħova biss hu “l-għajn tal-ħajja,” u hu biss jistaʼ jagħti lil uħud leali l-“ħajja vera,” jew il-“ħajja taʼ dejjem,” ħajja bla tmiem, fis-sema jew fl-art.—Salm 36:10 (36:9, NW); 1 Timotju 6:12, 19.
15. Ħafna għala jpoġġu l-fiduċja tagħhom fl-affarijiet materjali?
15 Il-kliem taʼ Ġesù juri kemm hu faċli li n-nies ikollhom ħarsa mgħawġa jew żbaljata lejn il-ħajja. Kemm jekk għonja u kemm jekk foqra, il-bnedmin kollha huma imperfetti u għandhom l-istess tmiem. Mosè tal-qedem innota: “Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena; l-iżjed tmenin, jekk inkunu f’saħħitna; u l-biċċa l-kbira taħbit u niket; malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.” (Salm 90:10; Ġob 14:1, 2; 1 Pietru 1:24) Għal din ir-raġuni min ma jkunx ikkultiva relazzjoni tajba m’Alla spiss jadotta l-mentalità “ħa nieklu u nixorbu, għax għada se mmutu,” li rrefera għaliha l-appostlu Pawlu. (1 Korintin 15:32) Oħrajn, minħabba li jħossu li l-ħajja tgħaddi malajr u ma fihiex sigurtà, jipprovaw isibu s-sigurtà u l-istabbilità fl-affarijiet materjali li jiksbu. Forsi huma jħossu li jekk ikollhom ħafna affarijiet li jistgħu jarawhom u jmissuhom b’idejhom, b’xi mod jew ieħor ħajjithom se tkun iktar fis-sigurtà. Għalhekk, huma jaħdmu kemm jifilħu biex jaħżnu l-għana u l-affarijiet materjali, mingħalihom li dawn l-affarijiet se jġibulhom is-sigurtà u l-hena.—Salm 49:7, 12, 13 (49:6, 11, 12, NW).
Futur fis-Sigurtà
16. Is-sinifikat veru tal-ħajja fuqiex huwa bbażat?
16 Jistaʼ jkun veru li livell ogħla t’għajxien—li jkollok abbundanza taʼ ikel, ilbies, proprjetà, u affarijiet lussużi oħrajn—jistaʼ jikkontribwixxi għal ħajja iktar komda jew forsi saħansitra jippermetti kura medika aħjar, u b’hekk iżid ftit snin maʼ l-għomor taʼ individwu. Madankollu, hija ħajja bħal din tassew sinifikanti u iktar fis-sigurtà? Is-sinifikat veru fil-ħajja ma jitkejjilx mill-ammont taʼ snin li wieħed għandu mnejn jgħix jew mill-ammont t’affarijiet materjali li wieħed għandu mnejn ikollu jew igawdi. L-appostlu Pawlu rrefera għall-periklu li jkun hemm meta wieħed ikollu fiduċja żejda f’dawn l-affarijiet. Hu kiteb lil Timotju: “Ordna lill-għonja f’din is-sistema biex ma jitkabbrux, u ma jqegħdux it-tama tagħhom f’rikkezzi li ma tistax torbot fuqhom imma f’Alla, li jagħtina kollox b’mod għani għat-tgawdija tagħna.”—1 Timotju 6:17.
17, 18. (a) Liema eżempji li jispikkaw dwar l-affarijiet materjali jistħoqqilhom li nimitawhom? (b) Liema parabbola taʼ Ġesù se tiġi kunsidrata fl-artiklu li jmiss?
17 M’huwiex għaqli li wieħed jittama fir-rikkezzi ladarba dawn “ma tistax torbot fuqhom.” Il-patrijarka Ġob kien għani, imma meta ffaċċja diżastru ħabta u sabta, l-għana tiegħu ma setax jgħinu; dan sparixxa mil-lejl għan-nhar. Kienet ir-relazzjoni b’saħħitha li kellu m’Alla li żammitu fi stat tajjeb matul il-provi u t-tribulazzjonijiet kollha tiegħu. (Ġob 1:1, 3, 20-22) Abraham ma ppermettiex li l-abbundanza t’affarijiet materjali tiegħu żżommu lura milli jaċċetta inkarigu taʼ sfida mingħand Ġeħova, u hu ġie mbierek billi sar “missier taʼ ħafna ġnus.” (Ġenesi 12:1, 4; 17:4-6) Dan l-eżempju u eżempji oħrajn jistħoqqilhom li nimitawhom. Kemm jekk aħna kbar u kemm jekk aħna żgħar, għandna bżonn neżaminaw lilna nfusna biex naraw x’inhu tassew importanti f’ħajjitna u fiex qed inpoġġu t-tama tagħna.—Efesin 5:10; Filippin 1:10.
18 Il-ftit kliem li qal Ġesù dwar ix-xenqa b’għira u l-ħarsa xierqa lejn il-ħajja hu tabilħaqq mimli tifsir u tagħlim. Madankollu, Ġesù kellu iktar f’moħħu, u hu kompla billi qal parabbola, jew tixbiha, li tqanqal il-ħsieb, dwar raġel għani imma iblah. Din it-tixbiha kif tapplika għal ħajjitna llum, u x’nistgħu nitgħallmu minnha? L-artiklu li jmiss se jipprovdi t-tweġibiet.
[Nota taʼ taħt]
a Kelma Griega oħra tradotta “ħajja” hi bijos, li minnha jiġi xi kliem Malti bħal “bijografija” u “bijoloġija.” Skond Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words, bijos tirreferi għall-“perijodu jew it-tul tal-ħajja,” “l-istil tal-ħajja,” u “l-mezz tal-ħajja.”
X’Inhi t-Tweġiba Tiegħek?
• X’nistgħu nitgħallmu mill-fatt li Ġesù rrifjuta li jaġixxi fuq ir-rikjesta tar-raġel fil-folla?
• Għala għandna ngħassu kontra x-xenqa b’għira, u kif nistgħu nagħmlu dan?
• Il-ħajja għala ma tirriżultax mill-affarijiet materjali li jkollna?
• X’jistaʼ jagħti sinifikat u sigurtà vera lill-ħajja?
[Stampa f’paġna 23]
Ġesù għala m’aċċettax ir-rikjesta taʼ wieħed raġel?
[Stampa f’paġna 23]
Ix-xenqa b’għira tistaʼ twassal għal riżultati diżastrużi
[Stampi f’paġna 25]
Abraham kif wera ħarsa xierqa lejn l-affarijiet materjali?