LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w91 11/1 pp. 7-11
  • ‘Id-Dawl Ġie fid-Dinja’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Id-Dawl Ġie fid-Dinja’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Alla Hu Dawl”
  • “Jien Hu d-​Dawl tad-​Dinja”
  • “Aġent Ewlieni” t’Alla
  • “Kap Fuq l-​Affarijiet Kollha”
  • “Tfal tad-​Dawl”
  • “Intom id-​Dawl tad-​Dinja”
  • ‘Ilbsu l-Armi tad-Dawl’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Segwi d-Dawl tad-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Dawl Mingħand Alla Jġib id-Dlam fix-Xejn!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Min Huma Dawk li Qegħdin Isegwu d-Dawl tad-Dinja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
w91 11/1 pp. 7-11

‘Id-​Dawl Ġie fid-​Dinja’

“Dan hu l-​bażi għall-​ġudizzju, li d-​dawl ġie fid-​dinja imma l-​bnedmin ħabbew id-​dlam minflok id-​dawl.”​—ĠWANN 3:19.

1. Għala għandu kulħadd ikun ikkonċernat dwar il-​ġudizzju t’Alla?

IL-​BIĊĊA l-​kbira tan-​nies illum ma tantx iħabblu rashom dwar il-​ġudizzju t’Alla. Xi wħud jagħmluha fatta li Alla se jiġġudikahom b’mod favorevoli jekk imorru l-​knisja regolarment u ma jagħmlux ħsara lil għajrhom. Għal ħafna, it-​tagħlim tal-​Kristjaneżmu dwar in-​nar tal-​infern u l-​purgatorju skredita l-​idea kollha kemm hi taʼ ġudizzju divin. Imma l-​apatija li hi mxerrda maʼ kullimkien u l-​gideb tal-​Kristjaneżmu ma jistgħux ibiddlu l-​fatt li kull bniedem eventwalment se jkun iġġudikat minn Alla. (Rumani 14:12; 2 Timotew 4:1; Rivelazzjoni 20:13) U se jiddependi ħafna fuq dan il-​ġudizzju. Dawk li jiġu ġġudikati b’mod favorevoli se jirċievu l-​għoija t’Alla taʼ ħajja taʼ dejjem, waqt li dawk li jiġu ġġudikati b’mod li mhux favorevoli se jirċievu l-​ħlas sħiħ tad-​dnub: il-​mewt.—Rumani 6:23.

2. X’inhi l-​bażi tal-​ġudizzju t’Alla?

2 B’hekk, il-​Kristjani ġenwini huma kkonċernati dwar il-​ġudizzju t’Alla, u jixtiequ bil-​ħerqa li jogħġbuh. Dan kif jistgħu jagħmluh? Fi Ġwann 3:19, Ġesù jagħtina l-​muftieħ. Hu jgħid: “Dan hu l-​bażi għall-​ġudizzju, li d-​dawl ġie fid-​dinja imma l-​bnedmin ħabbew id-​dlam minflok id-​dawl, għax xogħlijiethom kienu mill-​agħar.” Iva, il-​ġudizzju t’Alla se jkun ibbażat fuq jekk inħobbux id-​dawl minflok id-​dlam.

“Alla Hu Dawl”

3. X’inhu d-​dlam, u x’inhu d-​dawl?

3 F’sens spiritwali, id-​dlam għandu x’jaqsam mal-​injoranza u l-​istat taʼ mingħajr tama li jeżisti fil-​qasam taʼ Satana—għalkemm Satana spiss jippretendiha taʼ xi “anġlu tad-​dawl.” (2 Korintin 4:4; 11:14; Efesin 6:12) Mill-​banda l-​oħra, id-​dawl għandu x’jaqsam mal-​għarfien u t-​tidwil li jiġi mingħand Alla Jehovah. Pawlu tkellem dwar id-​dawl meta kiteb: “Għax Alla hu li qal: ‘Ħalli d-​dawl jiddi ’l barra mid-​dlam,’ u hu idda fuq qlutna biex idawwalhom bil-​għarfien glorjuż t’Alla bil-​wiċċ taʼ Kristu.” (2 Korintin 4:6) Dawl spiritwali hu tant identifikat mill-​qrib maʼ Alla Jehovah li l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Alla hu dawl.”−1 Ġwann 1:5; Rivelazzjoni 22:5.

4. (a) Jehovah kif għamel id-​dawl disponibbli? (b) B’liema mod nistgħu aħna nuru mħabba lejn id-​dawl?

4 Jehovah għamel id-​dawl disponibbli permezz tal-​kelma tiegħu, li llum hija disponibbli liberament fil-​forma miktuba permezz tal-​Bibbja Mqaddsa. (Salm 119:105; 2 Pietru 1:19) B’hekk, is-​salmista kien tassew qed jesprimi mħabbtu għad-​dawl meta kiteb: “Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek! Il-​jum kollu naħseb dwarha. Rubi żammet it-​tfakkiriet tiegħek, u jien inħobbhom iżżejjed.” (Salm 119:97, 167) Tħobbu int id-​dawl daqs kemm jidher li ħabbu s-​salmista? Taqraha int il-​Kelma t’Alla regolarment, timmedita fuqha, u tipprova bl-​iebes li tagħmel dak li tgħid hi? (Salm 1:1-3) Jekk inhu hekk, int qed tfittex li tirċievi ġudizzju favorevoli mingħand Jehovah.

“Jien Hu d-​Dawl tad-​Dinja”

5. Id-​dawl divin fuqiex jiffoka?

5 Id-​dawl li jagħti l-​ħajja mingħand Jehovah jiffoka fuq il-​persuna taʼ Ġesù Kristu. Fl-​introduzzjoni tal-​Vanġelu taʼ Ġwanni, naqraw: “Permezz [taʼ Ġesù] kienet il-​ħajja, u l-​ħajja kienet id-​dawl tal-​bnedmin. U d-​dawl qed jiddi fid-​dlam, imma d-​dlam ma għelbux.” (Ġwann 1:4, 5) Tabilħaqq, Ġesù tant għandu sħubija mill-​qrib mad-​dawl li hu msejjaħ “il-​veru dawl li jagħti dawl lil kull xorta taʼ bniedem.” (Ġwann 1:9) Ġesù nnifsu qal: “Sakemm qiegħed fid-​dinja, jien hu d-​dawl tad-​dinja.”​—Ġwann 9:5.

6. Wieħed x’irid jagħmel sabiex jikseb ġudizzju favorevoli li jwassal għal ħajja taʼ dejjem?

6 Għalhekk, dawk li jħobbu d-​dawl iħobbu lil Ġesù u għandhom fidi fih. Hu impossibbli li tikseb ġudizzju favorevoli mingħajr referenza għal Ġesù. Iva, huwa biss billi nħarsu lejh bħala l-​mezz maħtur minn Alla għal salvazzjoni li nistgħu aħna niksbu ġudizzju favorevoli. Ġesù qal: “Dak li jeżerċita fidi fl-​Iben għandu l-​ħajja taʼ dejjem; dak li ma jobdix lill-​Iben mhux se jaraha l-​ħajja, imma l-​korla t’Alla tibqaʼ fuqu.” (Ġwann 3:36) X’ifisser, iżda, li tezerċita fidi f’Ġesù?

7. Il-​fidi f’Ġesù timplika fidi f’min ukoll?

7 L-​ewwel, Ġesù nnifsu qal: “Min ipoġġi fidi fija jpoġġi fidi, mhux fija biss, imma fih ukoll li bagħatni; u min jilmaħni jilmaħ ukoll lil dak li bagħatni. Jien ġejt bħal dawl ġewwa d-​dinja, sabiex kulmin qed ipoġġi fidi fija jistaʼ ma jibqax fid-​dlam.” (Ġwann 12:44-46) Dawk li jħobbu ’l Ġesù u jeżerċitaw fidi fih iridu wkoll ikollhom imħabba profonda lejn u fidi f’dak Alla u Missier taʼ Ġesù, Jehovah. (Mattew 22:37; Ġwann 20:17) Kulmin juża l-​isem taʼ Ġesù fil-​qima imma jonqos li jagħti unur akbar lil Jehovah mhux qed juri mħabba ġenwina lejn id-​dawl.—Salm 22:27; Rumani 14:7, 8; Filippin 2:10, 11.

“Aġent Ewlieni” t’Alla

8. Id-​dawl divin kif iffoka fuq Ġesu saħansitra qabel it-​twelid uman tiegħu?

8 Li teżerċita fidi f’Ġesù jfisser ukoll li taċċetta għalkollox l-​irwol tiegħu fil-​għanijiet taʼ Jehovah. L-​importanza taʼ dan l-​irwol ġiet enfasizzata meta l-​anġlu qal lil Ġwanni: “Il-​għoti taʼ xiehda dwar Ġesù hu dak li jnebbaħ l-​ipprofetizzar.” (Rivelazzjoni 19:10; Atti 10:43; 2 Korintin 1:20) Mill-​ewwel profezija stess f’Għeden, il-​profeziji mnebbħin b’mod divin kollha għandhom x’jaqsmu maʼ Ġesù u l-​post tiegħu fit-​twettieq tal-​għanijiet t’Alla. B’mod simili Pawlu qal lill-​Kristjani Galatin li l-​patt tal-​Liġi kien “għalliem li jwassal għal Kristu.” (Galatin 3:24) Dak il-​patt antik tal-​Liġi kien intiż biex iħejji lill-​ġens għall-​miġja taʼ Ġesù bħala l-​Messija. Mela saħansitra qabel it-​twelid uman tiegħu, id-​dawl mingħand Jehovah iffoka fuq Ġesù.

9. Li tħobb id-​dawl x’involva mis-​sena 33 E.K. lil hawn?

9 Fis-​sena 29 E.K., Ġesù ppreżenta lilu nnifsu għall-​magħmudija u kien midluk bl-​ispirtu qaddis, biex b’hekk sar il-​Messija mwiegħed. Fis-​sena 33 E.K. hu miet bħala bniedem perfett, ġie rxoxtat, telaʼ s-​sema, u hemm offra l-​valur taʼ ħajtu għad-​dnubiet tagħna. (Ebrej 9:11-14, 24) Din is-​serje taʼ ġrajjiet immarkat punt taʼ bidla fl-​aġir t’Alla mal-​bnedmin. Ġesù kien issa “l-​Aġent Ewlieni tal-​ħajja,” ‘l-​Aġent Ewlieni taʼ salvazzjoni,’ “l-​Aġent Ewlieni u Dak li Jipperfezzjona l-​fidi tagħna.” (Atti 3:15; Ebrej 2:10; 12:2; Rumani 3:23, 24) Mis-​sena 33 E.K. ’il quddiem, dawk li jħobbu d-​dawl għarfu, u aċċettaw, li apparti minn Ġesù “m’hemm ebda salvazzjoni f’ħadd iżjed, għax ma hemmx isem ieħor taħt is-​sema li ngħata fost il-​bnedmin li bih irridu niġu salvati.”−Atti 4:12.

10. Għala hu tant importanti li nisimgħu minn kliem Ġesù u nobduh?

10 Li teżerċita fidi f’Ġesù jfisser ukoll li taċċettah bħala “il-​Kelma” u l-​“Wieħed tal-​Għaġeb li Jagħti l-​Pariri.” (Ġwann 1:1; Isaija 9:6) Dak li jgħid Ġesù dejjem jirrifletti l-​verità divina. (Ġwann 8:28; Rivelazzjoni 1:1, 2) Li nisimgħu minnu hija kwistjoni taʼ ħajja u mewt. Ġesù qal lil-​Lhud taʼ żmienu: “Min jismaʼ kelmti u jemmen fih li bagħatni għandu l-​ħajja taʼ dejjem, u ma jidħolx fil-​ġudizzju imma għadda mill-​mewt għall-​ħajja.” (Ġwann 5:24) Fl-​ewwel seklu E.K., dawk li aġixxew fuq kliem Ġesù kienu meħlusin mid-​dlam tad-​dinja taʼ Satana u ħadu l-​ħajja, biex ingħidu hekk. Huma ġew iddikjarati twajbin bil-​ħsieb li jsiru werrieta bi sħab miegħu fis-​Saltna tas-​sema tiegħu. (Efesin 1:1; 2:1, 4-7) Illum, l-​ubbidjenza lejn il-​kliem taʼ Ġesù tiftaħ it-​triq għal ħafna biex jiġu ddikjarati twajbin bil-​ħsieb li jsalvaw minn Armageddon u jiksbu ħajja umana perfetta fid-​dinja l-​ġdida.—Rivelazzjoni 21:1-4; qabbel Ġakbu 2:21, 25.

“Kap Fuq l-​Affarijiet Kollha”

11. Liema awtorità għolja ingħatat lil Ġesù fis-​sena 33 E.K.?

11 Wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù rrivela lis-​segwaċi tiegħu aspett ieħor tad-​dawl. Hu qal: “L-​awtorità kollha ngħatat lili fis-​sema u fuq l-​art.” (Mattew 28:18) Ġesù kien b’hekk qed jiġi elevat lejn pożizzjoni mill-​iktar għolja fl-​organizzazzjoni universali taʼ Jehovah. Pawlu jagħti iktar dettalji meta jgħid: “[Alla] qaj[jem lil Ġesù] mill-​imwiet u qiegħdu bil-​qiegħda fil-​leminija tiegħu fl-​imkejjen tas-​sema, bil-​wisq iktar ’il fuq minn kull gvern u awtorita u qawwa u stat taʼ sid u kull isem imsemmi, mhux biss f’din is-​sistema taʼ affarijiet, imma wkoll f’dik li ġejja. Hu wkoll issottometta l-​affarijiet kollha taħt saqajh, u għamlu kap fuq l-​affarijiet kollha għall-​kongregazzjoni, li hi l-​ġisem tiegħu.” (Efesin 1:20-23; Filippin 2:9-11) Mis-​sena 33 E.K. ’il hawn, li tħobb id-​dawl inkluda li tagħraf din il-​pożizzjoni għolja taʼ Ġesù.

12. Kristjani midlukin x’aċċettaw bil-​ferħ mill-​bidunett, u dan kif urewh b’mod prattiku?

12 Eventwalment, il-​bnedmin kollha se jkollhom jagħrfu l-​awtorita taʼ Ġesù. (Mattew 24:30; Rivelazzjoni 1:7) Dawk li jħobbu d-​dawl, madankollu, din għarfuha bil-​ferħ mill-​bidunett. Membri midlukin tal-​kongregazzjoni Kristjana jaċċettaw lil Ġesù bħala “r-​ras tal-​ġisem, il-​kongregazzjoni.” (Kolossin 1:18; Efesin 5:23) Meta jsiru parti minn dak il-​ġisem, huma jiġu ‘meħlusin mill-​awtorità tad-​dlam u mgħoddijin għal ġos-​saltna tal-​Iben tal-​imħabba t’Alla.’ (Kolossin 1:13) Minn hemm ’il quddiem, huma jsegwu bil-​ħerqa t-​tmexxija taʼ Ġesù f’kull aspett tal-​ħajjiet tagħhom, u fi żmienna huma għallmu lin-​“ngħaġ oħra” biex jagħmlu l-​istess. (Ġwann 10:16) Li nagħrfu l-​pożizzjoni taʼ Ġesù bħala kap huwa ħtieġa ewlenija biex nirċievu ġudizzju favorevoli.

13. Ġesu meta beda jeżerċita l-​awtorità tas-​Saltna, u x’seħħ wara hawn fuq l-​art?

13 Mat-​tlugħ tiegħu fis-​sema fis-​sena 33 E.K., Ġesù ma eżerċitax minnufih l-​awtorità kollha kemm hi tiegħu. Għalkemm hu l-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana, hu stenna ż-​żmien xieraq biex jeżerċita l-​awtorità sħiħa fuq il-​bnedmin inġenerali. (Salm 110:1; Atti 2:33-35) Dak iż-​żmien wasal fl-​ 1914, meta Ġesù ngħata t-​tron bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla u “l-​aħħar jiem” taʼ did-dinja bdew. (2 Timotew 3:1) Mill-​1919 ’il hawn, il-​ġbir taʼ dawk li fadal mill-​uħud midlukin issokta sa ma sar kollu. Mill-​1936 b’mod partikulari, Ġesù kien qed jifred lill-​bnedmin fin-​“ngħaġ,” li se jirtu “s-​saltna mħejjija għali[hom],” u “l-​mogħoż,” li se “jitilqu fil-​qtugħ taʼ dejjem. —Mattew 25:31-34, 41, 46.

14. Folla kbira kif uriet imħabba lejn id-​dawl, u x’se jirriżulta għalihom?

14 B’ferħ, in-​ngħaġ saru numerużi f’dawn l-​aħħar jiem. Folla kbira minnhom li tgħodd bil-​miljuni dehret fuq ix-​xena dinjija “mill-​ġnus u t-​tribujiet u l-​popli u l-​ilsna kollha.” Bhal sħabhom, il-​midlukin, dawn l-​uħud bħal ngħaġ iħobbu d-​dawl. Huma “ħaslu lbieshom u għamluhom bojod fid-​demm tal-​Ħaruf,” u jgħajtu b’leħen għoli: “Is-​salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed bil-​qiegħda fuq it-​tron, u lill-​Ħaruf.” Minħabba f’dan, il-​folla kbira bħala grupp se tirċievi ġudizzju favorevoli. Il-​membri tagħha “joħorgu mit-​tribulazzjoni l-​kbira,” billi jibqgħu ħajjin wara l-​qerda f’Armageddon taʼ dawk li jħobbu d-​dlam.—Rivelazzjoni 7:9, 10, 14.

“Tfal tad-​Dawl”

15. L-​azzjonijiet tagħna b’liema mod juru s-​sottomissjoni tagħna lejn is-​Sultan, Ġesù Kristu?

15 Dawk li jħobbu d-​dawl, kemm jekk inhuma midlukin jew ngħaġ oħra, kif, iżda, jissottomettu ruħhom b’mod prattiku lejn Ġesù bħala l-​wieħed imqiegħed minn Alla fuq it-​tron bħala Sultan u aġent Imħallef? Mod wieħed hu billi jipprovaw ikunu x-​xorta taʼ nies li Ġesù japprova. Waqt li kien fuq l-​art Ġesù wera apprezzament lejn kwalitajiet bħalma huma s-​sinċerità, il-​qalb sħiħa, u l-​entużjażmu għall-​verità, u hu nnifsu ta l-​eżempju taʼ dawn il-​kwalitajiet. (Mark 12:28-34, 41-44; Luqa 10:17, 21) Jekk nixtiequ ġudizzju favorevoli, irridu niżżviluppaw kwalitajiet bħal dawn.

16. Għala huwa vitali li ninżgħu x-​xogħlijiet li jappartjenu lid-​dlam?

16 Dan hu partikolarment veru ladarba d-​dlam tad-​dinja taʼ Satana qed ikompli jeħxien iktar ma joqrob it-​tmiem. (Rivelazzjoni 16:10) Il-​kliem li Pawlu kiteb lir-​Rumani hu għalhekk xieraq ferm: “Il-​lejl daħal sewwa; il-​jum qorob. Ejjew għalhekk ninżgħu x-​xogħlijiet li jappartjenu lid-​dlam u ejjew nilbsu l-​armi tad-​dawl. Bħal f’matul il-​jum ejjew nimxu b’mod diċenti, mhux f’xalar u piki taʼ xorb, mhux f’sess illeċtu u kondotta laxka, mhux fi ġlied u għira.” (Rumani 13:12, 13) Waqt li l-​ħajja taʼ dejjem hi għotja mingħand Alla, il-​ġenwinità tal-​fidi tagħna u l-​imħabba tagħna għad-​dawl hi murija mill-​azzjonijiet tagħna. (Ġakbu 2:26) B’hekk, il-​ġudizzju li nirċievu se jiddependi ferm fuq kemm nipprattikaw xogħlijiet mill-​aħjar u nistmerru x-​xogħlijiet mill-​agħar.

17. X’ifisser li ‘nilbsu lill-​Mulej Ġesù Kristu’?

17 Wara li jagħti l-​parir tiegħu f’​Rumani 13:12, 13, l-​appostlu Pawlu jikkonkludi billi jgħid: “Ilbsu lill-​Mulej Ġesù Kristu, u toqogħdux tippjanaw minn qabel għax-​xewqat tal-​laħam.” (Rumani 13:14) X’ifisser li ‘tilbes lill-​Mulej Ġesù Kristu’? Ifisser li l-​Kristjani għandhom isegwu lil Ġesù mill-​qrib, billi jitlibbsu, biex ingħidu hekk, bl-​eżempju tiegħu u bid-​dispożizzjoni tiegħu, waqt li jistinkaw biex ikunu bħal Kristu. “Għal din il-​korsa intom kontu msejħin,” qal Pietru, “għaliex saħansitra Kristu bata għalikom, billi ħallielkom mudell għalikom biex issegwu l-​passi tiegħu mill-​qrib.”−1 Pietru 2:21.

18. Liema bidliet radikali jistaʼ jkollna bżonn jekk nixtiequ li nirċievu ġudizzju favorevoli?

18 Dan spiss involva bidliet radikali fil-​ħajja taʼ Kristjan. “Għax intom kontu darba dlam, ” qal Pawlu, “imma issa intom dawl f’konnessjoni mal-​Mulej. Ibqgħu imxu bħala tfal tad-​dawl, għax il-​frott tad-​dawl jikkonsisti minn kull xorta taʼ tjubija u tjieba u verità.” (Efesin 5:8, 9) Kulmin jipprattika xogħlijiet tad-​dlam ma hux wieħed li jħobb id-​dawl u mhux se jirċievi ġudizzju favorevoli sakemm ma jagħmilx bidla.

“Intom id-​Dawl tad-​Dinja”

19. B’liema modi differenti jistaʼ Kristjan jirrifletti d-​dawl?

19 Fl-​aħħarnett, li tħobb id-​dawl ifisser li tirrifletti d-​dawl biex oħrajn jistgħu jarawh u jiġu miġbudin lejh. “Intom id-​dawl tad-​dinja,” qal Ġesù. U hu żied: “Ħallu d-​dawl tagħkom jiddi quddiem il-​bnedmin, biex huma jistgħu jaraw ix-​xogħlijiet mill-​aħjar tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-​smewwiet.” (Mattew 5:14, 16) Ix-​xogħlijiet mill-​aħjar taʼ Kristjan jinkludu li juri kull xorta taʼ tjubija u tjieba u verità, ladarba kondotta mill-​aħjar bħal din tipprovdi xiehda qawwija għall-​verità. (Galatin 6:10; 1 Pietru 3:1) Jinkludu b’mod speċjali li jitkellmu maʼ oħrajn dwar il-​verità. Illum, dan ifisser li tieħu sehem fil-​kampanja mad-​dinja kollha tal-​ippridkar taʼ “din l-​aħbar tajba tas-​saltna . . . fl-​art abitata kollha għal xiehda lill-​ġnus kollha.” Ifisser, ukoll, li bil-​paċenzja terġaʼ żżur lil uħud li jinteressaw irwieħhom, tistudja l-​Bibbja magħhom, u tgħinhom biex huma, imbagħad, jipproduċu x-​xogħlijiet li jappartjenu lid-​dawl.—Mattew 24:14; 28:19, 20.

20. (a) Kemm qed jiddi qawwi d-​dawl illum? (b) Liema barkiet għonja huma gawduti minn dawk illi jwieġbu għad-​dawl?

20 Fi żmienna, grazzi għall-​attività taʼ ppridkar żeluż minn Kristjani leali, l-​aħbar tajba qiegħda tinstemaʼ f’iktar minn 200 artijiet, u d-​dawl qed jiddi daqs qatt qabel. Ġesù qal: “Jien id-​dawl tad-​dinja. Min isegwini b’ebda mod ma se jimxi fid-​dlam, imma se jippossjedi d-​dawl tal-​ħajja.” (Ġwann 8:12) X’ferħ hu li jkollok sehem fit-​twettieq taʼ din il-​wegħda! Il-​ħajjiet tagħna huma daqstant iktar għonja issa li m’għadniex iktar mitlufin fid-​dlam tad-​dinja taʼ Satana. U l-​prospetti tagħna huma verament tal-​għaġeb hekk kif inharsu ’l quddiem lejn ġudizzju favorevoli mingħand l-​Imħallef maħtur taʼ Jehovah. (2 Timotew 4:8) Xi traġedja tkun dik jekk, wara li nkunu ersaqna lejn id-​dawl, nerġgħu nitkaxkru bil-​mod il-​mod lejn id-​dlam u nirċievu ġudizzju li mhux favorevoli! Fl-​artiklu li jmiss, se niddiskutu kif nistgħu aħna nibqgħu sodi fil-​fidi.

Tistaʼ Int Tispjega?

◻ X’inhi l-​bażi tal-​ġudizzju t’Alla?

◻ Ġesù liema rwol ċentrali għandu rigward il-​għanijiet t’Alla?

◻ Aħna kif nuru li aħna sudditi taʼ Ġesù bħala l-​wieħed imqiegħed fuq it-​tron bħala Sultan minn Jehovah?

◻ Kif nistgħu nuru li aħna “wlied id-​dawl”?

◻ Fid-​dlam taʼ din id-​dinja, idawl b’liema mod qed jiddi daqs qatt qabel?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja