Min Huma l-Kristjani Veri?
“IL-KRISTJANITÀ teżisti biss fejn it-tifkira dwar Ġesù Kristu tingħata l-ħajja kemm fit-teorija u kemm fil-prattika.” (On Being a Christian) B’dan il-kliem, it-teologu Svizzeru Hans Küng jistqarr verità ċara: Il-Kristjanità vera teżisti biss fejn individwi sinċieri jpoġġu t-tagħlim taʼ Ġesù fil-prattika.
Iżda x’jiġri jekk xi individwi jew istituzzjonijiet isostnu li huma segwaċi taʼ Kristu imma fir-realtà ma jipprattikawx dak li għallem Ġesù? Ġesù nnifsu qal li ħafna kienu se jgħidu li huma Kristjani. Dawn kellhom jirreferu għal diversi għemejjel biex jagħtu prova li huma kienu qdewh, billi jgħidu: “Mulej, Mulej, mhux f’ismek ipprofetizzajna, u mhux f’ismek keċċejna d-demonji, u mhux f’ismek wettaqna ħafna għemejjel setgħana?” Iżda kif kellu jirreaġixxi Ġesù? Il-kliem qawwi tiegħu jesprimi l-ġudizzju tiegħu: “Jien qatt ma kont nafkom! Itilqu minn quddiemi, intom li tiksru l-liġi.”—Mattew 7:22, 23.
Xi twissija ħarxa għal dawk li ‘jiksru l-liġi’ u li jgħidu li qed jsegwu lil Ġesù! Ikkunsidra żewġ ħtiġijiet fundamentali li n-nies iridu jilħqu sabiex Ġesù jkun jistaʼ japprovahom bħala Kristjani veri minflok ma jwarrabhom bħala wħud li jiksru l-liġi.
“Jekk Ikollkom l-Imħabba Bejnietkom”
Ħtieġa waħda li jitlob Ġesù hija din: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”—Ġwanni 13:34, 35.
Ġesù jirrikjedi li d-dixxipli tiegħu jkollhom imħabba vera lejn xulxin u lejn il-bqija taʼ l-umanità. Ħafna Kristjani b’mod individwali laħqu din il-ħtieġa matul is-sekli minn meta Ġesù kien jgħix fuq l-art. Iżda, xi ngħidu għal ħafna mill-istituzzjonijiet reliġjużi li sostnew li qed jirrappreżentaw lil Kristu? Kienet l-istorja tagħhom karatterizzata mill-imħabba? Ċertament li le. Minflok, huma kienu minn taʼ quddiemnett fi gwerer bla għadd u konflitti li fihom ixxerred demm taʼ nies innoċenti.—Rivelazzjoni 18:24.
Dan huwa minnu saħansitra fi żmienna. Nazzjonijiet li sostnew li huma Kristjani ħadu t-tmexxija fil-qtil li kkaratterizza ż-żewġ gwerer dinjin tas-seklu 20. Fi żminijiet iktar reċenti, membri taʼ l-hekk imsejħa knejjes Kristjani kienu minn taʼ quddiem f’li jwettqu l-atroċitajiet krudili u l-attentat taʼ ġenoċidju li seħħ fl-Irwanda fl-1994. “Dawk li kienu daru kontra xulxin b’dan il-mod makabru u mdemmi,” jikteb Desmond Tutu, li qabel kien arċisqof Anglikan, “kienu jħaddnu l-istess twemmin. Ħafna minnhom kienu Kristjani.”
“Jekk Tibqgħu fil-Kelma Tiegħi”
It-tieni ħtieġa fundamentali għall-Kristjanità vera ġiet indikata minn Ġesù meta qal: “Jekk tibqgħu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-verità, u l-verità teħliskom.”—Ġwanni 8:31, 32.
Ġesù jistenna li d-dixxipli tiegħu jibqgħu fil-kelma tiegħu—jiġifieri li jżommu mat-tagħlim tiegħu. Minflok, xi għalliema reliġjużi li jsostnu li qed jimxu wara Kristu qegħdin “dejjem jadottaw iżjed konċetti Griegi,” jikkummenta t-teologu Küng. Huma biddlu t-tagħlim taʼ Ġesù maʼ ideat bħalma huma, fost oħrajn, l-immortalità tar-ruħ, it-twemmin tal-purgatorju, il-qima lejn Marija, u klassi tal-kleru—ideat li oriġinaw minn reliġjonijiet u filosfi pagani.—1 Korintin 1:19-21; 3:18-20.
Xi għalliema reliġjużi introduċew ukoll id-duttrina tal-misteru tat-Trinità, u b’hekk għollew lil Ġesù f’pożizzjoni li hu qatt ma ried għalih innifsu. B’din id-duttrina huma aljenaw lin-nies milli jaqdu lill-wieħed li Ġesù dejjem idderieġa l-attenzjoni lejh—Missieru Ġeħova. (Mattew 5:16; 6:9; Ġwanni 14:28; 20:17) “Meta Ġesù jitkellem dwar Alla,” jikteb Hans Küng, “hu jkun qed jirreferi għall-Alla tal-qedem li kellhom il-patrijarki Abraham, Iżakk u Ġakobb: Jaħweh . . . Għalih dan huwa l-uniku Alla waħdieni.” Illum kemm hawn nies li mill-ewwel jassoċjaw il-Missier u l-Alla taʼ Ġesù maʼ Jaħweh, jew, Ġeħova, kif inhu miktub normalment bil-Malti?
Il-mexxejja reliġjużi injoraw għalkollox il-kmand taʼ Ġesù biex jibqgħu newtrali f’affarijiet politiċi. Fi żmien Ġesù, il-Galilija “kienet il-qalba tan-nazzjonaliżmu etniku,” jgħid il-kittieb Trevor Morrow. Ħafna patrijotti Lhud użaw l-armi biex jiksbu ħelsien politiku u reliġjuż. Kien Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu biex jinvolvu ruħhom fi ġlied bħal dan? Le. Għall-kuntrarju, hu qalilhom: “M’intomx parti mid-dinja.” (Ġwanni 15:19; 17:14) Madankollu, minflok ma baqgħu newtrali, il-mexxejja tal-knisja żviluppaw “ekkleżjastiċiżmu militanti u politiku,” kif ġie deskritt mill-kittieb Irlandiż Hubert Butler. “Il-Kristjanità politika,” hu jikteb, “hija kważi dejjem Kristjanità militaristika wkoll u meta l-politikanti u l-membri tal-kleru jaslu għal ftehim, il-Knisja dejjem tbierek il-forzi militari taʼ l-istat, bi skop li tirċievi lura ċerti privileġġi.”
Għalliema Foloz Jiċħdu lil Ġesù
L-appostlu Pawlu wissa li xi wħud kellhom jaqtgħu mill-Kristjanità vera. Hu qal li wara mewtu, “ilpup ħorox” minn fost dawk li jgħidu li huma Kristjani kellhom “jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:29, 30) Huma kellhom “jistqarru pubblikament li jafu lil Alla,” iżda fir-realtà kellhom “jiċħduh b’dak li jagħmlu.” (Titu 1:16) Bl-istess mod, l-appostlu Pietru wissa li għalliema foloz kellhom “idaħħlu baxx baxx setet qerrieda u [kellhom] jiċħdu saħansitra lis-sid li xtrahom.” Hu qal li “t-triq tal-verità” kellha tiġi “mmaqdra” min-nies minħabba l-kondotta mill-agħar tagħhom. (2 Pietru 2:1, 2) Meta tiċħad lil Ġesù b’dan il-mod, jgħid l-iskular Grieg W. E. Vine, ifisser li “tirrifjuta l-Missier u l-Iben billi tapostasizza u xxerred tagħlim li jagħmel il-ħsara.”
Kif kellu jirreaġixxi Ġesù jekk dawk li jgħidu li huma dixxipli tiegħu minn jeddhom jonqsu li ‘jibqgħu fil-kelma tiegħu’ u li jilħqu ħtiġijiet oħra li hu talab? Hu wissa: “Kulmin jiċħadni quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħdu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.” (Mattew 10:33) Ovvjament, Ġesù ma jiċħadx lil xi ħadd li jiżbalja minkejja x-xewqa sinċiera tiegħu li jkun leali. Per eżempju, għalkemm l-appostlu Pietru ċaħad lil Ġesù tliet darbiet, Pietru nidem u ngħata maħfra. (Mattew 26:69-75) Madankollu, Ġesù jiċħad lil individwi jew istituzzjonijiet li fil-fatt ikunu lpup lebsin taʼ nagħaġ—jagħmluha taʼ wħud li mexjin wara Kristu iżda minn jeddhom u b’mod persistenti jwarrbu t-tagħlim tiegħu. Dwar dawn l-għalliema foloz Ġesù qal: “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom.”—Mattew 7:15-20.
Imutu l-Appostli u Tiżviluppa l-Apostasija
Il-Kristjani foloz meta bdew jiċħdu lil Ġesù? Ftit biss wara l-mewt taʼ Ġesù. Hu nnifsu wissa li Satana x-Xitan malajr kellu jerġaʼ jiżraʼ “żerriegħa,” jew il-Kristjani foloz, fost “iż-żerriegħa t-tajba,” jew il-Kristjani veri, li Ġesù żeraʼ matul il-ministeru tiegħu. (Mattew 13:24, 25, 37-39) L-appostlu Pawlu wissa li għalliema qarrieqa kienu diġà bdew xogħolhom fi żmienu. Hu qal li r-raġuni prinċipali għalfejn huma daru lil hinn mit-tagħlim taʼ Ġesù Kristu, kienet li huma ma kellhomx “l-imħabba għall-verità.”—2 Tessalonikin 2:10.
L-appostli taʼ Ġesù Kristu żammew kontroll fuq din l-apostasija sakemm damu ħajjin. Iżda, wara l-mewt taʼ l-appostli, xi mexxejja reliġjużi li nqdew “b’kull għemil setgħan u b’sinjali giddibin u għeġubijiet u b’kull qerq inġust” sabiex iqarrqu b’ħafna wħud, dawru iżjed u iżjed nies ’il bogħod mill-veritajiet mgħallmin minn Ġesù u l-appostli tiegħu. (2 Tessalonikin 2:3, 6-12) Il-filosfu Ingliż Bertrand Russell jikteb li, maż-żmien, il-kongregazzjoni Kristjana oriġinali nbidlet f’organizzazzjoni reliġjuża li “kellha tgħaġġeb lil Ġesù, u anki lil Pawlu.”
Il-Kristjanità Vera Tiġi Restawrata
Il-fatti huma ċari. Mill-mewt taʼ l-appostli ’l hawn, Kristu ftit li xejn kien imdaħħal fil-maġġuranza taʼ l-affarijiet li saru f’isem il-Kristjanità. Madankollu, dan ma jfissirx li Ġesù naqas li jżomm il-wegħda tiegħu li jkun mad-dixxipli tiegħu “il-jiem kollha sa tmiem is-sistema.” (Mattew 28:20) Aħna nistgħu nkunu ċerti li mindu hu qal dan il-kliem, kien hemm individwi leali li fosthom “l-għarfien dwar Ġesù Kristu huwa applikat bil-kliem u bl-għemil.” Ġesù Kristu żamm il-wegħda tiegħu li jappoġġa lil dawn l-uħud hekk kif huma stinkaw biex juru l-imħabba li tidentifika lill-Kristjani veri u żammew leali mal-veritajiet li hu għallem.
Iktar minn hekk, Ġesù wiegħed li fl-aħħar jiem taʼ din is-sistema, hu kellu jiġbor lid-dixxipli leali tiegħu f’kongregazzjoni Kristjana li tistaʼ tiġi identifikata b’mod ċar u li kellu jużaha biex iwettaq ir-rieda tiegħu. (Mattew 24:14, 45-47) Hu bħalissa qed juża din il-kongregazzjoni biex jiġbor flimkien “folla kbira” taʼ rġiel, nisa u tfal “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien,” u hu qed jgħaqqadhom taħt l-istat taʼ kap tiegħu f’“merħla waħda” taħt “ragħaj wieħed.”—Rivelazzjoni 7:9, 14-17; Ġwanni 10:16; Efesin 4:11-16.
Għalhekk, warrab minn kwalunkwe istituzzjoni li tħammeġ l-isem taʼ Kristu u timmalafama l-Kristjanità tul dawn l-aħħar elfejn sena. Jekk le, bħalma Ġesù Kristu qal lill-appostlu Ġwanni, int tistaʼ tirċievi ‘parti mill-kastigi tagħhom’ meta Alla jesegwixxi l-ġudizzju tiegħu fuqhom fil-futur qarib. (Rivelazzjoni 1:1; 18:4, 5) Kun determinat li tkun fost dawk li tkellem dwarhom il-profeta Mikea meta qal li “fl-aħħar jiem,” l-aduraturi veri—dawk li jimxu wara l-Kristjanità vera—kellhom jisimgħu mill-istruzzjonijiet t’Alla u ‘jimxu fi triqtu’ tal-qima pura restawrata. (Mikea 4:1-4) Il-pubblikaturi taʼ din ir-rivista minn qalbhom jieħdu pjaċir jgħinuk tidentifika dawk l-aduraturi veri.
[Stampi f’paġna 5]
Il-Kristjani veri għala ma jiħdux sehem fil-gwerra?
[Sorsi]
Suldati, xellug: U.S. National Archives photo; arma tan-nar, lemin: U.S. Army Photo
[Stampi f’paġna 7]
Li ‘jkollhom l-imħabba bejniethom’ u ‘jżommu fil-kelma tiegħu’ huma ħtiġijiet fundamentali li Ġesù poġġa għall-Kristjani veri