LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 5/1 pp. 20-23
  • L-Ispiritiżmu u t-Tfittxija għall-Ispiritwalità Vera

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Ispiritiżmu u t-Tfittxija għall-Ispiritwalità Vera
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Tama Hemm għall-​Mejtin?
  • L-​Irxoxt taʼ Lazzru
  • X’Inhi r-​Raġuni Għala Hawn Tant Tbatija?
  • Nissodisfaw il-​Bżonnijiet Spiritwali Tagħna
  • Tama Vera għall-​Maħbubin Tiegħek li Mietu
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • L-Uniku Rimedju!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Il-Bibbja tgħallem dwar ir-riinkarnazzjoni?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Tama Ċerta Għall-Mejtin
    Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 5/1 pp. 20-23

L-​Ispiritiżmu u t-​Tfittxija għall-​Ispiritwalità Vera

ILKOLL kemm aħna għandna bżonnijiet spiritwali minbarra dawk materjali. Din hi r-​raġuni għala ħafna jistaqsu mistoqsijiet bħal, X’inhu l-​iskop tal-​ħajja, in-​nies għala jbatu, u x’jiġrilna meta mmutu? Ħafna nies sinċieri jfittxu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet u għal xi mistoqsijiet oħra simili billi jattendu għal seduti, li fihom huma jikkonsultaw lil xi medjum, bit-​tama li jikkomunikaw maʼ l-​ispirti tal-​mejtin. Din il-​prattika tissejjaħ spiritiżmu.

Dawk li jemmnu fl-​ispiritiżmu jinsabu f’ħafna pajjiżi, u jiltaqgħu flimkien f’kongregazzjonijiet u fi knejjes. Per eżempju, huwa stmat li fil-​Brażil hemm 4,000,000 ruħ li jsegwu t-​tagħlim miġbur u preżentat b’mod ċar minn Hyppolyte Léon Denizard Rivail, edukatur u filosfu Franċiż tas-​seklu dsatax, li kiteb taħt l-​isem taʼ Allan Kardec. Kardec beda jinteressa ruħu għall-​ewwel darba fil-​fenomeni spiritistiċi fl-​1854. Iktar tard hu staqsa ċerti mistoqsijiet lill-​medji taʼ l-​ispirti f’ħafna pajjiżi u t-​tweġibiet tagħhom ġabarhom fi ktieb bl-​isem taʼ The Book of Spirits (Il-Ktieb taʼ l-​Ispirti), pubblikat fl-​1857. Hu kiteb żewġ kotba oħra, The Mediums’ Book (Il-Ktieb tal-​Medji) u The Gospel According to Spiritism (L-Evanġelju Skond l-​Ispiritiżmu).

L-ispiritiżmu jiġi assoċjat maʼ prattiċi reliġjużi bħalma huma l-​vudu, is-​seħer, il-​maġija, jew is-​Sataniżmu. Madankollu, dawk li jsegwu t-​tagħlim taʼ Allan Kardec jgħidu li t-​twemmin tagħhom hu differenti. Il-​pubblikazzjonijiet tagħhom taʼ spiss jikkwotaw mill-​Bibbja, u jirreferu għal Ġesù bħala “l-​gwida u l-​eżempju għall-​umanità kollha.” Huma jgħidu li t-​tagħlim taʼ Ġesù hu “l-​iktar espressjoni safja tal-​liġi divina.” Allan Kardec kien iqis il-​kitbiet spiritistiċi bħala t-​tielet rivelazzjoni tal-​liġi t’Alla lill-​umanità, billi l-​ewwel tnejn huma t-​tagħlim taʼ Mosè, u dak taʼ Ġesù.

Ħafna jogħġobhom l-​ispiritiżmu għaliex dan jenfasizza l-​imħabba tal-​proxxmu u l-​atti taʼ karità. Parti mit-​twemmin spiritistiku hi din: “Mingħajr karità m’hemmx salvazzjoni.” Bosta spiritisti huma attivi f’xogħol soċjali, jgħinu biex jinbnew sptarijiet, skejjel, u istituzzjonijiet oħrajn. Dawn l-​isforzi huma taʼ min ifaħħarhom. Iżda, jaqbel it-​twemmin taʼ l-​ispiritisti mat-​tagħlim taʼ Ġesù li jinsab fil-​Bibbja? Ejja nieħdu żewġ eżempji: it-​tama għall-​mejtin u r-​raġuni għala hawn tant tbatija.

X’Tama Hemm għall-​Mejtin?

Ħafna mill-​ispiritisti jemmnu fir-​riinkarnazzjoni. Pubblikazzjoni taʼ l-​ispiritisti tgħid: “Ir-​riinkarnazzjoni hija l-​unika duttrina li tissodisfa l-​idea tagħna taʼ ġustizzja divina; hija l-​unika duttrina li tistaʼ tispjega l-​futur u ssaħħilna t-​tamiet tagħna.” L-​ispiritisti jispjegaw li mal-​mewt ir-​ruħ, jew “spirtu inkarnat,” titlaq mill-​ġisem​—bħal meta farfett joħroġ mill-​fosdqa. Huma jemmnu li dawn l-​ispirti iktar tard jerġgħu jiġu riinkarnati bħala bnedmin sabiex jitnaddfu mid-​dnubiet li jkunu għamlu fil-​ħajja taʼ qabel. Imma dawn id-​dnubiet ma jiftakruhomx. “Alla ra li aħjar jitpoġġa velu fuq l-​imgħoddi,” jgħid The Gospel According to Spiritism.

“Li wieħed jiċħad ir-​riinkarnazzjoni jfisser ukoll li jkun qed jiċħad kliem Kristu,” kiteb Allan Kardec. Madankollu, Ġesù qatt ma lissen il-​kelma “riinkarnazzjoni” u qatt ma semma din l-​idea. (Ara “Hija r-​Riinkarnazzjoni Mgħallma fil-​Bibbja?” f’paġna 22.) Minflok, Ġesù għallem dwar l-​irxoxt tal-​mejtin. Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, hu rxoxta tlieta min-​nies​—bin l-​armla taʼ Najin, bint l-​uffiċjal inkarigat mis-​sinagoga, u Lazzru, ħabibu tal-​qalb. (Mark 5:​22-24, 35-43; Luqa 7:​11-15; Ġwann 11:​1-44) Ejja nikkunsidraw waħda minn dawn il-​ġrajjiet taʼ l-​għaġeb u naraw Ġesù x’ried ifisser bl-​“irxoxt.”

L-​Irxoxt taʼ Lazzru

Ġesù semaʼ li ħabibu Lazzru kien marid. Jumejn wara, lid-​dixxipli qalilhom: “Ħabibna Lazzru rieqed; iżda ħa mmur u nqajjmu.” Id-​dixxipli ma fehmux x’ried ifisser, għalhekk Ġesù qalilhom ċar u tond: “Lazzru miet.” Meta fl-​aħħar wasal ħdejn il-​qabar taʼ Lazzru, dan kien ilu mejjet erbat ijiem. Minkejja dan, Ġesù ordna biex titneħħa l-​ġebla li kienet qed tagħlaq id-​daħla tal-​qabar. Imbagħad hu għajjat: “Lazzru, oħroġ!” Kif qal hekk, ġrat xi ħaġa taʼ l-​għaġeb. “Dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur maʼ wiċċu. Ġesù qalilhom: ‘Ħollulu l-​faxex u ħalluh imur.’”—Ġwann 11:​5, 6, 11-14, 43, 44.

Bla dubju, din ma kinitx xi riinkarnazzjoni. Ġesù qal li Lazzru, meta kien mejjet, kien fil-​fatt rieqed, ma jaf u ma jħoss xejn. Bħalma tpoġġiha l-​Bibbja, ‘ħsibijietu kienu ntemmu.’ Hu ‘ma kien jaf xejn.’ (Salm 146:4; Koħèlet 9:5) Meta Lazzru rxoxta ma sarx xi persuna differenti bi spirtu riinkarnat. Kellu l-​istess personalità, kien taʼ l-​istess età, u kellu l-​istess tifkiriet. Hu kompla bil-​ħajja tiegħu taʼ qabel ma miet qasir il-​għomor u reġaʼ lura għand il-​maħbubin tiegħu li kienu tnikktu minħabba mewtu.—Ġwann 12:​1, 2.

Iktar tard, Lazzru reġaʼ miet. Għalhekk, xi skop kellu l-​irxoxt tiegħu? Flimkien maʼ kull irxoxt ieħor li wettaq Ġesù, dan isaħħilna mill-​ġdid il-​fiduċja tagħna fil-​wegħda t’Alla li l-​qaddejja leali Tiegħu se jiġu mqajmin mill-​imwiet meta jasal il-​waqt Tiegħu. Dawn il-​mirakli taʼ Ġesù jsaħħu iktar dan il-​kliem tiegħu: “Jien hu l-​qawmien u l-​ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, [“se jerġaʼ jieħu l-​ħajja,” NW].”—Ġwann 11:25.

Rigward dan l-​irxoxt fil-​futur, Ġesù qal: “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-​oqbra jisimgħu leħn[i] u joħorġu; dawk li jkunu għamlu t-​tajjeb iqumu għall-​ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-​ħażin iqumu għall-​kundanna.” (Ġwann 5:​28, 29) Bħalma ġara fil-​każ taʼ Lazzru, dan se jkun irxoxt taʼ nies mejtin. M’humiex se jerġgħu jingħaqdu flimkien xi spirti li għadhom konxji maʼ iġsma rxoxtati li jkunu tmermru u forsi anki kiluhom id-​dud. L-​irxoxt tal-​mejtin hu xi ħaġa li l-​Ħallieq tas-​sema u l-​art żgur li kapaċi jagħmilha, għaliex l-​għerf u l-​qawwa li għandu huma infiniti.

Id-duttrina taʼ l-​irxoxt, kif mgħallma minn Ġesù Kristu, turi l-​imħabba kbira li Alla għandu għall-​bnedmin individwali, mhux hekk? Imma xi ngħidu dwar it-​tieni mistoqsija li semmejna qabel?

X’Inhi r-​Raġuni Għala Hawn Tant Tbatija?

Ħafna mit-​tbatija tal-​bniedem tiġi kaġunata mill-​affarijiet li jagħmlu nies li m’għandhomx għaqal jew esperjenza, jew saħansitra għax dawn ikunu mill-​agħar. Iżda, xi ngħidu dwar it-​traġedji li jiġru u li ma jiġux kaġunati direttament mill-​bniedem? Per eżempju, għala jiġru tant diżgrazzji u diżastri naturali? Xi tfal għala jitwieldu bid-​difetti minn ġuf ommhom? Allan Kardec kien iqis dawn l-​affarijiet bħala kastigi. Hu kiteb: “Jekk qed niġu kastigati bilfors li jkun sar xi ħażen. Jekk dan il-​ħażen ma nkunux għamilnieh fil-​ħajja preżenti, allura bilfors li jkun sar f’xi eżistenza fl-​imgħoddi.” L-​ispiritisti jitgħallmu jitolbu hekk: “Mulej, Int kollok ġustizzja. Il-​marda li int għoġbok tibgħatli bilfors li għax hekk jistħoqqli . . . Naċċettaha bħala tpattija għall-​imgħoddi tiegħi u bħala prova tal-​fidi u s-​sottomissjoni tiegħi lejn ir-​rieda mqaddsa Tiegħek.”​—The Gospel According to Spiritism.

Hekk għallem Ġesù? Le. Ġesù kien jafha tajjeb l-​istqarrija tal-​Bibbja: “F’kollox jidħol iż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi” mhux mistennija. (Koħèlet 9:11) Kien jaf li xi kultant jiġru affarijiet ħżiena. Dawn mhux bilfors huma kastigi għad-​dnubiet.

Ikkunsidra din il-​ġrajja fil-​ħajja taʼ Ġesù: “Kif [Ġesù] kien għaddej, lemaħ raġel agħma minn twelidu, u d-​dixxipli tiegħu staqsewh: ‘Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-​ġenituri tiegħu?’” It-​tweġiba li ta Ġesù ma tħallilna ebda dubju: “Mhux għax dineb hu jew il-​ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-​għemil taʼ Alla jidher fih. Kif qal dan, beżaq fl-​art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-​raġel agħma. U qallu: ‘Mur inħasel fil-​menqgħa taʼ Silwam.’ . . . Mela dak mar, nħasel u ġie jara.”—Ġwann 9:​1-3, 6, 7.

Kliem Ġesù wera li la r-​raġel u lanqas il-​ġenituri tiegħu ma kienu jaħtu li hu ġie agħma mit-​twelid. Mela Ġesù m’appoġġax l-​idea li dak ir-​raġel kien qed jiġi kastigat għax kien għamel id-​dnubiet f’xi ħajja li kien għex qabel. Huwa minnu li Ġesù kien jaf li l-​bnedmin kollha jirtu d-​dnub. Imma jirtu d-​dnub taʼ Adam, mhux dnubiet li huma jkunu għamlu qabel ma twieldu. Minħabba d-​dnub taʼ Adam, il-​bnedmin kollha jitwieldu imperfetti fiżikament, u suġġetti għall-​mard u l-​mewt. (Ġob 14:4; Salm 51:7 [51:​5, NW]; Rumani 5:12; 9:11) Fil-​fatt, Ġesù ntbagħat biex jirranġa din is-​sitwazzjoni. Ġwanni l-​Għammied qal li Ġesù kien “il-​Ħaruf taʼ Alla, li jneħħi d-​dnub tad-​dinja”!—Ġwann 1:29.a

Innota wkoll, li Ġesù ma qalx li Alla kien ġiegħel lir-​raġel jitwieled agħma apposta sabiex xi darba jiġi Ġesù u jfejqu. X’att taʼ kefrija u disprezz kien ikun dan! Kieku dan kien se jġib glorja lil Alla? Le. Minflok, dan il-​fejqan mirakoluż tar-​raġel agħma serva biex ‘jidher l-​għemil taʼ Alla.’ Bħal kull fejqan li wettaq Ġesù, dan wera l-​imħabba sinċiera li Alla għandu għall-​umanità li tant qed issofri u kkonferma kemm hi taʼ min joqgħod fuqha l-​wegħda Tiegħu li se jtemm kull mard u tbatija minn fuq il-​bnedmin meta jasal il-​waqt Tiegħu.—Isaija 33:24.

Ma nħossuniex aħna mfarrġin meta nsiru nafu li minflok ma jikkaġuna t-​tbatija, Missierna tas-​sema jagħti “ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu”? (Mattew 7:11) Kemm se jirċievi glorja l-​Iktar Għoli meta jinfetħu għajnejn l-​għomja u widnejn it-​torox, u meta z-​zopp jibda jimxi, jaqbeż u jiġri!​—Isaija 35:​5, 6.

Nissodisfaw il-​Bżonnijiet Spiritwali Tagħna

Ġesù ddikjara: “Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.” (Mattew 4:4) Iva, inkunu qed nissodisfaw il-​bżonnijiet spiritwali tagħna meta naqraw il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, u nfasslu ħajjitna fuq dak li tgħid hi. Li nirrikorru għand xi medjum taʼ l-​ispirti ma jissodisfax verament il-​bżonnijiet spiritwali tagħna. Tabilħaqq, prattika bħal din hija kundannata b’mod ċar f’dik li Allan Kardec irrefera għaliha bħala l-​ewwel rivelazzjoni tal-​liġi t’Alla.—Dewteronomju 18:​10-13.

Ħafna nies, inkluż spiritisti, jirrikonoxxu li Alla hu l-​Esseri Suprem, etern, perfett b’mod infinit, ħanin, tajjeb, u ġust. Imma l-​Bibbja tgħidilna ferm iktar minn hekk. Turina li għandu isem persunali, Jehovah, li aħna għandna nonorawh bħalma għamel Ġesù. (Mattew 6:9; Ġwann 17:6) Tagħti stampa taʼ Alla bħala persuna reali li miegħu l-​bnedmin jistgħu jgawdu relazzjoni mill-​qrib. (Rumani 8:​38, 39) Meta naqraw il-​Bibbja nsiru nafu li Alla hu mimli ħniena u li hu “ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna; ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.” (Salm 103:10) Permezz tal-​Kelma miktuba tiegħu, il-​Mulej Sovran Jehovah jirrivelalna l-​imħabba, l-​awtorità suprema, u r-​raġunevolezza tiegħu. Hu Dak li jiggwida u jipproteġi lill-​bnedmin ubbidjenti. Li nsiru nafu lil Jehovah u lil Ibnu, Ġesù Kristu, ifisser “ħajja taʼ dejjem.”—Ġwann 17:3.

Il-Bibbja tipprovdi l-​informazzjoni kollha li għandna bżonn dwar l-​iskopijiet t’Alla, u tgħidilna x’għandna nagħmlu jekk nixtiequ nogħġbuh. Jekk neżaminaw il-​Bibbja bir-​reqqa nsibu tweġibiet sodisfaċenti, u fi qbil mal-​verità, għall-​mistoqsijiet tagħna. Il-​Bibbja tagħtina wkoll gwida dwar dak li hu tajjeb u ħażin, u tipprovdilna tama soda. Din tassigurana li fil-​futur qarib, Alla “jixxuttalhom [lill-bnedmin] kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax [ikunu] għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.” (Apokalissi 21:​3, 4) Jehovah, permezz taʼ Ġesù Kristu, se jeħles lill-​bniedem mid-​dnub u mill-​imperfezzjoni li wirtu, u l-​bnedmin ubbidjenti se jirtu ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. Dakinhar, hu se jissodisfalhom għalkollox kemm il-​bżonnijiet fiżiċi u kemm dawk spiritwali.—Salm 37:​10, 11, 29; Proverbji 2:​21, 22; Mattew 5:5.

[Nota taʼ taħt]

a Tistaʼ ssib informazzjoni dwar kif oriġinaw id-​dnub u l-​mewt f’kapitlu 6 tal-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Kaxxa f’paġna 22]

HIJA R-​RIINKARNAZZJONI MGĦALLMA FIL-​BIBBJA?

Hemm xi versi fil-​Bibbja li jappoġġaw id-​duttrina tar-​riinkarnazzjoni? Ikkunsidra xi ftit mill-​iskritturi li jużaw dawk li jemmnu b’din id-​duttrina:

“Għax il-​Profeti kollha, u wkoll il-​Liġi, ħabbru sa żmien Ġwanni, . . . dan hu Elija li għandu jiġi.”—Mattew 11:​13, 14.

Kien Ġwanni l-​Għammied Elija mwieled mill-​ġdid? Meta ġie mistoqsi: “Mela min int? Elija?” Ġwanni fil-​pront wieġeb: “M’iniex.” (Ġwann 1:21) Madankollu, kien tbassar li Ġwanni kellu jiġi qabel il-​Messija “mimli bl-​ispirtu u l-​qawwa taʼ Elija.” (Luqa 1:17; Malakija 3:​23, 24 [4:​5, 6, NW]) Fi kliem ieħor, Ġwanni l-​Għammied kien Elija fis-​sens li hu wettaq xogħol li kien simili għal dak taʼ Elija.

“Jekk wieħed ma jitwelidx mill-​ġdid, ma jistax jara s-​Saltna taʼ Alla. La tistagħġibx jekk jiena għedtlek li jeħtiġilkom titwieldu mill-​ġdid.”—Ġwann 3:​3, 7.

Wieħed mill-​appostli iktar tard kiteb: “Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-​ħniena kbira tiegħu wilidna mill-​ġdid għal tama ħajja bil-​qawmien taʼ Ġesù Kristu mill-​imwiet.” (1 Pietru 1:​3, 4; Ġwann 1:​12, 13) Jidher ċar li t-​twelid mill-​ġdid, li Ġesù rrefera għalih, kien esperjenza spiritwali li kellha sseħħ waqt li d-​dixxipli tiegħu kienu għadhom ħajjin, u mhux xi riinkarnazzjoni fil-​futur.

“Meta bniedem imut, hu jgħix għal dejjem: meta jispiċċaw il-​jiem taʼ l-​eżistenza tiegħi fuq l-​Art, jien nistenna, peress li se nerġaʼ niġi lura.”​—A “Greek translation” taʼ Ġob 14:14 kwotat f’The Gospel According to Spiritism.

Ir-​Revised Standard Version tittraduċi dan il-​vers: “Jekk il-​bniedem imut, jerġaʼ jgħix? Iż-​żmien kollu tas-​servizz tiegħi kont nistenna, sakemm jasal ħin il-​ħelsien tiegħi.” Aqra l-​kuntest taʼ dan il-​vers. Se ssib li l-​mejtin qed jistennew fil-​qabar għall-​“ħelsien” tagħhom. (Vers 13) Waqt li qed jistennew, huma ma jkunux ħajjin. “Bniedem li jkun miet ikun spiċċa għalkollox; u meta dak li hu mortali jmut, dan ma jeżistix iktar.”​—Ġob 14:​10, Il-​verżjoni tas-​Settanta taʼ Bagster.

[Stampa f’paġna 21]

It-​tama taʼ l-​irxoxt tirrivela l-​interess profond li Alla għandu fina bħala individwi

[Stampi f’paġna 23]

Alla se jtemm it-​tbatija kollha tal-​bniedem

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja