Bijografija
Niksbu s-Saħħa u l-Ferħ Tagħna Billi Nimxu ’l Quddiem fit-Triq taʼ Jehovah
KIF RAKKONTATA MINN LUIGGI D. VALENTINO
“Din hi t-triq; għaddi minnha,” iwissina bil-ħlewwa Jehovah. (Isaija 30:21) Kienet u għadha l-mira tiegħi li nsegwi dan il-parir mindu tgħammidt 60 sena ilu. Din il-mira żviluppat ġewwa fija minn meta kont għadni żgħir grazzi għall-eżempju tal-ġenituri tiegħi li kienu emigraw mill-Italja fl-1921 u marru joqogħdu fi Cleveland, Ohio, fl-Istati Uniti. Hemm rabbew tlett itfal: lil ħija l-kbir, Mike, lil oħti ż-żgħira, Lydia, u lili.
OMMI u missieri eżaminaw diversi reliġjonijiet imma maż-żmien qatgħu qalbhom għax ħarġu diżappuntati. Imbagħad darba minnhom fl-1932, missieri kien qed jismaʼ programm bit-Taljan fuq ir-radju. Kienet xandira mix-Xhieda taʼ Jehovah, u missieri għoġbu dak li semaʼ. Bagħat għal iktar informazzjoni, u ġie jżurna wieħed Xhud Taljan mill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn, New York. Wara diskussjoni mqanqla li damet sa sbieħ l-għada fil-għodu, il-ġenituri tiegħi ħassewhom konvinti li kienu sabu r-reliġjon vera.
Missieri u ommi bdew jattendu l-laqgħat Kristjani u offrew biex l-indokraturi li jivvjaġġaw jibdew jiġu joqogħdu għandna. Għalkemm kont għadni daqsxejn taʼ tifel, dawn l-irġiel kienu jħalluni mmur magħhom fuq ix-xogħol taʼ l-ippridkar u ġagħluni nibda naħseb dwar jekk għandix naqdi lil Jehovah full-time. Wieħed minn dawk li żaruna kien Carey W. Barber, li llum huwa membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah. Ftit żmien wara, fi Frar taʼ l-1941, jien tgħammidt fl-età taʼ 14-il sena, u fl-1944 bdejt naqdi bħala pijunier fi Cleveland. Mike u Lydia ħaddnuha wkoll it-triq tal-verità tal-Bibbja. Mike qeda lil Jehovah sa mewtu, u Lydia akkumpanjat lil żewġha, Harold Weidner, għal 28 sena fil-ministeru taʼ l-ivvjaġġar. Illum qed jaqdu bħala ministri speċjali full-time.
Il-Ħabs Isaħħaħ id-Determinazzjoni Tiegħi li Nkompli Miexi ’l Quddiem
Kmieni fl-1945, spiċċajt fil-Ħabs Federali taʼ Chillicothe f’Ohio peress li l-kuxjenza tiegħi mħarrġa fuq il-Bibbja qanqlitni biex naġixxi fi qbil maʼ Isaija 2:4, li jitkellem dwar li naħdmu sjufna f’sikek tal-moħriet. F’ċertu żmien, l-awtoritajiet tal-ħabs kienu jħallu lill-priġunieri Xhieda jkollhom ammont limitat taʼ letteratura Biblika pubblikata mix-Xhieda taʼ Jehovah. Madankollu, Xhieda minn kongregazzjoni fil-qrib taw l-għajnuna tagħhom. Xi drabi kienu jitfgħu xi ftit pubblikazzjonijiet fl-għelieqi qrib il-ħabs. L-għada fil-għodu, meta l-priġunieri kienu jiħduhom fejn ikunu se jaħdmu, kienu jfittxu dawk il-pubblikazzjonijiet u mbagħad kien jirnexxilhom idaħħluhom magħhom fil-ħabs. Saż-żmien li wasalt jien fil-ħabs, setaʼ jkollna iktar letteratura. B’hekk, tgħallimt iktar minn qatt qabel kemm hu taʼ valur l-ikel spiritwali li jipprovdi Jehovah, lezzjoni li għadni niftakarha kulmeta nirċievi xi ħarġa ġdida taʼ It-Torri taʼ l-Għassa jew Stenbaħ!
Għalkemm tħallejna nagħmlu l-laqgħat tal-kongregazzjoni fil-ħabs, min ma kienx Xhud ma tħalliex jattendi. Xorta waħda, xi uffiċjali tal-ħabs u xi priġunieri kienu jattendu baxx baxx, u kien hemm xi wħud li saħansitra aċċettaw il-verità. (Atti 16:30-34) Żjajjar minn Ħuna A. H. Macmillan kienu sors taʼ faraġ li ma bħalu. Dejjem kien jassigurana li ż-żmien li qattajna l-ħabs ma kienx għalxejn għaliex ħarriġna għal dak li konna se nintalbu nagħmlu fil-futur. Dak ħuna xwejjaħ u tant għażiż messli qalbi u ġagħalni nkun iktar determinat li nimxi fit-triq taʼ Jehovah.
Insib Sieħba
It-Tieni Gwerra Dinjija ntemmet, il-bibien tal-ħabs ġew miftuħin, u jien erġajt qbadt ix-xogħol taʼ pijunier, il-ministeru full-time. Imma fl-1947 miet missieri. Biex nieħu ħsieb il-familja, sibt xogħol sekulari u sirt kwalifikat ukoll biex nagħmel il-massaġġi mediċi, sengħa li sibtha t’għajnuna matul perijodu diffiċli li jien u marti għaddejna minnu 30 sena wara. Imma qed niġri wisq. Ħallini l-ewwel ngħidlek dwar marti.
Darba fl-1949 waqt li kont fis-Sala tas-Saltna wara nofsinhar, daqq it-telefon. Jien weġibtu u smajt leħen ħelu jgħid: “Jien jisimni Christine Genchur. Jiena waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Ġejt noqgħod fi Cleveland biex insib naħdem, u nixtieq nassoċja maʼ xi kongregazzjoni.” Is-Sala tas-Saltna tagħna kienet ’il bogħod mill-inħawi fejn kienet qed toqgħod, imma leħinha għoġobni, u għalhekk għedtilha xi trid tagħmel biex tiġi fis-sala tagħna u inkuraġġejtha tiġi l-Ħadd, il-jum li fih it-taħdita pubblika kont se nagħtiha jien. Il-Ħadd kont l-ewwel wieħed fis-Sala tas-Saltna, imma ma tfaċċat ebda oħt li ma kontx nafha. Waqt li kont qed nagħti t-taħdita, ħarsti kienet il-ħin kollu fuq il-bieb taʼ barra, imma ħadd ma daħal. L-għada ċempiltilha, u hi qaltli li kienet għadha ma drathiex is-sistema tal-karozzi tal-linja. Allura jien offrejtilha li niltaqaʼ magħha biex nispjegalha aħjar.
Sirt naf li l-ġenituri tagħha, li kienu emigranti miċ-Ċekoslovakkja, kienu bdew jassoċjaw maʼ l-Istudenti tal-Bibbja wara li kienu qraw il-ktejjeb Where Are the Dead? (Fejn Qegħdin il-Mejtin?) Ommha u missierha tgħammdu fl-1935. Fl-1938, missier Christine sar il-qaddej tal-kumpanija (li llum jissejjaħ l-indokratur li jippresiedi) fil-kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah ġewwa Clymer, Pennsylvania, fl-Istati Uniti, u fl-1947, Christine tgħammdet meta kellha 16-il sena. Malajr ħadt grazzja maʼ din l-oħt sabiħa u spiritwali, u sirt inħobbha. Iżżewwiġna fl-24 taʼ Ġunju, 1950, u minn dak in-nhar ’l hawn Christine baqgħet is-sieħba leali tiegħi, dejjem lesta li tpoġġi l-interessi tas-Saltna t’Alla l-ewwel. Inħossni grat lejn Jehovah li din is-sieħba tant kapaċi aċċettat li tgħaqqad ħajjitha maʼ tiegħi.—Proverbji 31:10.
Sorpriża Kbira
Fl-1 taʼ Novembru, 1951, sirna t-tnejn pijunieri. Sentejn wara, f’konvenzjoni ġewwa Toledo, Ohio, Ħutna Hugo Riemer u Albert Schroeder kellmu lil grupp taʼ pijunieri li kellhom interess fis-servizz missjunarju. Aħna konna fosthom. Ġejna mħeġġin inkomplu naqdu bħala pijunieri fi Cleveland, imma l-istess xahar taʼ wara kellna sorpriża kbira. Irċivejna stedina biex nattendu t-23 klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead), li kienet se tibda fi Frar taʼ l-1954!
Hekk kif konna sejrin bil-karozza lejn l-Iskola taʼ Gilgħad, li dak iż-żmien kienet f’South Lansing, New York, Christine kienet tant eċċitata li l-ħin kollu bdiet tgħidli, “Suq bil-mod!” Jien għedtilha, “Christine, jekk insuq iktar bil-mod, inkunu qisna pparkjati.” Imma malli wasalna fid-daħla taʼ l-iskola malajr bdejna nħossuna komdi. Ħuna Nathan Knorr ta merħba lill-grupp taʼ studenti u ħadna dawra mal-post. Spjegalna wkoll kif nistgħu niffrankaw l-ilma u d-dawl, waqt li saħaq li l-ekonomija hija virtù fejn għandhom x’jaqsmu l-interessi tas-Saltna. Dak il-parir baqaʼ f’moħħna u għadna napplikawh sal-lum.
Insiefru bl-Ajru Lejn Rio
Ma tantx domna ma ggradwajna, u nhar l-10 taʼ Diċembru, 1954, tlajna fuq ajruplan fil-Belt xitwija taʼ New York, eċċitati bil-ħsieb li konna se mmorru bl-ajru lejn l-inkarigu l-ġdid tagħna fil-belt xemxija taʼ Rio de Janeiro, fil-Brażil. Peter u Billie Carrbello, żewġ missjunarji sħabna, ivvjaġġaw magħna. It-titjira kellha tieħu 24 siegħa, b’waqfiet fi Puerto Rico, il-Venezwela, u Belém fit-tramuntana tal-Brażil. Madankollu, minħabba problemi fil-magni taʼ l-ajruplan, għaddew iktar minn 36 siegħa sakemm rajna Rio de Janeiro taħtna. Imma x’dehra mill-isbaħ kienet dik! Id-dwal tal-belt kienu qed ileqqu qishom djamanti jixegħlu fuq tapit iswed bellusi, u d-dawl tal-qamar kien ilellex bħall-fidda fuq l-ilmijiet tal-Bajja taʼ Guanabara.
Kien hemm bosta membri tal-familja taʼ Betel jistennewna l-ajruport. Wara li tawna merħba mill-qalb, ħaduna bil-karozza lejn l-uffiċċju tal-fergħa, u f’xi t-tlieta taʼ fil-għodu nxteħitna fis-sodda. Ftit sigħat wara, l-iżveljarin fakkarna li l-ewwel jum tagħna bħala missjunarji kien beda!
Lezzjoni Bikrija
Malajr tgħallimna lezzjoni importanti. Konna qattajna lejla fid-dar taʼ familja li kienu Xhieda. Meta ridna nimxuha sal-fergħa, il-ħu li konna għandu oġġezzjona: “Le, ma tistgħux titilqu; nieżla x-xita.” Hu tgħidx kemm insista li nqattgħu l-lejl għandu. “Il-pajjiż minfejn ġejna aħna tagħmel ix-xita wkoll,” għedtlu jien, waqt li ħadtu biċ-ċajt. U tlaqna.
Minħabba l-muntanji li hemm madwar Rio, l-ilma tax-xita malajr jinġabar u jgelgel lejn il-belt, u dan spiss jikkaġuna għargħar. Ma domniex ma sibna ruħna nterrqu fl-ilma sa rkobbtejna. Qrib il-fergħa, it-toroq kienu nbidlu fi xmajjar b’kurrenti kbar taʼ ilma li kien ilaħħqilna sa sidirna. Konna għasra meta sa fl-aħħar wasalna Betel. L-għada, Christine ħassitha ħażin ferm u spiċċat biex laqtet il-marda tat-tifojde, li ħallietha dgħajfa għal żmien twil. M’għandniex xi ngħidu, bħala missjunarji ġodda, kien imissna ħadna l-parir tax-Xhieda lokali li kellhom l-esperjenza.
L-Ewwel Passi fix-Xogħol Missjunarju u taʼ l-Ivvjaġġar
Wara dan il-bidu daqsxejn spjaċevoli, konna ħerqana biex nibdew il-ministeru tagħna taʼ l-għalqa. Bdejna naqraw preżentazzjoni bil-Portugiż lil kulmin niltaqgħu miegħu, u milli jidher konna qed nagħmlu progress indaqs. Xi inkwilin kien jgħid lil Christine, “Lilek fhimtek, imma lilu ma nistax nifhmu,” waqt li juri b’sebgħu lejja. Xi inkwilin ieħor kien jgħidli, “Lilek nifhmek imma lilha le.” Xorta waħda, konna ferħanin li ksibna ’l fuq minn 100 abbonament għat-Torri taʼ l-Għassa matul l-ewwel ftit ġimgħat tagħna. Fil-fatt, bosta mill-istudenti li studjajna l-Bibbja magħhom tgħammdu fl-ewwel sena tagħna fil-Brażil, u dan tana ħjiel taʼ kemm kien se jħalli frott dan l-inkarigu missjunarju.
F’nofs is-snin 50, kien hemm ħafna kongregazzjonijiet fil-Brażil li ma kienx ikollhom żjajjar regulari minn indokraturi tas-circuit peress li kien hemm nuqqas t’aħwa rġiel kwalifikati. Allura, għalkemm kont għadni qed nitgħallem il-lingwa u kont għadni lanqas biss tajt taħdita pubblika waħda bil-Portugiż, ġejt inkarigat għax-xogħol tas-circuit fl-istat taʼ São Paulo fl-1956.
Peress li l-ewwel kongregazzjoni li żorna kien ilu ma jkollha żjara minn indokratur tas-circuit għal sentejn, kulħadd kien qed jistennieha bil-ħerqa t-taħdita pubblika. Biex nipprepara dik it-taħdita, qasqast xi paragrafi minn artikli tat-Torri taʼ l-Għassa bil-Portugiż u waħħalthom fuq diversi folji tal-karti. Dak il-Ħadd, is-Sala tas-Saltna kienet ippakkjata bin-nies. Kien hemm anki nies bil-qegħda fuq il-palk, kulħadd jistenna l-ġrajja sseħħ. Bdiet it-taħdita, jew aħjar il-qari. Xi kultant kont inħares lejn l-udjenza, u bqajt mistagħġeb kif ħadd ma kien qed jitniffes, lanqas it-tfal. Kollha kienu b’għajnejhom iċċassati lejja. Għedt bejni u bejn ruħi: ‘Prosit għalik, Valentino, kemm sirt taf titkellem bil-Portugiż! Dawn in-nies qegħdin veru attenti.’ Xi snin wara, meta erġajt żort dik il-kongregazzjoni, wieħed mill-aħwa li kien preżenti meta kont hemm l-ewwel darba qalli: “Tiftakarha dik it-taħdita pubblika li kont tajtna? Ħadd minna ma kien fehem xejn.” Nistqarr li lanqas jien ma kont fhimt wisq x’kont għedt.
F’dik l-ewwel sena fix-xogħol tas-circuit, taʼ spiss kont naqra Żakkarija 4:6. Il-kliem, ‘Mhux bil-qawwa, imma bl-ispirtu tiegħi,’ kien ifakkarni li l-ispirtu taʼ Jehovah kien l-unika raġuni għala x-xogħol tas-Saltna mexa hekk ’il quddiem. U veru pprogressa, minkejja l-limitazzjonijiet ovvji tagħna.
Sfidi u Barkiet Tul it-Triq
Ix-xogħol tas-circuit kien ifisser li tivvjaġġa minn post għall-ieħor u dejjem iġġorr miegħek typewriter, kaxxi mimlijin kotba, bagalji, u basktijiet kulfejn tmur. Christine kienet għaqlija biżżejjed li tinnumera kull ħaġa li ridna nġorru magħna li ma mmorrux ninsew xi waħda minnhom meta nkunu qed niskareġġaw minn karozza tal-linja għall-oħra. Ma kinitx l-ewwel darba li kellna nivvjaġġaw b’tal-linja għal 15-il siegħa minn toroq mimlijin trab biex naslu fil-post li kien imissna nżuru. Xi drabi kienu jinżlu msarinna f’saqajna, speċjalment meta żewġ karozzi tal-linja li jkunu sejrin f’direzzjonijiet opposti kienu jaqsmu fl-istess ħin xi pont se jaqaʼ u ma jaqax. Mhux hekk biss imma tant kienu jgħaddu nkaxxati maʼ xulxin li bil-kemm kienet tgħaddi biċċa karta bejniethom. Konna nivvjaġġaw ukoll bil-ferrovija, bil-vapur, u fuq iż-żiemel.
Fl-1961 bdejt naqdi bħala indokratur tad-distrett, u jien u marti konna nivvjaġġaw minn circuit għal circuit, minflok minn kongregazzjoni għal kongregazzjoni. Matul il-ġimgħa, kważi kull fil-għaxija konna nuru films prodotti mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah, u dan kull darba f’xi post differenti. Taʼ spiss kien ikollna naġixxu bl-għaġla biex il-kleru tal-lokal ma jirnexxilux iwaqqafna milli nuru dawn il-films. F’belt minnhom, il-qassis ġiegħel lil sid taʼ sala jħassar il-kuntratt li kien għamel magħna. Wara li domna xi ftit ġranet infittxu, sibna post ieħor, imma m’għedna lil ħadd u komplejna nistiednu lil kulħadd jiġi fil-post oriġinali. Qabel beda l-programm, Christine marret f’dik is-sala u bil-kwiet ħadet lil dawk li xtaqu jaraw il-film fil-post il-ġdid. Dik il-lejla, 150 ruħ raw il-film, li kellu t-titlu xieraq taʼ The New World Society in Action (Is-Soċjetà tad-Dinja l-Ġdida fl-Azzjoni).
Għalkemm ix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar fi nħawi iżolati kien iebes xi kultant, l-aħwa umlin li kienu joqogħdu hemm tant kienu japprezzawhom iż-żjarat tagħna u tant kienu ospitabbli magħna billi jilqgħuna fid-djar modesti tagħhom, li dejjem konna niżżu ħajr lil Jehovah li stajna nkunu magħhom. Il-ħbiberija tagħna magħhom issarrfet f’barkiet għalina li jqawwu l-qalb. (Proverbji 19:17; Ħaggaj 2:7) Għalhekk, kemm kien taʼ dispjaċir għalina meta, wara li konna qdejna fil-Brażil għal iktar minn 21 sena, il-jiem missjunarji tagħna kienu waslu fi tmiemhom!
Matul Kriżi, Jehovah Wriena t-Triq
Fl-1975, Christine kellha tagħmel operazzjoni. Erġajna komplejna fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar, imma saħħet Christine marret għall-agħar. Dehrilna li jkun aħjar li mmorru lura lejn l-Istati Uniti sabiex tkun tistaʼ tikseb il-kura medika. F’April taʼ l-1976, wasalna Long Beach, Kalifornja, u hemm morna noqogħdu m’ommi. Wara li konna ilna msifrin għal iktar minn 20 sena, ma konniex nafu kif se naqbdu nkampaw. Bdejt nagħmel il-massaġġi, u b’dak li kont naqlaʼ minn dan ix-xogħol konna ngħaddu. Christine daħlet fi sptar provdut mill-istat taʼ Kalifornja, imma hemm bdiet sejra mill-ħażin għall-agħar għaliex it-tobba ma riedu jagħmlulha xejn bla ma jagħtuha d-demm. Ma konniex nafu fejn se naqbdu nagħtu rasna, u għalhekk tlabna lil Jehovah biex jiggwidana.
Darba wara nofsinhar waqt li kont fis-servizz taʼ l-għalqa, innotajt uffiċċju taʼ tabib u fettilli nidħol. Għalkemm it-tabib kien sarlu l-ħin biex imur id-dar, daħħalni fl-uffiċċju tiegħu, u domna nitkellmu sagħtejn sħaħ. Imbagħad qalli: “Napprezzah ix-xogħol tagħkom bħala missjunarji, u lil martek se nikkuraha bla ħlas u mingħajr trasfużjoni tad-demm.” Lanqas ridt nemmen lil widnejja.
Dan it-tabib qalbu tajba, li wara sirna nafu li kien speċjalista rispettat ferm, trasferixxa lil Christine fl-isptar fejn kien jaħdem hu, u taħt il-kura abbli tiegħu, il-kundizzjoni tagħha malajr tjiebet. Kemm konna grati li Jehovah wriena t-triq matul dak iż-żmien diffiċli!
Inkarigi Ġodda
Waqt li Christine bdiet tikseb lura saħħitha, qdejna bħala pijunieri u kellna l-ferħ li ngħinu bosta nies f’Long Beach isiru adoraturi taʼ Jehovah. Fl-1982 ġejna mitlubin nagħmlu xogħol tas-circuit fl-Istati Uniti. Kuljum konna nirringrazzjaw lil Jehovah talli reġaʼ beda jużana fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar, għax dan it-tip taʼ ministeru tant hu għal qalbna. Qdejna f’Kalifornja u mbagħad fi New England, fejn is-circuit kien jinkludi xi kongregazzjonijiet bil-lingwa Portugiża. Iktar tard kienet inkluża wkoll il-Bermuda.
Wara erbaʼ snin rifreskanti, irċivejna inkarigu ieħor. Ġejna mistidnin biex naqdu bħala pijunieri speċjali fejn ridna aħna. Għalkemm konna qalbna sewda li se nitilqu x-xogħol taʼ l-ivvjaġġar, konna determinati li nimxu ’l quddiem bl-inkarigu l-ġdid tagħna. Imma fejn? Fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar kont innotajt li l-kongregazzjoni Portugiża fi New Bedford, f’Massachusetts, kellha bżonn l-għajnuna. Għalhekk irħejnielha lejn New Bedford.
Malli wasalna, il-kongregazzjoni għamlitilna riċeviment kbir bħala merħba. Il-veru ħassejna ruħna apprezzati! Qabżilna d-dmugħ. Koppja żagħżugħa li kellhom żewġt itfal żgħar laqgħuna għandhom u ħallewna noqogħdu magħhom sakemm sibna appartament għalina. Jehovah verament bierku dan l-inkarigu bħala pijunieri speċjali ferm iktar milli qatt stennejna aħna. Mill-1986 ’l hawn għenna lil xi 40 persuna differenti f’din il-belt isiru Xhieda. Dawn huma l-familja spiritwali tagħna. Iktar minn hekk, kelli l-ferħ li nara ħames aħwa lokali jikbru u jsiru rgħajja li jafu jieħdu ħsieb il-merħla. Konna qisna qegħdin naqdu f’inkarigu missjunarju li jagħti l-frott.
Hekk kif inħarsu lura, aħna ferħanin li qdejna lil Jehovah minn żgħożitna u li l-verità għamilnieha l-mod taʼ ħajja tagħna. Veru, illum l-età u l-mard qed jagħmlu tagħhom, imma l-fatt li nibqgħu nimxu ’l quddiem fit-triq taʼ Jehovah xorta waħda għadu jġibilna s-saħħa u l-ferħ.
[Stampa f’paġna 26]
Mal-wasla tagħna f’Rio de Janeiro
[Stampa f’paġna 28]
Il-familja spiritwali tagħna fi New Bedford, Massachusetts