KAPITLU 48
Id-Dinja l-Ġdida t’Alla Mimlija Paċi—Int Tistaʼ Tgħix Fiha
ALLA poġġa lil Adam u Eva fil-ġnien taʼ l-Għeden. Għalkemm dawn m’obdewx u mietu, Alla għamilha possibbli li wliedhom, fosthom aħna llum, ngħixu għal dejjem fil-Ġenna taʼ l-art. Il-Bibbja twiegħed: “Il-ġusti jirtu l-art, u [jgħixu] fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.
Il-Bibbja titkellem dwar “smewwiet ġodda” u “art ġdida.” (Isaija 65:17; 2 Pietru 3:13) Is-“smewwiet” taʼ bħalissa huma fformati mill-gvernijiet tal-bnedmin li hawn illum, imma Ġesù Kristu u dawk li jaħkmu miegħu fis-sema se jifformaw is-“smewwiet ġodda.” Kemm se jkun sabiħ meta dawn is-smewwiet ġodda, jiġifieri l-gvern ġust t’Alla li se jġib il-paċi, jaħkmu għal fuq l-art kollha!
X’inhi, allura, l-“art ġdida”?— L-art ġdida se tkun in-nies tajbin li jħobbu lil Ġeħova. Trid tifhem li meta l-Bibbja titkellem dwar “l-art,” xi drabi tkun qed tgħid għan-nies li jgħixu fuq l-art, mhux l-art infisha. (Ġenesi 11:1; Salm 66:4; 96:1) Mela n-nies li jifformaw l-art ġdida se jgħixu hawn stess fuq din l-art.
Imbagħad, id-dinja preżenti taʼ nies ħżiena se tkun spiċċat. Ftakar, id-Dilluvju taʼ żmien Noè qered dinja taʼ nies ħżiena. U, bħalma tgħallimna, id-dinja ħażina li hawn bħalissa se tinqered f’Armageddon. Issa ejja naraw x’tip taʼ ħajja se ngħixu fid-dinja l-ġdida t’Alla wara Armageddon.
Tixtieq tgħix għal dejjem f’Ġenna taʼ l-art fid-dinja l-ġdida t’Alla mimlija paċi?— L-ebda tabib ma jistaʼ jagħmilna ngħixu għal dejjem. Ma teżisti l-ebda pillola biex ma mmutux. L-uniku mod kif nistgħu ngħixu għal dejjem hu billi nersqu qrib lejn Alla. U l-Għalliem il-Kbir jgħidilna kif nistgħu nagħmlu dan.
Ejja nġibu l-Bibbji tagħna u niftħuhom fi Ġwanni kapitlu 17, il-vers 3. Hawnhekk insibu l-kliem taʼ l-Għalliem il-Kbir: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”
Allura, Ġesù x’qal li għandna bżonn nagħmlu biex ngħixu għal dejjem?— L-ewwel, irridu nieħdu għarfien dwar Missierna tas-sema, Ġeħova, u wkoll dwar Ibnu, li ta ħajtu għalina. Dan ifisser li rridu nistudjaw il-Bibbja. Dan il-ktieb, Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir, qiegħed jgħinna nagħmlu hekk.
Imma li nitgħallmu dwar Ġeħova kif se jgħinna ngħixu għal dejjem?—Sewwa, l-istess bħalma għandna bżonn l-ikel kuljum, għandna bżonn nitgħallmu dwar Ġeħova kuljum. Il-Bibbja tgħid: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.”—Mattew 4:4.
Irridu wkoll nieħdu għarfien dwar Ġesù Kristu għax Alla bagħat lil Ibnu biex ineħħi dnubietna. Il-Bibbja tgħid: “F’ħadd iżjed m’hemm salvazzjoni.” U l-Bibbja tgħid ukoll: “Min jeżerċita l-fidi fl-Iben għandu l-ħajja taʼ dejjem.” (Atti 4:12; Ġwanni 3:36) Issa, xi jfisser li ‘teżerċita l-fidi’ f’Ġesù?— Ifisser li nkunu verament nemmnu f’Ġesù u nafu li ma nistgħux ngħixu għal dejjem mingħajru. Nemmnuh dan?— Jekk iva, se nkomplu nitgħallmu kuljum mill-Għalliem il-Kbir, u se nagħmlu dak li jgħid hu.
Mod tajjeb ħafna kif nitgħallmu mill-Għalliem il-Kbir huwa li naqraw dan il-ktieb għal darba wara l-oħra u nħarsu lejn l-istampi kollha u noqogħdu naħsbu fuqhom. Ara jekk tistax twieġeb il-mistoqsijiet li hemm ħdejn l-istampi. Ukoll, aqra l-ktieb m’ommok jew maʼ missierek. Jekk il-ġenituri tiegħek m’humiex miegħek, aqrah maʼ xi ħadd kbir ieħor u maʼ tfal oħra. Ma jkunx sabiħ li kieku tgħin lil nies oħra jitgħallmu mill-Għalliem il-Kbir xi jridu jagħmlu biex jgħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla?—
Il-Bibbja tgħidilna: “Id-dinja tgħaddi.” Imma mbagħad il-Bibbja tispjega kif nistgħu ngħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla. Din tgħid: “Min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:17) Mela kif nistgħu ngħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla?— Iva, billi nieħdu għarfien dwar Ġeħova u dwar Ibnu l-għażiż, Ġesù. Imma rridu wkoll nagħmlu, jew nipprattikaw, dak li nitgħallmu. Jalla l-istudju tiegħek taʼ dan il-ktieb jgħinek tagħmel dawn l-affarijiet.