LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 7/15 pp. 26-30
  • Turi Fedeltà f’Kollox?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Turi Fedeltà f’Kollox?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Jiġifieri li Nuru Fedeltà
  • Uri Fedeltà Fejn Jidħol l-​“Għana Mhux Ġust”
  • L-​Onestà Hija Tassew Importanti
  • Fedeltà fil-​Ministeru Kristjan Tagħna
  • Nibqgħu Separati mid-​Dinja
  • Barkiet li Jiġu Meta Nuru Fedeltà
  • Ipprovati—Imma Leali Lejn Jehovah!
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • ‘Agħmel Ħbieb Permezz tar-Rikkezzi bla Tjieba’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Il-Fedeltà Tiġi Ppremjata
    Il-Ministeru tas-Saltna—1997
  • Infittxu r-rikkezzi veri
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 7/15 pp. 26-30

Turi Fedeltà f’Kollox?

“Min juri fedeltà fl-​inqas ħaġa juri fedeltà wkoll fil-​ħafna.”​—LUQA 16:10.

1. Liema hu mod wieħed kif Ġeħova juri fedeltà?

HEKK kif tkun għaddejja l-​ġurnata, qatt innotajt x’jiġrilu d-​dell li siġra titfaʼ fuq l-​art? Id-​dell jibqaʼ jinbidel fid-​daqs u fid-​direzzjoni! L-​attivitajiet u l-​wegħdi tal-​bnedmin spiss huma bħal dell, jiġifieri instabbli. Mill-​banda l-​oħra, Alla Ġeħova ma jinbidilx biż-​żmien. Billi rrefera għalih bħala “l-​Missier tad-​dwal tas-​sema,” id-​dixxiplu Ġakbu qal: “Hu ma jinbidilx u m’huwiex bħal dell li jiċċaqlaq.” (Ġakbu 1:​17) Ġeħova u konsistenti u nistgħu nistrieħu fuqu, anki f’dettalji żgħar ħafna. Hu “Alla taʼ fedeltà.”​—Dewteronomju 32:​4, NW.

2. (a) Għala għandna neżaminaw lilna nfusna biex naraw jekk aħniex nuru fedeltà? (b) Liema mistoqsijiet rigward il-​fedeltà se nikkunsidraw?

2 Alla kif iqis il-​fatt li l-​qaddejja tiegħu jiddependu minnu? Bl-​istess mod li kien iqishom David, li dwarhom qal: “Inżomm għajnejja fuq it-​twajbin taʼ l-​art, biex dawn joqogħdu miegħi. Min jimxi fit-​triq il-​perfetta, dan hu li jaqdini.” (Salm 101:6) Iva, Ġeħova jitgħaxxaq bil-​lealtà tal-​qaddejja tiegħu. Bir-​raġun, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Dak li hu mistenni mill-​prokuraturi hu li jkunu leali.” (1 Korintin 4:2) X’jinvolvi li nuru fedeltà? F’liema oqsma tal-​ħajja għandna naġixxu bil-​fedeltà? Liema huma l-​barkiet taʼ li nimxu “fit-​triq il-​perfetta”?

X’Jiġifieri li Nuru Fedeltà

3. X’jiddetermina jekk nurux fedeltà?

3 “Mosè, bħala qaddej, wera fedeltà,” jgħid Ebrej 3:​5. X’qanqal lill-​profeta Mosè biex juri fedeltà? Fil-​bini u t-​tħejjija tat-​tabernaklu, “Mosè għamel kollox kif kien ordnalu l-​Mulej.” (Eżodu 40:16) Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, aħna nuru fedeltà billi naqduh b’ubbidjenza. Dan jinkludi li nibqgħu leali lejn Ġeħova hekk kif niffaċċjaw problemi diffiċli jew provi kbar. Madankollu, is-​suċċess li jiġi meta negħlbu provi kbar mhux l-​uniku fattur li jiddetermina jekk nurux fedeltà. Ġesù qal: “Min juri fedeltà fl-​inqas ħaġa juri fedeltà wkoll fil-​ħafna, u min ma jagħmilx is-​sewwa fl-​inqas ħaġa ma jagħmilx is-​sewwa wkoll fil-​ħafna.” (Luqa 16:10) Ilkoll għandna nibqgħu nuru fedeltà anki fi kwistjonijiet li jidhru żgħar.

4, 5. Il-​fatt li nuru fedeltà “fl-​inqas ħaġa” x’jikxef dwarna?

4 Ubbidjenza kuljum “fl-​inqas ħaġa” hija importanti għal żewġ raġunijiet. L-​ewwelnett, tikxef kif inħossuna dwar is-​sovranità taʼ Ġeħova. Aħseb dwar il-​prova taʼ lealtà li ffaċċjaw l-​ewwel koppja umana, Adam u Eva. Ma kinitx xi ħaġa diffiċli li kellhom jagħmlu. Filwaqt li kellhom aċċess għal kull tip taʼ ikel fil-​ġnien taʼ l-​Għeden, kellhom sempliċement ma jiklux mill-​frott taʼ siġra waħda biss​—is-​“siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin.” (Ġenesi 2:​16, 17) Kieku wrew fedeltà u obdew dak il-​kmand sempliċi, l-​ewwel koppja umana kienet se turi li kienet qed tappoġġa l-​ħakma taʼ Ġeħova. Jekk aħna nsegwu l-​istruzzjonijiet taʼ Ġeħova fil-​ħajja taʼ kuljum tagħna se nuru li aħna nżommu man-​naħa tas-​sovranità taʼ Ġeħova.

5 It-​tieni, il-​kondotta tagħna “fl-​inqas ħaġa” għandha influwenza fuq kif se nwieġbu “fil-​ħafna,” jiġifieri, meta niffaċċjaw provi akbar fil-​ħajja. F’dan ir-​rigward, ikkunsidra x’ġara lil Danjel u lil tliet sħabu Ebrej li wrew fedeltà​—Ħananija, Misaèl, u Għażarija. Huma ttieħdu fl-​eżilju ġewwa Babilonja fis-​sena 617 Q.E.K. Filwaqt li kienu għadhom żgħar, x’aktarx adoloxxenti, dawn l-​erbgħa sabu lilhom infushom fil-​palazz tas-​Sultan Nabukodonosor. Hemmhekk ngħataw ‘sehem mill-​ikel tas-​sultan u mill-​inbid li kien jixrob hu, u baqgħu jitħarrġu għal tliet snin, meta mbagħad bdew jidhru quddiem is-​sultan.’​—Danjel 1:​3-5.

6. Liema prova kellhom jiffaċċjaw Danjel u t-​tliet Ebrej sħabu fil-​palazz Babiloniż?

6 Però, il-​provvedimenti tas-​sultan Babiloniż qajmu sfida għall-​erbaʼ Ebrej adoloxxenti. L-​ikel projbit fil-​Liġi Mosajka x’aktarx kien inkluż fl-​ikel tas-​sultan. (Dewteronomju 14:​3-​20) L-​annimali maqtulin forsi ma ġewx skarnati kif suppost, u li kieku ħadu minn dan il-​laħam kienu jkunu qed jiksru l-​Liġi t’Alla. (Dewteronomju 12:​23-​25) L-​ikel forsi ġie offrut lill-​idoli wkoll, għax din kienet id-​drawwa fost il-​qaddejja Babiloniżi qabel ma jieklu ikla flimkien.

7. Xi wriet l-​ubbidjenza taʼ Danjel u t-​tlett iħbieb tiegħu?

7 Ir-​restrizzjonijiet fuq l-​ikel żgur ma tqisux bħala problema kbira għad-​dar irjali tas-​sultan Babiloniż. Madankollu, Danjel u sħabu kienu determinati fi qlubhom li ma jħammġux lilhom infushom billi jieklu mill-​ikel projbit fil-​Liġi t’Alla lil Iżrael. Din kienet kwistjoni li involviet il-​lealtà tagħhom u t-​turija taʼ fedeltà lejn Alla. Għalhekk, talbu dieta taʼ ħaxix u ilma, u dan ngħatalhom. (Danjel 1:​9-​14) Għal xi nies illum, dak li għamlu dawn l-​erbat irġiel żgħażagħ forsi jidher insinifikanti. Però, l-​ubbidjenza tagħhom lejn Alla wriet il-​pożizzjoni tagħhom fil-​kwistjoni tas-​sovranità taʼ Ġeħova.

8. (a) Liema prova kruċjali tal-​lealtà kellhom jiffaċċjaw it-​tliet Ebrej? (b) X’kien ir-​riżultat tal-​prova, u dan x’juri?

8 Il-​fatt li wrew fedeltà f’dak li forsi kien jidher insinifikanti pprepara lit-​tlett iħbieb taʼ Danjel biex ikampaw maʼ prova ħafna akbar. Fittex kapitlu 3 tal-​ktieb Bibliku taʼ Danjel, u aqra dwar kif it-​tliet Ebrej iffaċċjaw il-​mewt minħabba li rrifjutaw li jqimu l-​istatwa tad-​deheb li waqqaf is-​Sultan Nabukodonosor. Meta ttieħdu quddiem is-​sultan, huma ddikjaraw id-​determinazzjoni tagħhom b’fiduċja: “Jekk inhu tassew hekk, Alla tagħna, li aħna nqimu, jistaʼ jeħlisna minn idejk, O Sultan! U mqar jekk le, kun af, sultan, li allatek m’aħniex se naqduhom, u l-​istatwa tad-​deheb li int waqqaft m’aħniex se nqimuha.” (Danjel 3:​17, 18) Salvahom Ġeħova? Il-​gwardjani li waddbu lill-​irġiel żgħażagħ fin-​nar mietu, imma t-​tliet Ebrej leali ħarġu ħajjin​—lanqas biss inħarqu mis-​sħana tan-​nar! It-​turijiet taʼ lealtà li huma stabbilew għenuhom jippreparaw biex juru fedeltà waqt dik il-​prova kruċjali. Ma jurix dan l-​importanza li nuru fedeltà f’affarijiet żgħar?

Uri Fedeltà Fejn Jidħol l-​“Għana Mhux Ġust”

9. X’inhu l-​kuntest tal-​kliem taʼ Ġesù mniżżel f’Luqa 16:10?

9 Qabel ma stqarr il-​prinċipju li wieħed li juri fedeltà fl-​inqas ħaġa juri fedeltà wkoll fi kwistjonijiet importanti, Ġesù wissa lis-​semmiegħa tiegħu: “Agħmlu għalikom ħbieb permezz taʼ l-​għana mhux ġust, sabiex meta jispiċċa, jilqgħukom fl-​għamajjar taʼ dejjem.” Hu kompla bl-​istqarrija dwar it-​turija taʼ fedeltà fl-​inqas ħaġa. Imbagħad Ġesù qal: “Għalhekk, jekk ma wrejtux fedeltà fl-​għana mhux ġust, min se jafdakom b’dak li hu veru? . . . Ebda qaddej fid-​dar ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-​ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-​ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.”​—Luqa 16:​9-​13.

10. Kif nistgħu nuru l-​fedeltà bil-​mod kif nużaw l-​“għana mhux ġust”?

10 Skond il-​kuntest, l-​applikazzjoni oriġinali tal-​kliem taʼ Ġesù li jinsab f’Luqa 16:10 għandha x’taqsam maʼ l-​użu taʼ l“għana mhux ġust,” ir-​riżorsi jew l-​affarijiet materjali li għandna. Huwa msejjaħ mhux ġust għaliex l-​għana materjali​—partikolarment il-​flus—​qiegħed fil-​kontroll taʼ bnedmin midinbin. Iżjed minn hekk, xewqa biex nakkwistaw l-​għana tistaʼ twassalna għal azzjonijiet mhux ġusti. Aħna nuru fedeltà billi neżerċitaw l-​għerf fil-​mod kif nużaw il-​ġid materjali tagħna. Minflok ma nużawhom għal skopijiet egoistiċi, għandna nużawhom biex navanzaw l-​interessi tas-​Saltna u biex ngħinu lil dawk fil-​bżonn. Billi nuru fedeltà b’dan il-​mod, nagħmlu ħbieb m’Alla Ġeħova u Ġesù Kristu, dawk li jippossiedu l-​“għamajjar taʼ dejjem.” Dawn se jilqgħuna f’dawn il-​postijiet, u se jagħtuna ħajja eterna jew fis-​sema jew f’Ġenna fuq l-​art.

11. Għala m’għandniex inżommu lura milli nispjegaw lill-​inkwilini li naċċettaw kontribuzzjonijiet għax-​xogħol li jsir madwar id-​dinja mix-​Xhieda taʼ Ġeħova?

11 Ikkunsidra wkoll xi nkunu qed nagħmlu meta nħallu Bibbji jew letteratura bbażata fuq il-​Bibbja maʼ dawk li magħhom nipproklamaw il-​messaġġ tas-​Saltna u nispjegawlhom li naċċettaw kontribuzzjonijiet għax-​xogħol li jsir madwar id-​dinja mill-​poplu taʼ Ġeħova. Ma nkunux qed nestendulhom opportunità biex jagħmlu użu għaqli mir-​riżorsi materjali tagħhom? Għalkemm l-​applikazzjoni oriġinali taʼ Luqa 16:10 tikkonċerna l-​użu taʼ riżorsi materjali, il-​prinċipju li hemm japplika wkoll f’oqsma oħra tal-​ħajja.

L-​Onestà Hija Tassew Importanti

12, 13. F’liema oqsma nistgħu nuru l-​onestà?

12 L-​appostlu Pawlu kiteb: “Aħna fiduċjużi li għandna kuxjenza onesta, peress li nixtiequ nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.” (Ebrej 13:18) “F’kollox” żgur jinkludi kull kwistjoni li tinvolvi l-​immaniġġar tal-​finanzi. Aħna nħallsu d-​djun u t-​taxxi tagħna mingħajr dewmien u bl-​onestà. Għala? Nagħmlu dan minħabba l-​kuxjenza tagħna u primarjament minħabba l-​imħabba li għandna għal Alla u biex inkunu ubbidjenti għall-​istruzzjonijiet tiegħu. (Rumani 13:​5, 6) Kif nirreaġixxu meta nsibu xi ħaġa li mhix tagħna? Aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nirritornawha għand sidha. Kemm jirriżulta f’xiehda mill-​aħjar dan meta nispjegaw x’qanqalna biex nirritornaw l-​oġġett taʼ l-​individwu!

13 Biex nuru fedeltà u onestà f’kollox jirrikjedi li nkunu onesti fuq il-​post tax-​xogħol tagħna. Onestà fid-​drawwiet tax-​xogħol tagħna tiġbed l-​attenzjoni lejn it-​tip t’Alla li aħna nirrappreżentaw. Aħna ma “nisirqux” ħin billi nkunu għażżenin. Minflok, aħna naħdmu iebes, bħallikieku għal Ġeħova. (Efesin 4:​28; Kolossin 3:​23) Huwa stmat li f’pajjiż Ewropew wieħed, terz mill-​impjegati li jistaqsu għal ittra mingħand tabib biex jawtorizza s-​sick leave jagħmlu dan b’qerq. Qaddejja veri taʼ Ġeħova ma jivvintawx skużi biex jevitaw li jmorru għax-​xogħol. Kultant, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jingħataw promozzjoni għaliex dawk li jħaddmuhom josservaw l-​onestà u x-​xogħol iebes tagħhom.​—Proverbji 10:4.

Fedeltà fil-​Ministeru Kristjan Tagħna

14, 15. Liema huma xi modi li bihom nistgħu nagħtu prova li nuru fedeltà fil-​ministeru Kristjan?

14 Kif nuru fedeltà fil-​ministeru li hu fdat lilna? Il-​Bibbja tgħid: “Ħa noffru dejjem sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-​frott tax-​xofftejn li jistqarru ismu pubblikament.” (Ebrej 13:15) L-​iktar mod li nuru fedeltà fil-​ministeru taʼ l-​għalqa hu billi nipparteċipaw fih regolarment. M’għandniex inħallu li jgħaddi xahar mingħajr ma nagħtu xiehda dwar Ġeħova u l-​iskop tiegħu! Sehem regulari fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar jgħinna wkoll biex intejbu l-​abbiltajiet u l-​effettività tagħna.

15 Mod ieħor mill-​aħjar biex nuru fedeltà fis-​servizz taʼ l-​għalqa hu li napplikaw is-​suġġerimenti li hemm fit-​Torri taʼ l-​Għassa u l-​Ministeru tas-​Saltna. Meta nippreparaw u nużaw il-​preżentazzjonijiet suġġeriti jew oħrajn li huma realistiċi, ma ninnotawx li l-​ministeru tagħna hu iktar produttiv? Meta niltaqgħu maʼ xi ħadd li juri interess fil-​messaġġ tas-​Saltna, nikkultivaw malajr l-​interess? U xi ngħidu dwar studji tal-​Bibbja fid-​djar li nistgħu nibdew maʼ wħud interessati? Nuru li aħna taʼ min jafdana u nuru fedeltà f’li nieħdu ħsiebhom? Il-​fatt li nagħtu prova li aħna leali fil-​ministeru jistaʼ jwassal lilna u lil dawk li jisimgħuna għall-​ħajja.​—1 Timotju 4:​15, 16.

Nibqgħu Separati mid-​Dinja

16, 17. B’liema modi nistgħu nuru li aħna separati mid-​dinja?

16 F’talba lil Alla, Ġesù qal dwar is-​segwaċi tiegħu: “Tajthom kelmtek, imma d-​dinja bagħdithom, għax m’humiex parti mid-​dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-​dinja. Ma nitolbokx biex toħroġhom mid-​dinja, imma biex tħarishom minħabba l-​Ħażin. M’humiex parti mid-​dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-​dinja.” (Ġwanni 17:​14-​16) Aħna nistgħu nkunu sodi u determinati biex nibqgħu separati mid-​dinja fi kwistjonijiet kbar, bħan-​newtralità, il-​festi reliġjużi, id-​drawwiet, u l-​immoralità. Però, xi ngħidu dwar affarijiet iżgħar? Jistaʼ jkun li anki mingħajr ma nindunaw, qed niġu influwenzati mill-​modi tad-​dinja? Per eżempju, jekk ma noqogħdux attenti, kemm hu faċli li l-​mod kif nilbsu jsir bla dinjità u mhux xieraq! Li nuru fedeltà jinkludi li nkunu ‘modesti u moħħna f’loku’ fil-​kwistjoni taʼ l-​ilbies u d-​dehra. (1 Timotju 2:​9, 10) Iva, “bl-​ebda mod m’aħna noħolqu xi raġuni għal tfixkil, biex ħadd ma jsib xi jgħid fil-​ministeru tagħna; imma b’kull mod nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla.”​—2 Korintin 6:​3, 4.

17 Minħabba x-​xewqa li għandna biex nonoraw lil Ġeħova, aħna nilbsu b’mod dinjituż għal-​laqgħat Kristjani tagħna. L-​istess huwa minnu meta niltaqgħu fi gruppi kbar fl-​assembleat u l-​konvenzjonijiet tagħna. L-​ilbies tagħna għandu jkun prattiku u preżentabbli. Dan iservi bħala xiehda għal dawk li josservawna. Anki l-​anġli jinnotaw l-​attività tagħna, bħalma nnotaw l-​attività taʼ Pawlu u taʼ sħabu l-​Kristjani. (1 Korintin 4:9) Fil-​fatt, dejjem għandna nilbsu pulit. Għal xi wħud, il-​fatt li nuru fedeltà fl-​għażla tagħna taʼ ħwejjeġ jistaʼ jidher li hi kwistjoni żgħira, imma f’għajnejn Alla hija importanti.

Barkiet li Jiġu Meta Nuru Fedeltà

18, 19. Liema barkiet jiġu meta nuru lealtà?

18 Il-​Kristjani veri huma deskritti bħala “prokuraturi mill-​aħjar tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla espressa b’diversi modi.” Għalhekk, huma ‘jiddependu mis-​saħħa li jagħti Alla.’ (1 Pietru 4:​10, 11) Iżjed minn hekk, bħala prokuraturi, aħna fdati b’dak li mhux tagħna personalment​—espressjonijiet tal-​qalb tajba mhux mistħoqqa t’Alla, inkluż il-​ministeru. Biex nuru li aħna prokuraturi mill-​aħjar, aħna nistrieħu fuq is-​saħħa li jagħtina Alla, “il-​qawwa iktar min-​normal.” (2 Korintin 4:7) X’taħriġ mill-​aħjar biex jgħinna niffaċċjaw kwalunkwe prova li nistgħu niltaqgħu magħha fil-​futur!

19 Is-​salmista kanta: “Ħobbu l-​Mulej, ħbieb tiegħu kollha. Lit-​twajbin [“lil leali,” NW] iħarishom il-​Mulej.” (Salm 31:24 [31:​23, NW]) Jalla nkunu determinati li nagħtu prova li aħna leali, fiduċjużi li Ġeħova hu “s-​Salvatur taʼ kull xorta taʼ bnedmin, speċjalment taʼ wħud leali.”​—1 Timotju 4:​10.

Tiftakar Int?

• Għala għandna nuru “fedeltà fl-​inqas ħaġa”?

• Kif nistgħu nuru l-​fedeltà

b’konnessjoni maʼ l-​onestà?

fil-​ministeru?

f’li nibqgħu separati mid-​dinja?

[Stampi f’paġna 26]

Min juri fedeltà fl-​inqas ħaġa, juri fedeltà wkoll fil-​ħafna

[Stampa f’paġna 29]

‘F’kollox ġib ruħek bl-​onestà’

[Stampa f’paġna 29]

Mod mill-​aħajr biex nuru fedeltà hu li nippreparaw tajjeb għall-​ministeru taʼ l-​għalqa

[Stampa f’paġna 30]

Kun modest fl-​ilbies u d-​dehra

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja