LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 5/15 pp. 27-29
  • Tazjanu—Apoloġista jew Eretiku?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tazjanu—Apoloġista jew Eretiku?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • F’Kuntatt maʼ “Ċerti Kitbiet Barbari”
  • X’Juru l-​Kitbiet Tiegħu?
  • Kristjan jew Eretiku?
  • Tagħlima li Rridu Nitgħallmu
  • Ħarsa Lejn it-Teżori taʼ Chester Beatty
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Manuskritti tal-Bibbja bis-Sirjak—Mod kif issir taf iktar dwar l-istorja ta’ traduzzjonijiet tal-Bibbja fil-qedem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Evanġelji Apokrifi—Fihom Veritajiet Moħbijin Dwar Ġesù?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Il-Filosofija Griega—Għamlitha Iktar Rikka lill-Kristjanità?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 5/15 pp. 27-29

Tazjanu​—Apoloġista jew Eretiku?

LEJN tmiem it-​tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, l-​appostlu Pawlu laqqaʼ lill-​irġiel ixjeħ tal-​kongregazzjoni t’Efesu. Hu qalilhom: “Jiena naf li, wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-​merħla ma jaħfruhilhiex. U minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-​sewwa, bil-​ħsieb li jdawwru d-​dixxipli għal warajhom.”​—Atti 20:​29, 30.

Preċiż bħalma kien qal Pawlu, it-​tieni seklu E.K. kien żmien taʼ bidla li fih feġġet ukoll l-​apostasija mbassra. L-​Injostiċiżmu, moviment popolari reliġjuż u filosofiku li niġġes it-​twemmin taʼ xi wħud, kien qed jinfirex dejjem iktar. L-​Injostiċi kienu jemmnu li l-​affarijiet spiritwali huma tajbin u l-​affarijiet materjali u fiżiċi huma kollha ħżiena. Peress li rraġunaw li l-​bnedmin kollha huma ħżiena, huma ċaħdu ż-​żwieġ u t-​tnissil, billi sostnew li dawn oriġinaw minn Satana. Xi wħud minnhom kienu jemmnu li ladarba dak biss li jappartjeni lill-​ispirtu huwa tajjeb, m’huwiex importanti x’jagħmel bniedem bil-​ġisem fiżiku tiegħu. Opinjonijiet bħal dawn wasslu biex in-​nies imorru fl-​estrem, jew ċaħda kompleta jew imġiba bla rażan. L-​istqarrija taʼ l-​Injostiċi li s-​salvazzjoni tistaʼ tiġi biss permezz taʼ l-​Injostiċiżmu mistiku, jew l-​għarfien dwarna nfusna, eskludiet għalkollox il-​verità tal-​Kelma t’Alla.

Dawk l-​hekk imsejħa Kristjani kif wieġbu għat-​theddida taʼ l-​Injostiċiżmu? Xi studjużi pprotestaw kontra d-​duttrina falza tiegħu, filwaqt li oħrajn ċedew u ħallewh jinfluwenzahom. Per eżempju, Irenew beda kampanja li baqgħet sejra tul ħajtu kollha kontra t-​tagħlim eretiku. Hu kien ġie mgħallem minn Polikarpu, bniedem li kien jgħix fi żmien l-​appostli. Polikarpu ssuġġerixxa li n-​nies għandhom iżommu sod mat-​tagħlim taʼ Ġesù Kristu u l-​appostli. Madankollu, minkejja li Irenew u l-​ħabib tiegħu Florinu studjaw maʼ l-​istess għalliem, Florinu bil-​mod il-​mod wasal biex aċċetta t-​tagħlim taʼ Valentinu, l-​iktar mexxej prominenti tal-​moviment taʼ l-​Injostiċi. Dak kien tassew żmien taʼ taqlib.

Il-kitbiet taʼ Tazjanu, kittieb magħruf tat-​tieni seklu, jitfgħu dawl fuq kif kienet l-​atmosfera reliġjuża f’dak il-​perijodu. Tazjanu x’tip taʼ bniedem kien? Kif sar wieħed li jgħid li hu Kristjan? U Tazjanu kif kampa maʼ l-​influwenza taʼ l-​ereżija taʼ l-​Injostiċi? It-​tweġibiet interessanti u l-​eżempju tiegħu jipprovdu lezzjonijiet prezzjużi għal dawk li qed ifittxu l-​verità llum.

F’Kuntatt maʼ “Ċerti Kitbiet Barbari”

Tazjanu twieled is-​Sirja. Il-​fatt li vvjaġġa ħafna u qara ħafna kotba għenu jikseb fehma dwar il-​kultura Griega-Rumana taʼ żmienu. Tazjanu wasal Ruma bħala wieħed li jivvjaġġa minn post għal ieħor jagħti t-​taħditiet. Iżda, waqt li kien Ruma tefaʼ l-​attenzjoni tiegħu fuq il-​Kristjanità. Beda jagħmilha maʼ Ġustinu Martri, forsi anki sar student tiegħu.

F’rakkont li kixef ħafna dwar il-​konverżjoni tiegħu għall-​hekk imsejħa Kristjanità, Tazjanu jgħid: “Jien fittixt kif jistaʼ jirnexxili niskopri l-​verità.” Fil-​kummenti tiegħu dwar l-​esperjenza persunali meta ġietu l-​opportunità biex jaqra l-​Iskrittura, hu qal: “Ġejt f’kuntatt maʼ ċerti kitbiet barbari, li kienu antiki wisq biex tqabbilhom maʼ l-​opinjonijiet tal-​Griegi, u superjuri wisq biex tqabbilhom maʼ l-​iżbalji tagħhom. Dawk l-​affarijiet li pperswadewni biex inpoġġi fidi f’dawn il-​kitbiet kienu l-​espressjonijiet sempliċi fil-​lingwaġġ, il-​karattru mhux artifiċjali tal-​kittieba, l-​għarfien bil-​quddiem li ntwera dwar il-​ġrajjiet futuri, il-​kwalità eċċellenti tal-​preċetti, u d-​dikjarazzjoni tal-​gvern taʼ l-​univers kif inhu ċċentrat f’Esseri wieħed.”

Tazjanu ma żammx lura milli jistieden lill-​kontemporanji tiegħu biex jeżaminaw il-​Kristjanità taʼ żmienu u biex josservaw is-​sempliċità u ċ-​ċarezza tagħha f’kuntrast mal-​konfużjoni sħiħa tal-​paganiżmu. X’nistgħu nitgħallmu mill-​kitbiet tiegħu?

X’Juru l-​Kitbiet Tiegħu?

Mill-​kitbiet taʼ Tazjanu jidher li hu kien apoloġista, kittieb li dejjem lest jiddefendi t-​twemmin tiegħu. L-​attitudni li wera kontra l-​filosofija pagana kienet ħarxa u aggressiva. Fil-​ktieb tiegħu Address to the Greeks, Tazjanu jenfasizza kemm il-​paganiżmu kien bla valur u kemm l-​hekk imsejħa Kristjanità kienet raġunevoli. Hu juża kritika ħarxa ħafna hekk kif jesprimi d-​disprezz li kien iħoss għall-​mod kif jaġixxu l-​Griegi. Per eżempju, f’referenza li għamel għall-​filosfu Eraklitu, hu jistqarr: “Il-​mewt, mill-​banda l-​oħra, uriet kemm kien stupidu dan il-​bniedem; għax meta qabditu l-​marda taʼ l-​idropsija, peress li kien studja l-​arti tal-​mediċina kif ukoll il-​filosofija, hu nkesa bid-​demel tal-​baqar, li, hekk kif beda jibbies, il-​laħam taʼ ġismu kollu beda jinxtorob, sakemm tqattaʼ biċċiet, u b’hekk miet.”

Tazjanu kellu stima kbira lejn it-​twemmin f’Alla wieħed, il-​Ħallieq taʼ kollox. (Lhud 3:4) Fil-​ktieb Address to the Greeks, hu jirreferi għal Alla bħala “Spirtu” u jgħid: “Hu biss hu bla bidu, u Hu Nnifsu hu l-​bidu taʼ kull ħaġa.” (Ġwann 4:​24; 1 Timotju 1:​17) Tazjanu rrifjuta l-​użu tax-​xbihat fil-​qima, u għalhekk kiteb: “Kif nistaʼ nitkellem dwar l-​injam u l-​ġebel bħala allat?” (1 Korintin 10:14) Hu kien jemmen li l-​Verb, jew il-​Logos, beda jeżisti bħala l-​ewwel imwieled tax-​xogħlijiet taʼ Missieru tas-​sema u minn dakinhar ’il quddiem intuża fil-​ħolqien taʼ l-​univers materjali. (Ġwann 1:​1-3; Kolossin 1:​13-17) Dwar l-​irxoxt fiż-​żmien stabbilit, Tazjanu jistqarr: “Aħna nemmnu li se jkun hemm irxoxt taʼ iġsma wara t-​tmiem taʼ l-​affarijiet kollha.” Dwar il-​mistoqsija għala mmutu, Tazjanu jikteb: “Aħna ma ġejniex maħluqin biex immutu, imma qed immutu tort tagħna stess. Il-​libertà taʼ l-​għażla kienet il-​qerda tagħna; aħna li konna ħelsin sirna lsiera; ġejna mibjugħin minħabba d-​dnub.”

L-ispjegazzjoni li jagħti Tazjanu dwar ir-​ruħ tħawdek daqsxejn. Hu jgħid: “Ir-​ruħ m’hijiex fiha nfisha immortali, O Griegi, imma mortali. Iżda hu possibbli li din ma tmutx. Jekk, tabilħaqq, din ma tkunx taf il-​verità, tmut, u tispiċċa fix-​xejn mal-​ġisem, imma terġaʼ tqum fl-​aħħar, fi tmiem id-​dinja mal-​ġisem, u tirċievi l-​mewt għax tingħata kastig għal dejjem.” M’huwiex ċar eżattament x’ried ifisser Tazjanu b’dawn l-​istqarrijiet. Jistaʼ jkun li, filwaqt li żamm maʼ ċertu tagħlim Bibliku, hu pprova wkoll jogħġob lill-​kontemporanji tiegħu u għalhekk ħallat il-​veritajiet Skritturali maʼ filosofiji pagani?

Ktieb ieħor notevoli taʼ Tazjanu hu dDiatessaron, jew L-​Armonija taʼ l-​Erbaʼ Evanġelji. Tazjanu kien l-​ewwel wieħed li ta l-​Evanġelji bil-​lingwa tagħhom stess lill-​kongregazzjonijiet fis-​Sirja. Dan kien verament kapulavur li jgħaqqad l-​erbaʼ Evanġelji f’rakkont wieħed. Dan ġie użat mill-​knisja Sirjana.

Kristjan jew Eretiku?

Eżami bir-​reqqa tal-​kitbiet taʼ Tazjanu juri li hu kien familjari maʼ l-​Iskrittura u li kellu rispett kbir lejha. Dwar kif din influwenzatlu ħajtu hu jikteb: “Jien m’iniex ansjuż li nsir sinjur; nirrifjuta l-​awtorità militari; nistmerr iż-​żína; ix-​xewqa li nistagħna ma ġġagħalnix inbaħħar; . . . Jien m’iniex iffissat li nsir famuż . . . Ix-​xemx fuq kulħadd titlaʼ, u l-​mewt tiġi fuq kulħadd, sew jekk ħajjitna paxxuta u sew jekk batuta.” Tazjanu jwissi: “Mutu għad-​dinja, stmerru l-​ġenn li fiha. Għixu għal Alla, u waqt li tibdew tifhmu Lilu warrbu n-​natura qadima tagħkom.”—Mattew 5:​45; 1 Korintin 6:​18; 1 Timotju 6:​10.

Imma, ikkunsidra waħda mill-​kitbiet taʼ Tazjanu li ġġib it-​titlu, On Perfection According to the Doctrine of the Savior. Fiha hu jgħid li ż-​żwieġ ġej mix-​Xitan. Tazjanu jsostni li permezz taż-​żwieġ in-​nies ikunu qed ijassru ġisimhom għad-​dinja li tispiċċa, u b’hekk hu jikkundannah totalment.

Milli jidher, madwar is-​sena 166 E.K., wara l-​mewt taʼ Ġustinu Martri, Tazjanu jew stabbilixxa jew assoċja maʼ setta stretta msejħa l-​Enkratin. Dawk assoċjati maʼ din is-​setta enfasizzaw rażna stretta u kontroll fuq ġisimhom. Kienu jipprattikaw rażna stretta li kienet tirrikjedi li jiċċaħħdu mill-​inbid, miż-​żwieġ, u mill-​ġid materjali.

Tagħlima li Rridu Nitgħallmu

Tazjanu kif żvija daqshekk mill-​Iskrittura? Sar hu “wieħed li jismaʼ biss u jinsa”? (Ġakbu 1:​23-25) Beda Tazjanu jagħti kas tal-​ħwejjeġ fiergħa, u b’hekk waqaʼ vittma tal-​filosofija tal-​bniedem? (Kolossin 2:8; 1 Timotju 4:7) Ladarba l-​iżbalji li hu appoġġa kienu tant kbar, jistaʼ jkun li kien telaq xi ftit minn moħħu?

Kien x’kien il-​każ, il-​kitbiet u l-​eżempju taʼ Tazjanu jipprovdu dehen dwar l-​atmosfera reliġjuża li kienet teżisti fi żmienu. Dawn juru kemm issir ħsara meta wieħed jiġi influwenzat mill-​filosofiji tad-​dinja. Jalla ndaħħlu f’qalbna t-​twissija taʼ l-​appostlu Pawlu biex naħarbu “l-​kliem profan u fieragħ u l-​kontradizzjonijiet taʼ l-​għerf falz.”—1 Timotju 6:​20.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja