Tazjanu—Apoloġista jew Eretiku?
LEJN tmiem it-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, l-appostlu Pawlu laqqaʼ lill-irġiel ixjeħ tal-kongregazzjoni t’Efesu. Hu qalilhom: “Jiena naf li, wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-merħla ma jaħfruhilhiex. U minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-sewwa, bil-ħsieb li jdawwru d-dixxipli għal warajhom.”—Atti 20:29, 30.
Preċiż bħalma kien qal Pawlu, it-tieni seklu E.K. kien żmien taʼ bidla li fih feġġet ukoll l-apostasija mbassra. L-Injostiċiżmu, moviment popolari reliġjuż u filosofiku li niġġes it-twemmin taʼ xi wħud, kien qed jinfirex dejjem iktar. L-Injostiċi kienu jemmnu li l-affarijiet spiritwali huma tajbin u l-affarijiet materjali u fiżiċi huma kollha ħżiena. Peress li rraġunaw li l-bnedmin kollha huma ħżiena, huma ċaħdu ż-żwieġ u t-tnissil, billi sostnew li dawn oriġinaw minn Satana. Xi wħud minnhom kienu jemmnu li ladarba dak biss li jappartjeni lill-ispirtu huwa tajjeb, m’huwiex importanti x’jagħmel bniedem bil-ġisem fiżiku tiegħu. Opinjonijiet bħal dawn wasslu biex in-nies imorru fl-estrem, jew ċaħda kompleta jew imġiba bla rażan. L-istqarrija taʼ l-Injostiċi li s-salvazzjoni tistaʼ tiġi biss permezz taʼ l-Injostiċiżmu mistiku, jew l-għarfien dwarna nfusna, eskludiet għalkollox il-verità tal-Kelma t’Alla.
Dawk l-hekk imsejħa Kristjani kif wieġbu għat-theddida taʼ l-Injostiċiżmu? Xi studjużi pprotestaw kontra d-duttrina falza tiegħu, filwaqt li oħrajn ċedew u ħallewh jinfluwenzahom. Per eżempju, Irenew beda kampanja li baqgħet sejra tul ħajtu kollha kontra t-tagħlim eretiku. Hu kien ġie mgħallem minn Polikarpu, bniedem li kien jgħix fi żmien l-appostli. Polikarpu ssuġġerixxa li n-nies għandhom iżommu sod mat-tagħlim taʼ Ġesù Kristu u l-appostli. Madankollu, minkejja li Irenew u l-ħabib tiegħu Florinu studjaw maʼ l-istess għalliem, Florinu bil-mod il-mod wasal biex aċċetta t-tagħlim taʼ Valentinu, l-iktar mexxej prominenti tal-moviment taʼ l-Injostiċi. Dak kien tassew żmien taʼ taqlib.
Il-kitbiet taʼ Tazjanu, kittieb magħruf tat-tieni seklu, jitfgħu dawl fuq kif kienet l-atmosfera reliġjuża f’dak il-perijodu. Tazjanu x’tip taʼ bniedem kien? Kif sar wieħed li jgħid li hu Kristjan? U Tazjanu kif kampa maʼ l-influwenza taʼ l-ereżija taʼ l-Injostiċi? It-tweġibiet interessanti u l-eżempju tiegħu jipprovdu lezzjonijiet prezzjużi għal dawk li qed ifittxu l-verità llum.
F’Kuntatt maʼ “Ċerti Kitbiet Barbari”
Tazjanu twieled is-Sirja. Il-fatt li vvjaġġa ħafna u qara ħafna kotba għenu jikseb fehma dwar il-kultura Griega-Rumana taʼ żmienu. Tazjanu wasal Ruma bħala wieħed li jivvjaġġa minn post għal ieħor jagħti t-taħditiet. Iżda, waqt li kien Ruma tefaʼ l-attenzjoni tiegħu fuq il-Kristjanità. Beda jagħmilha maʼ Ġustinu Martri, forsi anki sar student tiegħu.
F’rakkont li kixef ħafna dwar il-konverżjoni tiegħu għall-hekk imsejħa Kristjanità, Tazjanu jgħid: “Jien fittixt kif jistaʼ jirnexxili niskopri l-verità.” Fil-kummenti tiegħu dwar l-esperjenza persunali meta ġietu l-opportunità biex jaqra l-Iskrittura, hu qal: “Ġejt f’kuntatt maʼ ċerti kitbiet barbari, li kienu antiki wisq biex tqabbilhom maʼ l-opinjonijiet tal-Griegi, u superjuri wisq biex tqabbilhom maʼ l-iżbalji tagħhom. Dawk l-affarijiet li pperswadewni biex inpoġġi fidi f’dawn il-kitbiet kienu l-espressjonijiet sempliċi fil-lingwaġġ, il-karattru mhux artifiċjali tal-kittieba, l-għarfien bil-quddiem li ntwera dwar il-ġrajjiet futuri, il-kwalità eċċellenti tal-preċetti, u d-dikjarazzjoni tal-gvern taʼ l-univers kif inhu ċċentrat f’Esseri wieħed.”
Tazjanu ma żammx lura milli jistieden lill-kontemporanji tiegħu biex jeżaminaw il-Kristjanità taʼ żmienu u biex josservaw is-sempliċità u ċ-ċarezza tagħha f’kuntrast mal-konfużjoni sħiħa tal-paganiżmu. X’nistgħu nitgħallmu mill-kitbiet tiegħu?
X’Juru l-Kitbiet Tiegħu?
Mill-kitbiet taʼ Tazjanu jidher li hu kien apoloġista, kittieb li dejjem lest jiddefendi t-twemmin tiegħu. L-attitudni li wera kontra l-filosofija pagana kienet ħarxa u aggressiva. Fil-ktieb tiegħu Address to the Greeks, Tazjanu jenfasizza kemm il-paganiżmu kien bla valur u kemm l-hekk imsejħa Kristjanità kienet raġunevoli. Hu juża kritika ħarxa ħafna hekk kif jesprimi d-disprezz li kien iħoss għall-mod kif jaġixxu l-Griegi. Per eżempju, f’referenza li għamel għall-filosfu Eraklitu, hu jistqarr: “Il-mewt, mill-banda l-oħra, uriet kemm kien stupidu dan il-bniedem; għax meta qabditu l-marda taʼ l-idropsija, peress li kien studja l-arti tal-mediċina kif ukoll il-filosofija, hu nkesa bid-demel tal-baqar, li, hekk kif beda jibbies, il-laħam taʼ ġismu kollu beda jinxtorob, sakemm tqattaʼ biċċiet, u b’hekk miet.”
Tazjanu kellu stima kbira lejn it-twemmin f’Alla wieħed, il-Ħallieq taʼ kollox. (Lhud 3:4) Fil-ktieb Address to the Greeks, hu jirreferi għal Alla bħala “Spirtu” u jgħid: “Hu biss hu bla bidu, u Hu Nnifsu hu l-bidu taʼ kull ħaġa.” (Ġwann 4:24; 1 Timotju 1:17) Tazjanu rrifjuta l-użu tax-xbihat fil-qima, u għalhekk kiteb: “Kif nistaʼ nitkellem dwar l-injam u l-ġebel bħala allat?” (1 Korintin 10:14) Hu kien jemmen li l-Verb, jew il-Logos, beda jeżisti bħala l-ewwel imwieled tax-xogħlijiet taʼ Missieru tas-sema u minn dakinhar ’il quddiem intuża fil-ħolqien taʼ l-univers materjali. (Ġwann 1:1-3; Kolossin 1:13-17) Dwar l-irxoxt fiż-żmien stabbilit, Tazjanu jistqarr: “Aħna nemmnu li se jkun hemm irxoxt taʼ iġsma wara t-tmiem taʼ l-affarijiet kollha.” Dwar il-mistoqsija għala mmutu, Tazjanu jikteb: “Aħna ma ġejniex maħluqin biex immutu, imma qed immutu tort tagħna stess. Il-libertà taʼ l-għażla kienet il-qerda tagħna; aħna li konna ħelsin sirna lsiera; ġejna mibjugħin minħabba d-dnub.”
L-ispjegazzjoni li jagħti Tazjanu dwar ir-ruħ tħawdek daqsxejn. Hu jgħid: “Ir-ruħ m’hijiex fiha nfisha immortali, O Griegi, imma mortali. Iżda hu possibbli li din ma tmutx. Jekk, tabilħaqq, din ma tkunx taf il-verità, tmut, u tispiċċa fix-xejn mal-ġisem, imma terġaʼ tqum fl-aħħar, fi tmiem id-dinja mal-ġisem, u tirċievi l-mewt għax tingħata kastig għal dejjem.” M’huwiex ċar eżattament x’ried ifisser Tazjanu b’dawn l-istqarrijiet. Jistaʼ jkun li, filwaqt li żamm maʼ ċertu tagħlim Bibliku, hu pprova wkoll jogħġob lill-kontemporanji tiegħu u għalhekk ħallat il-veritajiet Skritturali maʼ filosofiji pagani?
Ktieb ieħor notevoli taʼ Tazjanu hu dDiatessaron, jew L-Armonija taʼ l-Erbaʼ Evanġelji. Tazjanu kien l-ewwel wieħed li ta l-Evanġelji bil-lingwa tagħhom stess lill-kongregazzjonijiet fis-Sirja. Dan kien verament kapulavur li jgħaqqad l-erbaʼ Evanġelji f’rakkont wieħed. Dan ġie użat mill-knisja Sirjana.
Kristjan jew Eretiku?
Eżami bir-reqqa tal-kitbiet taʼ Tazjanu juri li hu kien familjari maʼ l-Iskrittura u li kellu rispett kbir lejha. Dwar kif din influwenzatlu ħajtu hu jikteb: “Jien m’iniex ansjuż li nsir sinjur; nirrifjuta l-awtorità militari; nistmerr iż-żína; ix-xewqa li nistagħna ma ġġagħalnix inbaħħar; . . . Jien m’iniex iffissat li nsir famuż . . . Ix-xemx fuq kulħadd titlaʼ, u l-mewt tiġi fuq kulħadd, sew jekk ħajjitna paxxuta u sew jekk batuta.” Tazjanu jwissi: “Mutu għad-dinja, stmerru l-ġenn li fiha. Għixu għal Alla, u waqt li tibdew tifhmu Lilu warrbu n-natura qadima tagħkom.”—Mattew 5:45; 1 Korintin 6:18; 1 Timotju 6:10.
Imma, ikkunsidra waħda mill-kitbiet taʼ Tazjanu li ġġib it-titlu, On Perfection According to the Doctrine of the Savior. Fiha hu jgħid li ż-żwieġ ġej mix-Xitan. Tazjanu jsostni li permezz taż-żwieġ in-nies ikunu qed ijassru ġisimhom għad-dinja li tispiċċa, u b’hekk hu jikkundannah totalment.
Milli jidher, madwar is-sena 166 E.K., wara l-mewt taʼ Ġustinu Martri, Tazjanu jew stabbilixxa jew assoċja maʼ setta stretta msejħa l-Enkratin. Dawk assoċjati maʼ din is-setta enfasizzaw rażna stretta u kontroll fuq ġisimhom. Kienu jipprattikaw rażna stretta li kienet tirrikjedi li jiċċaħħdu mill-inbid, miż-żwieġ, u mill-ġid materjali.
Tagħlima li Rridu Nitgħallmu
Tazjanu kif żvija daqshekk mill-Iskrittura? Sar hu “wieħed li jismaʼ biss u jinsa”? (Ġakbu 1:23-25) Beda Tazjanu jagħti kas tal-ħwejjeġ fiergħa, u b’hekk waqaʼ vittma tal-filosofija tal-bniedem? (Kolossin 2:8; 1 Timotju 4:7) Ladarba l-iżbalji li hu appoġġa kienu tant kbar, jistaʼ jkun li kien telaq xi ftit minn moħħu?
Kien x’kien il-każ, il-kitbiet u l-eżempju taʼ Tazjanu jipprovdu dehen dwar l-atmosfera reliġjuża li kienet teżisti fi żmienu. Dawn juru kemm issir ħsara meta wieħed jiġi influwenzat mill-filosofiji tad-dinja. Jalla ndaħħlu f’qalbna t-twissija taʼ l-appostlu Pawlu biex naħarbu “l-kliem profan u fieragħ u l-kontradizzjonijiet taʼ l-għerf falz.”—1 Timotju 6:20.