Kif Nistgħu Aħna Nwieġbu Bla Egoiżmu Għall-Imħabba t’Alla?
“Jekk dan hu kif Alla ħabbna, mela aħna nfusna qegħdin taħt obbligu li nħobbu lil xulxin.”−1 ĠWANN 4:11.
1, 2. X’inhu meħtieġ minna biex inwieġbu bla egoiżmu għal wirjiet tal-imħabba t’Alla?
JEHOVAH hu l-istess personifikazzjoni tal-imħabba. Tabilħaqq, fl-artiklu taʼ qabel, rajna kemm fil-fatt huma kotrana l-manifestazzjonijiet tal-imħabba tiegħu. Innotajna wkoll kif Mosè, David, u Ġesù Kristu wieġbu bla egoiżmu għal dawk il-wirjiet taʼ mħabba. M’għandux kull wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah ikun irid jagħmel l-istess? Ċertament!
2 X’inhu meħtieġ jekk irridu nwieġbu bla egoiżmu għal espressjonijiet tal-imħabba t’Alla? Biex nibdew, aħna rridu nagħtuh l-ewwel post fil-ħajjiet tagħna, billi nħobbuh b’qalbna, ruħna, moħħna, u saħħitna kollha. (Mark 12:29, 30) Dak ifisser li nkunu ħaġa waħda m’Alla, li jkollna relazzjoni persunali intima maʼ Jehovah. Nixtiequ aħna li nitkellmu maʼ Missierna tas-sema fit-talb? Qegħdin nitolbu bla ma nieqfu u nipperseveraw fit-talb? Jew qed ingħaġġlu fit-talb, billi xi drabi saħansitra nkunu mħabbtin wisq biex nitolbu? (Rumani 12:12; 1 Tessalonkin 5:17) Nidderieġu aħna l-attenzjoni lejn Jehovah, billi nagħtu lilu u lill-organizzazzjoni tiegħu l-kredtu taʼ dak li forsi nkunu wettaqna? (1 Korintin 3:7; 4:7) Tabilħaqq, inħossuna kif ħassu s-salmista? Rigward Alla, hu qal: “Sebaʼ darbiet fil-jum jien faħħartek.”—Salm 119:164.
3. Meta niltaqgħu flimkien soċjalment, kif nistgħu nuru li qed inwieġbu bla egoiżmu għall-imħabba t’Alla?
3 Jekk aħniex inwieġbu bla egoiżmu għall-imħabba t’Alla jew le jistaʼ jidher meta niġu flimkien biex nassoċjaw soċjalment. Il-konverżazzjoni tagħna dak il-ħin fuqiex taqaʼ, fuq affarijiet sekulari jew affarijiet spiritwali? Ma jfissirx li għandna nagħmlu studju serju tal-Bibbja kull darba li niltaqgħu maʼ Kristjani sħabna. Imma ċertament li nistgħu nsibu xi affarijiet interessanti taʼ natura spiritwali biex ninkludu fil-konverżazzjoni tagħna. Xi ngħidu dwar rakkontar taʼ esperjenzi, xi diskussjoni dwar it-test Bibliku favorit tagħna, li ngħidu kif tgħallimna l-verità, jew insemmu xi evidenzi tal-ħarsien taʼ mħabba u tal-barka t’Alla?
4. Kif għandna nħarsu lejn l-affarijiet jekk aħna ddiżappuntati rigward xi privileġġ taʼ servizz?
4 Ċirkustanza oħra li tistaʼ turi l-livell tal-apprezzament tagħna lejn l-imħabba t’Alla hi meta ninqabżu rigward xi privileġġ taʼ servizz fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Kif nirreaġixxu? Jekk aħna kkonċernati prinċipalment f’li nonoraw lil Jehovah, aħna se naqblu li wisq probabbli Alla se jiġi onorat bl-istess mod tajjeb b’min għandu l-privileġġ taʼ servizz partikulari. (Qabbel Luqa 9:48.) Imma jekk aħna kkonċernati żżejjed dwar il-vantaġġ jew l-isem tagħna stess, se jiddispjaċina li ġejna maqbużin, kif forsi naħsbu li ġejna. Għandna niftakru li Jehovah iħobbna u jistaʼ saħansitra jaf li fil-preżent ma nistgħux inġorru l-piż taʼ xi ċerta responsabbiltà teokratika. Hu forsi qed iberikna b’mod għani f’modi oħra, u dawn il-manifestazzjonijiet taʼ mħabbtu għandhom igħinuna nżommu l-bilanċ spiritwali tagħna.—Proverbji 10:22.
Inħobbu t-Tjieba, Nobogħdu l-Ksur tal-Liġi
5. Manifestazzjonijiet tal-imħabba t’Alla għandhom ikollhom liema effett fuq il-kondotta tagħna?
5 Manifestazzjonijiet tal-imħabba t’Alla lejna għandhom iqanqluna biex nimitaw lil Kristu f’li nħobbu t-tjieba u nobogħdu l-ksur tal-liġi. (Ebrej 1:9) Veru, ma nistgħux nagħmlu dan b’mod perfett, bħalma għamel Ġesù. Madankollu, nistgħu nagħmluha l-mira tagħna li nkunu qaddisin, onesti, u nimxu mal-liġi sal-punt li hu possibbli fil-kundizzjoni imperfetta tagħna. Biex nagħmlu dan, mhux biss irridu niżżviluppaw imħabba lejn affarijiet retti u tajbin imma wkoll nikkultivaw mibgħeda, stmerrija, diżġustar, lejn dak li hu mill-agħar. Kif esprimieha l-appostlu Pawlu: “Abborrixxu dak li hu mill-agħar, iggranfaw maʼ dak li hu tajjeb.” (Rumani 12:9) “Abborrixxu” hija kelma qawwija ħafna, li tfisser “li tqis bi stmerrija estrema.”—Webster’s New Collegiate Dictionary.
6. X’se jgħinna ngħassu kontra tentazzjonijiet imqiegħda fit-triq tagħna mid-dinja, mil-laħam midneb tagħna, u mix-Xitan?
6 X’se jgħinna ngħassu kontra t-tentazzjonijiet mitfugħin fi triqitna mid-dinja, mil-laħam midneb tagħna stess, u mix-Xitan? Il-lealtà lejn Alla Jehovah. Hu jappellalna: “Kun għaref, ibni, u agħmel lil qalbi ferħana, biex inkun nistaʼ nagħti tweġiba lil dak li qed jinbixni.” (Proverbji 27:11) Iva, lealtà lejn Jehovah se tqanqalna biex nieħdu l-korsa għaqlija taʼ li nobogħdu dak li jobgħod hu. Jerġaʼ, minkejja kemm ikun jidher taʼ pjaċir jew taʼ eċċitament il-ksur taʼ waħda mil-liġijiet t’Alla, irridu kontinwament ingħidu lilna nfusna li jekk nagħmlu hekk sempliċement mhux taʼ vantaġġ. (Galatin 6:7, 8) Il-qalb umana hi qarrieqa, tinganna, mhix sinċiera, saħansitra kif niġu mfakkrin f’Ġeremija 17:9. Il-qalb Kristjana tħobb affarijiet tajbin, sbieħ, puri. Imma xi drabi tendenzi midinba jxaqilbuha biex tixtieq ukoll dak li hu ħażin. Bħall-qlub tal-Iżraeliti li kienu jqimu lil Jehovah u madankollu żammew il-“postijiet għoljin” idolatrużi tagħhom, l-istess qalbna stess tistaʼ tkun egoista u qarrieqa. (1 Slaten 22:43; Dewteronomju 12:2) Il-qalb imperfetta tagħna tistaʼ tipprova ssib skużi biex tpoġġina fit-triq tat-tentazzjoni. Tistaʼ tipprova ċċekken is-serjetà tal-ħażen li niġu ttantati bih. Jew qalbna tistaʼ tipprova tikkonvinċina li kwalunkwe kastig se jkun biss temporanju.
7. Għala rridu ngħassu kontra li nixxennqu għal dak li hu ħażin?
7 B’apprezzament lejn l-imħabba t’Alla, irridu ngħassu kontra li nixxennqu għal dak li hu ħażin, bħal li tixxaqleb lejn immoralità sesswali, kemm jekk aħna miżżewgin jew le. Darba wara l-oħra, dak li beda bħala avvanz sesswali li jidher qisu bla ħsara rriżulta f’li żewġ Kristjani jsiru tant involuti emozzjonalment bejniethom li pprattikaw id-dnub u ġew maqtugħin mis-sħubija. Saħansitra anzjani, li għandhom ikunu bla ħtija bħala eżempji għall-merħla, ġew fl-inkwiet f’dawn l-affarijiet!—Qabbel 1 Slaten 15:4, 5.
8. Liema eżempju taʼ twissija jagħtina l-appostlu Pawlu, u kif tistaʼ tiġi mxebbha din il-problema?
8 Ikkunsidra lill-appostlu Pawlu, li kien imbierek b’viżjonijiet u qawwiet sopranaturali u bir-rigal taʼ ispirazzjoni divina. Biex jirnexxi fit-taqbida tiegħu kontra t-tendenzi midinba, hu kellu jidrob—iva, jsawwat severament—lil ġismu. Nissograw aħna li nikkuntentaw li nagħmlu inqas minn hekk? (Rumani 7:15-25; 1 Korintin 9:27) Huwa bħal li kieku konna ġo dgħajsa żgħira bl-imqadef fuq xmara nieżla bil-qawwa u qed ninġibdu lejn il-kaskata tagħha. Biex nevitaw diżastru, irridu naqdfu bil-forza kollha ’l fuq kontra l-kurrent qawwi. Forsi ma nidhrux li qed nagħmlu wisq progress, imma dment li nibqgħu nitħabtu b’mod vigoruż, ma naqgħux mill-kaskata lejn il-qerda tagħna. Ċertament, manifestazzjonijiet tal-imħabba t’Alla Jehovah lejna għandhom iġegħluna nitħabtu b’mod vigoruż biex inkunu leali lejh billi nobogħdu l-ksur tal-liġi u nħobbu t-tjieba.
Uri Mħabba tal-Aħwa
9. Liema parir jagħti l-appostlu Ġwanni rigward li nħobbu lil ħutna?
9 Il-manifestazzjonijiet tal-imħabba t’Alla għandhom ukoll iqanqluna biex inħobbu lil ħutna bħalma Ġesù Kristu jħobb lid-dixxipli tiegħu. (Ġwann 13:1) B’mod mill-iktar xieraq, l-appostlu Ġwanni jistqarr: “L-imħabba hi f’dan ir-rigward, mhux li aħna ħabbejna ’l Alla, imma li hu ħabbna u bagħat lil Ibnu bħala sagrifiċċju propiżjatorju għal dnubietna. Maħbubin, jekk dan hu kif Alla ħabbna, mela aħna nfusna qegħdin taħt obbligu li nħobbu lil xulxin.” (1 Ġwann 4:10, 11) Fil-fatt, Ġesù qal li l-mod li bih is-segwaċi veri tiegħu jistgħu jiġu identifikati hu mill-imħabba li għandhom bejniethom.—Ġwann 13:34, 35.
10, 11. X’inhuma xi modi li bihom nistgħu nuru mħabba tal-aħwa?
10 Aħna nafu li l-Kristjani għandhom juru mħabba tal-aħwa. Imma mhix ħaġa ħażina li nfakkru lilna nfusna dwar id-diversi modi li bihom nistgħu nuru din l-imħabba bħal taʼ Kristu lejn xulxin. Imħabba bħal din tgħinna biex ninjoraw id-differenzi rigward razza, nazzjonalità, skola, kultura, u livell ekonomiku. Iktar minn hekk, imħabba tal-aħwa se tqanqalna biex ninġabru flimkien fil-laqgħat. Jekk verament inħobbu lil ħutna, m’aħniex se nħallu xi temp ħażin jew xi skomdu fiżiku żgħir itellifna mill-ferħ taʼ li nissieħbu magħhom u naqsmu tpartit taʼ inkuraġġiment. (Rumani 1:11, 12) Iktar minn hekk, l-imħabba tal-aħwa se ġġigħelna nħejju tajjeb għal-laqgħat tagħna u nieħdu sehem attiv magħhom biex inkunu nistgħu nqanqlu lil xulxin għal imħabba u xogħlijiet mill-aħjar.—Ebrej 10:23-25.
11 Xi ngħidu dwar li ngħinu lil ħutna fil-ministeru tal-għalqa? Ġie osservat li anzjani u qaddejja ministerjali spiss jaħdmu flimkien jew waħedhom fil-ministeru minn dar għal dar meta jistgħu, bi ftit ippjanar, jistiednu lil pubblikaturi tas-Saltna li għandhom bżonn għajnuna fil-ministeru biex imorru magħhom. Li juru mħabba b’dan il-mod se jagħmel is-servizz tal-għalqa taʼ anzjani u qaddejja ministerjali premjanti d-doppju. U xi ngħidu dwar li nieħdu xi pubblikatur ġdid magħna fuq xi studju tal-Bibbja fid-dar taʼ xi ħadd?—Rumani 15:1, 2.
12. Kif għandna nifhmu 1 Ġwann 3:16-18?
12 L-imħabba se ġġigħelna wkoll nidħlu biex ingħinu lil ħutna li jkunu fi bżonn finanzjarju veru. L-appostlu Ġwanni kiteb: “B’dan sirna nafu l-imħabba, għaliex dak ċeda ruħu għalina; u aħna qegħdin taħt obbligu li nċedu lil erwieħna għal ħutna. Imma kulmin għandu l-mezzi taʼ did-dinja għall-għixien u jilmaħ lil ħuh fil-bżonn u madankollu jagħlaq il-bieb tal-ħniniet teneri tiegħu fuqu, b’liema mod tibqaʼ fih l-imħabba t’Alla? Tfal ċkejknin, ejjew inħobbu, mhux bil-kliem lanqas bl-ilsien, imma bl-egħmil u l-verità.” (1 Ġwann 3:16-18) Forsi m’aħniex qed niġu mitlubin issa biex inċedu erwieħna għalihom, imma xi drabi jkollna opportunitajiet li nesprimu l-imħabba lejhom b’modi oħra, mhux sempliċement bil-kliem jew bl-ilsien imma wkoll bl-egħmejjel. Ma hemm xejn ħażin f’li nħobbu lil ħutna bil-kliem, imma ma rridux nillimitaw imħabbitna għal dan meta qegħdin fi bżonn taʼ affarijiet materjali. L-istqarrija taʼ Ġesù li “hemm iktar ferħ f’li tagħti milli hemm f’li tirċievi” tapplika wkoll għal li nipprovdu għajnuna materjali.—Atti 20:35.
13. (a) X’inhuma xi wħud mill-veritajiet bażiċi li tgħallimna bil-għajnuna tal-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah? (b) Charles Taze Russell liema punt validu għamel?
13 Għandna l-opportunita li nuru mħabba lejn ħutna li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni jew f’konnessjoni mal-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah mad-dinja kollha. Dan jinkludi li nkunu leali lejn “l-irsir fidil u għaqli.” (Mattew 24:45-47) Ejjew niffaċċjaw il-fatt li għamilna kemm għamilna qari tal-Bibbja, qatt ma konna se nitgħallmu l-verità waħedna. Ma konniex niskopru l-verità rigward Jehovah, il-għanijiet u l-attributi tiegħu, it-tifsir u l-importanza taʼ ismu, is-Saltna, ir-rahan taʼ Ġesù, id-differenza bejn l-organizzazzjoni t’Alla u taʼ Satana, u lanqas għala Alla ppermetta l-ħażen. Huwa sewwa sew bħalma kiteb l-ewwel president tal-Watch Tower Society, Charles Taze Russell, fl-1914: “M’aħniex aħna poplu imbierek u hieni? Ma hux Alla tagħna fidil? Jekk xi ħadd jaf b’xi ħaġa aħjar, ħallih jeħodha. Jekk xi ħadd minnkom qatt isib xi ħaġa aħjar, nittamaw li tgħidulna. Aħna ma nafu b’xejn aħjar u lanqas tajjeb daqs in-nofs taʼ dak li sibna fil-Kelma t’Alla. . . . L-ebda lsien jew pinna ma tistaʼ tgħid il-paċi, il-ferħ u l-barka li għarfien ċar tal-veru Alla ġab ġewwa qalbna u f’ħajjitna. Ma qed infittxu xejn iktar minn hekk. L-Istorja tal-Għerf, il-Ġustizzja, il-Qawwa u l-Imħabba t’Alla tissodisfa għalkollox ix-xenqiet kemm taʼ moħħna u kemm taʼ qalbna. Ma hemm xejn li nixtiequ iktar minn li jkollna din l-Istorja meraviljuża iktar ċara quddiem moħħna.” (The Watch Tower, 15 taʼ Diċembru, 1914, paġni 377-8) Kemm huma veri dawk il-kelmiet miktubin tant tajjeb!
Nimministraw għal Dawk taʼ Barra
14. Espressjonijiet tal-imħabba t’Alla kif għandhom iqanqluna biex naġixxu lejn dawk taʼ barra?
14 L-espressjonijiet tal-imħabba t’Alla li gawdejna aħna għandhom iqanqluna biex nuru mħabba taʼ ġirien lejn dawk li huma barra mill-kongregazzjoni. Dan kif nistgħu nagħmluh? Iċ-ċirkustanzi jistgħu jindikaw li aħna nistgħu ngħinu lill-ġirien tagħna b’mod materjali. Imma, ferm iktar importanti, nistgħu nuru mħabba tal-ġirien billi nwasslu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla lil oħrajn u ngħinu lil dawk li jħobbu t-tjieba biex isiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu. Nieħdu aħna sehem regulari f’dan il-ministeru pubbliku, jew qegħdin nittraskurawh? Sar sempliċi rutina jew xi forma taʼ servizz kemm kemm? Jew aħna verament imqanqlin mill-imħabba lejn għajrna? Nuru aħna empatija? Paċenzjużi aħna, billi nistennew sakemm in-nies iwieġbu? Ninkuraġġixxu aħna lil min jiftaħ il-bieb biex jesprimi ruħu? Iva, minflok ma nitkellmu aħna biss, ejjew inħallu l-imħabba lejn għajrna tqanqalna biex nisimgħu u biex ikollna diskussjonijiet premjanti dwar il-Bibbja man-nies li niltaqgħu magħhom fil-ministeru tagħna.
15. (a) Il-frażi “għoti taʼ xiehda informali” għala hi aħjar minn “għoti taʼ xiehda inċidentali”? (b) Għala għandna nieħdu vantaġġ minn opportunitajiet għal għoti taʼ xiehda informali?
15 Qegħdin aħna attenti kemm jistaʼ jkun biex nieħdu vantaġġ minn opportunitajiet biex nagħtu xiehda informali? Għandu jiġi nnotat li dan mhux sempliċement għoti taʼ xiehda inċidentali, li jissuġġerixxi attività mhix ippjanata u taʼ ftit importanza. Il-għoti taʼ xiehda informali hu importanti ferm, u l-imħabba lejn il-bnedmin sħabna se ġġigħelna noħolqu opportunitàjiet biex nieħdu sehem fih. Kemm spiss iħalli frott għoti taʼ xiehda bħal dan! Per eżempju, waqt li kien qed jattendi konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah fl-Italja taʼ fuq, ħu mar f’garaxx biex ibiddel il-fanal tal-karozza. Waqt li kien qed jistenna, hu ta xiehda lil dawk taʼ madwaru u tahom karti stampati biex jistedinhom għat-taħdida pubblika tal-Ħadd. F’konvenzjoni internazzjonali f’Ruma sena wara, wieħed mill-aħwa li lanqas biss kien jafu sellimlu mill-qalb. Min kien dan il-ħu? Iva, kien wieħed minn dawk l-irġiel li ngħatalhom l-invit f’dak il-garaxx sena qabel! Ir-raġel kien mar biex jismaʼ t-taħdida pubblika u kien ta ismu għal studju tal-Bibbja. Issa kemm hu u kemm martu huma Xhieda ddedikati taʼ Jehovah. Ma hemm ebda dubju li l-għoti taʼ xiehda informali jistaʼ jkun premjanti ferm!
Nibqgħu Nwieġbu għall-Imħabba t’Alla
16. Liema mistoqsijiet nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna?
16 Jehovah verament kien ġeneruż fil-manifestazzjoni tal-imħabba lejn il-ħlejjaq tiegħu. Bħalma nnotajna, l-Iskrittura tagħtina eżempji mill-aħjar taʼ dawk li wieġbu bla egoiżmu għal manifestazzjonijiet tal-imħabba t’Alla. B’mod li jixraq ferm, is-salmista mnebbaħ esklama: “O ħa jiżżu ħajr in-nies lil Jehovah għall-qalb tajba bl-imħabba tiegħu u għax-xogħlijiet tal-għaġeb tiegħu maʼ wlied il-bnedmin.” (Salm 107:8, 16, 21, 31) Nazzardaw aħna naċċettaw il-qalb tajba bl-imħabba t’Alla u nitilfu l-iskop tagħha? Allaħares! (2 Korintin 6:1) Mela ejjew kull wieħed minna individwalment nistaqsu lilna nfusna: ‘Napprezzahom jien verament l-espressjonijiet tal-imħabba t’Alla li diġà gawdejt u li nittama b’fiduċja li għad ingawdi iktar fil-futur? Qegħdin huma jqanqluni biex inħobb lil Jehovah b’qalbi kollha, b’ruħi kollha, b’moħħi kollu u b’saħħti kollha? Jien verament moħħi f’Alla? Inħobb jien it-tjieba u nobgħod il-ksur tal-liġi? Qiegħed jien nuri mħabba tal-aħwa? U kemm qiegħed nipprova nimxi mill-qrib fil-passi taʼ Ġesù rigward il-ministeru tiegħi?’
17. X’se jirriżulta jekk inwieġbu bla egoiżmu għal manifestazzjonijiet tal-imħabba t’Alla Jehovah?
17 Verament, hemm ħafna modi kif nuru l-gratitudni sinċiera tagħna għall-manifestazzjonijiet kollha tal-imħabba t’Alla li ġarrabna. Billi nieħdu vantaġġ sħiħ minn opportunitajiet biex nuru apprezzament bħal dan, se nferrħu qalb Missierna tas-sema, se nkunu barka għal oħrajn, u se niksbu l-ferħ, il-paċi, u l-kuntentizza aħna stess. Jalla għalhekk inkomplu nwieġbu bla egoiżmu għal manifestazzjonijiet tal-imħabba t’Alla.
Kieku Int Kif Twieġeb?
◻ X’inhu meħtieġ biex twieġeb bla egoiżmu għall-imħabba t’Alla?
◻ Kif nistgħu ngħassu kontra t-tentazzjonijiet?
◻ Liema huma xi modi kif nuru mħabba tal-aħwa?
◻ Manifestazzjonijiet tal-imħabba t’Alla kif għandhom iqanqluna biex naġixxu lejn il-ġirien tagħna?
[Stampa f’paġna 14]
L-anzjani juru mħabba tal-aħwa billi jakkumpanjaw lil oħrajn fil-ministeru tas-Saltna
[Stampa f’paġna 15]
Charles Taze Russell, l-ewwel president tal-Watch Tower Society, ġibed l-attenzjoni lejn il-paċi, il-ferħ, u l-barka li Alla biss jistaʼ jipprovdi