LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 1/15 pp. 9-14
  • Għala nosservaw l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala nosservaw l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALA GĦANDNA NIFTAKRU FIL-​MEWT TAʼ ĠESÙ?
  • X’JIRRAPPREŻENTAW L-​EMBLEMI?
  • XI MODI KIF INĦEJJU RUĦNA
  • MIN GĦANDU JIEĦU MILL-​EMBLEMI?
  • GĦOŻŻ IT-​TAMA TIEGĦEK IBBAŻATA FUQ IL-​BIBBJA
  • INT SE TKUN HEMM?
  • Xi Tfisser Għalik l-Ikla tal-Mulej?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Għala Nattendu għat-Tifkira
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • L-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej—Kif Tiġi Kommemorata?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Jinġabar Kulma Hemm fis-Sema u fuq l-Art
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 1/15 pp. 9-14
Qamar kwinta jiddi fuq dar li għandha kamra taʼ fuq fejn Ġesù u l-appostli tiegħu qed jiċċelebraw il-Qbiż

Għala nosservaw l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej?

“Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”—1 KORINTIN 11:24.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Għala għandna nosservaw l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej?

  • X’inhuma l-​emblemi tat-​Tifkira, u x’jirrappreżentaw?

  • Il-​Kristjani kif iħossuhom dwar it-​tama li tahom Alla?

1, 2. Ġesù x’għamel fil-​lejla tal-​14 taʼ Nisan tas-​sena 33 EK? (Ara l-​ewwel stampa.)

F’ĠERUSALEMM, fil-​lejla tal-​14 taʼ Nisan tas-​sena 33 EK, kien hemm qamar kwinta. Ġesù u l-​appostli tiegħu ċċelebraw il-​Qbiż li fakkret lin-​nies fil-​mod kif Ġeħova ħeles lill-​Iżraelin mill-​Eġittu 1,500 sena qabel. Ġesù kellu ikla speċjali mal-​11-​il appostlu leali tiegħu, ikla li s-​segwaċi tiegħu kienu se jirripetu darba kull sena biex jiftakru fil-​mewt tiegħu.​—Mattew 26:1, 2.

2 Ġesù qal talba, għadda l-​ħobż bla ħmira lill-​appostli tiegħu, u qal: “Ħudu, kulu.” Imbagħad qabad kies bl-​inbid, reġaʼ talab, u qal: “Ixorbu minnu, intom ilkoll.” (Mattew 26:26, 27) Il-​ħobż u l-​inbid kellhom tifsir speċjali. L-​appostli leali taʼ Ġesù tgħallmu ħafna affarijiet f’dik il-​lejla importanti.

3. Liema mistoqsijiet se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 Ġesù ried li darba kull sena d-​dixxipli tiegħu jiftakru fil-​mewt tiegħu. Din l-​okkażjoni iktar tard issejħet “l-​ikla taʼ fil-​għaxija tal-​Mulej,” jew it-​Tifkira. (1 Korintin 11:20) F’dan l-​artiklu se nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet: Għala għandna niftakru fil-​mewt taʼ Ġesù? X’jirrappreżentaw il-​ħobż u l-​inbid? Kif nistgħu nħejju ruħna għat-​Tifkira? Min għandu jieħu mill-​emblemi? U l-​Kristjani kif jistgħu juru li jgħożżu t-​tama tagħhom?

GĦALA GĦANDNA NIFTAKRU FIL-​MEWT TAʼ ĠESÙ?

4. Il-​mewt taʼ Ġesù x’għamlet possibbli għalina?

4 Peress li Adam dineb, aħna writna d-​dnub u l-​mewt. (Rumani 5:12) L-​ebda bniedem imperfett ma setaʼ jagħti lil Alla fidwa għal ħajtu jew għall-​ħajja taʼ ħaddieħor. (Salm 49:6-​9) Imma Ġesù ta l-​ħajja perfetta tiegħu għalina u ppreżenta l-​valur taʼ dik il-​fidwa lil Alla. Billi għamel hekk, Ġesù għamilha possibbli għalina biex ikollna t-​tama li ngħixu għal dejjem, meħlusin mid-​dnub u l-​mewt.—Rumani 6:23; 1 Korintin 15:21, 22.

Aħna tassew napprezzaw dak li għamlu għalina Ġeħova u Ġesù!

5. (a) Kif nafu li Alla u Ġesù jħobbuna? (b) Għala għandna nattendu għat-​Tifkira?

5 Alla wera biċ-​ċar kemm iħobb lill-​bnedmin billi pprovda l-​fidwa. (Ġwanni 3:16) Ġesù wkoll wera l-​imħabba tiegħu billi ta ħajtu għalina. Anki qabel ma ġie fuq l-​art, Ġesù qal li kien ‘jgħożż ulied il-​bnedmin.’ (Proverbji 8:30, 31) Aħna tassew napprezzaw dak li għamlu għalina Ġeħova u Ġesù! Hu għalhekk li nobdu l-​kmand taʼ Ġesù biex ‘nibqgħu nagħmlu dan b’tifkira tiegħu,’ u b’hekk nattendu għat-​Tifkira.—1 Korintin 11:23-​25.

X’JIRRAPPREŻENTAW L-​EMBLEMI?

6. X’nifhmu dwar il-​ħobż u l-​inbid tat-​Tifkira?

6 Matul l-​aħħar ikla tiegħu mal-​appostli, Ġesù ma wettaqx miraklu billi biddel il-​ħobż f’ġismu jew l-​inbid f’demmu. Hu qal hekk: “Dan il-​ħobż jirrappreżenta ġismi.” U dwar l-​inbid qal: “Dan jirrappreżenta d-​‘demm tiegħi tal-​patt,’ li se jixxerred għal ħafna.” (Marku 14:22-​24) Jidher ċar li l-​ħobż u l-​inbid huma simboli, jew emblemi.

7. Il-​ħobż bla ħmira x’jirrappreżenta?

7 F’dik il-​lejla importanti, Ġesù uża ħobż bla ħmira li kien fadal mill-​ikla tal-​Qbiż. (Eżodu 12:8) Il-​Bibbja kultant tuża l-​ħmira biex tirrappreżenta d-​dnub. (Mattew 16:6, 11, 12; Luqa 12:1) Il-​ħobż bla ħmira li uża Ġesù rrappreżenta l-​ġisem bla dnub tiegħu. (Ebrej 7:26) Din hi r-​raġuni għala nużaw ħobż bla ħmira fit-​Tifkira.

8. L-​inbid x’jirrappreżenta?

8 L-​inbid li uża Ġesù rrappreżenta d-​demm, jew il-​ħajja, tiegħu. L-​inbid li nużaw illum fit-​Tifkira jirrappreżenta l-​istess ħaġa. F’post barra minn Ġerusalemm li kien jismu Golgota, Ġesù miet għalina u ta ħajtu “għall-​maħfra tad-​dnubiet.” (Mattew 26:28; 27:33) Jekk napprezzaw din l-​għotja prezzjuża, personalment se nħejju ruħna kull sena għal din l-​okkażjoni speċjali. Kif nistgħu nagħmlu dan?

XI MODI KIF INĦEJJU RUĦNA

9. (a) Għala għandna nużaw l-​iskeda għall-​qari tal-​Bibbja għat-​Tifkira? (b) Int kif tħossok dwar il-​fidwa?

9 Mod wieħed kif tistaʼ tħejji ruħek għat-​Tifkira hu billi tuża l-​iskeda għall-​qari tal-​Bibbja għat-​Tifkira. Din l-​iskeda tinsab fil-​ktejjeb Neżaminaw l-​Iskrittura kuljum. Meta naqraw ir-​rakkonti tal-​Bibbja, se niġu megħjunin nimmeditaw fuq dak li għamel Ġesù eżatt qabel ma miet.a Oħt tikteb: “Aħna nħarsu ’l quddiem għat-​Tifkira. Kull sena ssir iktar speċjali għalina. Niftakarni bilwieqfa fis-​sala mortwarja . . . nħares lejn l-​għażiż missieri u nħoss apprezzament mill-​fond taʼ qalbi iktar minn qatt qabel għall-​fidwa. . . . Kont naf l-​iskritturi kollha u anki nispjegahom! Imma kien biss meta ħassejt il-​firda kiefra tal-​mewt li qalbi mtliet bil-​ferħ, minħabba dak li se jsir għalina permezz taʼ dik il-​fidwa tant prezzjuża.” Li nimmeditaw fuq kif is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù se jgħinna b’mod individwali, hu parti importanti milli nħejju ruħna għat-​Tifkira.

Wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova jimmedita fuq l-aħħar ġimgħa tal-ħajja taʼ Ġesù billi jirrivedi l-appendiċi fin-New World Translation of the Holy Scriptures riveduta bl-Ingliż

Billi nsegwu l-iskeda tal-qari tal-Bibbja għat-Tifkira, inkunu qed inħejju lilna nfusna għat-Tifkira (Ara paragrafu 9)

10. X’inhi ħaġ’oħra li nistgħu nagħmlu biex inħejju ruħna għat-​Tifkira?

10 Mod ieħor kif nistgħu nħejju ruħna hu billi nżidu l-​ħin li nqattgħu fil-​ministeru u nistiednu lil kemm jistaʼ jkun nies għat-​Tifkira. Forsi nistgħu naqdu bħala pijunieri awżiljarji. Meta nitkellmu m’oħrajn dwar Alla, Ibnu, u t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem, se nħossuna sodisfatti għax inkunu għamilna dak li Alla jridna nagħmlu.—Salm 148:12, 13.

11. Pawlu għala qal li fit-​Tifkira xi Korintin kielu u xorbu mingħajr ma kien jistħoqqilhom?

11 Meta tkun qed tħejji ruħek għat-​Tifkira, immedita fuq dak li Pawlu kiteb lill-​Kristjani f’Korintu. (Aqra l-​1 Korintin 11:27-​34.) Hu qal li jekk xi ħadd jiekol mill-​ħobż u jixrob mill-​inbid mingħajr ma jkun jistħoqqlu, jew b’diżrispett, ikun ħati dwar il-​“ġisem u d-​demm tal-​Mulej.” Għalhekk, jekk midluk ikun involut f’kondotta ħażina u jieħu mill-​emblemi, ikun qed “jiekol u jixrob il-​ġudizzju kontra tiegħu stess.” Fi żmien Pawlu, ħafna mill-​Korintin kienu involuti f’kondotta ħażina. Jistaʼ jkun li xi wħud minnhom kielu u xorbu żżejjed qabel jew matul it-​Tifkira u qabadhom in-​ngħas. Kienu qed juru diżrispett kbir lejn l-​okkażjoni, u għalhekk Alla m’approvax meta ħadu mill-​emblemi.

12. (a) Pawlu maʼ xiex qabbel it-​Tifkira u liema twissija ta lil dawk li jieħdu mill-​emblemi? (b) Individwu li jieħu mill-​emblemi, x’għandu jagħmel jekk għamel dnub serju?

12 Pawlu qabbel it-​Tifkira maʼ ikla u wissa lil dawk li ħadu mill-​emblemi: “Ma tistgħux tixorbu l-​kies taʼ Ġeħova u l-​kies tad-​demonji; ma tistgħux tieħdu sehem mill-​‘mejda taʼ Ġeħova’ u mill-​mejda tad-​demonji.” (1 Korintin 10:16-​21) Jekk individwu li jieħu mill-​emblemi jkun għamel dnub serju, għandu jmur għand l-​anzjani għall-​għajnuna. (Aqra Ġakbu 5:14-​16.) Jekk l-​azzjonijiet tiegħu juru li nidem b’mod sinċier, imbagħad ma jkunx qed juri diżrispett lejn is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù meta jieħu mill-​emblemi fit-​Tifkira.—Luqa 3:8.

Żgur li qatt ma rridu nuru diżrispett għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù

13. Għala għandna nitolbu dwar it-​tama li tana Alla?

13 Ukoll, nistgħu nħejju ruħna għat-​Tifkira billi nitolbu u nimmeditaw dwar it-​tama li Alla ta lilna personalment. Żgur li qatt ma rridu nuru diżrispett għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù. Għalhekk, ma niħdux mill-​emblemi jekk m’għandniex prova ċara li aħna midlukin. Allura, min għandu jieħu mill-​emblemi?

MIN GĦANDU JIEĦU MILL-​EMBLEMI?

14. Peress li l-​midlukin huma parti mill-​patt il-​ġdid, x’jagħmlu fit-​Tifkira?

14 Dawk li jieħdu mill-​emblemi tat-​Tifkira għandhom ikunu ċerti mija fil-​mija li huma parti mill-​patt il-​ġdid. Ġesù qal hekk dwar l-​inbid: “Dan il-​kies jirrappreżenta l-​patt il-​ġdid konfermat b’demmi.” (1 Korintin 11:25) Ġeħova għamel il-​patt tal-​Liġi mal-​Iżraelin imma iktar tard qal li kien se jagħmel patt ieħor floku. (Aqra Ġeremija 31:31-​34.) Alla għamel dan il-​patt, jew ftehim, ġdid mal-​midlukin. (Galatin 6:15, 16) Il-​mewt taʼ Ġesù għamlet dan il-​ftehim possibbli. (Luqa 22:20) Ġesù hu l-​Medjatur tal-​patt il-​ġdid. Il-​midlukin leali li huma parti mill-​patt il-​ġdid se jkunu fis-​sema maʼ Ġesù.—Ebrej 8:6; 9:15.

15. (a) Min hu parti mill-​patt tas-​Saltna? (b) Jekk il-​midlukin ikunu leali, xi privileġġ se jkollhom?

15 Il-​midlukin jafu li huma parti mill-​patt tas-​Saltna wkoll. (Aqra Luqa 12:32.) Dan il-​patt sar bejn Ġesù u s-​segwaċi midlukin leali tiegħu, li ħadu sehem “fit-​tbatijiet tiegħu.” (Filippin 3:10) Il-​midlukin leali tal-​lum ukoll huma parti minn dan il-​patt. Dawn se jsaltnu bħala slaten fis-​sema maʼ Kristu għal dejjem. (Rivelazzjoni 22:5) Huma jikkwalifikaw biex jieħdu mill-​emblemi matul l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej.

16. Spjega fil-​qosor xi tfisser l-​iskrittura taʼ Rumani 8:15-​17.

16 Il-​midlukin lanqas l-​iċken dubju m’għandhom li huma wlied Alla u li jistgħu jieħdu mill-​emblemi. (Aqra Rumani 8:15-​17.) Pawlu qal li jgħajtu: “Abba, Missier!” Il-​kelma Aramajka “Abba” hi kemm kelma taʼ mħabba, bħal “daddy” jew “papà,” kif ukoll kelma taʼ rispett, bħal “missier.” Din il-​kelma tesprimi r-​relazzjoni speċjali li l-​midlukin għandhom maʼ Ġeħova meta jirċievu “spirtu t’adozzjoni bħala wlied.” L-​ispirtu t’Alla ‘jixhed maʼ l-​ispirtu tagħhom,’ u għalhekk huma jafu fiż-​żgur li huma wliedu midlukin. Dan ma jfissirx li ma jridux jgħixu fuq l-​art. Huma jafu li jekk jibqgħu leali sakemm imutu se jkunu slaten fis-​sema maʼ Ġesù. U jafu li ‘ġew midlukin mill-​qaddis,’ Ġeħova. Illum, ftit fadal minn dawn il-​144,000 fuq l-​art. (1 Ġwanni 2:20; Rivelazzjoni 14:1) Tant iħossuhom qrib taʼ Ġeħova li jsejħulu “Abba, Missier!”

GĦOŻŻ IT-​TAMA TIEGĦEK IBBAŻATA FUQ IL-​BIBBJA

17. (a) X’tama għandhom il-​midlukin? (b) Kif jafu li huma midlukin?

17 Jekk int Kristjan midluk, spiss se ssemmi t-​tama li għandek għas-​sema fit-​talb persunali tiegħek. U l-​Iskrittura se jkollha sinifikat speċjali għalik. Pereżempju, meta l-​Bibbja titkellem dwar iż-​żwieġ fis-​sema li se jseħħ bejn Ġesù u “l-​għarusa” tiegħu, int taf li dan japplika għalik u tħares ’il quddiem għalih. (Ġwanni 3:27-​29; 2 Korintin 11:2; Rivelazzjoni 21:2, 9-​14) Jew meta l-​Bibbja tispjega l-​imħabba li Alla għandu għall-​midlukin, int taf li qed ikellem lilek. U meta taqra istruzzjonijiet li huma għall-​midlukin fil-​Kelma t’Alla, l-​ispirtu qaddis iqanqlek biex tobdihom. L-​ispirtu qaddis t’Alla “jixhed” miegħek li t-​tama tiegħek hi li tmur fis-​sema.

18. X’tama għandhom in-​“nagħaġ oħrajn,” u int kif tħossok dwar din it-​tama?

18 Jekk int wieħed mill-​‘folla l-​kbira’ tan-​“nagħaġ oħrajn,” Alla tak l-​opportunità li tgħix għal dejjem f’Ġenna tal-​art. (Rivelazzjoni 7:9; Ġwanni 10:16) Kif tħossok dwar il-​futur tiegħek? Żgur li tħossok eċċitat meta timmedita fuq dak li l-​Bibbja tgħid dwar il-​Ġenna tal-​art li ġejja. Tħares ’il quddiem biex tgħix f’dinja taʼ paċi mal-​familja u l-​ħbieb tiegħek. Ħerqan biex tara t-​tmiem tal-​ġuħ, il-​faqar, it-​tbatija, il-​mard, u l-​mewt. (Salm 37:10, 11, 29; 67:6; 72:7, 16; Isaija 33:24) Għandek sebaʼ mitt sena biex tara l-​irxoxt tal-​maħbubin tiegħek. (Ġwanni 5:28, 29) Kemm tħossok grat lejn Ġeħova għal din it-​tama meraviljuża! Anke jekk ma tiħux mill-​emblemi, int xorta tattendi għat-​Tifkira għax tapprezza s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa.

INT SE TKUN HEMM?

19, 20. (a) Kif inhu possibbli li tgħix għal dejjem? (b) Għala se tattendi għat-​Tifkira?

19 Int tistaʼ tgħix għal dejjem, jew fuq l-​art jew fis-​sema, imma biss jekk turi fidi f’Alla Ġeħova, Ġesù Kristu, u l-​fidwa. Meta tmur għat-​Tifkira, immedita fuq it-​tama tiegħek u fuq l-​importanza kbira tal-​mewt taʼ Ġesù. Wara nżul ix-​xemx nhar il-​Ġimgħa, 3 tʼApril 2015, miljuni taʼ nies madwar id-​dinja se jattendu għat-​Tifkira fi Swali tas-​Saltna u f’postijiet oħra.

20 Meta nħejju ruħna biex nattendu għat-​Tifkira bl-​attitudni t-​tajba, se nkunu tassew grati għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Billi tagħti widen sew għat-​taħdita tat-​Tifkira, se titqanqal turi mħabba m’oħrajn u tgħidilhom dwar l-​imħabba u l-​iskop taʼ Ġeħova għalina lkoll. (Mattew 22:34-​40) Kun determinat li tkun hemm.

a Ara Gwida għall-​istudju tal-​Kelma t’Alla, sezzjoni 16.

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • L-​emblemi tat-​Tifkira huma l-​inbid u l-​ħobż, u dawn jirrappreżentaw id-​demm u l-​ġisem perfett taʼ Ġesù

  • Il-​midlukin jieħdu mill-​emblemi billi jieklu mill-​ħobż u jixorbu mill-​inbid

  • Il-​patt il-​ġdid hu ftehim li Ġeħova għamel mal-​midlukin. Il-​patt tas-​Saltna hu ftehim li Ġesù għamel mal-​midlukin

  • L-​ispirtu t’Alla ‘jixhed mal-​ispirtu’ tal-​midlukin. Dan jurihom li huma wieħed jew waħda minn ulied Alla u li għandhom jieħdu mill-​emblemi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja