Mistoqsijiet mill-Qarrejja
L-appostlu Pawlu qal li ‘Iżrael kollu kellu jiġi salvat.’ (Rum. 11:26) Ried hu jfisser li xi darba l-Lhud kollha kellhom jikkonvertu u jsiru Kristjani?
Le, Pawlu ma kienx qed jgħid hekk. Bħala ġens, id-dixxendenti naturali t’Abraham ċaħdu lil Ġesù bħala l-Messija. U fis-snin taʼ wara l-mewt taʼ Ġesù, beda jidher ċar li l-Lhud bħala grupp ma kinux se jsiru Kristjani. Xorta waħda, dak li qal Pawlu li ‘Iżrael kollu kellu jiġi salvat’ kien minnu. B’liema mod?
Lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu Ġesù qalilhom: “Is-saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-frott minnha.” (Mt. 21:43) Minħabba li l-ġens taʼ Iżrael in ġenerali kien ċaħad lil Ġesù, Ġeħova kien se jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejn ġens ġdid, wieħed spiritwali. Pawlu sejjaħ lil dan il-ġens “l-Iżrael t’Alla.”—Gal. 6:16.
Siltiet oħrajn fl-Iskrittura Griega Kristjana jagħtu prova li “l-Iżrael t’Alla” jikkonsisti f’144,000 Kristjan midluk. (Rum. 8:15-17; Riv. 7:4) Rivelazzjoni 5:9, 10 jikkonferma li dan il-grupp kellu jinkludi wħud li ma kinux Lhud, u dan juri li l-Kristjani midlukin kellhom joħorġu “minn kull tribù u lsien u poplu u ġens.” Il-membri taʼ Iżrael spiritwali kienu magħżulin b’mod speċjali biex ikunu “saltna u qassisin . . . , u se jsaltnu għal fuq l-art.” Għalkemm Ġeħova ċaħad lil Iżrael bħala ġens magħżul, xi individwi setgħu jitħabbu miegħu. Hekk għamlu l-appostli u Kristjani oħrajn tal-bidu. M’għandniex xi ngħidu, dawn il-Lhud, bħall-bnedmin l-oħrajn kollha, kellhom jinxtraw bid-demm taʼ Ġesù Kristu.—1 Tim. 2:5, 6; Ebr. 2:9; 1 Pt. 1:17-19.
Il-fatt li l-maġġuranza tal-Lhud naturali fl-ewwel seklu tilfu l-opportunità li jsiru ħakkiema bi sħab maʼ Ġesù ma fixkilx l-iskop t’Alla. Dan qatt ma jistaʼ jiġri, għax Ġeħova stqarr permezz tal-profeta tiegħu: “Hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Is. 55:11.
Dan huwa minnu rigward l-iskop t’Alla li jinħatru 144,000 ħakkiem bi sħab maʼ Ibnu fis-sema. Il-Bibbja tagħmilha ċara li Alla kellu jaħtar numru sħiħ taʼ 144,000. L-ebda wieħed ma se jkun nieqes!—Riv. 14:1-5.
B’hekk, meta Pawlu kiteb li ‘Iżrael kollu kellu jiġi salvat,’ hu ma kienx qed ibassar li kien se jkun hemm xi konverżjoni tal-massa taʼ Lhud għall-Kristjanità. Minflok, hu ried ifisser li l-iskop t’Alla li jkollu 144,000 Iżraeli spiritwali jaħkmu fis-sema maʼ Ibnu, Ġesù Kristu, kien se jitwettaq. Fiż-żmien magħżul minn Alla, in-numru sħiħ—“Iżrael kollu”—kien se jkun salvat, u maż-żmien dawn kienu se jaħkmu bħala slaten u qassisin fis-Saltna Messjanika.—Efes. 2:8.
[Stampi f’paġna 28]
Il-midlukin joħorġu “minn kull tribù u lsien u poplu u ġens”