“Ix-Xena taʼ Din id-Dinja Qed Tinbidel”
“Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien [“li fadal,” “NW”] qsar.”—1 KORINTIN 7:29.
1, 2. Int liema bidliet rajt matul ħajtek?
LIEMA bidliet rajt int matul ħajtek? Tistaʼ tirrakkonta xi wħud minnhom? Per eżempju, hemm il-progress li sar fix-xjenza medika. Minħabba r-riċerka li saret f’dan il-qasam, il-medja tat-tul taʼ ħajja f’xi pajjiżi żdiedet minn inqas minn 50 sena fil-bidu tas-seklu 20 għal iktar minn 70 sena llum! Aħseb ukoll dwar il-modi kif aħna bbenefikajna mill-użu xieraq tar-radju, it-televixin, it-telefon ċellulari, u l-magna tal-fax. Sinifikanti wkoll huwa l-progress li sar fl-edukazzjoni, fit-trasport, u fil-protezzjoni tad-drittijiet umani, li lkoll kemm huma tejbu l-ħajja taʼ miljuni taʼ nies.
2 M’għandniex xi ngħidu, mhux il-bidliet kollha kienu għall-aħjar. Huwa impossibbli li tinjora l-effetti koroh minħabba ż-żjieda fil-kriminalità, l-abbuż tad-droga, id-divorzju, l-inflazzjoni, it-terroriżmu, kif ukoll in-nuqqas taʼ valuri morali. Hu x’inhu l-każ, int x’aktarx taqbel maʼ l-appostlu Pawlu li żmien ilu kiteb: “Ix-xena taʼ din id-dinja qed tinbidel.”—1 Korintin 7:31, NW.
3. X’ried ifisser Pawlu meta kiteb li “x-xena taʼ din id-dinja qed tinbidel”?
3 Meta Pawlu għamel din l-istqarrija, hu kien qed iqabbel id-dinja maʼ palk. L-atturi fuq dan il-palk—nies famużi fil-qasam politiku, reliġjuż, u kulturali—jidhru fuq ix-xena, jirreċtaw il-parti tagħhom, u mbagħad iħallu l-palk għal oħrajn. Dan ilu jseħħ għal sekli sħaħ. Fil-passat, dinastija forsi kienet iddum taħkem għal għaxriet taʼ snin—saħansitra sekli sħaħ—u bidliet ftit li xejn kienu jsiru. Illum mhux hekk, għax biżżejjed jiġi assassinat xi mexxej prominenti u l-istorja tinbidel f’ħakka t’għajn! Iva, f’dawn iż-żminijiet imqallba, ma nafux x’se jsir għada.
4. (a) Liema ħarsa bilanċjata għandu jkollhom il-Kristjani rigward il-ġrajjiet dinjin? (b) Liema żewġ linji t’evidenza konvinċenti se nikkunsidraw issa?
4 Jekk id-dinja hija l-palk u l-mexxejja tagħha huma l-atturi, mela l-Kristjani huma l-ispettaturi.a Madankollu, peress li “m’humiex tad-dinja” huma ma jikkonċernawx ruħhom iżżejjed dwar il-mod kif jirreċtaw jew saħansitra dwar l-identità taʼ l-atturi. (Ġwanni 17:16) Minflok, huma bil-ħerqa qed ifittxu għal indikazzjonijiet li d-dramm qed jilħaq il-quċċata tiegħu—tmiem katastrofiku—għaliex huma jafu li din is-sistema trid tispiċċa qabel ma Jehovah jagħti bidu għad-dinja l-ġdida taʼ ġustizzja li tant ilhom jistennew.b Ejja għalhekk neżaminaw żewġ linji t’evidenza li juru li aħna qed ngħixu fiż-żmien taʼ l-aħħar u li d-dinja l-ġdida hija qrib ħafna. Dawn huma (1) il-kronoloġija tal-Bibbja u (2) il-kundizzjonijiet dinjin li qed jeħżienu.—Mattew 24:21; 2 Pietru 3:13.
Misteru Solvut Sa fl-Aħħar!
5. X’inhuma “ż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus,” u għala huma taʼ interess għalina?
5 Il-kronoloġija hija studju tar-relazzjoni bejn iż-żmien u l-ġrajjiet. Ġesù tkellem dwar żmien li fih il-mexxejja tad-dinja kienu se jkunu l-atturi prinċipali mingħajr indħil mis-Saltna t’Alla. Ġesù sejjaħ dan il-perijodu “ż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus.” (Luqa 21:24, NW) Fit-tmiem taʼ dawk “iż-żminijiet stabbiliti,” is-Saltna tas-sema t’Alla kellha tibda taħkem, b’Ġesù bħala dak li bi dritt hu l-Ħakkiem tagħha. Għall-ewwel, Ġesù kellu jaħkem “f’nofs l-għedewwa” tiegħu. (Salm 110:2) Imbagħad, skond Danjel 2:44, din is-Saltna kellha “tfarrak u ttemm” il-gvernijiet umani kollha, u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.
6. “Iż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus” meta bdew, kemm damu, u meta spiċċaw?
6 “Iż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus” meta kienu se jispiċċaw u l-ħakma tas-Saltna t’Alla meta kellha tibda? It-tweġiba, li kienet ‘issiġillata saż-żmien taʼ l-aħħar,’ tinvolvi l-kronoloġija tal-Bibbja. (Danjel 12:9) Hekk kif qorob dak “iż-żmien,” Jehovah ħa passi biex jirrivela t-tweġiba lil grupp taʼ studenti tal-Bibbja umlin. Bl-għajnuna taʼ l-ispirtu t’Alla, huma għarfu li “ż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus” bdew bil-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. u li dawk “iż-żminijiet” kienu twal 2,520 sena. Minn dan, huma kkalkulaw li s-sena 1914 immarkat it-tmiem taż-“żminijiet stabbiliti tal-ġnus.” Irrealizzaw ukoll li s-sena 1914 kienet il-bidu tat-tmiem għal din is-sistema dinjija. Bħala student tal-Bibbja, tistaʼ tispjega mill-Iskrittura kif tiġi kalkulata d-data taʼ l-1914?c
7. Liema skritturi jgħinuna nsiru nafu l-bidu, it-tul, u t-tmiem tas-sebaʼ żminijiet imsemmijin fil-ktieb taʼ Danjel?
7 Ħjiel wieħed jinsab moħbi fil-ktieb taʼ Danjel. Ladarba Jehovah uża lis-Sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja biex jeqred lil Ġerusalemm fil-bidu taż-“żminijiet stabbiliti,” fis-sena 607 Q.E.K., Hu wera permezz taʼ dan il-ħakkiem li l-ġnus kienu se jkomplu mingħajr indħil divin għal total taʼ sebaʼ żminijiet simboliċi. (Eżekjel 21:31, 32 [21:26, 27, NW]; Danjel 4:13, 20-22 [4:16, 23-25, NW]) Kemm huma twal dawn is-sebaʼ żminijiet? Skond Apokalissi 11:2, 3, u 12:6, 14, tliet żminijiet u nofs huma 1,260 ġurnata. B’hekk, sebaʼ żminijiet huma d-doppju, jew 2,520 ġurnata. Dan kollox? Le, għax Jehovah ta lill-profeta Eżekjel, li kien jgħix fl-istess żmien taʼ Danjel, din ir-regola biex jinterpreta s-simboliżmu: “Jum għal kull sena.” (Eżekjel 4:6) Għalhekk, is-sebaʼ żminijiet fil-fatt kienu 2,520 sena. Billi nużaw is-sena 607 Q.E.K. bħala d-data minn fejn nibdew u 2,520 sena bħala t-tul, nistgħu nikkonkludu li ż-żminijiet stabbiliti kellhom jispiċċaw fl-1914.
Iż-“Żmien taʼ l-Aħħar” Konfermat
8. Liema evidenza tistaʼ tipponta lejha biex turi li l-kundizzjonijiet tad-dinja ħżienu mill-1914 ’l hawn?
8 Ġrajjiet dinjin mill-1914 ’l hawn jikkonfermaw li l-fehma bbażata fuq il-kronoloġija tal-Bibbja li nsibu fil-paragrafu taʼ qabel hija korretta. Ġesù nnifsu qal li “tmiem id-dinja” se jkun immarkat minn gwerer, ġuħ, u pestilenza. (Mattew 24:3-8; Apokalissi 6:1-8 [6:2-8, NW]) Dan żgur li ġara mill-1914 ’l hawn. L-appostlu Pawlu ta iktar informazzjoni, u qal li kellu jkun hemm differenza li tispikka fl-attitudni tan-nies lejn xulxin. Id-deskrizzjoni tiegħu tal-bidliet li aħna lkoll xiehda tagħhom kienet eżatta.—2 Timotju 3:1-5.
9. X’jgħidu xi osservaturi rigward il-kundizzjonijiet tad-dinja mill-1914 ’l hawn?
9 Veru li “x-xena taʼ din id-dinja” nbidlet daqshekk mill-1914 ’l hawn? Fil-ktieb The Generation of 1914, il-Professur Robert Wohl jagħmel din l-osservazzjoni: “Dawk li għexu matul il-gwerra qatt ma waqfu jemmnu li dinja waħda kienet spiċċat u oħra kienet bdiet f’Awissu taʼ l-1914.” It-tabib Jorge A. Costa e Silva, bħala d-direttur tas-saħħa mentali fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ikkonferma dan billi kiteb: “Aħna ngħixu fi żmien li fih qed isiru ħafna bidliet taʼ malajr, li qegħdin jikkaġunaw ansjetà u stress f’livelli li qatt ma rajna bħalhom fl-istorja taʼ l-umanità.” Kienet din l-esperjenza persunali tiegħek?
10. Il-Bibbja x’turina dwar il-kaġun tal-kundizzjonijiet dinjin li baqgħu jeħżienu mill-1914 ’l hawn?
10 Min hu l-perċimes wara l-kundizzjonijiet dinjin li dejjem jeħżienu? Apokalissi 12:7-9 jikxef lil dan il-perċimes: “Mbagħad qamet gwerra fis-sema: Mikiel [Ġesù Kristu] u l-anġli tiegħu jitqabdu mad-Dragun [Satana x-Xitan]. U d-Dragun u l-anġli tiegħu tqabdu, iżda ma kellhomx ħila jegħlbu, u ma kienx hemm iżjed post għalihom fis-sema. U kien imwaddab id-Dragun il-kbir, . . . il-qarrieq tad-dinja kollha.” Għalhekk, Satana x-Xitan hu x-xewwiex ħati, u t-tkeċċija tiegħu mis-sema fl-1914 kienet tfisser gwaj ‘għall-art u l-baħar, għax fihom niżel id-Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.’—Apokalissi 12:10, 12.
Kif Se Jiżvolġi l-Aħħar Att
11. (a) Liema metodi juża Satana biex jiżvija lid-“dinja kollha”? (b) L-appostlu Pawlu ġibed l-attenzjoni lejn liema sforz speċjali taʼ Satana?
11 Konxju li t-tmiem tiegħu qed joqrob, Satana ilu mill-1914 ’l hawn iżid l-isforzi tiegħu sabiex jiżvija lid-“dinja kollha.” Bħala l-aqwa qarrieq, Satana qed jaħdem wara l-kwinti, u qed itellaʼ fuq il-palk lill-mexxejja tad-dinja u lil dawk li jfasslu l-moda bħala l-atturi prinċipali. (2 Timotju 3:13; 1 Ġwanni 5:19) Waħda mill-miri tiegħu hi li jqarraq bil-bnedmin biex huma jaħsbu li l-mod kif hu jmexxi jistaʼ jġibilhom paċi vera. Ġeneralment, il-propaganda tiegħu rnexxiet, għaliex in-nies jibqgħu ottimisti minkejja l-ammont li dejjem jiżdied t’evidenza li l-kundizzjonijiet sejrin mill-ħażin għall-agħar. L-appostlu Pawlu bassar li ftit qabel ma tinqered din is-sistema dinjija, se jkun hemm ammont konsiderevoli taʼ propaganda satanika. Hu kiteb: “Meta kulħadd jibda jgħid: ‘[“Paċi u sigurtà” NW],’ dak il-ħin stess, bħall-uġigħ fuq mara li tkun waslet għall-ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda l-qerda.”—1 Tessalonikin 5:3; Apokalissi 16:13.
12. Liema sforzi kontinwi kien hemm biex iġibu l-paċi fi żmienna?
12 Fi snin reċenti, il-politikanti spiss użaw il-frażi “paċi u sigurtà” biex jiddeskrivu diversi pjanijiet tal-bnedmin. Saħansitra sejħu s-sena 1986 is-Sena Internazzjonali tal-Paċi, għalkemm din ma ġabet ebda paċi. Qegħdin dawn l-isforzi minn mexxejja dinjin iwettqu kompletament l-1 Tessalonikin 5:3, jew kien Pawlu qed jirreferi għal xi ġrajja speċifika li tant kemm tkun drammatika se tiġbed l-attenzjoni tad-dinja kollha?
13. Meta Pawlu bassar l-għajta taʼ “Paċi u sigurtà!” maʼ xiex qabbel il-qerda li kellha tiġi warajha, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
13 Ladarba l-profeziji Bibliċi spiss jiġu mifhumin kompletament biss wara li jitwettqu jew meta jkunu qed jitwettqu, irridu nistennew biex naraw. Però, hu taʼ interess li Pawlu qabbel il-qerda f’daqqa li tiġi eżatt wara l-għajta taʼ “Paċi u sigurtà!” maʼ l-uġigħ tal-ħlas taʼ mara tqila. Matul perijodu taʼ madwar disaʼ xhur, mara tqila ssir iktar konxja tat-tarbija li qed tikber ġo fiha. Hi forsi tistaʼ tismaʼ l-qalb tat-tarbija tagħha tħabbat jew tħossha tiċċaqlaq fil-ġuf. Saħansitra forsi tħossha tagħti b’saqajha. Is-sinjali ġeneralment isiru iktar evidenti minn jum għal jum sakemm, ġurnata minnhom, tħoss uġigħ qawwi li jindika li l-ġrajja li kienet qed tistenna—it-twelid tat-tarbija—tkun waslet. Għalhekk, titwettaq kif titwettaq il-profezija taʼ l-għajta taʼ “Paċi u sigurtà!,” din se twassal għal ġrajja li tiġi f’daqqa, li se tkun taʼ wġigħ, imma li fl-aħħar se ġġib barka—il-qerda tal-ħażen u l-bidu taʼ sistema dinjija ġdida.
14. F’liema sekwenza ġenerali se jseħħu l-ġrajjiet futuri, u għalxiex se jwasslu?
14 Il-qerda li ġejja se tqanqal il-biżaʼ għal dawk il-Kristjani leali li jkunu qed jarawha bħala spettaturi. L-ewwelnett, is-slaten taʼ l-art (il-qasam politiku taʼ l-organizzazzjoni taʼ Satana) se jattakkaw lil dawk li jappoġġaw lil Babilonja l-Kbira (il-qasam reliġjuż) u se jeqirduhom. (Apokalissi 17:1, 15-18) B’hekk, f’daqqa waħda x-xena tinbidel, u s-saltna taʼ Satana se ssir maqsuma kontra tagħha stess, b’parti waħda tattakka lill-oħra, u Satana mhux se jkollu l-qawwa jwaqqafhom. (Mattew 12:25, 26) Jehovah se jdaħħal fi qlub is-slaten tad-dinja biex “jagħmlu l-fehma tiegħu,” jiġifieri, biex jeħles l-art mill-avversarji reliġjużi tiegħu. (Korsiv tagħna.) Wara li tinqered ir-reliġjon falza, Ġesù Kristu se jmexxi l-eżerċti tiegħu fis-smewwiet biex jeqirdu totalment dak li jkun fadal mill-organizzazzjoni taʼ Satana—l-elementi kummerċjali u politiċi. Fl-aħħarnett, Satana nnifsu se jiġi mrażżan. Wara dan, jinżel is-siparju, u d-dramm li ilu għaddej se jinġieb fi tmiemu.—Apokalissi 16:14-16; 19:11-21; 20:1-3.
15, 16. X’effett għandu jkollha fuq ħajjitna t-tfakkira li “ż-żmien [“li fadal,” NW] qsar”?
15 Dawn l-affarijiet kollha meta se jseħħu? Aħna ma nafux il-ġurnata jew is-siegħa. (Mattew 24:36) Madankollu, aħna nafu li “ż-żmien [“li fadal,” NW] qsar.” (1 Korintin 7:29) Għalhekk, huwa vitali li nużaw il-ħin li fadal bil-għaqal. Kif? Bħalma jispjega l-appostlu Pawlu, aħna għandna ‘nirbħu ż-żmien’ (Saydon) għall-affarijiet iktar importanti minn dawk li m’humiex daqshekk importanti u nagħmlu użu tajjeb minn kull ġurnata. Il-għala? “Għaliex ħżiena huma l-jiem.” U billi nagħrfu “x’inhi r-rieda tal-Mulej” għalina, m’aħniex se naħlu l-ftit ħin prezzjuż li fadal.—Efesin 5:15-17; 1 Pietru 4:1-4.
16 Minħabba li nafu li ġejja l-qerda fuq din is-sistema dinjija kollha kemm hi, kif għandna niġu effettwati personalment? Għall-benefiċċju tagħna l-appostlu Pietru kiteb: “Ladarba dawn kollha għad idubu b’dan il-mod, x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” (2 Pietru 3:11, NW) Dan hu verament it-tip taʼ persuni li għandna nkunu! Fi qbil mal-parir għaqli taʼ Pietru, għandna bżonn (1) noqogħdu attenti ferm għall-kondotta tagħna sabiex inkunu ċerti li hi qaddisa u (2) nagħmlu żgur li l-għemejjel żelużi tagħna fis-servizz taʼ Jehovah dejjem jirriflettu l-imħabba profonda tagħna għalih.
17. Għal liema nases taʼ Satana għandhom joqogħdu għassa l-Kristjani leali?
17 L-imħabba għal Alla se żżommna milli norbtu qalbna maʼ din id-dinja minħabba l-ġibdiet tagħha. Meta nqisu dak li se jiġri lil din is-sistema dinjija, hu perikoluż li nħallu l-ġibdiet attraenti u t-tlellix taʼ ħajja materjalistika u laxka jħajruna. Għalkemm ngħixu u naħdmu fid-dinja, għandna nagħtu kas il-parir għaqli biex ma nużawx id-dinja bis-sħiħ. (1 Korintin 7:31, NW) Fil-fatt, għandna nagħmlu l-aħjar tagħna biex noqogħdu b’sebaʼ għajnejn li ma niġux imqarrqin mill-propaganda tad-dinja. Din id-dinja mhix se jirnexxilha ssib soluzzjonijiet għall-problemi tagħha. M’hijiex se tibqaʼ għaddejja għal dejjem. Għala nistgħu nkunu daqshekk ċerti? Għaliex il-Kelma ispirata t’Alla hekk tgħid: “Id-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwanni 2:17.
L-Aħjar Għadu Ġej!
18, 19. Liema bidliet qed tistenna fid-dinja l-ġdida, u għala se jkun jiswielek li tistenna?
18 Jehovah dalwaqt se jniżżel is-siparju fuq Satana u dawk li jappoġġawh. Wara dan, bil-barka t’Alla, dawk l-uħud leali li jsalvaw mit-tmiem taʼ din is-sistema se jibdew jaħdmu biex jagħmlu l-bidliet meħtieġa fix-“xena” li se jibqgħu għal dejjem. Il-gwerra mhix se tibqaʼ tħassar ix-xena; Alla se “jwaqqaf il-gwerer sa truf l-art.” (Salm 46:10 [46:9, NW]) Minflok nuqqas taʼ ikel, ‘il-qamħ se jkun kotran fuq l-art; jogħla sal-qċaċet.’ (Salm 72:16) Il-ħabsijiet, l-għases tal-pulizija, il-mard trasmess sesswalment, il-barunijiet tad-droga, il-qrati li jittrattaw id-divorzju, il-proċeduri legali minħabba falliment, u t-terroriżmu, se jisparixxu.—Salm 37:29; Isaija 33:24; Apokalissi 21:3-5.
19 L-oqbra se jitbattlu, u biljuni taʼ wħud irxoxtati—atturi oħra—se jidhru fuq ix-xena. X’ferħ se jkun hemm meta ġenerazzjoni waħda tingħaqad m’oħra u meta maħbubin li ilhom separati jilqgħu lil xulxin b’tgħanniqa kollha mħabba! Eventwalment, kull min jgħix se jaqdi lil Jehovah. (Apokalissi 5:13) Meta l-bidliet ikunu kompleti, se jitlaʼ s-siparju u tfeġġ Ġenna taʼ l-art mad-dinja kollha. Kif se tħossok meta tħares lejn din ix-xena? Bla dubju se titqanqal biex tgħid, ‘Kemm ilni nistennieha, imma kemm swieli li stennejt!’
[Noti taʼ taħt]
a F’kuntest differenti, Pawlu tkellem dwar il-Kristjani midlukin bħala li huma “spettaklu [“teatrali,” NW] għad-dinja, għall-anġli u għall-bnedmin.”—1 Korintin 4:9.
b Per eżempju, rigward l-identità tas-“sultan tat-tramuntana,” imsemmi f’Danjel 11:40, 44, 45, ara l-ktieb Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel, paġni 280-1.
c Il-Bibbja nfisha tindika li Ġerusalemm waqgħet 70 sena qabel ma l-Lhud eżiljati rritornaw fis-sena 537 Q.E.K. (Ġeremija 25:11, 12; Danjel 9:1-3) Għal diskussjoni dettaljata dwar “iż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus,” ara paġni 95-7 tal-ktieb Reasoning From the Scriptures, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Int Kif Twieġeb?
• Il-kliem taʼ l-appostlu Pawlu “x-xena taʼ din id-dinja qed tinbidel” kif wera li huwa minnu fi żmienna?
• Il-kronoloġija Biblika kif tipponta lejn it-tmiem taż-“żminijiet stabbiliti tal-ġnus”?
• Il-kundizzjonijiet tad-dinja li dejjem jinbdlu kif jikkonfermaw li s-sena 1914 immarkat il-bidu taż-“żmien taʼ l-aħħar”?
• Il-fatt li “ż-żmien [“li fadal,” NW] qsar” kif għandu jeffettwana?
[Stampa f’paġna 20]
Sa fl-aħħar—il-misteru jissolva!