LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 7/15 pp. 28-31
  • Int Tistaʼ Tibqaʼ Safi f’Dinja Immorali

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int Tistaʼ Tibqaʼ Safi f’Dinja Immorali
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Abbiltà tal-​Ħsieb li Tipproteġik
  • Oqgħod Attent mill-​Kliem Melliesi
  • Prezz Għoli Wisq
  • “Ixrob l-​Ilma mill-​Bir Tiegħek”
  • Bżonn taʼ Kontroll Fuqna Nfusna
  • “Il-​Ħażin bi Ħżunitu Jinqabad”
  • ‘Ifraħ b’Mart Żgħożitek’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Aħrab mill-immoralità sesswali!
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Ħalli lil Ġeħova jsaħħaħ u jipproteġi ż-żwieġ tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Tipprojbixxi l-Bibbja l-Pjaċir Sesswali?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 7/15 pp. 28-31

Int Tistaʼ Tibqaʼ Safi f’Dinja Immorali

HU KIEN samrani u gustuż. Hi kienet intelliġenti u ħelwa. Kienu jaħdmu flimkien maʼ l-​istess kumpanija. Hi kienet tagħtih ħafna attenzjoni persunali. Hu kien jagħmlilha ħafna kumplimenti. Kienu jixtru r-​rigali lil xulxin. Ma damux wisq ma saru maħbubin. Minħabba fiha, hu telaq lil martu. Fl-​aħħar, hi ddeċidiet li tibqaʼ mar-​raġel tagħha u ttemm ir-​relazzjoni taʼ bejniethom. B’nofs qalb, hu reġaʼ lura maʼ martu. Iżda ma rnexxilux isalva ż-​żwieġ tiegħu għax ma kienx iddispjaċieh tassew għal dak li kien għamel. Il-​persuni involuti komplew bil-​ħajja tagħhom, iżda l-​ħsara kienet laħqet saret.

F’din id-​dinja, ħadd m’għadu jqis il-​moralità sesswali bħala virtù. Donnu llum, kulħadd moħħu fil-​pjaċiri u f’li jissodisfa ruħu akkost taʼ kollox. Skond in-​New Encyclopædia Britannica l-​adulterju jidher li hu mifrux maʼ kullimkien u, “f’xi każi, komuni daqs iż-​żwieġ.”

Madankollu, Alla Jehovah jixtieq li ż-​żwieġ ikun “miżmum fil-​ġieħ minn kulħadd” u s-​sodda taż-​żwieġ tkun “bla tinġis.” (Lhud 13:4) L-​Iskrittura tgħid: “La titqarrqux! La żienja, la idolatri, la adulteri, la effemminati, la omosesswali . . . ma jirtu s-​saltna taʼ Alla!” (1 Korintin 6:9, 10) Għalhekk, jekk irridu li jkollna l-​favur t’Alla, irridu nżommu ndaf moralment f’din id-​dinja immorali.

Kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna mill-​influwenzi korrotti taʼ madwarna? Is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem jagħtina t-​tweġibiet, u dawn insibuhom fil-​ħames kapitlu tal-​ktieb Bibliku tal-​Proverbji. Ejja neżaminaw x’għandu x’jgħidilna.

Abbiltà tal-​Ħsieb li Tipproteġik

“Ibni, agħti kas għerfi,” jibda s-​sultan taʼ Iżrael. Imbagħad hu jżid: “Agħti widen għal tagħlimi, biex tagħraf iżżomm il-​qjies [“l-​abbiltà tal-​ħsieb,” “NW”], u kliemek ikun mogħni bl-​għerf.”—Proverbji 5:1, 2.

Biex nirreżistu t-​tentazzjonijiet immorali, neħtieġu l-​għerf—l-​abbiltà li nużaw l-​għarfien li għandna taʼ l-​Iskrittura—u d-​dixxerniment, jew l-​abbiltà li nagħrfu t-​tajjeb mill-​ħażin u li nagħżlu t-​triq it-​tajba. Aħna qed niġu mħeġġin nagħtu kas l-​għerf u d-​dixxerniment biex b’hekk inħarsu l-​abbiltà tal-​ħsieb tagħna. Kif nistgħu nagħmluh dan? Meta nistudjaw il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, irridu nagħtu kas tal-​mod kif Jehovah jagħmel l-​affarijiet u nagħtu widen għar-​rieda u l-​iskopijiet tiegħu. Billi nagħmlu dan, inkunu qed nagħtu d-​direzzjoni t-​tajba lill-​mod taʼ ħsieb tagħna. B’hekk, l-​abbiltà tal-​ħsieb li niksbu tkun fi qbil maʼ l-​għerf u l-​għarfien divin. Meta tintuża kif suppost, din l-​abbiltà tipproteġina milli naqgħu fin-​nassa taʼ l-​immoralità.

Oqgħod Attent mill-​Kliem Melliesi

Ir-​raġuni għala l-​abbiltà tal-​ħsieb hija essenzjali biex inżommu s-​safa morali f’dinja maħmuġa hija minħabba l-​azzjonijiet seduċenti taʼ persuna immorali. Salamun iwissi: “Xufftejn il-​mara żienja għasel iqattru, u kliemha mieles aktar miż-​żejt; imma fl-​aħħar hi morra daqs l-​assenzju, taqtaʼ daqs sejf b’żewġt ixfra.”—Proverbji 5:3, 4.

F’dan il-​proverbju, il-​persuna li tagħmel taʼ rasha hija deskritta bħala “mara żienja”—jew “barranija” (Saydon).a Il-​kliem li tuża biex bih tisseduċi l-​vittma tagħha huwa ħelu bħall-​għasel u iktar mieles miż-​żejt taż-​żebbuġa. Mhux hekk jibdew il-​biċċa l-​kbira tar-​relazzjonijiet sesswali u immorali? Per eżempju, ikkunsidra l-​esperjenza taʼ ċerta segretarja grazzjuża jisimha Amy li għandha 27 sena. Hi tirrakkonta: “Dar-raġel taʼ fuq ix-​xogħol jagħtini ħafna attenzjoni u jieħu kull opportunità biex ifaħħarni. Tieħu pjaċir meta xi ħadd jagħtik dik l-​attenzjoni kollha. Imma nistaʼ ninduna kemm l-​interess tiegħu fija huwa biss wieħed sesswali. Jipprova kemm jipprova jitħabbeb miegħi mhux se jirnexxilu jwaqqagħni.” Ġeneralment, il-​kliem melliesi taʼ dawk li jisseduċu jidher sabiħ jekk ma nindunawx x’ikun hemm minn taħt. Biex nagħmlu dan irridu nużaw l-​abbiltà tal-​ħsieb tagħna.

Il-​konsegwenzi taʼ l-​immoralità huma morri daqs l-​assenzju u jaqtgħu daqs sejf b’żewġt ixfar—huma taʼ wġigħ u jġibu l-​mewt. Taʼ spiss, l-​effetti qarsa taʼ kondotta bħal din huma kuxjenza mtaqqla, tqala mhix mixtieqa, jew mard trasmess sesswalment. U aħseb ftit dwar l-​uġigħ kbir emozzjonali li jgħaddu minnu s-​sieħeb jew is-​sieħba taʼ l-​individwu li ma jibqax leali. Att wieħed taʼ infedeltà fiż-​żwieġ jistaʼ jikkaġuna feriti kbar li jibqgħu miegħek għal għomrok. Iva, l-​immoralità tweġġaʼ.

Is-sultan għaref ikompli jgħid hekk dwar l-​istil taʼ ħajja tal-​mara stinata: “Lejn il-​mewt jinżlu riġlejha, lejn qiegħ l-​art jieħu l-​mixi tagħha. Ma tagħtix kas triq il-​ħajja, ’l hawn u ’l hemm timxi, m’għandhiex kwiet.” (Proverbji 5:5, 6) It-​triqat tal-​mara immorali jwassluha għall-​mewt—il-​mixi tagħha lejn qiegħ l-​art, il-​qabar komuni tal-​bniedem. Meta naraw kemm il-​mard trasmess sesswalment, speċjalment l-​AIDS, huwa mifrux maʼ kullimkien, naraw kemm huwa minnu dan il-​kliem. Jiġrilha l-​istess bħalma jiġrilhom dawk li jissieħbu magħha fil-​ħażen tagħha.

Billi juri tħassib mill-​qalb, is-​sultan iħeġġeġ: “Imma, ibni, ismaʼ lili, titbigħedx minn kliem fommi. Żomm triqtek ’il bogħod minnha, u tersaqx qrib bieb darha.”—Proverbji 5:7, 8.

Aħna rridu nżommu ’l bogħod kemm jistaʼ jkun mill-​influwenzi taʼ nies immorali. Għala għandna npoġġu lilna nfusna fil-​periklu billi nisimgħu mużika mhux dinjituża, nieħdu pjaċir b’divertiment korrott, jew nagħtu kas materjal pornografiku? (Proverbji 6:27; 1 Korintin 15:33; Efesin 5:3-5) U xi bluha tkun jekk niġbdu l-​attenzjoni taʼ dawn in-​nies billi noqogħdu nitkessħu magħhom, jew billi nuru nuqqas taʼ diċenza fl-​ilbies u fid-​dehra tagħna!—1 Timotju 4:8; 1 Pietru 3:3, 4.

Prezz Għoli Wisq

Għal liema raġuni oħra għandna nżommu ’l bogħod minn persuna ribelluża? Salamun iwieġeb: “Biex ma titlifx ġieħek quddiem ħaddieħor; u lanqas titlaq sninek lil xi ħadd bla ħniena, biex ma jitpaxxewx b’ġidek il-​barranin, u frott xogħlok imur f’dar ħaddieħor. U int toqgħod tokrob fl-​aħħar taʼ ħajtek, huma u jintemmu laħmek u ġismek.”—Proverbji 5:9-11.

B’dan il-​mod Salamun qed jenfasizza l-​prezz għoli li wieħed iħallas jekk iċedi għall-​immoralità. L-​adulterju u t-​telf tad-​dinjità, jew tar-​rispett lejk innifsek, imorru id f’id. M’huwiex tassew umiljanti li nservu biss bħala oġġett biex nissodisfaw il-​passjoni immorali tagħna stess jew dik taʼ ħaddieħor? M’huwiex veru li jekk infittxu intimità sesswali maʼ xi ħadd li m’huwiex is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħna fiż-​żwieġ inkunu qed nuru nuqqas taʼ rispett lejna nfusna?

X’ifisser iżda li nagħtu ‘s-​snin tagħna, ġidna, u l-​frott taʼ xogħolna lill-​barranin, jew lil ħaddieħor’? Bħalma jgħid xogħol wieħed taʼ referenza: “Il-​punt taʼ dawn il-​versi huwa ċar: Il-​prezz taʼ l-​infedeltà jistaʼ jkun għoli; għax kull ħaġa li wieħed jaħdem għaliha—pożizzjoni, poter, u ġid—jistaʼ jitlifha jekk il-​mara tagħmel talbiet rgħiba jew jekk il-​komunità titlob biex jitħallsu d-​danni.” Ir-​relazzjonijiet immorali jistgħu jiswew ħafna!

Wara li l-​iblah ikun tilef id-​dinjità tiegħu u ma jkun baqagħlu xejn, għandu mnejn jokrob u jgħid: “Kemm kont nobogħdu t-​tagħlim, u ma kontx naħmel it-​twiddib! Ma smajtx kliem min ried jgħallimni, ma tajtx widen lil min kien iwissini. Kont wasalt biex nitlef kollox, quddiem il-​laqgħa tal-​ġemgħa!”—Proverbji 5:12-14.

Maż-żmien, il-​midneb joħroġ b’dik li wieħed studjuż isejħilha “litanija twila taʼ ‘li kieku’: li kieku smajt minn missieri; li kieku m’għamiltx taʼ rasi; li kieku ħadt il-​parir taʼ ħaddieħor.” Madankollu, meta jirrealizza dan ikun tard wisq. Il-​ħajja tiegħu, li issa ma għadhiex iktar safja, diġà ġiet rovinata u r-​reputazzjoni tiegħu mħassra. Kemm huwa vitali għalina li qabel ma nħallu l-​immoralità tirbaħna, nikkunsidraw xi prezz għoli se nħallsu jekk ninvolvu ruħna fiha!

“Ixrob l-​Ilma mill-​Bir Tiegħek”

Iżżomm lura l-​Bibbja milli titkellem dwar ir-​relazzjonijiet sesswali? Lanqas xejn. L-​emozzjonijiet marbutin maʼ l-​imħabba romantika u l-​estasi li jgawdu raġel u mara bejniethom huma għotjiet mingħand Alla. Madankollu, l-​imseħbin fiż-​żwieġ biss għandhom dritt igawduha din l-​intimità. Għalhekk lir-​raġel miżżewweġ, Salamun jagħtih din it-​twissija: “Ixrob l-​ilma mill-​bir tiegħek, u l-​ilma ġieri min-​nixxiegħa tiegħek. Trid l-​ilma taʼ l-​għajn tiegħek jixxerred barra, u n-​nixxigħat taʼ l-​ilma f’nofs it-​triq? Żommhom għalik waħdek, isseħibx lil ħaddieħor miegħek.”—Proverbji 5:15-17.

“Il-​bir tiegħek” u “n-​nixxiegħa tiegħek” huma espressjonijiet poetiċi għal mara miżżewġa għażiża. Il-​pjaċir sesswali li tieħu magħha huwa mqabbel maʼ li tixrob ilma rifreskanti. Kuntrarju għall-​provvista taʼ l-​ilma f’postijiet pubbliċi, il-​bir jew in-​nixxiegħa huma meqjusin bħala propjetà privata. U r-​raġel jingħata l-​parir biex ikun il-​missier t’ulied martu f’daru minflok ma jferrex iż-​żerriegħa tiegħu f’nofs taʼ triq, jiġifieri, maʼ nisa oħrajn. Jidher ċar li l-​parir li qed jingħata hawnhekk hu li r-​raġel ikun leali lejn martu.

Ir-raġel għaref ikompli: “Tkun imbierka l-​għajn tiegħek, mart żgħożitek! Ifraħ biha. Hi bħal ċerva għażiża, bħal għażżiela ħelwa. Jimliek dejjem bl-​għaxqa ż-​żegħil tagħha, issaħħrek bla heda mħabbitha.”—Proverbji 5:18, 19.

‘L-​għajn taʼ l-​ilma,’ jew funtana, tirreferi għas-​sors taʼ sodisfazzjon sesswali. Il-​pjaċir sesswali bejn l-​imseħbin fiż-​żwieġ hu ‘mbierek’—rigal mingħand Alla. Għaldaqstant, ir-​raġel huwa mħeġġeġ biex jifraħ bil-​mara taʼ żgħożitu. Għalih, hi taʼ min iħobbha u sabiħa bħal ċerva, u tgħaxxqu u ssaħħru bħal għażżiela.

Salamun imbagħad jistaqsi żewġ mistoqsijiet retoriċi: “Għaliex tiġġennen, ibni, wara mara oħra, u tħaddan miegħek mara żienja?” (Proverbji 5:20) Iva, persuna miżżewġa għala għandha tfittex l-​intimità barra ż-​żwieġ maʼ wħud li tiltaqaʼ magħhom fuq il-​post tax-​xogħol, l-​iskola, jew xi mkien ieħor?

L-appostlu Pawlu jagħti dan il-​parir lill-​Kristjani miżżewġin: “Dan ngħidilkom, ħuti: iż-​żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx.” (1 Korintin 7:29) X’ifisser dan? Sewwa, is-​segwaċi taʼ Ġesù Kristu għandhom ‘ifittxu l-​ewwel is-​Saltna.’ (Mattew 6:33) Għalhekk, koppji miżżewġin m’għandhomx ikunu daqstant mitlufin wara xulxin li jpoġġu l-​interessi tas-​Saltna fit-​tieni post f’ħajjithom.

Bżonn taʼ Kontroll Fuqna Nfusna

Ix-​xewqat sesswali jistgħu jiġu kontrollati. Hekk għandu jsir minn dawk li jixtiequ jkollhom l-​approvazzjoni taʼ Jehovah. “Dan irid Alla minnkom: il-​qdusija tagħkom, li titbiegħdu miż-​żína, u li kull wieħed minnkom iżomm ’il ġismu fil-​qdusija u l-​ġieħ,” iwissi l-​appostlu Pawlu.—1 Tessalonikin 4:3, 4.

Għalhekk, iż-​żgħażagħ m’għandhomx jgħaġġlu biex jiżżewġu meta jkunu għadhom kemm bdew jesperjenzaw it-​tqanqil sesswali. Iż-​żwieġ huwa rabta, u jeħtieġ il-​maturità biex twettaq responsabbiltà bħal din. (Ġenesi 2:24) Għalhekk huwa aħjar li tistenna sakemm ikun “għadda l-​fjur taż-​żgħożija”—il-​perijodu meta x-​xewqat sesswali jkunu fl-​aqwa tagħhom u jistgħu jċajprulek id-​deċiżjoni tiegħek. (1 Korintin 7:36, NW) Xi dnub u xi bluha jekk adult li jixtieq jiżżewweġ jinvolvi ruħu f’relazzjonijiet immorali sempliċement minħabba li ma jistax isib sieħba xierqa għaż-​żwieġ!

“Il-​Ħażin bi Ħżunitu Jinqabad”

Ir-​raġuni ewlenija għala l-​immoralità sesswali titqies bħala ħażina hija li Jehovah​—id-​Donatur tal-​ħajja u Dak li żejjen lill-​bnedmin b’kapaċità sesswali—ma japprovahiex. Għalhekk biex juri liema hu l-​aqwa motiv għas-​safa morali, is-​Sultan Salamun jistqarr: “Quddiem il-​Mulej l-​imġiba tal-​bniedem; il-​Mulej jgħasses il-​mixi kollu tiegħu.” (Proverbji 5:21) Iva, m’hemm xejn moħbi f’għajnejn Alla, “li lilu rridu nagħtu kont.” (Lhud 4:13) Kull għemil taʼ nuqqas taʼ ndafa sesswali, isir kemm isir fis-​sigriet u minkejja l-​konsegwenzi fiżiċi jew soċjali li jistaʼ jkollu, se jagħmel ħsara lir-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah. X’ħasra tkun li nitilfu l-​paċi m’Alla minħabba ftit mumenti taʼ pjaċir mhux xieraq!

Donnhom xi wħud, li jinvolvu ruħhom fi prattiċi immorali bla mistħija taʼ xejn, jagħmlu dan u qatt ma jiġrilhom xejn. Imma mhux għal żmien twil. Salamun jiddikjara: “Il-​ħażin bi ħżunitu jinqabad, u bil-​ħbula taʼ ħtijietu jintrabat; jintemm minħabba n-​nuqqas taʼ għaqal, jintilef minħabba l-​bluha kbira tiegħu.”—Proverbji 5:22, 23.

Għala għandu qatt xi ħadd minna jiżvija mit-​triq? Wara kollox, il-​ktieb tal-​Proverbji jwissina bil-​quddiem dwar il-​modi seduċenti tad-​dinja. Jurina wkoll xi prezz ikollna nħallsu ġeneralment minħabba l-​immoralità sesswali—saħħitna, il-​ġid materjali tagħna, il-​qawwa u d-​dinjità tagħna. Billi nafu sew x’jistaʼ jiġrilna, qatt m’għandna għalfejn niġu f’pożizzjoni li naqgħu għal-​litanija twila taʼ “li kieku.” Iva, billi napplikaw il-​parir li Jehovah tana fil-​Kelma ispirata tiegħu, nistgħu nibqgħu moralment safjin f’dinja immorali.

[Nota taʼ taħt]

a Il-kelma “barranija” kienet tintuża biex tirreferi għal dawk l-​uħud li warrbu dak li kien fi qbil mal-​Liġi, u b’hekk tbegħdu minn Jehovah. Għaldaqstant, “mara żienja” hija wkoll “barranija.”

[Stampi f’paġna 30]

Il-​konsegwenzi taʼ l-​immoralità huma morri daqs l-​assenzju

[Stampi f’paġna 31]

‘Ifraħ b’mart żgħożitek’

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja