LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • fy kap. 2 pp. 13-26
  • Nippreparaw Għal Żwieġ Li Jirnexxi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nippreparaw Għal Żwieġ Li Jirnexxi
  • Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • LEST INT GĦAŻ-​ŻWIEĠ?
  • KUN AF LILEK INNIFSEK L-​EWWEL
  • DAK LI GĦANDEK TFITTEX F’SIEĦEB JEW F’SIEĦBA
  • TKIXXEF MINN QABEL
  • ŻOMM L-​GĦERUSIJA TIEGĦEK ONORABBLI
  • INĦARSU LIL HINN MIT-​TIEĠ
  • Iż-żwieġ—Rigal mingħand Alla
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Iż-Żwieġ—Għotja Mingħand Alla taʼ Mħabba
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • X’Hemm Bżonn Biex Żwieġ Ikun Suċċess?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Wara l-ġurnata tat-tieġ
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
Ara Iżjed
Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
fy kap. 2 pp. 13-26

Kapitlu Tnejn

Nippreparaw Għal Żwieġ Li Jirnexxi

1, 2. (a) Ġesù kif enfasizza l-​importanza taʼ l-​ippjanar? (b) L-​ippjanar f’liema qasam huwa partikolarment vitali?

IL-​KOSTRUZZJONI taʼ bini tirrikjedi preparazzjoni bir-​reqqa. Qabel ma jitqiegħed il-​pedament, trid tiġi akkwistata l-​art u jsiru l-​pjanti. Madankollu, xi ħaġa oħra hija vitali. Ġesù qal: “Min minnkom ikun irid jibni torri, u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-​ewwelnett, iqis in-​nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-​aħħar?”​—Luqa 14:28.

2 Dak li japplika għall-​kostruzzjoni taʼ bini japplika wkoll għall-​kostruzzjoni taʼ żwieġ li jirnexxi. Ħafna jgħidu: “Irrid niżżewweġ.” Imma kemm huma dawk li jieqfu biex jikkunsidraw l-​ispiża? Waqt li l-​Bibbja titkellem favorevolment dwar iż-​żwieġ, tiġbed ukoll l-​attenzjoni lejn l-​isfidi li dan jippreżenta. (Proverbji 18:22; 1 Korintin 7:28) Għalhekk, dawk li qegħdin jikkontemplaw iż-​żwieġ jeħtieġ li jkollhom ħarsa realistika kemm tal-​barkiet u kemm taʼ l-​ispejjeż taʼ li wieħed ikun miżżewweġ.

3. Il-​Bibbja għala hija għajnuna taʼ valur għal dawk li qegħdin jippjanaw għaż-​żwieġ, u liema tliet mistoqsijiet se tgħinna nwieġbu?

3 Il-​Bibbja tistaʼ tgħin. Il-​pariri tagħha huma ispirati mill-​Oriġinatur taż-​żwieġ, Alla Jehovah. (Efesin 3:​14, 15; 2 Timotju 3:16) Billi nużaw il-​prinċipji misjubin f’dan il-​ktieb taʼ gwida antik u madankollu aġġornat ferm, ejjew niddeterminaw (1) Kif tistaʼ persuna tgħid jekk hix lesta għaż-​żwieġ? (2) X’għandu jiġi mfittex f’sieħeb jew f’sieħba? u (3) Kif tistaʼ l-​għerusija tinżamm onorabbli?

LEST INT GĦAŻ-​ŻWIEĠ?

4. Liema huwa fattur vitali f’li nżommu żwieġ li jirnexxi, u għala?

4 Il-​kostruzzjoni taʼ bini tistaʼ tiswa ħafna flus, imma li tieħu ħsieb il-​manutenzjoni tiegħu għal tul taʼ żmien jiswa ħafna wkoll. Huwa simili fiż-​żwieġ. Li tiżżewweġ jidher taʼ sfida biżżejjed; madankollu, li żżomm relazzjoni fiż-​żwieġ sena wara l-​oħra jrid jiġi kkunsidrat ukoll. Li żżomm relazzjoni bħal din x’jinvolvi? Fattur vitali huwa impenn b’qalbek kollha. Dan huwa kif il-​Bibbja tiddeskrivi r-​relazzjoni fiż-​żwieġ: “Ir-​raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu u jsiru ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) Ġesù Kristu ta l-​unika bażi Skritturali għal divorzju bil-​possibiltà taʼ żwieġ mill-​ġdid​—il-​“fornikazzjoni,” jiġifieri, relazzjonijiet sesswali illeċti barra miż-​żwieġ. (Mattew 19:9, NW) Jekk qiegħed tikkontempla ż-​żwieġ, żomm dawn il-​livelli Skritturali f’moħħok. Jekk m’intix lest għal dan l-​impenn solenni, allura m’intix lest għaż-​żwieġ.​—Dewteronomju 23:​22 [23:​21, NW]; Koħelet 5:​3, 4 [5:4, 5, NW].

5. Għalkemm l-​impenn solenni taż-​żwieġ ibeżżaʼ lil xi wħud, għala għandu minflok ikun stmat ħafna minn dawk li bi ħsiebhom jiżżewġu?

5 L-​idea taʼ impenn solenni tbeżżaʼ lil ħafna nies. “Il-​fatt li kont naf li t-​tnejn li aħna konna marbutin flimkien għal għomorna ġegħelni nħossni ristrett, iċċirkondat, totalment ikkonfinat,” ammetta wieħed żagħżugħ. Imma jekk tassew tħobbha l-​persuna li bi ħsiebek tiżżewweġ, l-​impenn m’huwiex se jidher donnu xi tagħbija. Minflok, se jitqies bħala sors taʼ sigurtà. Is-​sens taʼ impenn li huwa implikat fiż-​żwieġ se jagħmel lil koppja jkunu jridu jibqgħu flimkien matul żminijiet tajbin u ħżiena u jkunu t’appoġġ għal xulxin jiġri x’jiġri. L-​appostlu Kristjan Pawlu kiteb li l-​vera mħabba “taf tistabar” u “kollox tissaporti.” (1 Korintin 13:4, 7) “L-​impenn taż-​żwieġ iġegħelni nħossni iktar fis-​sigurtà,” tgħid waħda mara. “Jien inħobb il-​faraġ taʼ li ammettejna magħna nfusna u mad-​dinja li bi ħsiebna nibqgħu magħqudin flimkien.”​—Koħelet 4:​9-12.

6. Għala huwa aħjar li wieħed ma jgħaġġilx biex jiżżewweġ meta jkun t’età żgħira?

6 Li ngħixu fi qbil maʼ impenn bħal dan jirrikjedi maturità. B’hekk, Pawlu jagħti parir li l-​Kristjani jkunu iktar għaqlin jekk ma jiżżewġux sakemm ikunu ‘għaddew il-​fjur taż-​żgħożija,’ il-​perijodu meta t-​tqanqil sesswali jkun fl-​aqwa tiegħu u jistaʼ jħawwad lil dak li jkun biex ma jibqax jirraġuna. (1 Korintin 7:​36, NW) Iż-​żgħażagħ jinbidlu malajr hekk kif ikunu qegħdin jikbru. Ħafna li jiżżewġu meta jkunu għadhom żgħar ħafna jsibu li wara biss ftit tas-​snin il-​ħtiġijiet u x-​xewqat tagħhom, kif ukoll dawk tas-​sieħeb jew is-​sieħba, inbidlu. L-​istatistika tirrivela li l-​adolexxenti li jiżżewġu għandhom probabbiltà ferm akbar li jkunu mdejqin u jfittxu d-​divorzju minn dawk li jistennew ftit iktar. Mela tgħaġġilx biex tiżżewweġ. Il-​ftit snin li tgħix bħala adult żagħżugħ mhux miżżewweġ jistgħu jagħtuk esperjenza prezzjuża li se tagħmlek iktar matur u kkwalifikat aħjar biex tkun sieħeb jew sieħba xierqa. Li tistenna ftit qabel ma tiżżewweġ jistaʼ jgħinek ukoll biex tifhem lilek innifsek aħjar​—neċessità jekk int se tiżviluppa relazzjoni li tirnexxi fiż-​żwieġ tiegħek.

KUN AF LILEK INNIFSEK L-​EWWEL

7. Dawk li qegħdin jippjanaw biex jiżżewġu għala għandhom l-​ewwel jeżaminaw lilhom infushom?

7 Issibha faċli int li tagħmel lista tal-​kwalitajiet li trid f’sieħeb jew f’sieħba? Il-​biċċa l-​kbira jsibuha. Madankollu, xi ngħidu għall-​kwalitajiet tiegħek stess? Liema karatteristiċi għandek li se jgħinuk tikkontribwixxi għal żwieġ li jirnexxi? Int x’tip taʼ raġel miżżewweġ jew mara miżżewġa se tkun? Per eżempju, tammetti int liberament l-​iżbalji tiegħek u taċċettah parir, jew dejjem lest li tiddefendi ruħek meta tiġi kkorreġut? Tkun int ġeneralment f’burdata tajba u ottimist, jew għandek it-​tendenza li tkun bil-​geddum, billi tgerger taʼ spiss? (Proverbji 8:33; 15:15) Ftakar, iż-​żwieġ m’huwiex se jbiddel il-​personalità tiegħek. Jekk int kburi, sensittiv iżżejjed, jew pessimist iżżejjed meta għadek għażeb, se tkun l-​istess meta tiżżewweġ. Ladarba huwa diffiċli li naraw lilna nfusna bħalma jarana ħaddieħor, għala ma tistaqsix lil ġenitur jew ħabib li tafdah għal xi kummenti u suġġerimenti sinċieri? Jekk issir taf b’xi bidliet li jistgħu jsiru, aħdem fuq dawn qabel ma tieħu passi biex tiżżewweġ.

8-10. Il-​Bibbja tagħti liema pariri li se jgħinu lil individwu biex jipprepara għaż-​żwieġ?

8 Il-​Bibbja tinkuraġġina biex inħallu lill-​ispirtu qaddis t’Alla jaħdem fina, billi jipproduċi kwalitajiet bħalma huma “l-​imħabba, il-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, i[t]-tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażan.” Tgħidilna wkoll li ‘għandna niġġeddu b’tibdila spiritwali tal-​fehma tagħna’ u biex ‘nilbsu l-​bniedem il-​ġdid, maħluq skond Alla, fil-​ġustizzja u l-​qdusija ġejja mill-​verità.’ (Galatin 5:​22, 23; Efesin 4:​23, 24) Li tapplika dan il-​parir waqt li tkun għadek għażeb se jkun bħal li kieku qiegħed tiddepożita xi flus fil-​bank​—xi ħaġa li se turi li tkun ferm taʼ valur fil-​futur, meta fil-​fatt tiżżewweġ.

9 Per eżempju, jekk int mara, tgħallem agħti iktar attenzjoni lejn ‘dik li hi moħbija f’qalbek [“il-​persuna sigrieta,” NW]’ milli lejn l-​apparenza fiżika tiegħek. (1 Pietru 3:​3, 4) Il-​modestja u l-​moħħ floku se jgħinuk biex ikollok l-​għerf, tabilħaqq “kuruna sabiħa.” (Proverbji 4:9; 31:​10, 30; 1 Timotju 2:​9, 10) Jekk int raġel, tgħallem ittratta lin-​nisa b’qalb tajba u b’rispett. (1 Timotju 5:​1, 2) Waqt li qiegħed titgħallem tieħu deċiżjonijiet u terfaʼ r-​responsabbiltà, tgħallem ukoll kif tkun modest u umli. Attitudni dominanti se twassal għal inkwiet fiż-​żwieġ.​—Proverbji 29:23; Mikea 6:8; Efesin 5:​28, 29.

10 Għalkemm li wieħed iġedded lil moħħu f’dawn l-​aspetti m’huwiex faċli, din hija xi ħaġa li l-​Kristjani kollha għandhom jaħdmu fuqha. U dan se jgħinek biex tkun sieħeb jew sieħba aħjar fiż-​żwieġ.

DAK LI GĦANDEK TFITTEX F’SIEĦEB JEW F’SIEĦBA

11, 12. Tnejn min-​nies kif jistgħu jiskopru jekk humiex kompatibbli jew le?

11 Hija l-​użanza fejn toqgħod int li persuna tagħżel lil min trid hi biex tiżżewweġ? Jekk inhu hekk, x’għandek tagħmel jekk tibda tiffansja lil xi ħadd mis-​sess oppost? L-​ewwel, staqsi lilek innifsek, ‘Huwa ż-​żwieġ tassew l-​intenzjoni tiegħi?’ Hija krudeltà li tilgħab bl-​emozzjonijiet taʼ persuna oħra billi ġġiegħel li jkollha tamiet foloz. (Proverbji 13:12) Imbagħad, staqsi lilek innifsek, ‘Qiegħed jien f’pożizzjoni li niżżewweġ?’ Jekk it-​tweġiba għaż-​żewġ mistoqsijiet hija pożittiva, il-​passi li tieħu wara dan se jvarjaw skond l-​użanzi lokali. F’xi pajjiżi, wara li tkun osservajt għal ftit taʼ żmien lill-​persuna, int tistaʼ tavviċinaha u tesprimi x-​xewqa biex issir tafha aħjar. Jekk ir-​rispons ikun negattiv, tippersistix sal-​punt li taġixxi b’mod oġġezzjonabbli. Ftakar, il-​persuna l-​oħra wkoll għandha d-​dritt li tagħmel id-​deċiżjoni tagħha fuq il-​kwistjoni. Jekk, madankollu, ir-​rispons ikun pożittiv, tistaʼ tirranġa li tqattgħu ħin flimkien f’attivitajiet bnini. Dan se jagħtik opportunità biex tara jekk żwieġ maʼ din il-​persuna jkunx għaqli.a X’għandek tfittex f’dan l-​istadju?

12 Biex inwieġbu dik il-​mistoqsija, immaġina żewġ strumenti mużikali, forsi pjanu u kitarra. Jekk ikunu intonati sew, kull wieħed minnhom jistaʼ jipproduċi mużika solo sabiħa. Madankollu, x’jiġri jekk dawn l-​istrumenti jindaqqu flimkien? Issa jridu jkunu f’tonalità maʼ xulxin. Huwa simili għalik u għal sieħba prospettiva. It-​tnejn li intom għandkom mnejn ħdimtu iebes biex iġġibu l-​karatteristiċi tal-​personalità tagħkom f’“tonalità” bħala individwi. Imma l-​mistoqsija issa hija: Qegħdin f’tonalità maʼ xulxin? Fi kliem ieħor, intom kompatibbli?

13. Għala huwa ferm bla għaqal li titgħarras lil xi ħadd li m’għandux l-​istess twemmin tiegħek?

13 Huwa importanti li t-​tnejn li intom ikollkom l-​istess twemmin u prinċipji. L-​appostlu Pawlu kiteb: “La tintrabtux mal-​pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx.” (2 Korintin 6:14; 1 Korintin 7:39) Żwieġ maʼ xi ħadd li m’għandux l-​istess twemmin f’Alla jkun x’aktarx iktar suxxettibbli għal nuqqas kbir t’armonija. Mill-​banda l-​oħra, devozzjoni min-​naħa tat-​tnejn lejn Alla Jehovah hija l-​iktar bażi b’saħħitha għall-​unità. Jehovah iridek tkun hieni u tgawdi l-​eqreb rabta possibbli mal-​persuna li se tiżżewweġ int. Iridkom tkunu marbutin miegħu u maʼ xulxin permezz taʼ rabta bi tlieta taʼ mħabba.​—Koħelet 4:12.

14, 15. Huwa l-​fatt li jkollok l-​istess twemmin l-​uniku aspett taʼ l-​unità fi żwieġ? Spjega.

14 Waqt illi li nqimu lil Alla flimkien huwa l-​iktar aspett importanti taʼ l-​unità, iktar huwa involut. Biex tkunu intonati maʼ xulxin, int u s-​sieħba jew sieħeb prospettiv tiegħek għandu jkollkom miri simili. X’inhuma l-​miri tagħkom? Per eżempju, kif tħossukom it-​tnejn li intom dwar li jkollkom it-​tfal? Liema affarijiet għandhom l-​ewwel post f’ħajjitkom?b (Mattew 6:33) Fi żwieġ li verament jirnexxi, il-​koppja huma ħbieb sewwa u jieħdu gost bil-​kumpanija taʼ xulxin. (Proverbji 17:17) Għal dan, jeħtieġ li jkollhom interessi komuni. Huwa diffiċli li tibqaʼ żżomm ħbiberija mill-​qrib​—ferm inqas żwieġ—​meta dan m’huwiex il-​każ. Xorta waħda, jekk is-​sieħba jew sieħeb prospettiv tiegħek jieħu gost b’attività partikulari, bħalma huwa l-​mixi, u int ma tħobbx timxi, ikun dak ifisser li m’għandkomx tiżżewġu lil xulxin? Mhux neċessarjament. Forsi għandkom interessi oħrajn iktar importanti bħal taʼ xulxin. Iktar minn hekk, tistaʼ tferraħ iktar lis-​sieħba jew sieħeb prospettiv tiegħek billi tieħu sehem f’attivitajiet bnini minħabba li l-​persuna l-​oħra tieħu gost bihom.​—Atti 20:35.

15 Tabilħaqq, fil-​maġġor parti, il-​kompatibilità hija ddeterminata minn kemm intom it-​tnejn intom adattabbli iktar milli minn kemm intom identiċi. Minflok ma tistaqsu, “Naqblu aħna fuq kull ħaġa?” xi mistoqsijiet aħjar jistgħu jkunu: “X’jiġri meta ma naqblux fuq xi ħaġa? Nistgħu aħna niddiskutu l-​affarijiet bil-​kalma, billi nuru rispett u dinjità lejn xulxin? Jew id-​diskussjonijiet spiss jiddeterjoraw f’argumenti sħan?” (Efesin 4:​29, 31) Jekk trid tiżżewweġ, oqgħod attent minn xi ħadd li hu mkabbar jew stinat, li qatt ma jkun lest li jagħmel kompromess, jew li l-​ħin kollu jesiġi u jippjana biex tgħaddi tiegħu.

TKIXXEF MINN QABEL

16, 17. Raġel jew mara x’jistgħu jfittxu meta jikkunsidraw xi sieħba jew sieħeb prospettiv għaż-​żwieġ?

16 Fil-​kongregazzjoni Kristjana, dawk li huma fdati b’responsabbiltà jridu “l-​ewwel igħaddu mill-​prova.” (1 Timotju 3:10) Int ukoll tistaʼ tapplika dan il-​prinċipju. Per eżempju, xebba tistaʼ tistaqsi, “Liema xorta taʼ reputazzjoni għandu dan il-​ġuvni? Min huma l-​ħbieb tiegħu? Juri kontroll fuqu nnifsu? Kif jittrattahom lill-​persuni anzjani? Minn liema xorta taʼ familja ġej? Kif jingwalaha magħhom? X’inhi l-​attitudni tiegħu lejn il-​flus? Jabbuża mix-​xorb alkoħoliku? Jitilgħulu malajr, u saħansitra jkun vjolenti? Liema responsabbiltajiet għandu fil-​kongregazzjoni, u kif jeħodhom? Nistaʼ jien nirrispettah profondament?”​—Levitiku 19:32; Proverbji 22:29; 31:23; Efesin 5:​3-5, 33; 1 Timotju 5:8; 6:10; Titu 2:​6, 7.

17 Ġuvni jistaʼ jistaqsi, “Turi din ix-​xebba mħabba u rispett lejn Alla? Kapaċi hi tieħu ħsieb id-​dar? Il-​familja tagħha x’se jistennew minnha? Hi għarfa, ħabrieka, u bil-​għaqal? Fuqiex tħobb titkellem? Jimpurtaha ġenwinament dwar il-​benesseri t’oħrajn, jew moħħha fiha nfisha, u tilħaq salib in-​nies? Hi taʼ min jafdaha? Lesta li tissottometti ruħha lejn l-​istat taʼ kap, jew hi rasha iebsa, u forsi saħansitra ribelluża?”​—Proverbji 31:​10-31; Luqa 6:45; Efesin 5:​22, 23; 1 Timotju 5:13; 1 Pietru 4:15.

18. Jekk wieħed jinduna bi dgħjufijiet żgħar waqt l-​għerusija, x’għandu jżomm f’moħħu?

18 Tinsiex li int qiegħed tittratta maʼ dixxendent imperfett t’Adam, mhux maʼ xi eroj jew eroina minn xi rumanz. Kulħadd għandu n-​nuqqasijiet, u xi wħud minn dawn se jkunu jridu jiġu injorati​—kemm tiegħek u kemm dawk tas-​sieħba jew sieħeb prospettiv tiegħek. (Rumani 3:23; Ġakbu 3:2) Barra minn hekk, dgħjufija li wieħed jinduna biha tistaʼ tippreżenta opportunità biex wieħed jikber spiritwalment. Per eżempju, ejja ngħidu li matul l-​għerusija jkollok argument. Ikkunsidra: Saħansitra nies li jħobbu u jirrispettaw lil xulxin kultant ma jiftehmux. (Qabbel Ġenesi 30:2; Atti 15:39.) Jistaʼ jkun li t-​tnejn li intom teħtieġu sempliċement li ‘titrażżnu’ ftit iktar u titgħallmu kif tissetiljaw il-​kwistjonijiet iktar paċifikament? (Proverbji 25:28) Qiegħed is-​sieħeb prospettiv tiegħek juri xewqa biex jitjieb? Int ukoll? Tistaʼ titgħallem tkun inqas sensittiv, tieħu għalik inqas? (Koħelet 7:9) Li titgħallmu ssolvu l-​problemi jistaʼ jistabbilixxi mudell taʼ komunikazzjoni onesta li huwa essenzjali jekk intom it-​tnejn fil-​fatt tiżżewġu.​—Kolossin 3:13.

19. Liema tkun il-​korsa t’azzjoni għaqlija jekk problemi serji jitfaċċaw matul l-​għerusija?

19 Xi ngħidu, iżda, jekk tinnota xi affarijiet li jinkwetawk profondament? Dubji bħal dawn għandhom jiġu kkunsidrati bir-​reqqa. Tħossok kemm tħossok romantiku jew tkun kemm tkun anzjuż biex tiżżewweġ, tagħlaqx għajnejk għal difetti serji. (Proverbji 22:3; Koħelet 2:14) Jekk għandek relazzjoni maʼ xi ħadd li dwaru għandek dubji serji, ikun għaqli li ma tkomplix bir-​relazzjoni u li żżomm lura milli tagħmel impenn fit-​tul maʼ dik il-​persuna.

ŻOMM L-​GĦERUSIJA TIEGĦEK ONORABBLI

20. Koppja li huma għarajjes kif jistgħu jżommu l-​kondotta morali tagħhom mingħajr tmaqdir?

20 Kif tistaʼ żżomm l-​għerusija tiegħek onorabbli? L-​ewwel, kun żgur li l-​kondotta morali tiegħek hija mingħajr tmaqdir. Fejn toqgħod int, huma ż-​żamma taʼ jdejn xulxin, il-​bews, u t-​tgħanniq ikkunsidrati bħala mġiba xierqa għal koppji mhux miżżewġin? Saħansitra jekk espressjonijiet t’affezzjoni bħal dawn ma jitkażawx bihom, għandhom ikunu permessi biss meta r-​relazzjoni tkun laħqet punt fejn iż-​żwieġ ikun ippjanat definittivament. Oqgħod attent li wirjiet t’affezzjoni ma jwasslux għal kondotta mhix nadifa jew saħansitra fornikazzjoni. (Efesin 4:​18, 19; qabbel Il-​Għanja tal-​Għanjiet 1:2; 2:6; 8:​5, 9, 10.) Minħabba li l-​qalb hija qarrieqa, it-​tnejn li intom tkunu għaqlin jekk tevitaw li tkunu iżolati f’xi dar, appartament, karozza pparkjata, jew xi mkien ieħor li jistaʼ jagħti opportunità għal kondotta żbaljata. (Ġeremija 17:9) Li żżomm l-​għerusija tiegħek moralment nadifa jagħti evidenza ċara li int għandek kontroll fuqek innifsek u li iktar jimpurtak mill-​benesseri tal-​persuna l-​oħra milli mix-​xewqat tiegħek stess. L-​iktar importanti, għerusija nadifa se togħġob lil Alla Jehovah, li jikkmanda lill-​qaddejja tiegħu biex iżommu ’l bogħod mill-​fornikazzjoni.​—Galatin 5:​19-21.

21. Liema komunikazzjoni onesta tistaʼ tkun meħtieġa sabiex l-​għerusija tinżamm onorabbli?

21 It-​tieni, għerusija onorabbli tinkludi wkoll komunikazzjoni onesta. Hekk kif l-​għerusija tagħkom tipprogressa lejn iż-​żwieġ, ċerti kwistjonijiet ikollhom bżonn jiġu diskussi apertament. Fejn sejrin toqogħdu? It-​tnejn se jkollkom xogħol sekulari? Tridu li jkollkom tfal? Ukoll, ikun xieraq li wieħed jirrivela xi affarijiet, forsi mill-​passat, li jistgħu jeffettwaw iż-​żwieġ. Dawn jistgħu jinkludu djun jew obbligi kbar jew kwistjonijiet taʼ saħħa, bħalma huwa kwalunkwe mard serju jew kundizzjoni li jistaʼ jkollok. Ladarba ħafna persuni li huma infettati bil-​HIV (il-mikrobu li jikkaġuna l-​AIDS) ma juru ebda sintomi immedjati, ma tkunx xi ħaġa ħażina għal individwu jew ġenituri li jimpurtahom biex jitolbu li jsir test tad-​demm minħabba l-​AIDS lil xi ħadd li fil-​passat kellu diversi relazzjonijiet sesswali jew li kien jieħu d-​drogi permezz tas-​siringi. Jekk it-​test jirriżulta fil-​pożittiv, il-​persuna infettata m’għandhiex tagħmel pressjoni fuq is-​sieħeb prospettiv biex ikompli r-​relazzjoni jekk dak li jkun issa jixtieq li jtemmha. Tassew, kulmin ikun involva ruħu fi stil taʼ ħajja riskjuż ferm jagħmel tajjeb li jissottometti ruħu volontarjament għal test tad-​demm minħabba l-​AIDS qabel ma jidħol għal xi għerusija.

INĦARSU LIL HINN MIT-​TIEĠ

22, 23. (a) Il-​bilanċ kif jistaʼ jintilef meta jkun qiegħed jiġi ppreparat tieġ? (b) Liema ħarsa bbilanċjata għandha tinżamm meta jiġu kkunsidrati t-​tieġ u ż-​żwieġ?

22 Matul l-​aħħar xhur taʼ qabel iż-​żwieġ, it-​tnejn li intom x’aktarx li se jkollkom ħafna x’tagħmlu biex tlestu l-​preparamenti għat-​tieġ. Tistgħu ttaffu ħafna mit-​tensjoni billi tkunu moderati. Tieġ elaborat jistaʼ jogħġob lill-​qraba u lill-​komunità, imma jistaʼ jħalli lill-​miżżewġin friski u lill-​familji tagħhom eżawriti fiżikament u xotti finanzjarjament. Li żżomm xi ftit maʼ l-​użanzi lokali huwa raġonevoli, imma konformità servili u forsi kompetittiva tistaʼ ċċajpar it-​tifsira taʼ l-​okkażjoni u għandha mnejn iċċaħħdek mill-​ferħ li għandu jkollok. Waqt li s-​sentimenti t’oħrajn iridu jiġu kkunsidrati, l-​għarus hu responsabbli primarjament biex jiddeċiedi dak li jrid isir fil-​festa tat-​tieġ.​—Ġwann 2:9.

23 Ftakar li t-​tieġ tiegħek idum biss jum wieħed, imma ż-​żwieġ tiegħek idum għal għomrok. Evita li tikkonċentra żżejjed fuq l-​att taʼ li tidħol fiż-​żwieġ. Minflok, dur lejn Alla Jehovah għal gwida, u ippjana bil-​quddiem għal ħajja taʼ li tkun miżżewweġ. Imbagħad int se tkun ippreparajt tajjeb għal żwieġ li jirnexxi.

[Noti taʼ taħt]

a Dan ikun japplika f’pajjiżi fejn id-​dating huwa meqjus bħala xieraq għall-​Kristjani.

b Saħansitra fil-​kongregazzjoni Kristjana, jistaʼ jkun hemm xi wħud li qegħdin hemm għan-​numru, biex ngħidu hekk. Minflok ma jkunu qaddejja t’Alla b’qalbhom kollha, għandhom mnejn ikunu influwenzati mill-​attitudnijiet u l-​kondotta tad-​dinja.​—Ġwann 17:16; Ġakbu 4:4.

DAWN IL-​PRINĊIPJI TAL-​BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . LIL PERSUNA BIEX TĦEJJI GĦAL ŻWIEĠ LI JIRNEXXI?

Raġel u mara miżżewġin iridu jikkommettu ruħhom għal xulxin.​—Ġenesi 2:24.

Il-​persuna ġewwinija hija iktar importanti mill-​apparenza taʼ barra.​—1 Pietru 3:​3, 4.

“La tintrabtux . . . taħt madmad wieħed li ma jiġikomx.”​—2 Korintin 6:14.

Nies mhux nodfa moralment huma mbegħdin minn Alla.​—Efesin 4:​18, 19.

[Kaxxa f’paġna 17]

DRAWWIET U L-​BIBBJA

Il-​Prezz taʼ l-​Għarusa u d-​Dota: F’xi pajjiżi l-​familja taʼ l-​għarus hija mistennija li tagħti l-​flus lill-​familja taʼ l-​għarusa (prezz taʼ l-​għarusa). F’oħrajn, il-​familja taʼ l-​għarusa tagħti l-​flus lil dik taʼ l-​għarus (dota). Jistaʼ ma jkun hemm xejn ħażin f’dawn id-​drawwiet sakemm ikunu legali. (Rumani 13:1) Madankollu, fiż-​żewġ każi, il-​familja li tirċievi għandha tevita li bir-​regħba titlob iktar flus jew oġġetti milli huwa raġonevoli. (Proverbji 20:21; 1 Korintin 6:10) Iżjed minn hekk, il-​ħlas tal-​prezz taʼ l-​għarusa qatt m’għandu jiġi mifhum li jimplika li mara hija sempliċement propjetà mixtrija; lanqas m’għandu raġel iħoss li l-​unika responsabbiltà tiegħu lejn martu u lejn il-​kunjati tiegħu hija waħda finanzjarja.

Il-​Poligamija: Xi kulturi jippermettu li raġel jieħu iktar minn mara waħda. F’atmosfera bħal din, ir-​raġel jistaʼ jsir ħâkem minflok ma jsir raġel miżżewweġ u missier. Barra minn hekk, żwieġ poligamuż spiss jinkuraġġixxi l-​kompetizzjoni fost in-​nisa miżżewġin. Għall-​Kristjani, il-​Bibbja tippermetti biss iċ-​ċelibat jew il-​monogamija.​—1 Korintin 7:2.

Żwieġ bi Prova: Ħafna koppji jsostnu illi li jgħixu flimkien qabel iż-​żwieġ se jgħinhom jittestjaw il-​kompatibiltà tagħhom. Madankollu, żwieġ bi prova ma jittestjax wieħed mill-​iktar elementi kruċjali taż-​żwieġ​—ir-​rabta. L-​ebda arranġament ħlief iż-​żwieġ ma joffri l-​istess grad taʼ protezzjoni u sigurtà għall-​partijiet kollha​—inklużi t-​tfal kollha li jistgħu jirriżultaw mill-​unjoni. F’għajnejn Alla Jehovah, għixien flimkien b’kunsens mingħajr il-​benefiċċju taż-​żwieġ huwa fornikazzjoni.​—1 Korintin 6:18; Lhud 13:4.

[Stampi f’paġna 19]

Waqt li għadek għażeb, żviluppa kwalitajiet, drawwiet, u abbiltajiet li se ssibhom t’għajnuna fiż-​żwieġ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja