LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 6/15 pp. 13-18
  • Issirux Uħud li Tisimgħu Biss u Tinsew

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Issirux Uħud li Tisimgħu Biss u Tinsew
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Jistaʼ Jġagħalna Ninsew?
  • Warrab ix-​Xewqat tad-​Dinja
  • Ubbidjenza Sħiħa Lejn Jehovah
  • “Aħarbu ż-​Żína”
  • Apprezza Dejjem il-​Provvedimenti taʼ Jehovah
  • Barkiet jew Maledizzjonijiet—Eżempji Għalina Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Inwettqu d-Dedikazzjoni Tagħna “Jum Wara Jum”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • “Min hu fuq in-naħa taʼ Ġeħova?”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • M’Għandek Qatt Tinsa lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 6/15 pp. 13-18

Issirux Uħud li Tisimgħu Biss u Tinsew

“Kunu intom dawk li jagħmlu l-​kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom.”—ĠAKBU 1:22.

1. Il-​poplu taʼ Iżrael tal-​qedem liema mirakli kien privileġġat li jara?

“MA TINSIEHOM QATT.” Din hi frażi addattata biex tiddeskrivi l-​mirakli li Jehovah wettaq fl-​Eġittu tal-​qedem. Ħadd ma jistaʼ jmieri l-​fatt li kull wieħed mill-​Għaxar Kastigi kien taʼ l-​għaġeb. Wara l-​ħsara li ġabu magħhom dawn il-​kastigi, il-​poplu taʼ Iżrael ġie meħlus b’mod meraviljuż billi għadda mill-​ilmijiet mifruqin tal-​Baħar l-​Aħmar. (Dewteronomju 34:​10-12) Kieku kont wieħed li rajt dawn il-​ġrajjiet b’għajnejk stess, nittamaw li qatt ma kont se tinsa lil Dak li kien hemm warajhom. Madankollu, is-​salmista kanta: “[L-Iżraelin] insew ’l Alla, li salvahom, li għamel ħwejjeġ kbar fl-​Eġittu, għeġubijiet fl-​art taʼ Ħam, ħwejjeġ tal-​biżaʼ fil-​Baħar tal-​Qasab.”—Salm 106:​21, 22.

2. Liema ħaġa turina li l-​apprezzament taʼ l-​Iżraelin għall-​għemejjel setgħanin t’Alla kien għomru qasir?

2 Wara li l-​Iżraelin qasmu l-​Baħar l-​Aħmar, “beżaʼ l-​poplu mill-​Mulej, u emmen fil-​Mulej.” (Eżodu 14:31) L-​irġiel taʼ Iżrael ngħaqdu maʼ Mosè f’għanja taʼ rebħa lil Jehovah, u Mirjam flimkien maʼ nisa oħrajn wieġbu bid-​daqq tat-​tnabar u ż-​żfin. (Eżodu 15:​1, 20) Iva, il-​poplu t’Alla kien impressjonat bl-​għemejjel setgħanin taʼ Jehovah. Imma l-​apprezzament tagħhom lejn Dak li wettaq dawn l-​għemejjel kien għomru qasir. Ftit wara, ħafna minnhom ġabu ruħhom bħallikieku kienu tilfu l-​memorja għalkollox. Bdew igergru u jilmentaw kontra Jehovah. Xi wħud waqgħu fl-​idolatrija u fl-​immoralità sesswali.—Numri 14:27; 25:​1-9.

X’Jistaʼ Jġagħalna Ninsew?

3. Minħabba n-​natura imperfetta tagħna, x’nistgħu ninsew?

3 In-​nuqqas t’apprezzament taʼ l-​Iżraelin jikkonfondina tabilħaqq. Iżda l-​istess ħaġa tistaʼ tiġri lilna. Huwa minnu li aħna ma rajniex b’għajnejna mirakli divini bħal dawn. Madankollu, fir-​relazzjoni tagħna m’Alla, żgur li kien hemm xi okkażjonijiet li ma nistgħux ninsewhom. Xi wħud minna għandhom mnejn jiftakru meta aċċettajna l-​verità tal-​Bibbja. Xi okkażjonijiet taʼ ferħ oħrajn jistgħu jinkludu t-​talba li għamilna meta ddedikajna lilna nfusna lil Jehovah u meta tgħammidna fl-​ilma bħala Kristjani veri. Ħafna minna esperjenzajna l-​għajnuna taʼ Jehovah f’mumenti oħrajn taʼ ħajjitna. (Salm 118:15) Fuq kollox, permezz tal-​mewt sagrifikali taʼ Ġesù Kristu, l-​Iben t’Alla nnifsu, irċivejna t-​tama tas-​salvazzjoni. (Ġwann 3:16) Minkejja dan, minħabba n-​natura imperfetta tagħna, meta nħabbtu wiċċna maʼ xewqat ħżiena u l-​ansjetajiet tal-​ħajja, aħna wkoll nistgħu faċilment ninsew l-​affarijiet tajbin li Jehovah għamel magħna.

4, 5. (a) Ġakbu kif iwissi dwar il-​periklu taʼ li nkunu wħud li nisimgħu biss u ninsew? (b) Kif nistgħu napplikawha t-​tixbieha taʼ Ġakbu dwar ir-​raġel u l-​mera?

4 Fl-​ittra tiegħu lil sħabu l-​Kristjani, Ġakbu, ħu Ġesù mill-​omm, wissa dwar il-​periklu li nsiru wħud li nisimgħu biss u ninsew. Hu kiteb: “Kunu intom dawk li jagħmlu l-​kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom. Għax jekk xi ħadd jismaʼ l-​kelma u ma jagħmilhiex, ikun bħal bniedem li jara f’mera l-​wiċċ li bih twieled: jara lilu nnifsu, jitlaq, u malajr jinsa kif kien.” (Ġakbu 1:​22-24) X’ried ifisser Ġakbu b’dan il-​kliem?

5 Meta nqumu fil-​għodu, ġeneralment inħarsu fil-​mera biex naraw x’irridu nagħmlu biex nidhru aħjar. Hekk kif nokkupaw ruħna b’diversi attivitajiet u moħħna jikkonċentra fuq affarijiet oħrajn, ma nibqgħux naħsbu fuq dak li rajna fil-​mera. Dan jistaʼ jiġri wkoll f’sens spiritwali. Hekk kif inħarsu fil-​Kelma t’Alla, nistgħu nqabblu dak li aħna maʼ dak li Jehovah jistenna minna li nkunu. Għaldaqstant, niġu wiċċ imbwiċċ mad-​dgħjufijiet tagħna. Dan l-​għarfien għandu jimmotivana biex nirranġaw il-​personalità tagħna. Imma hekk kif inkunu għaddejjin bl-​attivitajiet tagħna taʼ kuljum u nitħabtu mal-​problemi tagħna, nistgħu faċilment nieqfu milli naħsbu dwar l-​affarijiet spiritwali. (Mattew 5:​3, NW; Luqa 21:34) Ikun bħallikieku ninsew dak kollu li Alla jagħmel b’imħabba għalina. Jekk jiġri dan, insiru mira faċli għal tendenzi midinbin.

6. Liema versi mill-​Iskrittura tajjeb li nikkunsidraw sabiex jgħinuna ma ninsewx il-​kelma taʼ Jehovah?

6 Fl-​ewwel ittra ispirata tiegħu lill-​Korintin, l-​appostlu Pawlu jirreferi għal dawk l-​Iżraelin fid-​deżert li nsew. Sewwa sew bħalma l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu bbenefikaw mill-​kliem taʼ Pawlu, il-​fatt li nirrevedu dak li kiteb jistaʼ jgħinna biex ma ninsewx il-​kelma taʼ Jehovah. Għalhekk, ejja nikkunsidraw l-​1 Korintin 10:​1-12.

Warrab ix-​Xewqat tad-​Dinja

7. L-​Iżraelin ngħataw liema prova ċara ħafna taʼ l-​imħabba taʼ Jehovah?

7 Dak li jgħid Pawlu dwar l-​Iżraelin jiswa bħala twissija għall-​Kristjani. Pawlu jikteb: “Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti: missirijietna lkoll kienu taħt is-​sħaba, lkoll qasmu l-​baħar, lkoll kienu mgħammda f’Mosè fis-​sħaba u fil-​baħar.” (1 Korintin 10:​1-4) Il-​poplu taʼ Iżrael fi żmien Mosè kien ra turijiet mill-​aqwa tal-​qawwa t’Alla, inkluż il-​kolonna taʼ sħab li Alla pprovdielhom b’mod mirakoluż biex tmexxihom bi nhar u tgħinhom jaħarbu billi jgħaddu mill-​Baħar l-​Aħmar. (Eżodu 13:21; 14:​21, 22) Iva, dawk l-​Iżraelin ngħataw prova ċara ħafna taʼ l-​imħabba li Jehovah kellu għalihom.

8. X’kienu l-​konsegwenzi għal dawk l-​Iżraelin li nsew b’mod spiritwali?

8 “Madankollu,” ikompli Pawlu, “il-​biċċa l-​kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx għax ilkoll waqgħu mejta fid-​deżert.” (1 Korintin 10:5) X’ħasra! Il-​biċċa l-​kbira mill-​Iżraelin li ħarġu mill-​Eġittu tilfu l-​opportunità li jidħlu fl-​Art Imwegħda. Huma tilfu l-​approvazzjoni t’Alla minħabba n-​nuqqas taʼ fidi tagħhom, u b’hekk mietu fid-​deżert. (Lhud 3:​16-19) X’nistgħu nitgħallmu minn dan? Pawlu jgħid: “Dan ġara b’eżempju għalina, biex ma nixxennqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxennqu huma.”—1 Korintin 10:6.

9. Jehovah liema provvedimenti għamel għall-​poplu tiegħu, u Iżrael kif irreaġixxa?

9 L-​Iżraelin kellhom ħafna affarijiet biex iżommuhom medhijin spiritwalment waqt li kienu fid-​deżert. Huma daħlu f’patt maʼ Jehovah u saru ġens dedikat lilu. Iktar minn hekk, huma ngħataw saċerdozju, tabernaklu bħala ċentru taʼ qima, u arranġament biex joffru sagrifiċċji lil Jehovah. Madankollu, huma mhux talli ma ferħux b’dawn ir-​rigali spiritwali, talli lanqas baqgħu kuntenti b’dak li Alla pprovdielhom materjalment.—Numri 11:​4-6.

10. Għala għandna dejjem inżommu lil Alla fi ħsibijietna?

10 Kuntrarju għall-​Iżraelin fid-​deżert, in-​nies taʼ Jehovah llum igawdu l-​approvazzjoni t’Alla. Iżda, bħala individwi huwa vitali li nżommu lil Alla fi ħsibijietna. Il-​fatt li nagħmlu dan se jgħinna nwarrbu xi xenqa egoistika li tistaʼ ċċajprilna l-​ħarsa spiritwali tagħna. Irridu nkunu determinati li “nwarrbu l-​ħażen u l-​ġibdiet tad-​dinja, biex ngħixu bir-​rażna u l-​ġustizzja u t-​tjieba f’dan iż-​żmien.” (Titu 2:12) Dawk minna li ilhom jassoċjaw mal-​kongregazzjoni Kristjana sa minn ċkunithom m’għandhom qatt jaħsbu li qed jiċċaħħdu minn xi ħaġa li hi tajba u li tistaʼ tferraħhom. Jekk qatt xi darba jgħaddulna ħsibijiet bħal dawn minn moħħna, nagħmlu tajjeb li niftakru f’Jehovah u fil-​barkiet mill-​isbaħ li għandu lesti għalina.—Lhud 12:​2, 3.

Ubbidjenza Sħiħa Lejn Jehovah

11, 12. Wieħed kif jistaʼ jsir ħati taʼ idolatrija mingħajr ma jqim xi xbieha?

11 Pawlu jagħtina twissija oħra meta jikteb: “Tmorrux wara l-​allat foloz, kif għamlu xi wħud minnhom, bħalma hemm miktub: ‘Il-​poplu qagħad bil-​qiegħda jiekol u jixrob, u qamu jixxalaw.’” (1 Korintin 10:7) Pawlu qed jirreferi għall-​okkażjoni meta l-​Iżraelin ipperswadew lil Aron biex jagħmel għoġol tad-​deheb. (Eżodu 32:​1-4) Forsi ftit li xejn hemm ċans li nibdew inqimu l-​idoli direttament. Madankollu, nistgħu nsiru idolatri billi nħallu x-​xewqat egoistiċi tagħna jaljenawna milli nqimu lil Jehovah b’ruħna kollha.—Kolossin 3:5.

12 F’okkażjoni oħra, Pawlu kiteb dwar xi wħud li moħħhom kien iktar mixħut fuq affarijiet materjali milli fuq kwistjonijiet spiritwali. Dwar dawk “li jġibu ruħhom bħal għedewwa [“taz-​zokk tat-​tortura,” NW] taʼ Kristu,” hu kiteb: “It-​telfien għad ikun tmiemhom; alla tagħhom hu żaqqhom.” (Filippin 3:​18, 19) Il-​motiv taʼ l-​idolatrija tagħhom ma kienx xi xbieha skolpita. Kien ix-​xewqa tagħhom għall-​affarijiet materjali. M’għandniex xi ngħidu, mhux ix-​xewqat kollha huma ħżiena. Jehovah ħalaqna bi bżonnijiet umani u bl-​abbiltà li nieħdu pjaċir b’diversi affarijiet. Imma dawk li jpoġġu l-​ġiri wara l-​pjaċiri qabel ir-​relazzjoni tagħhom m’Alla jsiru idolatri tabilħaqq.—2 Timotju 3:​1-5.

13. X’nistgħu nitgħallmu mir-​rakkont dwar l-​għoġol tad-​deheb?

13 Wara li telqu mill-​Eġittu, l-​Iżraelin għamlu għoġol tad-​deheb biex iqimuh. Minbarra t-​twissija kontra l-​idolatrija, hemm lezzjoni importanti oħra f’dan ir-​rakkont. L-​Iżraelin m’obdewhiex id-​direzzjoni ċara li tahom Jehovah. (Eżodu 20:​4-6) Madankollu, huma ma kellhomx l-​intenzjoni li jwarrbu lil Jehovah milli jkun Alla tagħhom. Huma offrew sagrifiċċji lill-​għoġol tal-​metall imdewweb u qalu li din l-​okkażjoni kienet “festa lill-​Mulej.” B’xi mod huma qarrqu bihom infushom u ħasbu li Alla ma kienx se jagħti kasha d-​diżubbidjenza tagħhom. Dan kien insult lejn Jehovah li inkorlah bil-​kbir.—Eżodu 32:​5, 7-10; Salm 106:​19, 20.

14, 15. (a) L-Iżraelin għala ma kellhom l-​ebda skuża biex isiru wħud li jisimgħu biss u jinsew? (b) Jekk aħna determinati li ma nsirux uħud li nisimgħu biss u ninsew, x’se nagħmlu dwar il-​kmandamenti taʼ Jehovah?

14 Tkun ħaġa stramba tassew jekk wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah jingħaqad maʼ reliġjon falza. Madankollu, xi wħud jistgħu jibqgħu fil-​kongregazzjoni imma fl-​istess ħin iwarrbu d-​direzzjoni taʼ Jehovah b’modi oħrajn. L-​Iżraelin ma kellhom l-​ebda skuża biex isiru wħud li jisimgħu biss u jinsew. Huma kienu semgħuhom l-​Għaxar Kmandamenti u kienu preżenti meta Mosè tahom il-​kmand t’Alla: “La tagħmlux ħdejja allat tal-​fidda u la tagħmlux allat tad-​deheb; la tagħmluhomx.” (Eżodu 20:​18, 19, 22, 23) Xorta waħda, l-​Iżraelin qiemu l-​għoġol tad-​deheb.

15 Aħna wkoll ma jkollna l-​ebda skuża valida jekk insiru wħud li nisimgħu biss u ninsew. Fl-​Iskrittura, għandna d-​direzzjoni t’Alla dwar ħafna aspetti fil-​ħajja. Per eżempju, il-​Kelma taʼ Jehovah tikkundanna speċifikament il-​prattika taʼ li tissellef u ma tħallasx lura. (Salm 37:21) It-​tfal huma kmandati biex jobdu l-​ġenituri tagħhom, u l-​missirijiet huma mistennijin li jrabbu lil uliedhom “fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.” (Efesin 6:​1-4) Il-​Kristjani li għadhom ma żżewġux għandhom l-​istruzzjoni biex jiżżewġu “basta fil-​Mulej,” u lill-​qaddejja miżżewġin t’Alla jintqalilhom: “Ħalli jkun iż-​żwieġ tagħkom miżmum fil-​ġieħ minn kulħadd u s-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis, għax Alla għad jagħmel ħaqq miż-​żienja u mill-​adulteri.” (1 Korintin 7:39; Lhud 13:4) Jekk aħna determinati li ma nsirux uħud li nisimgħu biss u ninsew, se nieħdu dawn l-​istruzzjonijiet flimkien maʼ direttivi oħrajn mingħand Alla bis-​serjetà u se nimxu fi qbil magħhom.

16. X’kienu l-​konsegwenzi talli qiemu l-​għoġol tad-​deheb?

16 Jehovah m’aċċettax li l-​Iżraelin jipprovaw iqimuh kif riedu huma. Anzi, 3,000 minnhom inqerdu, x’aktarx minħabba li kienu minn taʼ quddiem fl-​azzjoni ribelluża li jqimu l-​għoġol tad-​deheb. Uħud oħrajn minn dawk li għamlu l-​ħażen ġew kastigati minn Jehovah. (Eżodu 32:​28, 35) X’lezzjoni din għal kulmin jaqra l-​Kelma t’Alla imma jagħżel hu xi jrid jobdi!

“Aħarbu ż-​Żína”

17. L-​1 Korintin 10:8 għal liema ġrajja kien qed jirreferi?

17 Wieħed mill-​aspetti fejn ix-​xewqat tal-​ġisem jistgħu jġagħluna ninsew b’mod spiritwali jissemma minn Pawlu meta jgħid: “Anqas ma għandna niżnu, kif xi wħud minnhom żnew, u f’jum wieħed mietu tlieta u għoxrin elf ruħ.” (1 Korintin 10:8) Hawnhekk Pawlu rrefera għal dak li ġara fil-​Pjanuri taʼ Mowab lejn it-​tmiem taʼ l-​40 sena li l-​Iżraelin għamlu jiġġerrew fid-​deżert. Jehovah kien għadu kif għen lill-​Iżraelin jirbħu l-​artijiet lejn il-​lvant tal-​Ġordan. Imma ħafna minnhom urew li kienu wħud li jisimgħu biss u jinsew u li ma kellhomx apprezzament. Fuq il-​fruntiera taʼ l-​Art Imwegħda, huma ċedew għall-​immoralità sesswali u l-​qima maħmuġa taʼ Bagħal taʼ Pegħor. Inqerdu madwar 24,000 persuna, u 1,000 minnhom kienu l-​perċimes.—Numri 25:9.

18. Liema tip taʼ kondotta jistaʼ jwassal għall-​immoralità sesswali?

18 Illum in-​nies taʼ Jehovah huma magħrufin sew għal-​livelli morali għoljin tagħhom. Imma meta ġew ittantati bl-​immoralità sesswali, xi Kristjani ma baqgħux jaħsbu dwar Alla u l-​prinċipji tiegħu. Huma saru wħud li jisimgħu biss u jinsew. Għall-​ewwel, it-​tentazzjoni tistaʼ ma tkunx tinvolvi żína. Tistaʼ tkun it-​tendenza li tibda tara l-​pornografija, tagħmel xi ġesti mhux xierqa jew toqgħod titkessaħ maʼ persuni tas-​sess oppost, inkella li tfittex ħbiberiji maʼ wħud dgħajfin moralment. Dawn l-​affarijiet kollha wasslu biex xi Kristjani jaqgħu fid-​dnub.—1 Korintin 15:33; Ġakbu 4:4.

19. Liema parir Skritturali jgħinna ‘naħarbu ż-​żína’?

19 Jekk niġu ttantati biex nieħdu sehem f’kondotta immorali, ma rridux nieqfu milli naħsbu dwar Jehovah. Minflok, irridu nimxu fuq it-​tfakkiriet li hemm fil-​Kelma tiegħu. (Salm 119:​1, 2) Bħala Kristjani, il-​biċċa l-​kbira minna nagħmlu l-​aħjar tagħna biex nibqgħu moralment nodfa, imma li nagħmlu dak li hu tajjeb f’għajnejn Alla jitlob sforz kontinwu. (1 Korintin 9:27) Lill-​Kristjani f’Ruma, Pawlu kitbilhom: “L-​ubbidjenza tagħkom sar jaf biha kulħadd. Jien nifirħilkom u rridkom tkunu għorrief fit-​tajjeb imma sempliċi fil-​ħażen.” (Rumani 16:19) Sewwa sew bħalma l-​24,000 Iżraeli nqatlu minħabba dnubiethom, iż-​żienja u dawk li jagħmlu l-​ħażen dalwaqt se jieħdu dak li ħaqqhom mingħand Jehovah. (Efesin 5:​3-6) Għalhekk, minflok ma nsiru wħud li nisimgħu biss u ninsew, irridu nkomplu ‘naħarbu ż-​żína.’—1 Korintin 6:18.

Apprezza Dejjem il-​Provvedimenti taʼ Jehovah

20. L-​Iżraelin kif ġarrbuh lil Jehovah, u x’kien ir-​riżultat?

20 Il-​biċċa l-​kbira mill-​Kristjani qatt ma jċedu għall-​immoralità sesswali. Madankollu, irridu noqogħdu attenti li ma nħallux lilna nfusna naqbdu xi drawwa li noqogħdu ngergru u li mbagħad tispiċċa biex ittellifna l-​approvazzjoni divina. Pawlu jwissina: “Anqas ma għandna nġarrbu l-​Mulej, kif xi wħud minnhom [mill-Iżraelin] ġarrbuh, u qerduhom is-​sriep. Anqas ma għandkom tgergru, kif għamlu xi wħud minnhom, u qeridhom il-​qerried.” (1 Korintin 10:​9, 10) L-​Iżraelin gergru kontra Mosè u Aron—iva, saħansitra kontra Alla nnifsu—billi lmentaw dwar il-​manna li kienet provduta lilhom b’miraklu. (Numri 17:6 [16:​41, NW]; 21:5) Ħassu Jehovah inqas offiż bit-​tgergir tagħhom milli biż-​żína tagħhom? Ir-​rakkont Bibliku juri li ħafna minn dawk li gergru nqatlu mis-​sriep. (Numri 21:6) F’okkażjoni oħra qabel din, inqerdu iktar minn 14,700 persuna li rribellaw u qagħdu jgergru. (Numri 17:14 [16:​49, NW]) Għalhekk, ejja ma nġarrbux il-​paċenzja taʼ Jehovah billi nittrattaw il-​provvedimenti tiegħu b’nuqqas taʼ rispett.

21. (a) Pawlu liema tħeġġiġ ġie ispirat biex jikteb? (b) Skond Ġakbu 1:​25, kif nistgħu nkunu verament henjin?

21 Meta kien qed jikteb lil sħabu l-​Kristjani, Pawlu kkonkluda l-​lista taʼ twissijiet billi ħeġġeġ: “Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-​żminijiet. Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.” (1 Korintin 10:​11, 12) Bħall-​Iżraelin, aħna rċivejna ħafna barkiet mingħand Jehovah. Madankollu, jalla ma nagħmlux bħalhom billi ninsew u nonqsu milli napprezzaw l-​affarijiet tajbin li Alla qed jagħmel għalina. Meta l-​ansjetajiet tal-​ħajja jtaqqluna, ejja nirriflettu fuq il-​wegħdi meraviljużi li nsibu fil-​Kelma tiegħu. Jalla nżommu f’moħħna r-​relazzjoni prezzjuża li għandna maʼ Jehovah u nkomplu bix-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna li ġie fdat f’idejna. (Mattew 24:14; 28:​19, 20) Mod taʼ ħajja bħal dan żgur li se jġibilna l-​hena veru, għax l-​Iskrittura twiegħed: “Dak li jgħarbel sewwa l-​liġi perfetta tal-​ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jismaʼ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fl-​għemil tiegħu.”—Ġakbu 1:25.

Int Kif Twieġeb?

• X’jistaʼ jagħmilna wħud li nisimgħu biss u ninsew?

• L-ubbidjenza sħiħa lejn Alla għala hija essenzjali?

• Kif nistgħu ‘naħarbu ż-​żína’?

• X’għandha tkun l-​attitudni tagħna lejn il-​provvedimenti taʼ Jehovah?

[Stampa f’paġna 15]

L-​Iżraelin insew l-​għemejjel setgħanin li Jehovah għamel għan-​nom tagħhom

[Stampa f’paġna 16]

In-​nies taʼ Jehovah huma determinati li jżommu livelli morali għoljin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja