LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 2/15 pp. 23-27
  • Kariżma—Tifħir lil Bniedem jew Glorja lil Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kariżma—Tifħir lil Bniedem jew Glorja lil Alla?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ħajja taʼ Dejjem
  • Privileġġi taʼ Servizz
  • Doni Spiritwali li Jridu Jinqasmu maʼ Oħrajn
  • Nirriflettu l-​Glorja taʼ Alla Iktar bi Sħiħ
  • L-​aqwa rigal mingħand Alla—Għala daqstant prezzjuż?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
  • Il-Barka taʼ Jehovah Tagħmilna Għonja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Napprezzaw id-‘Doni fi Bnedmin’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Kif tasal biex tagħti l-aqwa rigal?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 2/15 pp. 23-27

Kariżma—Tifħir lil Bniedem jew Glorja lil Alla?

“ĦAKKIEM għandu jibbrilla fuq is-​sudditi tiegħu, mhux biss sal-​punt li jkun attwalment aħjar minnhom, imma li għandu wkoll jitfaʼ xi xorta taʼ seħer fuqhom,” kiteb Xenophon, ġeneral Grieg famuż. Illum, ħafna nies dan is-​“seħer” isejħulu kariżma.

M’għandniex xi ngħidu, mhux il-​ħakkiema umani kollha għandhom kariżma. Imma dawk li għandhom, jużaw l-​abbiltà tagħhom biex jispiraw devozzjoni u jimmanipulaw il-​mases tan-​nies għall-​iskopijiet tagħhom stess. Forsi l-​iktar eżempju reċenti magħruf kien Adolf Hitler. “[Fl-1933] għall-​maġġuranza tal-​Ġermaniżi Hitler kellu​—jew kien dalwaqt se jassumi—​il-bixra taʼ mexxej kariżmatiku veru,” jikteb William L. Shirer fil-​ktieb tiegħu The Rise and Fall of the Third Reich. “Kellhom isegwuh b’għajnejhom magħluqin, bħallikieku kien jippossiedi fehma divina, għat-​tnax-il sena tempestużi taʼ wara.”

L-istorja reliġjuża hija wkoll mimlija b’mexxejja kariżmatiċi li ispiraw lin-​nies biex ikunu devoti lejhom imma li ġabu diżastru fuq is-​segwaċi tagħhom. Ġesù wissa, “Araw li ħadd ma jqarraq bikom. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu ‘Jien hu l-​Messija,’ u jqarrqu b’ħafna nies.” (Mattew 24:4, 5) Uħud kariżmatiċi li b’mod falz qalu li huma l-​Messija, ma dehrux biss fl-​ewwel seklu. Matul is-​snin sebgħin, Jim Jones ipproklama lilu nnifsu bħala l-​“messija tal-​People’s Temple.” Ġie deskritt bħala “qassis kariżmatiku” b’“qawwa stramba fuq in-​nies,” u fl-​1978 hu instiga wieħed mill-​akbar suwiċidji tal-​massa fl-​istorja.a

Evidentement, il-​kariżma tistaʼ tkun don perikoluż. Madankollu, il-​Bibbja, titkellem dwar tip differenti taʼ don, jew doni, mingħand Alla, li huma disponibbli għal kulħadd għal benefiċċju taʼ kulħadd. Il-​kelma Griega għal dan id-​don hija khaʹri·sma, u tidher 17-il darba fil-​Bibbja. Wieħed skular Grieg jiddefinixxiha bħala ‘don b’xejn u mhux mistħoqq, xi ħaġa mogħtija lill-​bniedem mingħajr ma jaħdem għaliha u mingħajr ma jkun jistħoqqlu, xi ħaġa li tiġi mill-​grazzja taʼ Alla u li qatt ma setgħet tiġi akkwistata jew ipposseduta bl-​isforz tal-​bniedem innifsu.’

Mela mill-​ħarsa Skritturali, khaʹri·sma hija don li naqilgħu, grazzi għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Alla. X’inhuma xi ftit minn dawn id-​doni li Alla b’qalb tajba tana? U kif nistgħu nużawhom biex inġibulu tifħir? Ejjew nikkunsidraw tlieta minn dawn id-​doni sbieħ.

Il-​Ħajja taʼ Dejjem

L-​akbar don huwa mingħajr ebda dubju d-​don tal-​ħajja taʼ dejjem. Pawlu kiteb lill-​kongregazzjoni Rumana: “Il-​ħlas tad-​dnub hu l-​mewt, imma d-​don [khaʹri·sma] li tana Alla huwa l-​ħajja taʼ dejjem fi Kristu Ġesù Sidna.” (Rumani 6:23) Taʼ min jinnota li l-​“ħlas” (il-mewt) huwa xi ħaġa li aħna ħaqqna, allavolja kontra r-​rieda tagħna, min-​natura midinba tagħna. Mill-​banda l-​oħra, il-​ħajja taʼ dejjem li Alla jagħmel disponibbli hija xi ħaġa li ma jistħoqqilna xejn affattu, li qatt ma stajna naqilgħu bil-​merti tagħna stess.

Id-don tal-​ħajja taʼ dejjem għandna ngħożżuh u naqsmuh maʼ ħaddieħor. Nistgħu ngħinu lin-​nies isiru jafu lil Jehovah, biex jaqduh, u b’hekk jiġu ffavoriti bid-​don tal-​ħajja taʼ dejjem. Apokalissi 22:17 jgħid: “L-​Ispirtu u l-​Għarusa jgħidu: ‘Ejja!’ Min jismaʼ, ħa jgħid: ‘Ejja!’ U min hu bil-​għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b’xejn min irid l-​ilma tal-​Ħajja.”

Kif nistgħu mmexxu lil oħrajn lejn dan l-​ilma li jagħti l-​ħajja? Prinċipalment billi nużaw il-​Bibbja b’mod effettiv fil-​ministeru tagħna. Veru li f’xi partijiet tad-​dinja, in-​nies rari jaqraw jew jaħsbu fuq affarijiet spiritwali; minkejja dan, dejjem hemm opportunitajiet biex ‘inqajmu widint’ xi ħadd. (Isaija 50:4) F’dan ir-​rigward, nistgħu nkunu fiduċjużi fil-​qawwa li timmotiva tal-​Bibbja, għax “il-​kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija.” (Lhud 4:12) Sew jekk huwa l-​għerf prattiku tal-​Bibbja, il-​faraġ u t-​tama li toffri, jew l-​ispjegazzjoni tagħha dwar l-​iskop tal-​ħajja, il-​Kelma taʼ Alla tistaʼ tmiss il-​qalb u tqabbad lin-​nies it-​triq tal-​ħajja.—2 Timotju 3:16, 17.

Iktar minn hekk, il-​letteratura bbażata fuq il-​Bibbja tistaʼ tgħinna ngħidu “Ejja!” Il-​profeta Isaija bassar li matul dan iż-​żmien taʼ dlam spiritwali, Jehovah ‘kellu jiddi fuq’ il-​poplu tiegħu. (Isaija 60:2) Il-​pubblikazzjonijiet tal-​Watch Tower Society jirriflettu din il-​barka mingħand Jehovah, u kull sena jmexxu eluf taʼ nies lejn Jehovah, is-​Sors taʼ tidwil spiritwali. Fil-​paġni tagħhom il-​prominenza ma tingħatax lil individwi. Bħalma tispjega l-​introduzzjoni taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa, “l-​iskop taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa huwa biex jeżalta lil Alla Jehovah bħala l-​Mulej Sovran taʼ l-​univers. . . . Jinkuraġġixxi fidi fis-​Sultan t’Alla li issa qiegħed isaltan, Ġesù Kristu, li d-​demm imxerred tiegħu jiftaħ il-​mogħdija għall-​bnedmin sabiex jiksbu ħajja eterna.”

Pijuniera Kristjana full-time, li għal ħafna snin kellha ħafna suċċess fil-​ministeru tagħha, tikkummenta fuq il-​valur taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! biex jgħinu lin-​nies jersqu qrib lejn Alla: “Meta dawk li nistudja l-​Bibbja magħhom jibdew jaqraw u jieħdu gost b’It-Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ!, jagħmlu progress mgħaġġel. Inqis ir-​rivisti bħala għajnuna imprezzabbli biex ngħin lin-​nies isiru jafu lil Jehovah.”

Privileġġi taʼ Servizz

Timotju kien dixxiplu Kristjan li ġie mogħti don ieħor li kien jixraqlu attenzjoni speċjali. L-​appostlu Pawlu qallu: “Tinsiex il-​grazzja [khaʹri·sma] li għandek fik, li kienet mogħtija lilek bis-​saħħa tal-​kliem tal-​profezija u bit-​tqegħid taʼ l-​idejn tal-​presbiteri fuqek.” (1 Timotju 4:14) X’kienet din il-​grazzja (jew don)? Kienet tinvolvi l-​ħatra taʼ Timotju bħala indokratur li jivvjaġġa, privileġġ taʼ servizz li kellu jieħu ħsiebu bir-​responsabbiltà. Fl-​istess silta, Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Ħu ħsieb il-​qari tal-​Kotba Mqaddsa, it-​twissijiet u t-​tagħlim. Għasses fuqek innifsek u fuq it-​tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f’dawn il-​ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.”—1 Timotju 4:13, 16.

L-anzjani llum ukoll għandhom bżonn jgħożżu l-​privileġġi tagħhom taʼ servizz. Bħalma jindika Pawlu, mod wieħed li jistgħu jagħmlu hekk huwa billi ‘jgħassu fuq it-​tagħlim tagħhom.’ Minflok ma jimitaw lil mexxejja kariżmatiċi dinjin, huma jidderieġu l-​attenzjoni lejn Alla, mhux lejhom infushom. Ġesù, l-​Eżemplar tagħhom, kien għalliem li jispikka li bla dubju kellu personalità qawwija, imma bl-​umiltà ta glorja lil Missieru. “It-​tagħlim tiegħi m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni,” iddikjara hu.—Ġwann 5:41; 7:16.

Ġesù gglorifika lil Missieru tas-​sema billi uża l-​Kelma taʼ Alla bħala l-​awtorità tat-​tagħlim tiegħu. (Mattew 19:4-6; 22:31, 32, 37-40) Bl-​istess mod Pawlu enfasizza l-​bżonn għall-​indokraturi li ‘jżommu sħiħ mal-​kelma taʼ min jemminha’ rigward l-​arti tagħhom tat-​tagħlim. (Titu 1:9) Billi jibbażaw b’mod sod it-​taħditiet tagħhom fuq l-​Iskrittura, l-​anzjani, fil-​fatt, se jkunu qegħdin jgħidu bħalma qal Ġesù: “Il-​kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi.”—Ġwann 14:10.

Kif jistgħu l-​anzjani ‘jżommu sħiħ mal-​kelma taʼ min jemminha’? Billi jiċċentraw it-​taħditiet u l-​inkarigi tagħhom tal-​laqgħat fuq il-​kelma taʼ Alla, billi jispjegaw u jenfasizzaw l-​iskritturi li jużaw. Tixbihat drammatiċi jew aneddoti li jnisslu tbissima, speċjalment jekk ikunu eċċessivi, jistgħu jaljenaw lill-​udjenza mill-​Kelma taʼ Alla u jiġbdu l-​attenzjoni lejn l-​abbiltà tal-​kelliemi nnifsu. Il-​versi tal-​Bibbja, mill-​banda l-​oħra, huma dak li se jilħqu l-​qalb u jqanqlu lill-​udjenza. (Salm 19:8-10 [Salm 19:7-9, NW]; Salm 119:40; qabbel Luqa 24:32.) Taħditiet bħal dawn jiġbdu inqas attenzjoni lejn il-​bniedem u jagħtu iktar glorja lil Alla.

Mod ieħor li bih l-​anzjani jistgħu jsiru għalliema iktar effettivi huwa billi jitgħallmu minn xulxin. Bħalma Pawlu għen lil Timotju, hekk ukoll jistaʼ anzjan jgħin lil ieħor. “Kif il-​ħadid isinn il-​ħadid, hekk bniedem jirfina lil sieħbu.” (Proverbji 27:17; Filippin 2:3) L-​anzjani jibbenefikaw billi jaqsmu l-​ideat u s-​suġġerimenti maʼ xulxin. Anzjan li nħatar reċentement spjega: “Anzjan taʼ l-​esperjenza ħa l-​ħin biex jurini kif kien jibni taħdita pubblika. Fil-​preparazzjoni tiegħu, hu inkluda mistoqsijiet rettoriki, tixbihat, eżempji, jew esperjenzi qosra, kif ukoll siltiet Skritturali li hu kien fittex bir-​reqqa. Tgħallimt minnu kif inżid il-​varjetà fit-​taħditiet tiegħi sabiex dawn ma jkunux xotti u monotoni.”

Dawk kollha minna li ngawdu privileġġi taʼ servizz, kemm jekk aħna anzjani, qaddejja ministerjali, jew pijunieri, għandna bżonn li ngħożżu d-​don tagħna. Ftit qabel ma miet, Pawlu fakkar lil Timotju biex ‘iqanqal bħal nar l-​għotja [khaʹri·sma] taʼ Alla li kienet fih,’ li fil-​każ taʼ Timotju kienet tinvolvi xi don speċjali taʼ l-​ispirtu. (2 Timotju 1:6, NW) Fi djar Iżraeliti, ħġejjeġ tan-​nar ħafna drabi kienu biss ġamar jaqbad. Kien possibbli li ‘tqanqalhom’ biex jipproduċu l-​fjammi u iktar sħana. B’hekk, aħna inkuraġġiti li nagħmlu ħilitna u l-​aħjar tagħna f’dawn l-​inkarigi, billi nqanqlu bħal nar kwalunkwe don spiritwali li ġejna fdati bih.

Doni Spiritwali li Jridu Jinqasmu maʼ Oħrajn

L-​imħabba taʼ Pawlu għal ħutu f’Ruma ġagħlitu jikteb: “Nixtieq ħafna narakom u naqsam magħkom id-​doni [khaʹri·sma] spiritwali biex inwettaqkom, jiġifieri nqawwu lil xulxin permezz tal-​fidi li għandna, jien lilkom u intom lili.” (Rumani 1:11, 12) Pawlu qies l-​abbiltà tagħna li nqawwu l-​fidi taʼ oħrajn billi nkellmuhom, bħala don spiritwali. It-​tpartit taʼ doni spiritwali bħal dawn se jirriżulta fit-​tisħiħ tal-​fidi u f’inkuraġġiment reċiproku.

U żgur li dan huwa meħtieġ. F’din is-​sistema mill-​agħar li ngħixu fiha, ilkoll kemm aħna niffaċċjaw xi stress b’mod jew ieħor. Madankollu, tpartit regulari taʼ inkuraġġiment, jistaʼ jgħinna nipperseveraw. L-​idea taʼ tpartit​—kemm li tagħti u kemm li tirċievi—​hija importanti biex inżommu b’saħħitna spiritwalment. Veru, ilkoll kemm aħna neħtieġu l-​inkuraġġiment minn żmien għal żmien, imma lkoll kemm aħna nistgħu nibnu lil xulxin ukoll.

Jekk noqogħdu b’sebaʼ għajnejn għal kredenti sħabna li jkollhom qalbhom sewda, ‘bil-​faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta taʼ hemm.’ (2 Korintin 1:3-5) Il-​kelma Griega għal faraġ (pa·raʹkle·sis) litteralment tfisser “li ssejjaħ maʼ ġenbek.” Jekk, meta jkun hemm bżonna, aħna nkunu ħdejn ħutna biex nagħtuhom daqqa t’id, bla dubju aħna stess se nirċievu l-​istess appoġġ taʼ mħabba meta jkollna bżonn.—Koħèlet 4:9, 10; qabbel Atti 9:36-41.

Iż-​żjajjar pastorali taʼ mħabba mill-​anzjani huma wkoll taʼ benefiċċju kbir. Għalkemm hemm okkażjonijiet meta ż-​żjajjar isiru sabiex jingħata xi parir Skritturali dwar kwistjoni li tinħtieġ l-​attenzjoni, il-​biċċa l-​kbira taż-​żjajjar pastorali huma okkażjonijiet taʼ inkuraġġiment, li ‘jqawwu l-​qlub.’ (Kolossin 2:2) Meta indokraturi jagħmlu żjajjar bħal dawn li jsaħħu l-​fidi, huma verament ikunu qed jaqsmu don spiritwali. Bħal Pawlu, se jsibu li din il-​forma taʼ għoti hija premjanti, u se jrabbu ‘x-​xewqa biex jaraw’ lil ħuthom.—Rumani 1:11.

Dan kien minnu fil-​każ taʼ anzjan fi Spanja, li jirrakkonta l-​esperjenza li ġejja: “Ricardo, tifel taʼ 11-il sena, kien jidher li ma tantx kien jesprimi interess fil-​laqgħat u fil-​kongregazzjoni inġenerali. Għalhekk, tlabt lill-​ġenituri taʼ Ricardo għall-​permess biex inżur lil binhom, u dawn qablu mill-​ewwel. Kienu jgħixu fil-​muntanji, xi siegħa ’l bogħod bil-​karozza mid-​dar tiegħi. Ricardo milli jidher ħa gost li jara l-​interess li ħadt fih, u aġixxa mill-​ewwel. F’kemm ili ngħidlek sar pubblikatur mhux mgħammed u membru enerġetiku tal-​kongregazzjoni. Il-​karattru riżervat tiegħu nbidel f’personalità iktar ferrieħa u sar iżjed fuq tiegħu. Diversi wħud fil-​kongregazzjoni saqsew: ‘X’ġaralu Ricardo?’ Qishom bdew jinnotawh għall-​ewwel darba. Meta nirrifletti fuq dik iż-​żjara pastorali kruċjali, inħossni li bbenefikajt iktar minn Ricardo. Meta jidħol fis-​Sala tas-​Saltna, wiċċu jixgħel, u jiġi jiġri lejja biex jilqagħni. Kienet ħaġa taʼ ferħ li nara l-​progress spiritwali tiegħu.”

Bla dubju, żjajjar pastorali, bħal din, jiġu mberkin bil-​kbir. Żjajjar bħal dawn huma fi qbil mat-​talba taʼ Ġesù: “Irgħa n-​nagħaġ tiegħi.” (Ġwann 21:16) Naturalment, l-​anzjani m’humiex l-​uniċi li jistgħu jagħtu doni spiritwali bħal dawn. Kulħadd fil-​kongregazzjoni jistaʼ jqanqal lil oħrajn għall-​imħabba u xogħlijiet mill-​aħjar. (Lhud 10:23, 24) Bħalma dawk li jixxabbtu maʼ muntanja jkunu marbutin flimkien b’ħabel, hekk ukoll aħna magħqudin flimkien b’irbit spiritwali. Dak li nagħmlu u ngħidu bilfors li se jeffettwa lil oħrajn. Rimarka sarkastika jew kritika ħarxa tistaʼ ddgħajjef l-​irbit li jgħaqqadna. (Efesin 4:29; Ġakbu 3:8) Mill-​banda l-​oħra, kliem taʼ inkuraġġiment magħżul sew u għajnuna bl-​imħabba jistgħu jgħinu lil ħutna jissuperaw id-​diffikultajiet tagħhom. B’dan il-​mod se nkunu qegħdin naqsmu maʼ oħrajn doni spiritwali taʼ valur dejjiemi.—Proverbji 12:25.

Nirriflettu l-​Glorja taʼ Alla Iktar bi Sħiħ

Ovvjament kull Kristjan għandu ammont taʼ kariżma. Aħna ġejna mogħtijin it-​tama imprezzabbli taʼ ħajja taʼ dejjem. Għandna wkoll doni spiritwali li nistgħu naqsmu maʼ xulxin. U nistgħu nistinkaw biex nispiraw jew inqanqlu lil oħrajn lejn miri tajbin. Uħud oħrajn għandhom doni miżjudin fl-​għamla taʼ privileġġi taʼ servizz. Dawn id-​doni kollha huma prova tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Alla. U ladarba kwalunkwe don li aħna jistaʼ jkollna rċevejnieh mingħand Alla, żgur li m’għandna l-​ebda raġuni biex niftaħru.—1 Korintin 4:7.

Bħala Kristjani, nagħmlu tajjeb li nsaqsu lilna nfusna, ‘Se nuża kwalunkwe ammont taʼ kariżma li jistaʼ jkolli biex nagħti glorja lil Jehovah, id-​Donatur taʼ “kull ħaġa tajba . . . u kull don perfett”? (Ġakbu 1:17) Se nimita lil Ġesù u nimministra lil oħrajn skond l-​abbiltajiet u ċ-​ċirkostanzi tiegħi?’

L-appostlu Pietru jiġbor ir-​responsabbiltà tagħna f’dan ir-​rigward: “Kull wieħed minnkom jgħix skond id-​don [khaʹri·sma] li rċieva u jinqeda bih għall-​ġid taʼ l-​oħrajn, hekk tkunu amministraturi tajbin tal-​grazzja taʼ Alla, li hi taʼ ħafna xorta. Jekk xi ħadd għandu d-​don tal-​kelma, jippriedka l-​kliem taʼ Alla; jekk xi ħadd għandu d-​don tal-​ministeru, iħaddmu bis-​setgħa li Alla tah, u hekk f’kollox ikun igglorifikat Alla b’Ġesù Kristu.”—1 Pietru 4:10, 11.

[Nota taʼ taħt]

a Total taʼ 913-il persuna mietu, inkluż Jim Jones innifsu.

[Sors taʼ l-​istampa f’paġna 23]

Corbis-Bettmann

UPI/Corbis-Bettmann

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja