Afda f’Jehovah u fil-Kelma Tiegħu
“Fik jittama [“jafda,” NW] min jagħraf lil ismek.”—SALM 9:11 [SALM 9:10, NW].
1. Għala xorta waħda jistaʼ jkollna fiduċja f’Jehovah u fil-Kelma tiegħu fi żmienna?
F’DID-DINJA moderna, l-istedina biex tafda f’Alla u fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, tistaʼ tidher mhix prattika u mhix realistika. Madankollu, l-għerf t’Alla għadda mit-test taż-żmien. Il-Ħallieq tar-raġel u l-mara hu l-Oriġinatur taż-żwieġ u l-familja, u jaf il-bżonnijiet tagħna iktar milli jafhom ħaddieħor. Sewwa sew bħalma ma nbiddlux il-bżonnijiet bażiċi umani, hekk ukoll il-modi fundamentali taʼ li jitwettqu dawk il-bżonnijiet baqgħu l-istess. Il-pariri għaqlin tal-Bibbja, għalkemm miktubin sekli ilu, għadhom jipprovdu l-aqwa gwida għal suċċess fl-għixien u f’li jiġu solvuti l-problemi. Li nagħtu kashom jirriżulta f’ammont kbir t’hena—saħansitra fid-dinja sofistikata u xjentifika li ngħixu fiha!
2. (a) Li jobdu l-kmandamenti t’Alla liema frott tajjeb ipproduċa fil-ħajjiet tan-nies taʼ Jehovah? (b) Jehovah x’iwiegħed iżjed għal dawk li jobdu lilu u lill-Kelma tiegħu?
2 Li nafdaw f’Jehovah u napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja jġibu benefiċċji prattiċi kuljum. Prova taʼ dan tinsab fil-ħajjiet tal-miljuni tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja li kellhom il-konvinzjoni u l-kuraġġ biex japplikaw il-pariri tal-Bibbja. Għalihom, fiduċja fil-Ħallieq u fil-Kelma tiegħu tat prova li hija mqiegħda tajjeb. (Salm 9:10, 11 [Salm 9:9, 10, NW]) Li jobdu l-kmandamenti t’Alla għamilhom nies aħjar f’dawk li huma ndafa, onestà, bżulija, rispett għall-ħajja u għall-affarijiet taʼ l-oħrajn, u moderazzjoni fl-ikel u x-xorb. Ressaqhom lejn imħabba u taħriġ xierqa ġewwa ċ-ċirku tal-familja—li jkunu ospitabbli, paċenzjużi, mimlijin ħniena, u jaħfru—kif ukoll rigward bosta affarijiet oħrajn. Huma kienu kapaċi jevitaw b’mod estensiv il-frott ħażin tar-rabja, mibegħda, qtil, invidja, biżaʼ, għażż, kburija, gideb, ikkalunnjar, taħlit sesswali, u immoralità. (Salm 32:10) Imma Alla jagħmel iżjed milli jwiegħed riżultat tajjeb għal dawk li jżommu l-liġijiet tiegħu. Ġesù qal li dawk li jsegwu l-mogħdija Kristjana kellhom jirċievu “minn issa, f’din id-dinja stess, . . . għal mitt darba iktar, . . . ommijiet u wlied u egħlieqi flimkien maʼ persekuzzjonijiet, u l-ħajja taʼ dejjem fiż-żmien li ġej.”—Mark 10:29, 30.
Evita Li Tafda F’Għerf Dinji
3. F’li jkomplu jafdaw f’Jehovah u fil-Kelma tiegħu, il-Kristjani b’liema problemi xi kultant jiġu ffaċċjati?
3 Problema għal bnedmin imperfetti hija li għandhom it-tendenza li jċekknu jew jinsew dak li Alla jirrikjedi. Faċilment jibdew jaħsbu li huma jafu l-aħjar jew li għerf min-nies intellettwali taʼ did-dinja huwa superjuri għal dak t’Alla, li huwa iżjed aġġornat. Qaddejja t’Alla jistgħu wkoll jiżviluppaw din l-attitudni, peress li jgħixu f’nofs did-dinja. B’hekk, waqt li jestendi l-istedina taʼ mħabba biex nisimgħu mill-pariri tiegħu, Missierna tas-sema jinkludi wkoll twissijiet xierqa: “Ibni, tinsiex it-tagħlim tiegħi, iżda żomm f’qalbek il-kmandamenti tiegħi; għax għomor twil u ħafna snin, u riżq tajjeb iġibulek. Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fil-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek. Toqgħodx taħseb kemm inti għaref, imma ibżaʼ mill-Mulej u warrab mill-ħażen.”—Proverbji 3:1, 2, 5-7.
4. “L-għerf taʼ din id-dinja” kemm huwa mifrux, u għala huwa “bluha għal Alla”?
4 L-għerf taʼ did-dinja huwa disponibbli bl-abbundanza u minn ħafna sorsi. Hemm ħafna istituzzjonijiet taʼ tagħlim, u ‘l-ktib taʼ kotba joktor bla heda.’ (Koħelet 12:12) Issa l-hekk imsejħa information superhighway tad-dinja tal-kompjuters twiegħed li tipprovdi informazzjoni bla limiti fuq kważi kwalunkwe suġġett. Imma li jkollha dan l-għarfien kollu għad-dispożizzjoni tagħha ma jagħmilx lid-dinja iktar għaqlija jew isolvi l-problemi tagħha. Minflok, is-sitwazzjoni dinjija qiegħda tmur għall-agħar kuljum. Wieħed jistaʼjifhem għala l-Bibbja tgħidilna li “l-għerf taʼ din id-dinja hu bluha quddiem Alla.”—1 Korintin 3:19, 20.
5. Il-Bibbja liema twissijiet tagħtina rigward “l-għerf taʼ din id-dinja”?
5 Matul dil-parti finali taʼ l-aħħar jiem, huwa biss mistenni li l-qarrieq il-kbir, Satana x-Xitan, jitfaʼ valanga taʼ gideb fi sforz biex idgħajjef minn taħt il-fiduċja fil-verità tal-Bibbja. Kritiċi sofistikati żżejjed ipproduċew abbundanza taʼ kotba spekulattivi li jisfidaw l-awtentiċità tal-Bibbja u dwar kemm hija taʼ min jorbot fuqha. Pawlu wissa lil sieħbu Kristjan: “Timotju, ħares sewwa dak li kien afdat f’idejk. Aħrab il-kliem profan u fieragħ u l-kontradizzjonijiet taʼ l-għerf falz, li xi wħud ħaddnuh u tbiegħdu mill-fidi.” (1 Timotju 6:20, 21) Il-Bibbja tissokta twissi: “Qisu li ħadd ma jassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-bnedmin; skond il-prinċipji tad-dinja u mhux taʼ Kristu.”—Kolossin 2:8.
Iġġieled Lit-Tendenza Li Tiddubita
6. Il-viġilanza għala hija neċessarja biex tevita li dubji jrabbu għeruq fil-qalb?
6 Tattika makakka oħra tax-Xitan hija ż-żrigħ taʼ dubji fil-moħħ. Huwa dejjem attent biex jara xi dgħjufija fil-fidi u jisfruttaha. Kull min jesperjenza dubji għandu jiftakar li l-wieħed wara dubji bħal dawn huwa dak li qal lil Eva: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?’” Ladarba t-Tentatur kien żaraʼ dubju f’moħħha, il-pass li kien imiss kien li jgħidilha gidba, li hi emmnet. (Ġenesi 3:1, 4, 5) Biex nevitaw li l-fidi tagħna tiġi meqruda mid-dubju bħalma kienet t’Eva, għandna bżonn noqogħdu attenti. Jekk xi nitfa dubju dwar Jehovah, il-Kelma tiegħu, jew l-organizzazzjoni tiegħu beda jitlajja f’qalbek, ħu passi taʼ malajr biex teliminah qabel ma jiggrava f’xi ħaġa li tistaʼ teqred il-fidi tiegħek.—Qabbel 1 Korintin 10:12.
7. X’jistaʼ jsir biex tqaċċat id-dubji mill-għeruq?
7 X’jistaʼ jsir? Għal darb’oħra, it-tweġiba hija biex tafda f’Jehovah u fil-Kelma tiegħu. “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar ’il ħadd, u jagħtihulu. Mela ħa jitlob bil-fidi, bla ma jitħasseb xejn, għax min jitħasseb ikun jixbah lill-mewġ tal-baħar imqanqal u mqalleb bir-riħ.” (Ġakbu 1:5, 6; 2 Pietru 3:17, 18) Mela talb ħerqan lil Jehovah huwa l-ewwel pass. (Salm 62:8) Imbagħad, toqgħodx taħsibha biex titlob għajnuna mingħand indokraturi taʼ mħabba fil-kongregazzjoni. (Atti 20:28; Ġakbu 5:14, 15; Ġuda 22) Huma se jgħinuk issib is-sors tad-dubji tiegħek, li għandu mnejn ikun dovut għall-kburija jew xi ħsieb żbaljat.
8. Ħsieb apostat taʼ spiss kif jibda, u x’inhu r-rimedju?
8 Introduċewlek il-qari jew l-għoti taʼ widen għal ideat apostati jew filosofiji dinjin dubji velenużi? B’għaqal, il-Bibbja twissi: “Agħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verità. Aħrab it-tpaċpiċ fieragħ u ħażin, għax dawk li jitkellmu hekk jibqgħu sejrin mill-ħażin għall-agħar u kliemhom jinfirex bħal kankrena.” (2 Timotju 2:15-17) Huwa taʼ interess li ħafna li saru vittmi t’apostasija bdew fid-direzzjoni żbaljata billi l-ewwel ilmentaw dwar kif ħassewhom li kienu qegħdin jiġu ttrattati fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah. (Ġuda 16) Li jsibu difetti fit-twemmin ġie iktar tard. Sewwa sew bħalma tabib jaġixxi malajr biex jaqtaʼ barra kankru, aġixxi malajr biex toħroġ ’il barra mill-moħħ kwalunkwe tendenza li tilmenta, li ma tkunx sodisfatt bil-mod kif isiru l-affarijiet fil-kongregazzjoni Kristjana. (Kolossin 3:13, 14) Aqtaʼ ’l barra kwalunkwe ħaġa li tinkuraġġixxi dubji bħal dawn.—Mark 9:43.
9. Rutina teokratika tajba kif se tgħinna nibqgħu b’saħħitna fil-fidi?
9 Żomm qrib taʼ Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu. Lealment imita lil Pietru, li stqarr b’mod deċiż: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 6:52, 60, 66-68) Qis li jkollok skeda tajba taʼ studju tal-Kelma taʼ Jehovah sabiex iżżomm il-fidi tiegħek b’saħħitha, bħal tarka kbira, kapaċi ‘titfi l-vleġeġ kollha tan-nar tal-ħażin.’ (Efesin 6:16) Ibqaʼ attiv fil-ministeru Kristjan, aqsam b’imħabba l-messaġġ tas-Saltna m’oħrajn. Kuljum, immedita b’apprezzament fuq kif Jehovah bierkek. Kun grat li għandek għarfien tal-verità. Li tagħmel dawn l-affarijiet kollha f’rutina Kristjana tajba se jgħinek biex tkun hieni, tissaporti, u tibqaʼ ħieles mid-dubji.—Salm 40:4; Filippin 3:15, 16; Lhud 6:10-12.
Insegwu D-Direzzjoni Taʼ Jehovah Fiż-Żwieġ
10. Għala huwa speċjalment importanti li tistrieħ fuq Jehovah għall-gwida fiż-żwieġ Kristjan?
10 Meta għamel arranġament biex ir-raġel u l-mara jgħixu flimkien bħala koppja miżżewġa, Jehovah kellu l-iskop mhux biss li jimla’ l-art b’mod komdu imma wkoll biex isebbaħ l-hena tagħhom. Madankollu, id-dnub u l-imperfezzjoni ġabu problemi serji fir-relazzjoni taż-żwieġ. Il-Kristjani m’humiex eżentati minn dawn, ladarba huma wkoll imperfetti u jesperjenzaw il-pressjonijiet tal-għixien fiż-żmien taʼ llum. Xorta waħda, sal-punt li huma jafdaw f’Jehovah u fil-Kelma tiegħu, il-Kristjani jistgħu jkollhom suċċess tajjeb fiż-żwieġ u fit-trobbija tat-tfal tagħhom. Fi żwieġ Kristjan m’hemmx post għal prattiċi u mġiba dinjin. Il-Kelma t’Alla tammonina: “Ħalli jkun iż-żwieġ tagħkom miżmum fil-ġieh minn kulħadd u s-sodda taż-żwieġ bla tinġis, għax Alla għad jagħmel ħaqq miż-żienja u mill-adulteri.”—Lhud 13:4.
11. F’li jsolvu problemi fiż-żwieġ, x’għandu jiġi rrikonoxxut miż-żewġ imseħbin?
11 Iż-żwieġ li huwa mwettaq skond il-pariri tal-Bibbja għandu klima taʼ mħabba, rabta, u sigurtà. Kemm ir-raġel u kemm il-mara jifhmu u jirrispettaw il-prinċipju taʼ l-istat taʼ kap. Meta jqumu diffikultajiet, taʼ spiss ikunu dovuti għal xi negliġenza fl-applikar tal-pariri Bibliċi. F’li tiġi solvuta problema fit-tul, huwa vitali li ż-żewġ imseħbin jiffokaw onestament fuq x’inhi realment il-problema u jaħdmu fuq ir-raġunijiet iktar milli fuq is-sintomi. Jekk diskussjonijiet riċenti wasslu għal ftit jew xejn qbil, il-koppja tistaʼ titlob għal għajnuna imparzjali mingħand indokratur taʼ mħabba.
12. (a) Il-Bibbja fuq liema problemi komuni fiż-żwieġ tipprovdi pariri? (b) Għala hemm il-ħtieġa min-naħa taż-żewġ imseħbin li jagħmlu l-affarijiet kif irid Jehovah?
12 Tinvolvi l-problema komunikazzjoni, rispett għas-sentimenti taʼ xulxin, rispett għall-istat taʼ kap, jew kif jittieħdu d-deċiżjonijiet? Għandha x’taqsam mat-trobbija tat-tfal, jew l-ibbilanċjar taʼ bżonnijiet sesswali? Jew hija l-baġit tal-familja, ir-rikreazzjoni, l-isħubija, jekk il-mara għandhiex toħroġ taħdem, jew fejn se toqgħodu? Hi x’inhi l-problema, il-Bibbja tagħti pariri prattiċi jew direttament permezz taʼ liġijiet jew indirettament permezz taʼ prinċipji. (Mattew 19:4, 5, 9; 1 Korintin 7:1-40; Efesin 5:21-23, 28-33; 6:1-4; Kolossin 3:18-21; Titu 2:4, 5; 1 Pietru 3:1-7) Meta ż-żewġ imseħbin jieqfu milli jagħmlu talbiet egoistiċi u jħallu l-imħabba jkollha l-espressjoni sħiħa tagħha fiż-żwieġ tagħhom, hena akbar tirriżulta. Irid ikun hemm xewqa kbira min-naħa taż-żewġ imseħbin li jagħmlu l-bidliet meħtieġa, li jagħmlu l-affarijiet kif irid Jehovah. “Min jagħti widen għall-Kelma jmur tajjeb; hieni hu min jafda fil-Mulej!”—Proverbji 16:20.
Żgħażagħ—Agħtu Widen Għall-Kelma T’Alla
13. Għala m’huwiex faċli għal żgħażagħ Kristjani li jikbru b’fidi b’saħħitha f’Jehovah u fil-Kelma tiegħu?
13 M’huwiex faċli għal żgħażagħ Kristjani li jikbru b’saħħithom fil-fidi meta d-dinja mill-agħar hija madwarhom. Raġuni waħda hija li “d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-ħażin,” Satana x-Xitan. (1 Ġwann 5:19) Iż-żgħażagħ huma taħt attakk minn dan l-għadu feroċi li jistaʼ jagħmel il-ħażin jidher tajjeb. L-attitudnijiet taʼ jien l-ewwel, l-ambizzjonijiet egoistiċi, il-leblibiet għal dak li huwa immorali u krudil, u l-ġiri mhux normali wara l-pjaċiri—dawn kollha jingħaqdu flimkien f’mudell wieħed taʼ ħsieb, komuni u dominanti deskritt fil-Bibbja bħala “l-ispirtu li issa jaħdem f’ulied id-diżubbidjenza.” (Efesin 2:1-3, KŻ) Satana ppromwova b’makakkerija dan l-“ispirtu” f’kotba taʼ l-iskola, f’ħafna mill-mużika disponibbli, fl-isport, u f’għamliet oħrajn taʼ divertiment. Il-ġenituri għandhom bżonn jkunu attenti biex jikkompensaw għal influwenzi bħal dawn billi jgħinu lil uliedhom jikbru jafdaw f’Jehovah u fil-Kelma tiegħu.
14. Iż-żgħażagħ kif jistgħu ‘jaħarbu mill-ġibdiet taż-żgħożija’?
14 Pawlu ta parir bħal taʼ missier liż-żagħżugħ sieħbu Timotju: “Aħrab il-ġibdiet taż-żgħożija; fittex bil-ħerqa s-sewwa, il-fidi, l-imħabba u s-sliem, flimkien maʼ dawk li jsejħu ’l l-Mulej b’qalb safja.” (2 Timotju 2:22) Fil-waqt li mhux il-“ġibdiet taż-żgħożija” kollha huma ħżiena fihom infushom, iż-żgħażagħ għandhom ‘jaħarbu’ minnhom f’li m’għandhomx iħallu lil dawn l-affarijiet ikunu taʼ preokkupazzjoni, billi jħallulhom ftit, jew xejn, ħin għal interessi divini. Bodybuilding, sport, mużika, divertiment, passatempi, u vvjaġġar, fil-waqt li m’humiex neċessarjament ħżiena, jistgħu jkunu nassa jekk isiru l-affarijiet importanti fil-ħajja. Aħrab kompletament minn konversazzjoni mingħajr skop, milli tiġġerra barra, minn interess mhux normali fis-sess, milli toqgħod ma tagħmel xejn u tiddejjaq, u milli tilmenta fuq li m’intix mifhum mill-ġenituri tiegħek.
15. Liema affarijiet jistgħu jiġru fil-privatezza tad-dar li jistgħu jikkontribwixxu biex żgħażagħ jgħixu ħajja doppja?
15 Saħansitra fil-privatezza tad-dar, il-periklu jistaʼ jħuf għaż-żgħażagħ. Jekk wieħed jara programmi tat-televixin u vidjos immorali jew vjolenti, ix-xewqa biex jagħmel affarijiet ħżiena tistaʼ titħawwel. (Ġakbu 1:14, 15) Il-Bibbja tagħti l-parir: “O intom li tħobbu l-Mulej, obogħdu l-ħażen!” (Salm 97:10, KŻ; 115:11) Jehovah jaf jekk xi ħadd ikun qiegħed jipprova jgħix ħajja doppja. (Proverbji 15:3) Żgħażagħ Kristjani, ħarsu madwar il-kamra tagħkom. Għandkom stampi mdendlin mal-ħitan t’artisti immorali tad-dinja taʼ l-isport jew tal-mużika, jew għandkom imdendlin affarijiet li jibnu u li huma tfakkiriet tajbin? (Salm 101:3) Fil-gwardarobba tagħkom, għandkom ilbies modest, jew jirriflettu xi ftit mill-ħwejjeġ tagħkom l-istili estremi fl-ilbies taʼ did-dinja? B’modi sottili x-Xitan jistaʼ jaqbadkom f’nassa jekk iċċedu għat-tentazzjoni biex idduqu dak li huwa ħażin. Il-Bibbja b’mod għaqli tagħti l-parir: “Kunu meqjusa u għassu. L-għadu tagħkom ix-xitan qisu ljun igħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ.”—1 Pietru 5:8.
16. Il-pariri tal-Bibbja kif jistgħu jgħinu lil żagħżugħ jagħmel lil dawk li huma importanti f’ħajtu kburin bih?
16 Il-Bibbja tgħidlek biex tgħasses maʼ min tagħmilha. (1 Korintin 15:33) Dawk li tagħmilha magħhom għandhom ikunu dawk li jibżgħu minn Jehovah. Iċċedix għall-pressjoni minn dawk taʼ mparek. (Salm 56:10 [Salm 56:11, NW]; Proverbji 29:25)Obdi mill-ġenituri tiegħek li għandhom il-biżaʼ t’Alla. (Proverbji 6:20-22; Efesin 6:1-3) Strieħ fuq l-anzjani għal direzzjoni u inkuraġġiment. (Isaija 32:1, 2) Żomm moħħok u għajnejk fuq valuri u miri spiritwali. Fittex opportunitajiet biex tagħmel avvanz spiritwali u biex tipparteċipa f’attivitajiet tal-kongregazzjoni. Tgħallem kif tagħmel affarijiet b’idejk. Ikber sod u b’saħħtek fil-fidi, u mbagħad se tagħti prova li int tassew int xi ħadd—xi ħadd denju tal-ħajja fid-dinja ġdida taʼ Jehovah! Missierna tas-sema se jkun kburi bik, il-ġenituri tiegħek taʼ l-art se jitgħaxxqu bik, u ħutek Kristjani se jiġu inkuraġġiti bik. Dak huwa li jgħodd!—Proverbji 4:1, 2, 7, 8.
17. Liema benefiċċji jiġu għand dawk li jafdaw f’Jehovah u fil-Kelma tiegħu?
17 Bi frażi poetika s-salmista kien ispirat biex jikteb: “Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej lil min jimxi bis-sewwa. Mulej taʼ l-eżerċti, hieni l-bniedem li jittama fik!” (Salm 84:12, 13 [Salm 84:11, 12, NW]) Iva, hena u suċċess, mhux diżappunt u falliment, huwa dak li jiġi għand dawk kollha li jafdaw f’Jehovah u fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja.—2 Timotju 3:14, 16, 17. (w96 2/1)
Kif Twieġeb Int?
◻ Il-Kristjani għala m’għandhomx ipoġġu l-fiduċja tagħhom fl-“għerf taʼ din id-dinja”?
◻ X’għandu jsir jekk wieħed qiegħed jesperjenza xi dubji?
◻ Li tagħmel l-affarijiet kif irid Jehovah kif iġib suċċess u hena fiż-żwieġ?
◻ Il-Bibbja kif tgħin liż-żgħażagħ biex ‘jaħarbu mill-ġibdiet taż-żgħożija’?
[Stampa f’paġna 29]
Il-Kristjani jduru lejn Jehovah u l-Kelma tiegħu fil-waqt li jwarrbu bħala bluha “l-għerf taʼ din id-dinja”
[Stampa f’paġna 31]
Familji li jafdaw f’Jehovah u fil-Kelma tiegħu għandhom suċċess tajjeb u hena