Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ittri lill-Galatin, lill-Efesin, lill-Filippin, u lill-Kolossin
MALLI jismaʼ li xi Kristjani kienu qed iwarrbu l-qima pura minħabba li ġew influwenzati mill-Ġudaisti, l-appostlu Pawlu jikteb ittra qawwija “lill-kongregazzjonijiet tal-Galazja.” (Gal. 1:2) Din l-ittra li nkitbet matul il-perijodu taʼ bejn is-sena 50 E.K. u s-sena 52 E.K. fiha pariri diretti u twissijiet qawwijin.
Madwar għaxar snin wara, waqt li qiegħed Ruma bħala “priġunier taʼ Kristu Ġesù,” Pawlu jikteb lill-kongregazzjonijiet f’Efesu, f’Filippi, u f’Kolossi, u jagħtihom pariri għaqlin u inkuraġġiment kollu mħabba. (Efes. 3:1) Aħna llum nistgħu nibbenefikaw jekk noqogħdu attenti għall-messaġġ li hemm fil-kotba Bibliċi tal-Galatin, l-Efesin, il-Filippin, u l-Kolossin.—Ebr. 4:12.
“DIKJARATI ĠUSTI”—KIF?
Ladarba l-Ġudaisti b’makakkerija jipprovaw joħolqu dubji dwar l-appostlu Pawlu, hu jiddefendi l-appostolat tiegħu billi jipprovdi xi dettalji dwaru nnifsu. (Gal. 1:11–2:14) Sabiex jiġġieled kontra t-tagħlim falz, Pawlu jgħid hekk: “Bniedem ma jiġix dikjarat ġust bl-għemejjel tal-liġi, imma biss bil-fidi fi Kristu Ġesù.”—Gal. 2:16.
Pawlu jgħid li Kristu ‘ħeles lil dawk li kienu taħt il-liġi’ u ħelishom sabiex ikunu jistgħu jgawdu l-libertà Kristjana. Hu jwissi b’mod sod lill-Galatin: “Żommu sħiħ, u terġgħux tintrabtu taħt madmad taʼ jasar.”—Gal. 4:4, 5; 5:1.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
3:16-18, 28, 29—Għadu validu l-patt Abrahamiku? Iva, għadu. Il-patt tal-Liġi kien ikompli mal-patt li Alla għamel m’Abraham u mhux issostitwieh. Għalhekk, il-patt Abrahamiku baqaʼ validu wara li l-Liġi ‘tneħħiet għalkollox.’ (Efes. 2:15) Il-wegħdi tiegħu saru japplikaw għan-“nisel” veru t’Abraham—Kristu Ġesù, li hu n-nisel primarju, u dawk li huma “taʼ Kristu.”
6:2—X’inhi “l-liġi tal-Kristu”? Din il-liġi hi magħmula minn dak kollu li għallem u kkmanda Ġesù. Tinkludi b’mod speċjali l-kmandament biex ‘inħobbu lil xulxin.’—Ġw. 13:34.
6:8—Kif nistgħu ‘niżirgħu għall-ispirtu’? Aħna nagħmlu dan billi ngħixu b’tali mod li nħallu l-ispirtu t’Alla jinfluwenzana. Meta niżirgħu bl-ispirtu nkunu qed nipparteċipaw minn qalbna f’attivitajiet li jħallu l-ispirtu jaħdem fina.
Lezzjonijiet Għalina:
1:6-9. L-anzjani Kristjani għandhom bżonn jaġixxu mingħajr dewmien meta jinqalgħu l-problemi fil-kongregazzjoni. Billi jużaw l-irraġunar f’loku flimkien maʼ l-Iskrittura, huma jistgħu jikxfu l-irraġunar falz malajr.
2:20. Il-fidwa hija rigal għalina personalment mingħand Alla. Għandna nitgħallmu nqisuha b’dan il-mod.—Ġw. 3:16.
5:7-9. Kumpanija ħażina tistaʼ ‘tfixkilna biex ma nibqgħux nobdu l-verità.’ Ikun għaqli għalina li nwarrbuha.
6:1, 2, 5. Dawk li għandhom “kwalifiki spiritwali” jistgħu jgħinuna nġorru xi “toqol,” bħal xi sitwazzjoni diffiċli li nsibu ruħna fiha minħabba li, bla ma konna nafu, inkunu ħadna xi pass falz. Iżda, it-tagħbija tar-responsabbiltajiet spiritwali tagħna għandna nġorruha aħna stess.
‘JINĠABAR KOLLOX FLIMKIEN FIL-KRISTU’
Biex jiġbed l-attenzjoni lejn l-għaqda Kristjana fl-ittra tiegħu lill-Efesin, Pawlu jitkellem dwar “amministrazzjoni fil-milja taż-żminijiet stabbiliti, . . . [biex] jerġaʼ jiġbor kollox flimkien fil-Kristu, kulma hemm fis-smewwiet u kulma hemm fuq l-art.” Kristu ta “rġiel bħala għotjiet” sabiex jgħinu lilna lkoll ħalli “naslu għall-unità fil-fidi.”—Efes. 1:10; 4:8, 13.
Sabiex jonoraw lil Alla u jippromwovu l-għaqda, il-Kristjani għandhom ‘jilbsu l-personalità l-ġdida’ u ‘jkunu sottomessi lejn xulxin fil-biżaʼ taʼ Kristu.’ Huma jridu wkoll ‘iżommu sod kontra t-tnassis tax-Xitan’ billi jilbsu l-armatura spiritwali sħiħa.—Efes. 4:24; 5:21; 6:11.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:4-7—Il-Kristjani midlukin kif ġew maħturin ħafna qabel ma twieldu? Huma ġew maħturin bħala grupp, jew klassi, u mhux bħala individwi. Dan seħħ qabel ma bdiet teżisti l-umanità midinba. Il-profezija mniżżla f’Ġenesi 3:15, li ġiet imħabbra qabel il-konċepiment taʼ kwalunkwe bniedem midneb, tinkludi l-iskop t’Alla li jkollu xi segwaċi taʼ Kristu jaħkmu miegħu fis-sema.—Gal. 3:16, 29.
2:2—L-ispirtu tad-dinja kif inhu bħall-arja, u kif jeżerċita l-awtorità tiegħu fuq id-dinja? “L-ispirtu tad-dinja”—l-ispirtu taʼ indipendenza u diżubbidjenza—huwa mifrux maʼ kullimkien bħall-arja li nieħdu. (1 Kor. 2:12) Dan l-ispirtu jeżerċita l-awtorità, jew il-qawwa, tiegħu fuq id-dinja minħabba l-influwenza qawwija u persistenti tiegħu.
2:6—Il-Kristjani midlukin kif jistgħu jkunu “fil-postijiet tas-sema” waqt li jkunu għadhom fuq l-art? L-espressjoni “postijiet tas-sema” hawnhekk ma tirreferix għall-wirt fis-sema li kien imwiegħed lilhom. Minflok, tirreferi għall-pożizzjoni spiritwali u eżaltata tagħhom li tirriżulta mill-fatt li huma “mmarkati bis-siġill taʼ l-ispirtu qaddis imwiegħed.”—Efes. 1:13, 14.
Lezzjonijiet Għalina:
4:8, 11-15. Ġesù Kristu “ħa miegħu lill-imjassrin,” jiġifieri, neħħa lil xi rġiel minn taħt il-kontroll taʼ Satana sabiex jużahom bħala għotjiet ħalli tinbena l-kongregazzjoni Kristjana. Aħna nistgħu “nikbru bl-imħabba f’kollox fi Kristu” billi nkunu ubbidjenti u sottomessi lejn dawk li jieħdu t-tmexxija fostna u billi nikkooperaw maʼ l-arranġamenti tal-kongregazzjoni.—Ebr. 13:7, 17.
5:22-24, 33. Minbarra li tkun sottomessa lejn ir-raġel tagħha, mara miżżewġa għandha wkoll tirrispettah. Hi tagħmel dan billi turi “spirtu kwiet u ġwejjed” u billi tistinka biex tonorah hekk kif titkellem tajjeb dwaru u tikkoopera miegħu biex id-deċiżjonijiet tiegħu jkollhom suċċess.—1 Pt. 3:3, 4; Titu 2:3-5.
5:25, 28, 29. Bħalma raġel miżżewweġ ‘jitmaʼ’ lilu nnifsu, hu għandu jipprovdi bl-aħjar mod għal martu—fiżikament, emozzjonalment, u spiritwalment. Hu għandu wkoll jgħożżha billi jqattaʼ ħin adegwat magħha u billi jittrattaha b’tenerezza kemm bil-kliem u kemm bl-azzjonijiet.
6:10-13. Sabiex nirreżistu forzi demoniċi, għandna bżonn nilbsu l-armatura spiritwali mingħand Alla b’qalb sħiħa.
‘KOMPLU MEXJIN BL-ORDNI’
Pawlu enfasizza l-imħabba fl-ittra tiegħu lill-Filippin. “Dan inkompli nitlob,” jgħid hu, “li mħabbitkom tikber u toktor dejjem iżjed b’għarfien eżatt u dixxerniment sħiħ.” Biex jgħinhom jevitaw in-nassa li jkunu kunfidenti żżejjed, hu jwissihom: “Ibqgħu wettqu s-salvazzjoni tagħkom bil-biżaʼ u t-tregħid.”—Flp. 1:9; 2:12.
Pawlu jinkuraġġixxi lil dawk li huma maturi sabiex jiġru “lejn il-mira għall-premju tas-sejħa t’Alla għal hemm fuq.” Hu jgħid: “Għamilna kemm għamilna progress, ejjew inkomplu mexjin bl-ordni b’din l-istess rutina.”—Flp. 3:14-16.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:23—Pawlu minħabba liema “żewġ affarijiet” kien magħsur, u liema “ħelsien” xtaq? Minħabba ċ-ċirkustanzi li kien fihom, Pawlu ħassu magħsur bejn żewġ possibbiltajiet li kellu quddiemu: ħajja jew mewt. (Flp. 1:21) Għalkemm m’hemmx miktub x’għażel, hu wera xi xtaq—‘il-ħelsien u li jkun maʼ Kristu.’ (Flp. 3:20, 21; 1 Tess. 4:16) Dan il-“ħelsien” matul il-preżenza taʼ Kristu kien se jirriżulta f’li Pawlu jirċievi l-premju li Ġeħova kellu preparat għalih.—Mt. 24:3.
2:12, 13—Alla b’liema mod jikkaġuna li ‘jkollna r-rieda u naġixxu’? L-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova jistaʼ jaħdem f’qalbna u f’moħħna sabiex ikabbar ix-xewqa tagħna biex nagħmlu l-aħjar li nistgħu fis-servizz tiegħu. Għalhekk, aħna m’aħniex mingħajr għajnuna hekk kif ‘nibqgħu nwettqu s-salvazzjoni tagħna.’
Lezzjonijiet Għalina:
1:3-5. Għalkemm kienu fqar materjalment, il-Filippin jagħtuna eżempju tajjeb f’li nkunu ġenerużi.—2 Kor. 8:1-6.
2:5-11. Bħalma juri l-eżempju taʼ Ġesù, l-umiltà m’hijiex sinjal taʼ dgħjufija imma taʼ saħħa morali. Iktar minn hekk, Ġeħova jeżalta lil dawk li huma umli.—Prov. 22:4.
3:13. ‘L-affarijiet taʼ warajna’ jistgħu jkunu affarijiet bħal karriera li trendi qligħ kbir, is-sigurtà taʼ li tkun membru taʼ familja sinjura, jew saħansitra dnubiet serji li tkun għamilt fil-passat u li minnhom tkun indimt u ‘ġejt maħsul.’ (1 Kor. 6:11) Dawn l-affarijiet għandna ninsewhom, jiġifieri, nieqfu milli nkunu konċernati dwarhom, u ‘niġġebbdu biex nilħqu l-affarijiet li hemm quddiemna.’
“ISSODAW FIL-FIDI”
Fl-ittra tiegħu lill-Kolossin, Pawlu jikxef l-ideat żbaljati taʼ l-għalliema foloz. Hu jgħid li s-salvazzjoni tiddependi milli ‘nkomplu fil-fidi’ u mhux mill-ħtiġijiet tal-Liġi. Pawlu jinkuraġġixxi lill-Kolossin biex ‘jibqgħu mexjin f’unjoni [maʼ Kristu], jagħmlu l-għeruq u jinbnew fih u jissodaw fil-fidi.’ Kif se jeffettwahom il-fatt li jissodaw fil-fidi?—Kol. 1:23; 2:6, 7.
“Minbarra dawn l-affarijiet kollha,” jikteb Pawlu, “ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad. Ukoll, ħallu l-paċi tal-Kristu jkollha kontroll fi qlubkom.” L-appostlu jgħidilhom: “Kulma tagħmlu, agħmluh b’ruħkom kollha qisu għal Ġeħova, u mhux għall-bnedmin.” Rigward dawk li m’humiex parti mill-kongregazzjoni, hu jgħid: “Ibqgħu mexjin bl-għerf” magħhom.—Kol. 3:14, 15, 23; 4:5.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
2:8—X’inhuma “l-affarijiet elementari tad-dinja” li Pawlu wissa kontrihom? Dawn huma l-elementi tad-dinja taʼ Satana—affarijiet bażiċi jew prinċipji li jsawruha, jiggwidawha, jew jimmotivawha. (1 Ġw. 2:16) Fost dawn hemm il-filosofija, il-materjaliżmu, u r-reliġjonijiet foloz taʼ din id-dinja.
4:16—L-ittra lil-Laodikin għala m’hijiex parti mill-Bibbja? Jistaʼ jkun li din l-ittra ma fihiex informazzjoni neċessarja għal-lum. Jew jistaʼ jkun li fiha l-istess punti li fihom ittri kanoniċi oħrajn.
Lezzjonijiet Għalina:
1:2, 20. Il-fidwa, li hija provvediment tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, tistaʼ tnaddfilna l-kuxjenza mill-ħtija u tagħtina paċi ġewwinija.
2:18, 23. L-“umiltà falza,” jiġifieri, meta dak li jkun jagħmilha taʼ l-umli biex jimpressjona lil oħrajn forsi billi jirrifjuta xi affarijiet materjali jew billi jittratta lilu nnifsu bi ħruxija, hija indikazzjoni taʼ li wieħed ‘jintefaħ bih innifsu bil-mentalità tal-laħam midneb’ tiegħu.