Ithenna F’Jehovah!
“Dejjem ithennew fil-Mulej. Għal darb’oħra se ngħid, Ithennew!”—FILIPPIN 4:4.
1. Għala nistgħu nitħassbu dwar x’ried ifisser Pawlu meta qal li l-Kristjani għandhom dejjem jithennew?
ILLUM IL-ĠURNATA, raġunijiet għall-hena jistgħu jidhru ftit u rari. Bnedmin magħmulin mit-trab, saħansitra Kristjani ġenwini, jiltaqgħu maʼ sitwazzjonijiet li jikkaġunaw niket—qagħad, nuqqas taʼ saħħa, il-mewt tal-maħbubin tagħhom, problemi taʼ personalità, jew oppożizzjoni minn membri tal-familja jew ħbieb taʼ qabel li ma jemmnux. Mela kif irridu nifhmu t-twissija taʼ Pawlu, “Dejjem ithennew”? Meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi taʼ dwejjaq u taʼ prova li lkoll kemm aħna rridu nissieltu magħhom, huwa dan saħansitra possibbli? Diskussjoni tal-kuntest taʼ dawn il-kelmiet se tgħinna niċċaraw din il-ħaġa.
Ithennew—Għala u Kif?
2, 3. X’inhi l-importanza tal-ferħ, kif muri fil-każi taʼ Ġesù u taʼ l-Iżraeliti tal-qedem?
2 “Dejjem ithennew fil-Mulej. Għal darb’oħra se ngħid, Ithennew!” Dan jistaʼ jfakkarna fil-kelmiet diretti lill-Iżraeliti xi 24 seklu ilu: “Il-ferħ taʼ Jehovah huwa l-post b’saħħtu tagħkom,” jew skond it-traduzzjoni taʼ Moffatt: “Li tithennew fil-Wieħed Etern huwa s-saħħa tagħkom.” (Neħemija 8:10) Il-ferħ jipprovdi saħħa u huwa bħal post b’saħħtu li fih wieħed jistaʼ jirtira għal faraġ u protezzjoni. Il-ferħ kien strumentali biex jgħin saħansitra lir-raġel perfett Ġesù sabiex jissaporti. “Għall-ferħ li tqiegħed quddiemu hu ssaporta zokk tat-tortura, billi stmerr l-għajb, u qagħad bil-qiegħda fuq il-leminija tat-tron t’Alla.” (Ebrej 12:2) B’mod ċar, li tkun tistaʼ tithenna meta tkun iffaċċjat minn diffikultajiet huwa vitali għas-salvazzjoni.
3 Qabel ma daħlu fl-Art Imwiegħda, l-Iżraeliti kienu ġew ikkmandati: “Trid tithenna minħabba t-tajjeb kollu li Jehovah Alla tiegħek ta lilek u lin-nies taʼ darek, int u l-Levita u r-resident barrani li qiegħed f’nofsok.” Il-konsegwenzi taʼ li tonqos li taqdi lil Jehovah bl-hena se jkunu ħorox. “Dawn il-maledizzjonijiet kollha ċertament li se jiġu fuqek u jiġru warajk u jgħadduk sakemm tkun ġejt miġjub fix-xejn . . . minħabba l-fatt li ma qdejtx lil Jehovah Alla tiegħek bl-hena u ferħ tal-qalb għall-abbundanza taʼ kollox.”—Dewteronomju 26:11; 28:45-47.
4. Għala nistgħu aħna nonqsu li nithennew?
4 Huwa imperattiv, għalhekk, li l-fdal midlukin tal-lum u sħabhom in-“ngħaġ oħrajn” jithennew! (Ġwann 10:16) Pawlu, billi rrepeta l-parir tiegħu, “għal darb’oħra se ngħid,” enfasizza l-importanza taʼ li nithennew minħabba l-ġid kollu li Jehovah għamel għalina. Aħna hekk nagħmlu? Jew tant niġu involuti fir-rutina tal-ħajja taʼ kuljum li xi drabi ninsew il-ħafna raġunijiet li għandna biex nithennew? Jinġemgħu l-problemi tant li jaħbu minn quddiem għajnejna s-Saltna u l-barkiet tagħha? Inħallu aħna affarijiet oħrajn—li ma nobdux il-liġijiet t’Alla, ninjoraw il-prinċipji divini, jew nittraskuraw l-obbligi Kristjani—jisirqulna l-ferħ tagħna?
5. Persuna mhix raġonevoli għala ssibha diffiċli biex tithenna?
5 “Ħallu r-raġonevolezza tagħkom issir magħrufa mill-bnedmin kollha. Il-Mulej qrib.” (Filippin 4:5) Wieħed li mhux raġonevoli nieqes mill-bilanċ. Forsi jonqos li jieħu ħsieb saħħtu b’mod xieraq, billi jissottometti lil ġismu għal tensjoni jew anzjetà bla bżonn. Forsi ma tgħallimx li jaċċetta l-limitazzjonijiet tiegħu u li jgħix fi qbil magħhom. Forsi jagħmel miri għoljin wisq għalih innifsu u mbagħad jipprova jilħaqhom jiġri x’jiġri. Jew forsi juża l-limitazzjonijiet tiegħu bħala skuża biex imajna jew isir inqas diliġenti. Billi jkun nieqes mill-bilanċ u billi ma jkunx raġonevoli, isibha diffiċli biex jithenna.
6. (a) Kristjani sħabna x’għandhom jaraw fina, u meta biss se jkun dan il-każ? (b) Il-kliem taʼ Pawlu fit-2 Korintin 1:24 u Rumani 14:4 kif jgħinna nkunu raġonevoli?
6 Saħansitra jekk opponenti jħarsu lejna bħala fanatiċi, Kristjani sħabna għandhom dejjem ikunu jistgħu jaraw ir-raġonevolezza tagħna. U hekk se jagħmlu jekk inkunu bbilanċjati u ma nistennewx perfezzjoni kemm minna nfusna u kemm minn oħrajn. Fuq kollox, irridu nżommu lura milli nimponu tagħbijiet fuq oħrajn li jaqbżu l-limitu taʼ dak li tikkmanda l-Kelma t’Alla. L-appostlu Pawlu qal: “Mhux li aħna s-sidien fuq il-fidi tagħkom, imma aħna ħaddiema mseħbin għall-ferħ tagħkom.” (2 Korintin 1:24) Bħala wieħed li qabel kien Fariżew, Pawlu kien jaf tajjeb li regoli riġidi mqegħdin u imposti minn dawk fl-awtorità joħonqu l-ferħ, fil-waqt li suġġerimenti taʼ għajnuna offruti minn ħaddiema mseħbin iżiduh. Il-fatt li “l-Mulej qrib” għandu jfakkar lill-persuna raġonevoli li m’għandniex ‘niġġudikaw il-qaddej tad-dar taʼ ħaddieħor. Għal sidu stess jieqaf jew jaqaʼ.’—Rumani 14:4.
7, 8. Il-Kristjani għala għandhom jistennew li jkollhom problemi, u madankollu kif inhu possibbli għalihom li jibqgħu jithennew?
7 “Tkunu anzjużi fuq xejn, imma f’kollox bit-talb u bit-tħannin flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu l-petizzjonijiet tagħkom ikunu mgħarrfin lil Alla.” (Filippin 4:6) Aħna llum qegħdin nesperjenzaw iż-“żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom” li kiteb dwarhom Pawlu. (2 Timotew 3:1-5) Mela l-Kristjani jridu jistennew li jkunu ffaċċjati bi problemi. Il-kelmiet taʼ Pawlu “dejjem ithennew” ma jeskludux il-possibiltà li Kristjan leali jistaʼ kultant ikollu waqtiet taʼ qtugħ il-qalb jew skuraġġiment. Fil-każ taʼ Pawlu stess, hu b’mod realistiku ammetta: “Aħna ppressati b’kull mod, imma mhux imrassin li ma niċċaqalqux; aħna mħawdin, imma mhux assolutament mingħajr ebda mod taʼ ħruġ; aħna ppersegwitati, imma mhux imħollijin lampa stampa; aħna mitfugħin ’l isfel, imma mhux meqrudin.” (2 Korintin 4:8, 9) Il-ferħ taʼ Kristjan, madankollu, itaffi u eventwalment jegħleb perijodi temporanji taʼ anzjetà u niket. Jagħti s-saħħa neċessarja biex inkomplu nimbottaw ’il quddiem, billi qatt ma ninsew il-ħafna raġunijiet li għandna biex nithennew.
8 Meta jqumu l-problemi, hi x’inhi n-natura tagħhom, il-Kristjan ferrieħi jittallab bl-umiltà għall-għajnuna taʼ Jehovah permezz tat-talb. Ma jċedix għal anzjetà estrema. Wara li jagħmel dak li hu nnifsu jistaʼ b’mod raġonevoli biex isolvi l-problema, iħalli r-riżultat f’idejn Jehovah fi qbil maʼ l-istedina: “Ixħet it-tagħbija tiegħek fuq Jehovah innifsu, u hu nnifsu se jsostnik.” Sadattant, il-Kristjan ikompli jirringrazzja lil Jehovah għat-tjubija kollha Tiegħu.—Salm 55:22; ara wkoll Mattew 6:25-34.
9. Għarfien tal-verità kif jagħti paċi tal-moħħ, u x’effett tajjeb għandu dan fuq Kristjan?
9 “[I]l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb se tgħasses lil qlubkom u l-qawwiet mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:7) Għarfien taʼ verità tal-Bibbja jeħles il-moħħ taʼ Kristjan minn qerq u jgħinu jiżżviluppa mudelli taʼ ħsieb b’saħħithom. (2 Timotew 1:13) Hu b’hekk jiġi mgħejjun biex jevita mġiba ħażina jew bla għaqal li tistaʼ tipperikola relazzjonijiet taʼ paċi maʼ oħrajn. Minflok ma jiġi frustrat minħabba inġustizzja jew ħażen, ipoġġi l-fiduċja tiegħu f’Jehovah biex isolvi l-problemi taʼ l-umanità permezz tas-Saltna. Paċi tal-moħħ bħal din tgħasses lil qalbu, iżżomm il-motivi tiegħu puri, u tiggwida l-ħsieb tiegħu fil-mogħdija tat-tjieba. Motivi puri u ħsieb xieraq, mill-banda l-oħra, jipprovdu raġunijiet bla għadd għall-hena, minkejja problemi u pressjonijiet miġjubin minn dinja kaotika.
10. Il-ferħ veru jistaʼ jiġi esperjenzat biss billi nitkellmu u naħsbu dwar liema ħaġa?
10 “Fl-aħħarnett, ħuti, l-affarijiet kollha li huma veri, l-affarijiet kollha li huma taʼ tħassib serju, l-affarijiet kollha li huma taʼ tjieba, l-affarijiet kollha li huma kasti, l-affarijiet kollha li huma taʼ min iħobbhom, l-affarijiet kollha li jitkellmu tajjeb dwarhom, il-virtujiet kollha li hemm u l-affarijiet kollha li jistħoqqilhom tifħir li hemm, komplu ikkunsidraw dawn l-affarijiet.” (Filippin 4:8) Kristjan ma jsib ebda gost f’li jitkellem jew jaħseb dwar affarijiet ħżiena. Dan awtomatikament jelimina ħafna mid-divertiment li tipprovdi d-dinja. Ħadd ma jistaʼ jżomm ferħ Kristjan jekk jimla moħħu u qalbu bil-gideb, ċajt iblah, u affarijiet li huma bla tjieba, immorali, bla virtù, taʼ mibgħeda, u mistmerrin. Ngħiduha kif inhi, ħadd ma jistaʼ jsib ferħ veru billi jimla moħħu u qalbu bil-ħmieġ. Fid-dinja korrotta taʼ Satana, kemm hu edifikanti li tkun taf li l-Kristjani għandhom tant affarijiet tajbin fuqiex jaħsbu u jiddiskutu!
Raġunijiet Bla Għadd Għall-Hena
11. (a) X’ma għandux jittieħed ħafif ħafif, u għala le? (b) Attendenza għal konvenzjoni internazzjonali x’effett kellha fuq delegat u martu?
11 Meta nitkellmu dwar raġunijiet għall-hena, ejjew ma ninsewx il-fratellanza internazzjonali tagħna. (1 Pietru 2:17) Fil-waqt li gruppi nazzjonali u etniċi dinjin jesprimu mibgħeda intensa lejn xulxin, il-poplu t’Alla jersqu eqreb lejn xulxin fl-imħabba. L-unità tagħhom hija evidenti b’mod speċjali f’konvenzjonijiet internazzjonali. Dwar dik li nżammet fl-1993 fi Kiev, l-Ukrajna, delegat mill-Istati Uniti kiteb: “Id-dmugħ taʼ ferħ, l-għajnejn jixgħelu, it-tgħanniq kontinwu bħal ġo familja, u t-tislijiet mibgħutin min-naħa għall-oħra taʼ l-istadju minn gruppi jxejru umbrelel ikkuluriti u mkatar li b’mod ċar taw evidenza taʼ unità teokratika. Qlubna jimtlew bil-kburija għal dak li Jehovah wettaq b’mod mirakoluż fil-fratellanza dinjija. Dan effettwa lil marti u lili b’mod profond u żied tifsir ġdid mal-fidi tagħna.”
12. Isaija 60:22 kif qed jiġi mwettaq quddiem għajnejna stess?
12 Kemm huwa taʼ tisħiħ tal-fidi għall-Kristjani llum li jaraw profeziji tal-Bibbja jitwettqu quddiem għajnejhom stess! Ikkunsidra, per eżempju, il-kelmiet taʼ Isaija 60:22: “Il-wieħed ċkejken innifsu se jsir elf, u l-wieħed żgħir ġens setgħan. Jien innifsi, Jehovah, se ngħaġġlu f’waqtu stess.” Fit-twelid tas-Saltna fl-1914, biss 5,100—wieħed ċkejken—kienu attivi fl-ippridkar. Imma matul dawn l-aħħar ħames snin, id-daqs tal-fratellanza dinjija żdied b’rata medja taʼ 5,628 Xhieda mgħammdin ġodda kull ġimgħa! Fl-1993, intlaħqet quċċata taʼ 4,709,889 ministri attivi. Immaġina ftit! Dan ifisser li “l-wieħed ċkejken” taʼ l-1914 hu litteralment qrib li jsir “elf”!
13. (a) X’kien qiegħed jiġri mill-1914 ’l hawn? (b) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif josservaw il-prinċipju tal-kliem taʼ Pawlu fit-2 Korintin 9:7?
13 Mill-1914 ’l hawn is-Sultan Messjaniku ħareġ irażżan f’nofs l-għedewwa tiegħu. Il-ħakma tiegħu ġiet appoġġjata minn segwaċi umani ħerqanin li jikkontribwixxu ħin, saħħa, u flus biex iwettqu x-xogħol dinji taʼ ppridkar kif ukoll kampanja internazzjonali taʼ bini. (Salm 110:2, 3) Ix-Xhieda taʼ Jehovah jithennew li kontribuzzjonijiet monetarji qegħdin isiru biex dawn l-attivitajiet jitlestew, saħansitra għalkemm il-flus kważi qatt ma jissemmew fil-laqgħat tagħhom.a (Qabbel 1 Kronaki 29:9.) Il-Kristjani veri m’għandhomx għalfejn jiġu mbottati biex jagħtu; iqisuh bħala privileġġ li jappoġġjaw lis-Sultan tagħhom sal-punt li jippermettu ċ-ċirkostanzi tagħhom, kull wieħed “sewwa sew bħalma għamel riżoluzzjoni f’qalbu, mhux kontra qalbu jew għax bil-fors.”—2 Korintin 9:7.
14. Liema kundizzjoni fost il-poplu t’Alla saret tidher mill-1919 ’l hawn, billi tathom liema raġuni biex jithennew?
14 Ir-restawrazzjoni tal-qima vera mbassra fost il-poplu t’Alla rriżultat fil-ħolqien taʼ ġenna spiritwali. Mill-1919 ’l hawn b’mod progressiv estendiet il-fruntieri tagħha. (Salm 14:7; Isaija 52:9, 10) Ir-riżultat? Il-Kristjani veri jesperjenzaw “eżaltazzjoni u hena.” (Isaija 51:11) Il-frott tajjeb li jirriżulta huwa evidenza taʼ dak li kapaċi jwettaq l-ispirtu qaddis t’Alla permezz taʼ bnedmin imperfetti. Il-kredtu u l-unur kollu jmur għal Jehovah, imma liema privileġġ akbar jistaʼ jkun hemm milli ssir ħaddiem imsieħeb m’Alla? (1 Korintin 3:9) Jehovah hu qawwi biżżejjed biex jikkaġuna l-ġebel, jekk hemm bżonn, li jgħajjat il-messaġġ tal-verità. Minkejja dan, hu għażel li ma jirrikorrix għal dan il-metodu imma, minflok, li jqanqal ħlejjaq ħerqanin magħmulin mit-trab biex iwettqu r-rieda tiegħu.—Luqa 19:40.
15. (a) Liema ġrajjiet moderni nsegwu b’interess? (b) Lejn liema ġrajja qegħdin inħarsu ’l quddiem b’ferħ?
15 Mimlijin reverenza profonda, il-qaddejja taʼ Jehovah issa jinnotaw il-ġrajjiet dinjin hekk kif dawn iwettqu profeziji notevoli tal-Bibbja. Il-ġnus qegħdin jipprovaw iebes—imma għalxejn—biex jiksbu paċi stabbli. Ġrajjiet qegħdin iġegħluhom jirrikorru għand l-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda biex taġixxi f’inħawi taʼ inkwiet fid-dinja. (Rivelazzjoni 13:15-17) Sadattant, in-nies t’Alla diġà qegħdin iħarsu ’l quddiem b’antiċipazzjoni kbira lejn waħda mill-iktar ġrajjiet taʼ ferħ li qatt tistaʼ sseħħ, waħda li qiegħda toqrob kuljum. “Ejjew nithennew u nkunu ferħanin ferm, u ejjew nagħtuh il-glorja, għaliex iż-żwieġ tal-Ħaruf wasal u martu ħejjiet lilha nfisha.”—Rivelazzjoni 19:7.
L-Ippridkar—Tagħbija Jew Ferħ?
16. Uri kif li jonqos li jipprattika dak li tgħallem jistaʼ jisraq il-ferħ taʼ Kristjan.
16 “L-affarijiet li tgħallimtu kif ukoll aċċettajtu u smajtu u rajtu f’konnessjoni miegħi, ipprattikaw dawn; u dak Alla taʼ paċi se jkun magħkom.” (Filippin 4:9) Billi jipprattikaw dak li tgħallmu, il-Kristjani jistgħu jistennew li jirċievu l-barka t’Alla. Waħda mill-iktar affarijiet importanti li tgħallmu hija l-bżonn li jippridkaw l-aħbar tajba lil oħrajn. Tabilħaqq, min jistaʼ jgawdi paċi tal-moħħ jew ikun ferħan jekk iżomm lura informazzjoni minn persuni taʼ qalb onesta li l-istess ħajjiet tagħhom jiddependu fuq li jisimgħuha?—Eżekjel 3:17-21; 1 Korintin 9:16; 1 Timotew 4:16.
17. L-attività taʼ ppridkar tagħna għala għandha dejjem tkun sors taʼ ferħ?
17 Kemm huwa taʼ ferħ li ssib persuni bħal ngħaġ ħerqanin li jitgħallmu dwar Jehovah! Tabilħaqq, dawk li jaqdu bil-motiv tajjeb dejjem se jsibu s-servizz tas-Saltna bħala sors taʼ ferħ. Dan huwa għaliex ir-raġuni ewlenija li tkun Xhud taʼ Jehovah hija biex tfaħħar lil Ismu u biex tappoġġja l-pożizzjoni Tiegħu bħala Ħakkiem Sovran. (1 Kronaki 16:31) Dak li jirrikonoxxi dan il-fatt se jithenna saħansitra meta n-nies b’mod mhux għaqli jirrifjutaw l-aħbar tajba li jġib. Hu jaf li l-ippridkar lil nies li ma jemmnux xi darba se jintemm; it-tifħir lil isem Jehovah se jibqaʼ għal dejjem.
18. Liema ħaġa tqanqal lil Kristjan biex jagħmel ir-rieda taʼ Jehovah?
18 Il-vera reliġjon tqanqal lil dawk li jipprattikawha biex jagħmlu l-affarijiet meħtiġin minn Jehovah, mhux għax ikollhom jagħmluhom, imma għax iridu huma. (Salm 40:8; Ġwann 4:34) Ħafna nies isibu dan diffiċli biex jifhmuh. Waħda mara darba qalet lil waħda Xhud li ġiet iżżurha: “Taf xejn, ħaqqkom prosit. Jien ċertament qatt ma nasal li mmur minn dar għal dar nippriedka dwar ir-reliġjon tiegħi kif qegħdin tagħmlu intom.” Bi tbissima x-Xhud wieġbet: “Nistaʼ nifhem kif tħossok. Qabel ma sirt waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, ma kontx noħlomha li mmur għand nies oħrajn biex nitkellem dwar reliġjon. Imma issa rrid.” Il-mara ħasbet għal ftit mumenti u mbagħad ikkonkludiet: “Ovvjament ir-reliġjon tiegħek għandha xi ħaġa x’toffri li tiegħi m’għandhiex. Forsi jmissni ninvestiga.”
19. Għala huwa issa ż-żmien li nithennew bħal qatt qabel?
19 It-test tas-sena għall-1994, muri b’mod prominenti fis-Swali tas-Saltna tagħna, regolarment ifakkarna: “Afda f’Jehovah b’qalbek kollha.” (Proverbji 3:5) Jistaʼ jkun hemm raġuni akbar biex nithennew milli li nkunu nistgħu npoġġu l-fiduċja tagħna f’Jehovah, il-post b’saħħtu tagħna li fih insibu refuġju? Salm 64:10 jispjega: “[I]l-wieħed twajjeb se jithenna f’Jehovah u tabilħaqq se jieħu refuġju fih.” Dan m’huwiex iż-żmien biex inkunu indeċiżi jew inċedu. Kull xahar li jgħaddi jġibna eqreb lejn ir-realtà taʼ dak li qaddejja taʼ Jehovah ilhom jixxennqu biex jaraw minn żmien Abel. Issa huwa ż-żmien biex nafdaw f’Jehovah b’qalbna kollha, billi nafu li qatt qabel ma kellna daqstant raġunijiet biex nithennew! (w94 9/1)
[Nota taʼ taħt]
a Fil-konvenzjonijiet u darba fix-xahar fil-kongregazzjonijiet, stqarrija qasira tinqara li tindika l-ammont taʼ kontribuzzjonijiet volontarji li ngħataw kif ukoll l-ispejjeż li saru. Minn żmien għal żmien jintbagħtu ittri li jinformaw kif donazzjonijiet bħal dawn qegħdin jiġu wżati. Kulħadd hu b’hekk imfakkar fis-sitwazzjoni finanzjarja tax-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja.
Kif Se Twieġeb Int?
◻ Għala, skond Neħemija 8:10, għandna nithennew?
◻ Dewteronomju 26:11 u 28:45-47 kif juru l-importanza taʼ li nithennew?
◻ Filippin 4:4-9 kif jistaʼ jgħinna biex dejjem nithennew?
◻ It-test tas-sena għall-1994 x’raġuni jagħtina biex nithennew?
[Stampa f’paġna 30]
Xhieda Russi u Ġermaniżi jithennew li jkunu parti minn fratellanza internazzjonali