Nibdlu n-Natura Umana
“IL-BNEDMIN ma jgħixux biss billi jiġġieldu kontra affarijiet mill-agħar,” qal il-filosfu Sir Isaiah Berlin. “Igħixu b’miri pożittivi, individwali u kollettivi.” Imma kemm hemm li jistgħu jsibu “miri pożittivi” bħal dawn? Taʼ spiss wisq in-natura umana tinġibed lejn dak li hu negattiv u qerriedi.
Fl-Ingilterra, per eżempju, atti kriminali vjolenti dan l-aħħar żdiedu bi 11 fil-mija. “Xogħolna,” qalet il-prim ministru Ingliża, “hu li nippruvaw insibu kontrolli biex iċ-ċiviltà l-kbira tistaʼ tkompli sejra.” Imma jistgħu l-liġijiet jew il-pressjoni politika, huma kemm huma intenzjonati tajjeb, verament ibiddlu t-tendenza tan-nies biex jagħmlu dak li hu ħażin? Il-fatt li l-ksur tal-liġi jeżisti u qed jiżdied minkejja l-liġijiet, u saħansitra minkejja azzjoni soda biex tiġi mħarsa l-liġi, jitkellem waħdu. Hemm bżonn xi ħaġa iktar minn kontrolli legali. In-natura nfisha tan-nies trid tinbidel.
Il-Bibbja, waqt li tieħu ħarsa onesta u reali tal-ħajja, tiddeskrivi l-karatteristiċi ħżiena tal-bniedem. Per eżempju, l-appostlu Pawlu kiteb lil sħabu l-Kristjani f’Galatja dwar “azzjonijiet immorali, maħmuġin, u indiċenti . . . In-nies isiru egħdewwa u jiġġieldu; isiru għajjurin, irrabjati, u . . . jgħiru, jiskru, ikollhom orġji, u jagħmlu affarijiet oħra bħal dawn.” Skond Today’s English Version, li ġiet ikkwotata hawn, dawn il-prattiċi degradanti kollha huma “dak li tagħmel in-natura umana.”—Galatin 5:19-21.
Il-Għerq tal-Problema
Today’s English Version, madankollu, hija traduzzjoni ħielsa u l-espressjoni “dak li tagħmel in-natura umana” hija sempliċement frażi li tixbah lil dak li Pawlu fil-fatt qal. Il-kelma Griega wżata minn Pawlu, sarx, tfisser “laħam,” mhux “natura umana.” Għal din ir-raġuni, traduzzjonijiet litterali jitkellmu dwar “ix-xogħlijiet tal-laħam” biex jesprimu preċiz l-espressjoni taʼ Pawlu fl-ilsien modern tagħna.a
Ir-rakkont tal-Bibbja dwar kif id-dnub daħal fix-xena umana hu ċar u sempliċi—fil-fatt, tant hu sempliċi li ħafna nies jagħżlu li ma jemmnuhx. Dan hu kif jiddeskrivih Pawlu: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja u l-mewt permezz tad-dnub, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għaliex kollha kienu dinbu.” (Rumani 5:12) Pawlu qiegħed hawn jalludi għal Ġenesi, l-ewwel ktieb tal-Bibbja, u għall-ħolqien tal-ewwel raġel, Adam, u martu, Eva. Id-diżubbidjenza apposta tagħhom hi magħrufa sew. Minħabba fiha, ġew issentenzjati għall-mewt. In-nisel tagħhom wirtu l-imperfezzjonijiet tagħhom u mietu bl-istess mod. Mela allura, “kollha dinbu u ma jilħqux il-glorja t’Alla.” Għal din ir-raġuni bażika, l-iktar l-iktar in-natura umana llum hija riflessjoni mċajpra taʼ kif kienet meta Alla oriġinalment ħalaq lill-bniedem perfett.—Rumani 3:23; Ġenesi, kapitli 2 u 3.
In-Natura Umana Mibdula!
Huwa possibbli, madankollu, li negħlbu ħafna mill-agħar karatteristiċi tan-natura umana. Tabilħaqq, il-Bibbja tgħid li nistgħu nbiddlu n-natura tagħna fis-sens taʼ li nbiddlu l-personalità tagħna. Kif? Bil-għajnuna tal-ispirtu qaddis t’Alla.—Rumani 8:9.
Pawlu, fl-ittra tiegħu lil sħabu l-Kristjani ġewwa Kolossi, poġġieha hekk: “Inżgħu l-personalità l-qadima bil-prattiċi tagħha, u tlibbsu bil-personalità l-ġdida, li permezz tal-għarfien eżatt qiegħda tiġġedded skond ix-xbiha taʼ Dak li ħalaqha.” Fost il-prattiċi tal-personalità l-qadima, hu jagħti lista taʼ xi wħud mill-karatteristiċi li jqanqlu lin-nies biex jinġibdu lejn dak li hu qerriedi: ix-xewqa li twaġġa’, il-korla, ir-rabja, u l-ħażen.—Kolossin 3:5-10.
Billi jikteb b’mod simili lill-Kristjani f’Efesu, Pawlu jerġaʼ jsemmi l-ħtieġa għal “personalità ġdida,” li jgħidilhom li “nħolqot skond ir-rieda t’Alla fit-tjieba vera u l-lealtà.” Hu jiżżviluppa d-diskussjoni tiegħu billi jgħid: “Ħalli kull imrar malizzjuż u rabja u għadab u twerżieq u kliem t’abbuż jittieħed lil hinn minnkom flimkien maʼ kull ħażen. Imma siru qalbkom tajba maʼ xulxin, billi tagħdru b’tenerezza.”—Efesin 4:24, 31, 32.
Kien realistiku l-kliem taʼ Pawlu? Jistgħu tassew jinbidlu l-personalitajiet? Sewwa, l-evidenza turi li dawk il-Kristjani bikrin għamlu bidliet radikali f’ħajjithom. Bħala grupp taʼ nies, huma kienu differenti ferm mid-dinja taʼ madwarhom. Ġustin Martri, kittieb tal-istorja fi żminijiet Kristjani bikrin, kiteb: “Aħna li bgħadna u qridna lil xulxin, u, minħabba fid-differenzi tal-manjieri, irrifjutajna li ngħixu maʼ bnedmin taʼ tribù differenti, issa, mindu deher Kristu, ngħixu f’termini taʼ kuntatt familjari magħhom, u nitolbu għall-egħdewwa tagħna, u nippruvaw nipperswadu lil dawk li jobogħduna bla m’għandhom għalfejn biex igħixu fi qbil mal-preċetti perfetti taʼ Kristu.”
X’ingħidu għal-lum? Huwa possibbli li jsiru bidliet radikali fin-natura taʼ persuna? Iva! Għaxriet taʼ eluf taʼ eżempji juru li bidliet drammatiċi għadhom qed iseħħu. Dan li ġej huwa biss wieħed minnhom.
Stephen trabba f’wieħed miċ-ċentri industrijali tal-Ingilterra. Missieru ma kien jemmen b’xejn. Fl-età taʼ 12-il sena, Stephen ġie ssentenzjat għal tliet snin fl-abatija. Kien stqarr li ħa sehem f’64 serqa minn djar! Ma damx ma tilef kull rispett lejn l-awtorità, u iktar ma kiber, l-atti kriminali tiegħu saru iktar serji. Kienu jinkludu frodi, sokor, ksur tal-bonordni u assalt fuq il-pulizija, li għal din l-aħħar offiża Stephen intbagħat il-ħabs. In-natura tiegħu saret vjolenti ferm. “Ma hemm ebda att kriminali li raġel taʼ mingħajr Alla mhux se jikkommetti jekk il-bżonnijiet tiegħu huma kbar biżżejjed,” hu qal.
X’setaʼ jbiddel lil bniedem kriminali aħrax bħal dan? Stephen maż-żmien aċċetta għajnuna mingħand ħuh li kien sar wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Wara li studja l-Bibbja għal perijodu qasir taʼ żmien, Stephen beda jilbes “personalità ġdida.” Il-bidliet li għamel kienu verament drammatiċi. Issa, ħames snin wara, hu miżżewweġ hieni u membru responsabbli taʼ kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah li fiha jaqdi bħala qaddej ministerjali.
Mela n-natura umana tistaʼ tinbidel f’każi individwali. Imma huma d-djufijiet umani l-unika raġuni għat-‘tifrik taċ-ċiviltà’ illum?
“Ix-Xitan tal-Iskrittura”
L-appostlu Pawlu kiteb profezija rimarkabbli dwar dawn “l-aħħar jiem.” Kliemu jidher fil-kaxxa f’paġna 5. Innota li ż-żjieda fil-vjolenza u fil-ħażen iġġib “żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom.” Hi biss in-natura umana li hi responsabbli għal dan kollu?—2 Timotew 3:1.
Le, hemm xi ħaġ’oħra, forza taʼ ħażen mill-agħar li qed timmanipula d-djufijiet umani. Sewwa sew bħalma n-nies isibuha diffiċli li jemmnu li l-bniedem għandu d-dnub li ntiret, bl-istess mod isibuha iebsa li jaċċettaw li hemm qawwa li hi superjuri għall-bniedem u li tipprova timmanipulah. Imma l-Bibbja tgħid li teżisti qawwa bħal din: Satana x-Xitan.
Il-kelma “Xitan” (li tfisser, “kalunnjatur”) tidher 33 darba fil-Bibbja, u “Satana” (li tfisser, “wieħed li jirreżisti”) 52 darba. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn ir-referenzi għandhom x’jaqsmu mal-istess persuna spirtu mill-agħar. Xi wħud, iżda, jiċħdu l-eżistenza taʼ Satana persunali, billi jippreferu jgħidu: “In-natura umana bil-ġibda tagħha lejn id-dnub hija x-xitan tal-Iskrittura.”b Interessanti, iżda, li fir-rakkont dwar Ġob, il-qaddej leali taʼ Jehovah, it-test Ebrajk juża l-espressjoni has-Sa·tan’, ix-Xitan, u f’Luqa 4:2, naqraw li kien ix-Xitan (bil-Grieg, ho di·a’bo·los) li ttanta lil Ġesù. (Ġob 1:6) Fiż-żewġ każi, persuna partikulari hija indikata grammatikament. In-natura umana ma tidħolx fiha.
L-appostlu Pawlu jżid fil-għarfien tagħna taʼ kemm hu qawwi Satana meta, fil-kitba tiegħu lill-Efesin, jitkellem dwar il-“ħakkiema tad-dinja taʼ dan id-dlam, . . . [i]l-forzi tal-ispirti mill-agħar fl-imkejjen tas-sema.” (Efesin 6:12) Flimkien maʼ Satana x-Xitan, dawk il-“ħakkiema tad-dinja” huma demonji, ħlejjaq spirti inviżibbli u mill-agħar. Qegħdin ‘iqarrqu bl-art abitata kollha,’ billi jisfruttaw kemm jifilħu l-qagħda mwaqqaʼ tal-bniedem. (Rivelazzjoni 12:9) Hu għal din ir-raġuni li Pawlu jħeġġeġ bil-qawwa lil kull Kristjan biex ‘iżomm sod kontra t-tnassis tax-Xitan.’ Huwa kawża prinċipali għat-tħassir tal-umanità li naraw madwarna.—Efesin 6:11.
Restorazzjoni
Pietru, li għex fi żmien Pawlu, jassigurana li Satana u d-demonji tiegħu m’humiex se jkunu hawn għal dejjem biex jieklu minn fuq il-bnedmin. Hu jgħid: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qegħdin nistennew skond il-wegħda tiegħu, u f’dawn għandha tgħammar it-tjieba.” (2 Pietru 3:13) Tabilħaqq, dalwaqt issa, il-ħażen fil-manifestazzjonijiet kollha tiegħu mhux se jkun iktar parti mix-xena umana. Satana u d-demonji tiegħu se jinqerdu. (Rumani 16:20; Rivelazzjoni 20:1-3) Imbagħad, tabilħaqq, in-natura umana se tirrifletti “l-glorja t’Alla,” bil-ħajja taʼ dejjem bħala l-prospett fiż-żgur għall-familja umana.—Rumani 3:23.
“Jien dejjem għedt u dejjem se ngħid,” stqarr il-president Amerikan Thomas Jefferson, “li l-użu bi studju tal-Volum Sagru se jagħmel ċittadini aħjar . . . Il-Bibbja tagħmel l-aqwa nies fid-dinja.” Bħalma rajna, in-natura tagħna tistaʼ tinbidel jekk nagħtu ċans lill-messaġġ qawwi tal-Bibbja biex jinfluwenza lill-ħajjiet tagħna. (Rumani 12:2) Nistgħu nagħżlu li nixxabbtu biex inħaddnu dak li hu nobbli u minn Alla. U biex isaħħaħna fl-isforz tagħna biex nitjiebu, nistgħu nagħżlu li nassoċjaw maʼ dawk li sinċerament iridu li jagħmlu l-istess ħaġa. (Ebrej 10:24, 25) Ix-Xhieda taʼ Jehovah lesti li jgħinuk b’kull mod possibbli. Għax ma tikkuntattjahomx issa!
[Noti taʼ taħt]
a Qabbel: New World Translation of the Holy Scriptures; The Holy Bible, minn Robert Young; The Emphasised Bible, minn Joseph B. Rotherham; The Holy Bible in Modern English, minn Ferrar Fenton; The Modern Reader’s Bible, minn Richard G. Moulton.
b Stqarrija uffiċċjali taʼ twemmin tal-Kristadelfjaniżmu, setta tal-Kristjaneżmu.
[Kaxxa f’paġna 5]
“L-AĦĦAR JIEM” Id-Deskrizzjoni tal-Bibbja
Imma kun af dan, li fl-aħħar jiem se jkun hawn żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom. Għax in-nies se jkunu jħobbu lilhom infsuhom, iħobbu l-flus, faħħarin, kburin, midgħajja, ma jobdux mill-ġenituri, ma jroddux ħajr, m’humiex leali, m’għandhom ebda affezzjoni naturali, mhux lesti li jiftehmu, kalunnjaturi, bla rażan, feroċi, mingħajr imħabba għat-tjieba, tradituri, rashom iebsa, minfuħin bil-kburija, iħobbu l-pjaċiri minflok iħobbu ’l Alla, għandhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma juru li huma foloz għall-qawwa tagħha; u minn dawn warrab.”—2 Timotew 3:1-5.