LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 2/8 pp. 16-17
  • Min hu Mikiel l-Arkanġlu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min hu Mikiel l-Arkanġlu?
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • In-​Nuqqas taʼ Qbil dwar l-​Identità taʼ Mikiel
  • It-​Tweġiba tal-​Bibbja
  • Min Hu Mikiel l-​Arkanġlu?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Huwa Ġesù l-Arkanġlu Mikiel?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Min hu l-arkanġlu Mikiel?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Onora lill-Iben, l-Aġent Ewlieni taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 2/8 pp. 16-17

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Min Hu Mikiel l-​Arkanġlu?

BĦALMA turina l-​Bibbja, hemm miljuni taʼ ħlejjaq anġeliċi jgħammru fil-​qasam taʼ l-​ispirti. (Danjel 7:9, 10; Apokalissi 5:11) Mill-​bidu sa l-​aħħar, l-​Iskrittura hija mimlija b’mijiet taʼ referenzi għal dawk l-​anġli li jibqgħu jkunu leali lejn Alla. Però, tnejn biss minn dawn il-​ħlejjaq spirti jissemmew b’isimhom. Wieħed minnhom hu l-​anġlu Gabrijel li, f’perijodu taʼ 600 sena, wassal personalment messaġġi mingħand Alla lil tliet persuni differenti. (Danjel 9:20-22; Luqa 1:8-19, 26-28) L-​anġlu l-​ieħor li ssemma b’ismu fil-​Bibbja huwa Mikiel.

Bla dubju taʼ xejn, Mikiel huwa anġlu li jispikka. Per eżempju, fil-​ktieb taʼ Danjel, Mikiel jiġi deskritt bħala li qed jissara maʼ demonji mill-​agħar għan-​nom tan-​nies taʼ Jehovah. (Danjel 10:13; 12:1) Fl-​ittra ispirata taʼ Ġuda, Mikiel ikollu tilwima maʼ Satana rigward il-​ġisem taʼ Mosè. (Ġuda 9) Il-​ktieb taʼ l-​Apokalissi juri lil Mikiel jiggwerra kontra Satana u d-​demonji tiegħu u jixħethom ’l isfel mis-​sema. (Apokalissi 12:7-9) L-​ebda anġlu ieħor m’huwa deskritt li għandu daqshekk setgħa u awtorità fuq l-​għedewwa t’Alla. Mela, m’hijiex ħaġa taʼ l-​iskantament li l-​Bibbja tirreferi b’mod xieraq għal Mikiel bħala “l-​arkanġlu,” fejn il-​prefiss “ark” ifisser “kap,” jew “prinċipal.”

In-​Nuqqas taʼ Qbil dwar l-​Identità taʼ Mikiel

Ir-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu, kif ukoll il-​Ġudaiżmu u l-​Islam, għandhom ħafna ideat li ma jaqblux bejniethom dwar l-​anġli. Xi ftit mill-​ispjegazzjonijiet m’humiex ċari. Per eżempju, The Anchor Bible Dictionary jgħid: “Jistaʼ jkun hemm anġlu superjuri wieħed u/jew grupp żgħir t’arkanġli (ġeneralment t’erbgħa jew sebgħa).” Skond dizzjunarju Bibliku, Mikiel hu “l-​isem taʼ xi ħadd sovruman li dwaru kien hemm żewġ opinjonijiet ġenerali kontra xulxin, waħda li hu Sidna Ġesù Kristu, l-​Iben t’Alla, jew inkella li hu wieħed mill-​hekk imsejħa sebaʼ arkanġli.”—The Imperial Bible-Dictionary.

Fit-tradizzjoni Lhudija dawn is-​sebaʼ arkanġli huma Gabrijel, Ġeremijel, Mikiel, Ragħwel, Rafel, Sarijel, u Urijel. Min-​naħa l-​oħra, l-​Islam jemmen b’erbaʼ arkanġli, fosthom, Ġibril, Mikal, Iżrail, u Israfil. Il-​Kattoliċiżmu wkoll jemmen b’erbaʼ arkanġli: Mikiel, Gabrijel, Rafel, u Urijel. Imma l-​Bibbja xi tgħid? Hemm iktar minn arkanġlu wieħed?

It-​Tweġiba tal-​Bibbja

Minbarra Mikiel, ma jissemma l-​ebda arkanġlu ieħor fil-​Bibbja, u t-​terminu “arkanġlu” fl-​Iskrittura qatt ma jintuża fil-​plural. Il-​Bibbja tiddeskrivi lil Mikiel bħala l-​arkanġlu, u b’hekk tagħtina x’nifhmu li hu biss għandu dan it-​titlu. Għalhekk, huwa raġunevoli li nikkonkludu li Alla Jehovah iddelega l-​awtorità sħiħa fuq l-​anġli l-​oħra kollha lil wieħed, u lil wieħed biss mill-​ħlejjaq kollha tas-​sema.

Minbarra l-​Ħallieq innifsu, persuna leali oħra biss tissemma li għandha l-​anġli taħtha—jiġifieri Ġesù Kristu. (Mattew 13:41; 16:27; 24:31) L-​appostlu Pawlu speċifikament isemmi lil “Sidna Ġesù” u “l-​anġli setgħana tiegħu.” (2 Tessalonikin 1:7, KŻ) Pietru wkoll iddeskriva lil Ġesù rxoxtat billi qal: “Li telaʼ s-​sema u qiegħed fuq il-​lemin taʼ Alla u għandu taħtu s-​Setgħat u l-​Qawwiet taʼ l-​anġli.”—1 Pietru 3:22.

Minkejja li fil-​Bibbja m’hemm l-​ebda stqarrija li tidentifika direttament lil Mikiel l-​arkanġlu bħala Ġesù, hemm skrittura waħda li tagħmel konnessjoni bejn Ġesù u l-​pożizzjoni t’arkanġlu. Fl-​ittra tiegħu lit-​Tessalonikin, l-​appostlu Pawlu pprofetizza: “Il-​Mulej innifsu se jinżel mis-​sema b’sejħa taʼ kmand, b’leħen t’arkanġlu u bit-​trumbetta t’Alla, u dawk li huma mejtin f’unjoni maʼ Kristu se jqumu l-​ewwel.” (1 Tessalonikin 4:16, NW) F’din l-​iskrittura Ġesù huwa deskritt bħala li diġà għandu s-​setgħa bħala s-​Sultan Messjaniku t’Alla. Madankollu, hu jitkellem “b’leħen t’arkanġlu.” Innota wkoll li hu għandu s-​setgħa biex jirxoxta lill-​mejtin.

Meta kien fuq l-​art bħala bniedem, Ġesù qajjem lill-​mejtin bosta drabi. Biex setaʼ jagħmel hekk, hu kellu juża leħnu biex ikun jistaʼ jagħti sejħa taʼ kmand. Per eżempju, meta rxoxta lit-​tifel mejjet t’armla fil-​belt taʼ Najn, hu qal: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!” (Luqa 7:14, 15) Wara xi żmien, eżatt qabel qajjem lil ħabibu Lazzru, Ġesù “għajjat b’leħen għoli: ‘Lazzru, oħroġ!’” (Ġwann 11:43) Imma f’dawn l-​okkażjonijiet, il-​leħen taʼ Ġesù kien taʼ raġel perfett.

Wara l-​irxoxt tiegħu stess, Ġesù ‘tgħolla’ għal pożizzjoni superjuri fis-​sema bħala ħlejqa spirtu. (Filippin 2:9) Issa li m’għadux f’sura taʼ bniedem, hu għandu l-​leħen t’arkanġlu. Għalhekk, meta t-​trumbetta t’Alla tat is-​sejħa għal “dawk li huma mejtin f’unjoni maʼ Kristu” biex jirxoxtaw għas-​sema, din id-​darba, Ġesù ta “sejħa taʼ kmand” “b’leħen t’arkanġlu.” Huwa raġunevoli li nikkonkludu li arkanġlu biss jistaʼ jgħajjat “b’leħen t’arkanġlu.”

Iva, hemm iktar ħlejjaq anġeliċi taʼ pożizzjoni għolja, fosthom is-​serafini u l-​kerubini. (Ġenesi 3:24; Isaija 6:2) Madankollu, l-​Iskrittura tipponta lejn Ġesù Kristu rxoxtat bħala l-​kap fuq l-​anġli kollha—Mikiel l-​arkanġlu.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja