Onora lill-Iben, l-Aġent Ewlieni taʼ Jehovah
“Min ma jonorax lill-Iben ma jonorax lill-Missier li bagħtu.”—ĠWANN 5:23
1. It-twemmin tal-Kristjaneżmu fit-Trinità kif inhu diżunur għal Ġesù?
ILLUM ħafna fil-Kristjaneżmu jsostnu li jonoraw lil Ġesù Kristu, iżda jagħmlu preċiż l-oppost. Kif? Sewwa, ħafna jsostnu li Ġesù Ħu Alla li Jistaʼ Kollox, u li Alla l-Ħallieq taʼ kollox, ġie fuq l-art u għex u miet bħala bniedem. Din l-istqarrija hi ħaġa waħda mad-duttrina tat-Trinità, li hi tagħlim fundamentali tal-Kristjaneżmu. Imma jekk it-Trinità hija falza, jekk Ġesù Ħu, fil-fatt, inqas minn u subordinat taʼ Alla, ma tagħmlux imdejjaq lil Ġesù din ir-rappreżentazzjoni ħażina tar-relazzjoni tiegħu maʼ Alla? Tabilħaqq, hu kieku jqis rappreżentazzjoni hażina bħal din bħala diżunur għalih u għal dak kollu li għallem.
2. L-Iskrittura kif turi b’mod ċar li Ġesù huwa wieħed inqas minn Alla u subordinat lejh?
2 Il-verità hi li Ġesù qatt ma sostna li hu Alla, imma darba wara l-oħra tkellem dwaru nnifsu bħala “l-Iben t’Alla.” Saħansitra l-egħdewwa tiegħu ammettewh dan. (Ġwann 10:36; 19:7) Ġesù kien dejjem konxju li jeżalta lill-Missier u li hu jkun subordinat Lejh, bħalma stqarr hu: “L-Iben ma jistaʼ jagħmel lanqas ħaġa waħda bl-inizzjattiva tiegħu stess, imma dak biss li hu jilmaħ lill-Missier jagħmel. Għax huma x’inhuma l-affarijiet li jagħmel Dak, dawn l-affarijiet l-Iben ukoll jagħmel bl-istess manjiera. Ma nistaʼ nagħmel anqas ħaġa waħda minn rajja . . . għaliex jien infittex, mhux ir-rieda tiegħi stess, imma r-rieda tiegħu li bagħatni.” Jerġaʼ, hu qal: “Jien rappreżentant mingħandu, u Dak bagħatni.” Hu qal ukoll: “Mingħand Alla ġejt jien u qiegħed hawn.” (Ġwann 5:19, 30; 7:28, 29; 8:42) Ġesù lanqas saħansitra ma ssuġġerixxa li hu kien Alla jew ugwali miegħu. Mela li tgħallem ħaġa bħal din jiddiżonorah lil Ġesù.
Modi Oħra Kif Xi Wħud Jiddiżonoraw lil Ġesù
3. (a) Billi jiċħdu liema ħaġa rigward Ġesù xi wħud fil-Kristjaneżmu jiddiżonorawh? (b) Ġesù liema testimonjanza ta rigward l-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem?
3 Hemm ukoll, b’mod stramb biżżejjed, xi wħud fil-Kristjaneżmu llum li jiddiżonoraw lil Ġesù billi jiċħdu li hu kien jeżisti qabel ma sar bniedem. Madankollu, biss jekk napprezzaw li Ġesù litteralment niżel mis-sema għal fuq l-art nistgħu aħna b’mod xieraq nibdew nonorawh. Ġesù nnifsu ripetutament qal li hu kien jeżisti qabel ma sar bniedem. “Ebda bniedem ma telaʼ fis-sema,” hu qal, “ħlief dak li niżel mis-sema, Bin il-bniedem.” Iktar tard hu stqarr: “Jien hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema . . . Xi tgħidu, għalhekk, kieku kellkom tilmħu lil Bin il-bniedem tielaʼ lejn fejn kien qabel?” U jerġaʼ: “Intom mill-oqsma taʼ taħt; jien mill-oqsma taʼ fuq. . . . Verissmu ngħidilkom, Qabel ma Abraham beda jeżisti, jien kont.” (Ġwann 3:13; 6:51, 62; 8:23, 58) Ġesù rrefera wkoll għall-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem fit-talba tiegħu lil Missieru tas-sema fil-lejla taʼ meta ġie ttradut.—Ġwann 17:5.
4. (a) Ħafna nies b’liema mod ieħor jiddiżonoraw lil Ġesù? (b) Liema evidenza għandha tkun biżżejjed biex tistabbilixxi li Ġesù verament għex, u għala?
4 Xi wħud fil-Kristjaneżmu saħansitra jmorru fl-estrem billi jiċħdu li Ġesù kien persuna storika, li qatt għex bħala bniedem. Kieku fil-fatt m’eżistiex, ma kienx ikun hemm għalfejn niddiskutu għala u kif għandna nonorawh. Iżda x-xiehda abbundanti taʼ dawk li raw b’għajnejhom u li hi miżmuma fl-Iskrittura għandha tkun evidenza biżżejjed biex nistabbilixxu mingħajr ebda dubju li Ġesù tassew għex fuq l-art. (Ġwann 21:25) Dan hu veru b’mod speċjali ladarba l-Kristjani bikrin spiss għallmu dwar Ġesù billi rriskjaw il-ħajja u l-libertà tagħhom stess. (Atti 12:1-4; Rivelazzjoni 1:9) Madankollu, apparti minn dak li s-segwaċi tiegħu kitbu dwaru, tistaʼ l-eżistenza taʼ Ġesù tiġi murija?
5, 6. L-evidenza storika, apparti mill-Iskrittura, x’turi rigward l-eżistenza attwali taʼ Ġesù Kristu?
5 The New Encyclopœdia Britannica (1987) tistqarr: “Rakkonti indipendenti juru li fi żminijiet tal-qedem saħansitra dawk li opponew lill-Kristjanità qatt ma ddubitaw l-istoriċita taʼ Ġesù.” X’inhuma xi wħud minn dawn ir-rakkonti indipendenti? Skond l-istudjuż Lhudi Joseph Klausner, hemm it-testimonjanza tal-kitbiet Talmudiċi bikrin. (Jesus of Nazareth, paġna 20) Hemm ukoll it-testimonjanza taʼ Josefus, il-kittieb tal-istorja Lhudi tal-ewwel seklu. Per eżempju, hu jiddeskrivi t-tħaġġir taʼ Ġakbu, billi jidentifikah bħala “ħu Ġesù li kien imsejjaħ il-Kristu.”—Jewish Antiquities, XX, [ix, 1].
6 Barra minn hekk, hemm it-testimonjanza taʼ kittieba tal-istorja Rumani bikrin, speċjalment dik taʼ Taċitus, li hu rrispettat ferm. Hu kiteb kmieni fit-tieni seklu dwar “klassi mibgħuda minħabba l-istmerrija tagħhom, imsejħin Kristjani mill-popolin. Kristus [Kristu], li minnu l-isem [Kristjani] kellu l-oriġini tiegħu, sofra l-piena estrema matul ir-renju taʼ Tiberju f’idejn wieħed mill-prokuraturi tagħna.” (The Annals, XV, XLIV) Billi ħares lejn l-evidenza taʼ li Ġesù kien persuna storika bħala li tissupera, il-moralista filosofiku Franċiż tas-seklu 18, Jean-Jacques Rousseau, xehed: “L-istorja taʼ Sokrate, li ħadd ma jiddubitaha, m’għandhiex xiehda daqstant qawwija daqs dik taʼ Ġesù Kristu.”
Raġunijiet biex Nonoraw lill-Iben
7. (a) Liema xiehda Skritturali tobbligana biex nonoraw lil Ġesù Kristu? (b) Jehovah kif iktar onora lil Ibnu?
7 Issa niġu għall-kwistjoni taʼ li nonoraw lil Ġesù Kristu. Li s-segwaċi tiegħu għandhom l-obbligu li jonorawh jistaʼ jidher mill-kliem tiegħu fi Ġwann 5:22, 23: “Għax il-Missier ma jiġġudika assolutament lil ħadd, imma ħalla l-iġġudikar kollu f’idejn l-Iben, sabiex ilkoll jistgħu jonoraw lill-Iben sewwa sew bħalma jonoraw lill-Missier. Min ma jonorax lill-Iben ma jonorax lill-Missier li bagħtu.” Mill-irxoxt taʼ Kristu ’l hawn, Jehovah onora lil Ibnu bi grad saħansitra akbar, ‘billi nkurunah bi glorja u unur talli sofra l-mewt.’ (Ebrej 2:9; 1 Pietru 3:22) Bażikament, għandna raġunijiet biex nonoraw lil Ġesù kemm minħabba f’min hu u kemm minħabba f’dak li għamel.
8. Minħabba liema fatti uniċi rigward Ġesù Kristu jixraqlu hu li jiġi onorat?
8 Ġesù Kristu jixraqlu unur għaliex hu bħala l-Logos, jew il-Kelma, huwa l-komunikatur taʼ Jehovah per eċċellenza. Mill-Iskrittura jidher ċar li l-isem “il-Kelma” japplika għal Ġesù qabel ma ġie fuq l-art kif ukoll wara li telaʼ fis-sema. (Ġwann 1:1; Rivelazzjoni 19:13) F’Rivelazzjoni 3:14 hu jitkellem dwaru nnifsu bħala “l-bidu tal-ħolqien minn Alla.” Mhux biss huwa “l-ewwel imwieled tal-ħolqien kollu” imma bħala l-“Iben uniġenitu” huwa l-uniku wieħed li kien maħluq direttament minn Alla Jehovah. (Kolossin 1:15. Ġwann 3:16) Barra minn hekk, “l-affarijiet kollha bdew jeżistu permezz tiegħu, u mingħajru lanqas saħansitra ħaġa waħda ma bdiet teżisti.” (Ġwann 1:3) Għalhekk meta naqraw f’Ġenesi 1:26 li Alla qal, “Ejja nagħmlu l-bniedem fix-xbiha tagħna, skond ix-xebh tagħna,” dik in-“nagħmlu” tinkludi lil-Logos, jew il-Kelma. (Ċertament, il-fatt li Ġesù fl-eżistenza tiegħu taʼ qabel ma sar bniedem kellu l-privileġġ meraviljuż taʼ li jieħu seĦem maʼ Alla Jehovah fil-ħolqien jagħmlu jistħoqqlu unur kbir.
9. Għala nikkonkludu aħna li Ġesù huwa l-arkanġlu Mikiel, u Mikiel kif onora lil Jehovah f’konnessjoni mal-ġisem taʼ Mosè?
9 Ġesù Kristu jixraqlu iktar unur għaliex huwa l-anġlu ewlieni taʼ Jehovah, jew arkanġlu. Fuq liema bażi naslu għal dik il-konklużjoni? Sewwa, il-prefiss “ark,” li jfisser “ewlieni” jew “prinċipali,” jimplika li hemm biss arkanġlu wieħed. Il-Kelma t’Alla titkellem dwaru b’referenza għall-Mulej Ġesu Kristu rxoxtat. Naqraw: “Il-Mulej innifsu se jinżel mis-sema b’sejħa taʼ kmand, b’leħen taʼ arkanġlu u bit-trumbetta t’Alla, u dawk li huma mejtin f’għaqda maʼ Kristu se jqumu l-ewwel.” (1 Tessalonkin 4:16) Dan l-arkanġlu għandu isem, bħalma naqraw f’Ġuda 9: “Meta Mikiel l-arkanġlu kellu differenza max-Xitan u kien qed iħaqqaqha dwar il-ġisem taʼ Mosè, m’azzardax iġib gudizzju kontra tiegħu bi kliem t’abbuż, imma qal: ‘Jalla Jehovah iċanfrek.’” F’li ma jiġrix qabel Jehovah billi jazzarda jġib ġudizzju kontra x-Xitan, Ġesù b’hekk onora lil Missieru tas-sema.
10. (a) Mikiel kif inhu minn taʼ quddiem f’li jiġġieled għan-nom tas-Saltna t’Alla? (b) Mikiel liema rwol kellu f’konnessjoni mal-ġens taʼ Iżrael?
10 L-arkanġlu Mikiel jiġġieled għan-nom tas-Saltna t’Alla, billi hu minn taʼ quddiem f’li jnaddaf is-smewwiet minn Satana u l-qtajja demoniċi tiegħu. (Rivelazzjoni 12:7-10) U l-profeta Danjel igħid li ‘hu qiegħed bil-wieqfa għan-nom tal-poplu t’Alla.’ (Danjel 12:1) Jidher, għalhekk, li Mikiel huwa “l-anġlu tal-veru Alla li kien miexi qabel il-kamp taʼ Iżrael” u li hu l-wieħed li Alla uża biex idaħhal lill-poplu tiegħu fl-Art Imwiegħda. “Għasses lilek innifsek minħabba fih u obdi lil leħnu,” Alla kkmanda. “Iġġibx ruħek b’mod ribelluż kontra tiegħu, . . . għaliex ismi qiegħed ġewwa fih.” (Eżodu 14:19; 23:20, 21) Bla dubju l-arkanġlu taʼ Jehovah bil-fors li ħa interess kbir fil-poplu tal-isem tipiku t’Alla. B’mod li jixraq ferm hu ġie għall-għajnuna taʼ anglu ieħor li kien mibgħut biex ifarraġ lill-profeta Danjel, u li kien ġie attakkat minn demonju taʼ qawwa kbira. (Danjel 10:13) Jistaʼ għalhekk ikun raġonevoli li nikkonkludu li l-anġlu li qered lill-185,000 gwerriera taʼ Sennakerib ma kien ħadd ħlief Mikiel l-arkanġlu.—Isaija 37:36.
11. Ġesù jixraqlu l-unur tagħna talli segwa liema korsa taʼ ħajja fuq l-art?
11 Ġesù Kristu mhux biss jistħoqqlu li jiġi onorat minħabba f’dak li hu imma jistħoqqlu wkoll l-unur tagħna minħabba f’dak li għamel. Per eżempju, huwa l-uniku bniedem li għex ħajja perfetta. Adam u Eva kienu maħluqin perfetti, imma l-perfezzjoni tagħhom kellha ħajja qasira. Madankollu, Ġesù Kristu baqaʼ ‘leali, bla ħtija, mifrud mill-midinbin’ minkejja dak kollu li x-Xitan setaʼ jġib fuqu f’dawk li huma tentazzjonijiet jew persekuzzjoni. Matul dan kollu “hu ma kkommetta ebda dnub, lanqas ma nstab qerq f’fommu.” Hu setaʼ bi dritt jisfida lill-egħdewwa reliġjużi tiegħu: “Min minnkom jixlini bi dnub?” Ħadd minnhom ma setaʼ! (Ebrej 7:26; 1 Pietru 2:22; Ġwann 8:46) U minħabba li żamm l-integrità tiegħu bla dnub, Ġesù vvindika lil Missieru tas-sema bħala s-Sovran universali bi dritt u wera li x-Xitan huwa giddieb kbir u baxx.—Proverbji 27:11.
12. (a) Ġesù liema xorta taʼ bniedem kien, u x’għamel u x’sofra għan-nom taʼ oħrajn? (b) Għala tgħid int li Ġesù jixraqlu l-unur tagħna minħabba f’dak li għamel u minħabba f’dak li sofra?
12 Ġesù Kristu jixraqlu l-unur tagħna, mhux biss għaliex għex ħajja perfetta bla dnub imma wkoll għaliex kien raġel tajjeb, raġel mhux egoist li jissagrifika lilu nnifsu. (Qabbel Rumani 5:7.) Hu mministra bla għejja għall-ħtiġijiet spiritwali u fiżiċi tan-nies. X’żelu wera għad-dar taʼ Missieru, u x’paċenzja wera f’li jittratta mad-dixxipli tiegħu! Xi tbatija kien lest li jgħaddi minnha f’li jagħmel ir-rieda taʼ Missieru! Dwar l-esperjenza iebsa tiegħu fil-ġnien tal-Ġetsemani, il-Bibbja tgħid: “Billi daħal f’agunija hu ssokta jitlob iktar bil-ħerqa; u l-għaraq tiegħu sar bħal qtar tad-demm neżlin fl-art.” Iva, hu “offra tħannin u wkoll petizzjonijiet . . . b’għajjat qawwi u dmugħ.” (Luqa 22:44. Ebrej 5:7) Il-profeta Isaija kemm bassar b’mod eżatt l-esperjenza iebsa tiegħu f’Isaija 53:3-7!
13. Ġesù liema eżempju mill-aħjar tana f’li jonora lil Missieru tas-sema?
13 Ġesù jixraqlu wkoll l-unur tagħna minħabba fl-eżempju mill-aħjar li hu ta għalina f’li jonora lil Missieru tas-sema. Hu setaʼ jgħid sewwa: “Jien nonora lil Missieri.” (Ġwann 8:49) Il-ħin kollu hu ġab unur lil Alla Jehovah bil-kliem u bl-egħmejjel tiegħu. B’hekk, meta fejjaq lil wieħed raġel, ir-rakkont tal-Bibbja jgħid, mhux li n-nies igglorifikaw lil Ġesù, imma li “huma gglorifikaw lil Alla.” (Mark 2:12) Għalhekk, fit-tmiem tal-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù setaʼ bi dritt igħid f’talba lil Missieru tas-sema: “Jien igglorifikajtek fuq l-art, billi temmejt ix-xogħol li tajtni biex nagħmel.”—Ġwann 17:4.
X’Għamel Hu Għalina
14. Il-mewt taʼ Ġesù x’wettqet għalina li lilu jagħmlu jixraqlu l-unur?
14 U Ġesù Kristu kemm jixraqlu bil-kbir l-unur tagħna minħabba f’dak kollu li hu wettaq għalina! Hu miet għad-dnubiet tagħna sabiex aħna nistgħu nerġgħu nitħabbu maʼ Alla Jehovah. Ġesù qal dwaru nnifsu: “Bin il-bniedem ġie, mhux biex ikun imministrat, imma biex jimministra u biex jagħti ruħu bħala rahan bi bdil għal ħafna.” (Mattew 20:28) B’hekk il-mewt tiegħu għamlet possibbli dak kollu li s-Saltna se twettaq għalina l-bnedmin: ħajja immortali fis-smewwiet għall-144,000 li jiffurmaw il-għarusa tiegħu u ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-art għal miljuni taʼ oħrajn li juru l-fidi u l-ubbidjenza tagħhom taħt prova.—Salm 37:29; Rivelazzjoni 14:1-3; 21:3, 4.
15. Liema hu eżempju wieħed taʼ li Ġesù jirrivela l-personalità taʼ Missieru lilna?
15 Ġesù Kristu jixraqlu wkoll l-unur għaliex, bħala l-Għalliem il-Kbir, hu rrivela b’mod perfett ir-rieda u l-personalita taʼ Missieru lilna. Per eżempju, fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, hu ġibed l-attenzjoni lejn il-qalb kbira taʼ Missieru f’li jibgħat xemx u xita fuq it-tajbin u l-ħżiena xorta waħda u mbagħad innota: “Tridu għaldaqstant tkunu perfetti, bħalma Missierkom tas-sema hu perfett.”—Mattew 5:44-48.
16. L-appostlu Pawlu kif ġabar fil-qosor il-korsa li jixirqilha unur taʼ Ġesù?
16 L-appostlu Pawlu ġabar sewwa fil-qosor il-korsa li jixirqilha unur taʼ Ġesù meta kiteb: “Għalkemm kien qed jeżisti fis-sura t’Alla, [hu] ma ta ebda konsiderazzjoni għal ħtif, jiġifieri, li jkun ugwali m’Alla. Le, imma battal lilu nnifsu u ħa s-sura taʼ rsir u sar li jixbah lill-bnedmin. Iktar minn hekk, meta sab lilu nnifsu fil-għamla bħala bniedem, umilja lilu nnifsu u sar ubbidjenti sal-mewt, iva, mewt fuq zokk tat-tortura.”—Filippin 2:5-8.
Kif Nistgħu Nonoraw lill-Iben
17, 18. B’liema diversi modi nistgħu aħna nġibu unur lil Ġesù Kristu?
17 Ladarba Ġesù Kristu bla dubju jixraqlu l-unur tagħna, niġu għall-mistoqsija: Kif nistgħu nonoraw lill-Iben? Ahna nagħmlu dan billi neżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju taʼ fidwa tiegħu, u nagħtu prova taʼ dik il-fidi billi nieħdu l-passi neċessarji taʼ ndiema, konverżjoni, dedikazzjoni, u magħmudija. Billi mmorru għand Jehovah fit-talb f’isem Ġesù, aħna nonoraw lil Ġesù. Nonorawh ukoll meta nagħtu kas il-kliem tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u jsegwini kontinwament.” (Mattew 16:24) Aħna nonoraw lil Ġesù Kristu meta nagħtu kas l-istruzzjonijiet tiegħu biex nibqgħu nfittxu l-ewwel is-Saltna t’Alla u t-tjieba tiegħu, u nonorawh meta nagħtu kas il-kmand tiegħu biex nieħdu sehem fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. Għal darb’oħra, aħna nonoraw lil Ġesù meta nuru l-imħabba tal-aħwa li hu qal li kellha tidentifika lis-segwaċi veri kollha tiegħu.—Mattew 6:33; 28:19, 20; Ġwann 13:34, 35.
18 Iktar minn hekk, aħna nġibu unur lill-Iben billi nieħdu fuqna nfusna l-isem tiegħu billi nsejħu lilna nfusna Kristjani, u mbagħad billi ngħixu fi qbil maʼ dak l-isem bil-kondotta mill-aħjar tagħna. (Atti 11:26; 1 Pietru 2:11, 12) L-appostlu Pietru qal li għandna nsegwu l-passi taʼ Ġesù mill-qrib. (1 Pietru 2:21) Billi b’hekk nimitawh fil-kondotta kollha tagħna, aħna nonorawh ukoll. U ċertament, meta kull sena niċċelebraw il-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu, aħna nagħtuh unur speċjali.—1 Korintin 11:23-26.
19, 20. (a) Ġesù liema premji joffri lis-segwaċi tiegħu talli jonorawh, issa u fil-futur? (b) Liema fiduċja nistgħu jkollna f’konnessjoni mal-Iben?
19 Ġesù liema premji joffri lid-dixxipli tiegħu talli jsegwu korsa li tonorah? Hu qal: “Verament ingħidilkom, Ħadd ma telaq dar jew aħwa subien jew bniet jew omm jew missier jew tfal jew egħlieqi minħabba fija u minħabba fl-aħbar tajba li mhux se jieħu mitt darba iktar issa f’dan il-perijodu taʼ żmien, djar u aħwa subien u bniet u ommijiet u tfal u egħlieqi, bil-persekuzzjonijet, u fis-sistema taʼ affarijiet li ġejja ħajja taʼ dejjem.”—Mark 10:29, 30.
20 Għaldaqstant, jekk nagħmlu sagrifiċċji minħabba f’Ġesù, hu se jara li aħna niġu ppremjati. Ġesù jassigurana: “Kulħadd, allura, li jistqarr għaqda miegħi quddiem il-bnedmin, jien ukoll se nistqarr għaqda miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.” (Mattew 10:32) Mela sewwa sew bħalma l-Missier tas-sema jonora lil dawk li jonorawh, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li l-Iben uniġenitu taʼ Jehovah se jimita lil Missieru f’dan ir-rigward, saħansitra bħalma l-Iben jagħmel fi kwistjonijiet oħra.
Kif Kont Twieġeb?
◻ Ħafna fil-Kristjaneżmu kif jiddiżonoraw lill-lben?
◻ Ġesù liema xiehda ta rigward l-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem?
◻ X’inhuma xi raġunijiet li għandna biex nonoraw lil Ġesù?
◻ X’inhuma xi modi kif nistgħu nonoraw lil Ġesù?
◻ Li nonoraw li Ġesù Kristu jirriżulta f’liema benefiċċji?