LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 6/1 pp. 8-11
  • Nitgħallmu s-Sigriet taʼ Kif Ngħaddu b’Dak li Jkollna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nitgħallmu s-Sigriet taʼ Kif Ngħaddu b’Dak li Jkollna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Xi Tfisser li Tgħix b’Dak li Jkollok
  • Uħud li Tgħallmu s-​Sigriet
  • Kif Tistaʼ Żżomm Ħarsa Bilanċjata Lejn il-Flus?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sigriet Sagru Jinkixef
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Nitgħallmu s-Sigriet Sagru tad-Devozzjoni Lejn Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Żid id-Devozzjoni Lejn Alla mas-Sabar Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 6/1 pp. 8-11

Nitgħallmu s-​Sigriet taʼ Kif Ngħaddu b’Dak li Jkollna

F’ittra inkuraġġanti lill-​Kristjani ġewwa Filippi, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Jien issa tgħallimt ngħaddi b’dak li jkolli; . . . kollox drajt u noqgħod għal kollox; ix-​xabaʼ u l-​ġuħ; il-​ġid u l-​għaks.”—Filippin 4:11, 12.

X’kien is-​sigriet li għen lil Pawlu jgħaddi b’dak li jkollu? Meta tikkunsidra l-​għoli tal-​ħajja u n-​nuqqas taʼ stabbilità ekonomika fi żmienna, żgur li jkun taʼ benefiċċju għall-​Kristjani veri li jitgħallmu kif għandhom jgħaddu b’dak li jkollhom biex ikunu jistgħu jibqgħu ffokati fuq is-​servizz tagħhom lil Alla.

FIL-​BIDU taʼ l-​ittra tiegħu, Pawlu ddeskriva l-​karriera taʼ suċċess li kellu qabel sar Kristjan. Hu qal: “Jekk hemm xi ħadd li għandu għax iqiegħed it-​tama tiegħu fil-​ġisem, jiena għandi aktar minnu: taʼ tmint ijiem għamluli ċ-​ċirkonċiżjoni, twelidt fil-​poplu taʼ Iżrael, mit-​tribù taʼ Benjamin. Lhudi mil-​Lhud, Fariżew fl-​osservanza tal-​Liġi; biż-​żelu li kelli, ippersegwitajt il-​Knisja; għal dik li hi ġustizzja tal-​Liġi, ħadd ma sataʼ jgħid xejn fija.” (Filippin 3:4-6) Iktar minn hekk, bħala Lhudi żeluż, Pawlu kien inkarigat mill-​qassisin ewlenin f’Ġerusalemm u kellu anki l-​appoġġ tagħhom. Minn dan kollu setaʼ jistenna qawwa u rispett​—politikament, reliġjożament, u bla dubju finanzjarjament​—fis-​sistema Lhudija.—Atti 26:10, 12.

Madankollu, l-​affarijiet inbidlu b’mod drastiku meta Pawlu sar ministru Kristjan żeluż. Minħabba l-​aħbar tajba, minn jeddu telaq il-​karriera taʼ suċċess tiegħu u dak kollu li qabel kien ikkunsidrat bħala li hu importanti. (Filippin 3:7, 8) Issa kif kien se jieħu ħsieb tiegħu nnifsu? Kien se jaqlaʼ xi paga bħala ministru? Kif kienu se jiġu provduti l-​bżonnijiet persunali tiegħu?

Pawlu wettaq il-​ministeru tiegħu mingħajr ebda ħlas. Għalhekk, biex ma jkunx taʼ piż għal dawk li jippridkalhom, hu ngħaqad m’Akwila u Prixxilla f’li jagħmlu t-​tined waqt li kien f’Korintu, u għamel affarijiet oħrajn biex isostni lilu nnifsu. (Atti 18:1-3; 1 Tessalonikin 2:9; 2 Tessalonikin 3:8-10) Pawlu għamel tliet vjaġġi missjunarji estensivi, u vvjaġġa wkoll għand il-​kongregazzjonijiet li kellhom bżonn żjara. Ladarba kellu ħafna x’jagħmel fis-​servizz t’Alla, hu kellu ftit affarijiet materjali. Ġeneralment, l-​aħwa pprovdew għall-​bżonnijiet tiegħu. Imma kultant, minħabba ċirkustanzi diffiċli, hu sab ruħu fil-​bżonn u mċaħħad. (2 Korintin 11:27; Filippin 4:15-18) Xorta waħda, Pawlu qatt ma gerger dwar is-​sitwazzjoni diffiċli tiegħu, u ma xxennaqx għall-​affarijiet t’oħrajn. Hu minn jeddu u bil-​ferħ ħadem iebes għall-​benefiċċju taʼ sħabu l-​Kristjani. Fil-​fatt, kien Pawlu li kkwota l-​kliem magħruf taʼ Ġesù: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” X’eżempju li jispikka għalina lkoll!—Atti 20:33-35.

Xi Tfisser li Tgħix b’Dak li Jkollok

Fattur importanti li żied mal-​ferħ u s-​sodisfazzjon taʼ Pawlu kien li hu ħass li setaʼ jgħaddi b’dak li kellu. Imma, xi jfisser li tkun taf tgħaddi b’dak li jkollok? Fi kliem sempliċi jfisser li tkun kuntent bl-​affarijiet bażiċi. Rigward dan, Pawlu qal lil Timotju, li kien sieħbu fil-​ministeru: “It-​tjieba [“devozzjoni lejn Alla,” NW] fiha qligħ kbir, tassew, għal min hu kuntent b’dak li għandu; għax aħna xejn ma ġibna fid-​dinja, u xejn ma nistgħu nieħdu magħna; sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina.”—1 Timotju 6:6-8.

Innota li Pawlu assoċja li tkun kuntent b’dak li għandek mad-​devozzjoni lejn Alla. Hu rrikonoxxa li l-​ferħ veru jiġi minn devozzjoni lejn Alla, jiġifieri, li nagħmlu s-​servizz lil Alla fl-​ewwel post, u mhux il-​ġid materjali jew l-​għana. ‘X’jiekol u x’jilbes’ kien dak kollu li kellu bżonn biex setaʼ jkompli jgħix ħajja taʼ devozzjoni lejn Alla. Għalhekk, għal Pawlu, is-​sigriet biex jgħaddi b’dak li jkollu kien li jistrieħ fuq Jehovah, ikunu xi jkunu ċ-​ċirkustanzi.

Bosta nies illum jesperjenzaw ħafna ansjetà u dwejjaq minħabba li ma jafux b’dan is-​sigriet jew ma jagħtux kasu. Minflok ma jitgħallmu jgħaddu b’dak li jkollhom, jippreferu jpoġġu l-​fiduċja tagħhom fil-​flus u f’dak li jistgħu jixtru bihom. L-​industrija tar-​reklamar u l-​mezzi tax-​xandir iġagħlu lin-​nies iħossuhom li ma jistgħux ikunu ferħanin jekk ma jkollhomx l-​aħħar u l-​aħjar prodotti u oġġetti elettroniċi—u jridu jiksbuhom immedjatament. B’hekk, ħafna nies jaqgħu fin-​nassa tal-​ġiri wara l-​flus u l-​affarijiet materjali. Minflok ma jsibu l-​ferħ u s-​sodisfazzjon, huma “jaqgħu fit-​tiġrib u fix-​xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-​bnedmin fil-​qerda u t-​telfien.”—1 Timotju 6:9, 10.

Uħud li Tgħallmu s-​Sigriet

F’dawn iż-​żminijiet, huwa possibbli li tgħix b’devozzjoni lejn Alla u tgħaddi b’dak li jkollok waqt li xorta ssib ferħ u sodisfazzjon? Iva, huwa possibbli. Fil-​fatt, miljuni taʼ nies illum qed jagħmlu eżatt hekk. Huma tgħallmu s-​sigriet taʼ li jkunu ferħanin bl-​affarijiet materjali li għandhom. Dawn huma x-​Xhieda taʼ Jehovah, li ddedikaw lilhom infushom lil Alla, u qed jagħmlu r-​rieda tiegħu u jgħallmu l-​iskop tiegħu lin-​nies taʼ kullimkien.

Per eżempju, ikkunsidra lil dawk li joffru lilhom infushom biex jiġu mħarrġin u jintbagħtu bħala missjunarji f’pajjiżi barranin biex jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Spiss, il-​kundizzjonijiet li jgħixu fihom fil-​pajjiżi li jiġu mibgħutin m’humiex avanzati materjalment bħalma kienu dawk f’pajjiżhom. Per eżempju, meta waslu l-​missjunarji f’pajjiż fl-​Asja fil-​bidu tas-​sena 1947, l-​effetti tal-​gwerra kienu għadhom evidenti, u ftit djar kellhom id-​dawl elettriku. F’ħafna pajjiżi, il-​missjunarji sabu li l-​ħasil tal-​ħwejjeġ isir biċċa biċċa fuq tavla taʼ injam imfellel jew fuq il-​blat ħdejn xi xmara minflok f’magna tal-​ħasil li taħdem bl-​elettriku. Imma huma marru biex jgħallmu lin-​nies il-​verità tal-​Bibbja, allura addattaw ruħhom għall-​kundizzjonijiet lokali u bdew jaħdmu iebes fil-​ministeru.

Oħrajn bdew jaqdu fil-​ministeru full-time jew marru jgħixu f’postijiet li għadhom ma ntlaħqux bl-​aħbar tajba. Adulfo ilu jaqdi bħala ministru full-time għal iktar minn 50 sena f’partijiet differenti tal-​Messiku. Hu jgħid: “Bħall-​appostlu Pawlu, jien u marti tgħallimna naddattaw ruħna skond iċ-​ċirkustanzi. Per eżempju, waħda mill-​kongregazzjonijiet li żorna kienet ’il bogħod minn kwalunkwe belt jew ħanut. F’kull ikla, l-​aħwa kienu jikkuntentaw ruħhom b’tortilla waħda bi ftit xaħam u melħ u kikkra kafè. Dak biss kellhom x’jieklu​—tliet tortillas kuljum. Għalhekk, tgħallimna ngħixu eżatt bħal dawn l-​aħwa. Gawdejt ħafna esperjenzi bħal dawn matul l-​54 sena li ili naqdi lil Jehovah full-time.”

Florentino jiftakar kif hu u l-​familja tiegħu kellhom jaddattaw ruħhom għal ċirkustanzi diffiċli. Meta jiftakar fiż-​żgħożija tiegħu jgħid: “Missieri kien negozjant għani. Kellu ħafna artijiet. Għadni niftakar il-​bank fil-​ħanut tal-​merċa li kellna. Kien hemm kexxun madwar 50 ċentimetru wiesaʼ u 20 ċentimetru fond, u kien maqsum f’erbaʼ partijiet. Fih konna nitfgħu l-​flus li naqilgħu matul il-​jum. Fl-​aħħar tal-​jum, dejjem kien ikun mimli daqs bajda bil-​flus.

“Imbagħad, f’daqqa waħda, esperjenzajna telfa finanzjarja u minn ħajja mimlija abbundanza spiċċajna foqra. Tlifna kollox ħlief id-​dar tagħna. Minbarra dan, wieħed minn ħuti kellu aċċident u spiċċa paralizzat minn saqajh it-​tnejn. Xejn ma kien għadu bħal qabel. Għal xi żmien kont inbigħ il-​frott u l-​laħam. Kont ukoll naħsad il-​qoton, l-​għeneb, u l-​alfalfa, u kont ngħin f’li nsaqqi l-​għelieqi. Xi wħud kienu jgħidu li jien immidd idejja għal kollox. Ommi spiss kienet tfarraġna billi tgħidilna li għandna l-​verità, ġid spiritwali li ftit uħud għandhom. B’hekk tgħallimt kif ngħix b’ħafna u kif ngħix bi ftit jew b’xejn. Issa li ili naqdi lil Jehovah full-time għal xi 25 sena, nistaʼ ngħid li jum wara l-​ieħor esperjenzajt il-​barka taʼ li naf li għażilt l-​aħjar mod taʼ ħajja—li naqdi lil Jehovah full-time.”

Il-Bibbja tenfasizza l-​fatt li “s-​sura taʼ din id-​dinja għad tgħaddi.” Għal din ir-​raġuni, tħeġġiġna wkoll: “[Ħalli] dawk li jifirħu, [ikun] bħallikieku ma jifirħux; dawk li jixtru, bħallikieku ma għandhom xejn; dawk li jgawdu d-​dinja, bħallikieku ma jgawduhiex.”—1 Korintin 7:29-31.

Għalhekk, issa huwa ż-​żmien li tagħti ħarsa mill-​qrib lejn il-​mod taʼ ħajja tiegħek. Jekk iċ-​ċirkustanzi tiegħek huma limitati, oqgħod attent li ma tinkeddx, jew timtela bin-​niket u l-​għira. Min-​naħa l-​oħra, kwalunkwe ġid materjali li għandek, ikun għaqli li tagħtih post xieraq f’ħajtek biex ma jispiċċax jikkontrollak. Bħalma wissa l-​appostlu Pawlu, għandek titfaʼ t-​tama tiegħek, mhux ‘f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma f’Alla li jagħtina kollox bix-​xabaʼ biex ingawdu bih.’ Jekk tagħmel hekk, int ukoll tistaʼ tgħid li tgħallimt is-​sigriet taʼ kif tgħaddi b’dak li jkollok.—1 Timotju 6:17-19.

[Stampa f’paġna 9]

Pawlu ħadem b’idejh stess biex ma jkunx taʼ piż għal ħaddieħor

[Stampi f’paġna 10]

Eluf qed isibu l-​ferħ f’ħajja taʼ devozzjoni lejn Alla flimkien maʼ li jgħaddu b’dak li jkollhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja