LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 4/09 pp. 5-7
  • Qassam Flusek bil-Għaqal

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qassam Flusek bil-Għaqal
  • Stenbaħ!—2009
  • Materjal Simili
  • Kif tqassmu l-flus
    Il-familja tiegħek tista’ tkun ferħana
  • Huma l-Flus l-Għerq taʼ Kull Ħażen?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Il-flus
    Stenbaħ!—2014
  • Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .
    Stenbaħ!—1997
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2009
g 4/09 pp. 5-7

Qassam Flusek bil-​Għaqal

SPISS in-​nies jgħidu li l-​Bibbja tgħid: ‘Il-​flus huma l-​għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.’ Dak li l-​Bibbja tgħid tassew hu: “L-​imħabba għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.” (1 Timotju 6:10) Tabilħaqq, xi nies tassew żviluppaw imħabba għall-​flus u ddedikaw lilhom infushom biex jakkumulaw ir-​rikkezzi. Xi wħud saru skjavi tal-​flus u ħasdu konsegwenzi traġiċi. Madankollu, meta l-​flus jitqassmu sew jistgħu jkunu għodda utli. Il-​Bibbja tirrikonoxxi li l-​“flus isolvu ħafna problemi.”—Ekkleżjasti 10:19, Holy Bible—Easy-to-Read Version.

Għalkemm il-​Bibbja m’hijiex xi ktieb li jiddiskuti kwistjonijiet taʼ flus, fiha pariri prattiċi li jistgħu jgħinuk tqassam il-​flus bil-​għaqal. Il-​ħames passi li ġejjin huma rikkmandati normalment minn uħud li jagħtu pariri finanzjarji, u huma konsistenti mal-​prinċipji li ġew imniżżlin fil-​Bibbja ħafna żmien ilu.

Faddal. Il-​Bibbja turi li l-​Israelin tal-​qedem ġew mgħallmin il-​valur tat-​tfaddil. Intqalilhom biex iwarrbu d-​dieċmi (jew 10 fil-​mija) kull sena ħalli jużawhom biss biex jattendu l-​festi nazzjonali. (Dewteronomju 14:22-27) Bl-​istess mod, l-​appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-​Kristjani tal-​bidu biex ifaddlu xi ħaġa tal-​flus kull ġimgħa sabiex iktar tard ikunu jistgħu jikkontribwixxu xi ħaġa ħalli jgħinu lil Kristjani oħrajn li jkunu fil-​bżonn. (1 Korintin 16:1, 2) Ħafna minn dawk li jagħtu l-​pariri finanzjarji jinkuraġġixxu t-​tfaddil. Agħmel it-​tfaddil prijorità. Hekk kif tiġi mħallas, iddepożita dak li tixtieq tfaddal f’bank jew f’post ieħor taʼ sigurtà. Dan se jgħinek tiġġieled kontra kull tentazzjoni biex tonfoq dak li tkun ippjanajt li tfaddal.

Ippjana Kif Se Tqassam il-​Flus. Dan huwa l-​uniku mod prattiku kif tistaʼ toqgħod attent għal dak li tkun se tonfoq, tikkontrollah, jew tnaqqas l-​infiq tiegħek. Ippjanar tajjeb taʼ kif se tqassam flusek jistaʼ jgħinek tifhem fejn imorru flusek, u jistaʼ jgħinek tilħaq il-​miri finanzjarji tiegħek. Kun af x’inhu d-​dħul tiegħek, u onfoq inqas milli taqlaʼ. Tgħallem id-​differenza bejn dak li għandek bżonn u dak li trid. Fi qbil maʼ dan, Ġesù b’mod għaqli ħeġġeġ lis-​semmiegħa tiegħu biex ‘jikkalkulaw l-​ispejjeż’ qabel ma jidħlu għal xi proġett. (Luqa 14:28) Il-​Bibbja twissina biex nevitaw dejn bla bżonn.—Proverbji 22:7.

Ippjana. Ikkunsidra b’attenzjoni l-​bżonnijiet futuri tiegħek. Per eżempju, jekk qed tippjana li tixtri dar jew appartament, tistaʼ tkun deċiżjoni tajba li tissellef il-​flus b’rata raġunevoli. Bl-​istess mod, raġel tal-​familja jistaʼ jħoss il-​bżonn li jagħmel assigurazzjoni fuq il-​ħajja, is-​saħħa, id-​diżabilità, jew li jagħmel forom oħrajn t’assigurazzjoni biex jipproteġi lil dawk li jħobb. Il-​fatt li tikkunsidra l-​bżonnijiet tiegħek għall-​futur jistaʼ wkoll jinvolvi li tippjana għal meta tirtira mix-​xogħol. Proverbji 21:5 jfakkarna li “l-​pjanijiet tal-​ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.”

Tgħallem. Investi fik innifsek billi tikseb abbiltajiet u tieħu ħsieb is-​saħħa fiżika u emozzjonali tiegħek. Dawn huma investimenti li se jħallsuk lura. Agħmel it-​tagħlim id-​drawwa taʼ ħajtek. Il-​Bibbja tagħti importanza kbira lill-​“għaqal u l-​abbiltà li taħseb,” u tħeġġiġna biex inkomplu niżviluppawhom.—Proverbji 3:21, 22; Ekkleżjasti 10:10.

Żomm bilanċ. Żomm il-​flus f’posthom. Stħarriġ wara l-​ieħor juri li dawk li jimpurtahom iktar min-​nies milli mill-​flus huma iktar ferħanin. Xi wħud iħallu r-​regħba tikkontrollahom. Kif? Wara li jissodisfaw biżżejjed il-​bżonnijiet bażiċi tagħhom, huma jibdew jipprovaw isiru għonja. Madankollu, minbarra l-​ikel, l-​ilbies, u l-​post fejn toqgħod, persuna kemm tassew teħtieġ iktar affarijiet? Mhux taʼ b’xejn li l-​kittieb Bibliku kwotat fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu kiteb ukoll: “La għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-​affarijiet.” (1 Timotju 6:8) Jekk inkunu kuntenti b’dak li għandna niġu meħlusin milli niżviluppaw l-​imħabba għall-​flus u l-​problemi kollha li din iġġib magħha.

Tabilħaqq, l-​imħabba għall-​flus hi l-​għerq taʼ ħafna affarijiet ħżiena. Il-​flus isiru sidek jekk tħallihom. Madankollu, meta jitqassmu kif jixraq, il-​flus jistgħu jippermettulek li tiġri wara l-​iktar affarijiet importanti fil-​ħajja, bħal rabta mill-​qrib mal-​familja, mal-​ħbieb, u m’Alla. Xorta waħda, f’din id-​dinja jidher li m’huwiex possibbli li tkun meħlus kompletament mit-​tħassib dwar il-​flus. Se jibqgħu l-​flus dejjem jikkaġunaw dan it-​tip t’ansjetà? X’tama hemm li l-​faqar qatt jintemm? L-​aħħar artiklu f’din is-​serje se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet.

[Kumment f’paġna 5]

Kun af x’inhu d-​dħul tiegħek, u onfoq inqas milli taqlaʼ

[Kumment f’paġna 5]

Kun af id-​differenza bejn dak li għandek bżonn u dak li trid

[Kumment f’paġna 6]

Minbarra l-​ikel, l-​ilbies, u l-​post fejn toqgħod, persuna kemm tassew teħtieġ iktar affarijiet?

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 7]

GĦALLEM LIL ULIEDEK JIPPJANAW KIF IQASSMU FLUSHOM BIL-​GĦAQAL

Illum, minħabba li hawn ħafna adulti li għandhom inkwiet finanzjarju, l-​esperti qed iħeġġu lill-​ġenituri biex jgħallmu lil uliedhom dwar il-​flus—u biex jibdew minn kmieni. Staqsi lill-​maġġuranza tat-​tfal dwar minfejn jiġu l-​flus, u għandhom mnejn jgħidulek, “mingħand il-​papà” jew “mill-​bank.” Jekk tistaʼ tgħallem lil uliedek il-​valur tal-​flus—kif jisseparaw dak li għandhom bżonn minn dak li jridu, kif iġemmgħu, u kif jinvestu—int tistaʼ tgħinhom jevitaw l-​uġigħ tal-​qalb li jiġi minħabba dejn esaġerat u li jsiru skjavi taʼ l-​ekonomija. Dawn li ġejjin huma ftit suġġerimenti.

1. Kun eżempju tajjeb. Ġeneralment, it-​tfal tiegħek se jimitaw iktar dak li tagħmel milli dak li tgħid.

2. Agħmel limiti taʼ kemm jistaʼ jintefaq. Iddiskuti kemm tistgħu tonfqu int u huma. Tgħallem għid le, u żomm kelmtek.

3. Ħallihom jiddeċiedu kif jużaw il-​flus. Jekk jingħataw xi ammont taʼ flus regolarment jew jaqilgħu l-​flus għal xi biċċa xogħol li jagħmlu, agħtihom xi pariri dwar kif jistgħu jużawhom. Imbagħad, ħallihom jieħdu xi deċiżjonijiet.

4. Għallimhom jaqsmu m’oħrajn. Ħeġġeġ lil uliedek biex jaqsmu dak li għandhom m’oħrajn kif ukoll biex regolarment iwarrbu xi ħaġa ħalli jonoraw lil Alla.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja