Nilħqu l-Qlub bl-Arti tal-Persważjoni
LIL ħafna nies, il-kelma “persważjoni” ma tantx tinżlilhom. Dak li jkun jistaʼ jiġih f’moħħu xi aġent fitt jew xi riklam iddisinjat biex iqarraq jew jimmanipula lill-konsumatur. Anki fil-Bibbja, l-idea taʼ persważjoni xi kultant ikollha konnotazzjonijiet negattivi u ġġorr il-ħsieb taʼ taħsir jew żvijar. Per eżempju, l-appostlu Kristjan Pawlu kiteb lill-Galatin: “Kontu tiġru sewwa. Min fixkilkom li ma toqogħdux għas-sewwa? Din il-persważjoni m’hijiex ġejja minn dak li sejjħilkom.” (Galatin 5:7, 8) Pawlu wissa wkoll lill-Kolossin biex ma jħallu lil ħadd ‘iqarraq bihom bi kliem li jiġbidhom għal miegħu.’ (Kolossin 2:4) Persważjoni bħal din tiddependi minn argumenti makakki msejsa fuq bażi falza.
Fit-tieni ittra tiegħu lil Timotju, madankollu, l-appostlu Pawlu uża l-idea taʼ persważjoni f’sens differenti. Hu kiteb: “Int ibqaʼ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ [“ġejt ipperswadut biex temmen,” NW], għax taf mingħand min tgħallimtu.” (2 Timotju 3:14) F’li ‘jiġi pperswadut biex jemmen,’ Timotju ma kienx qed jiġi mmanipulat minn ommu u nanntu, li mingħandhom tgħallem veritajiet Skritturali.—2 Timotju 1:5.a
Waqt li kien qed jinżamm taħt arrest ġewwa daru f’Ruma, Pawlu ta xiehda bir-reqqa lil ħafna, billi “għamel kemm felaħ biex jipperswadihom permezz tal-Liġi taʼ Mosè u l-Profeti ħalli jemmnu f’Ġesù Kristu.” (Atti 28:23) Kien qiegħed Pawlu jqarraq bl-udjenza tiegħu? Dażgur li le! Jidher ċar, allura, li l-persważjoni m’hijiex dejjem xi ħaġa ħażina.
Meta wżat f’sens pożittiv, l-għerq tal-kelma Griega tradotta “tipperswadi” jfisser li tikkonvinċi, li tbiddel il-ħsieb tal-moħħ permezz taʼ raġunar sod u loġiku. B’hekk għalliem jistaʼ jibni fuq xi bażi Skritturali billi juża l-persważjoni biex irawwem f’oħrajn konvinzjoni f’verità Biblika. (2 Timotju 2:15) Tabilħaqq, din kienet karatteristika tal-ministeru taʼ Pawlu. Anki Demetriju l-arġentier, li kien iqis lit-tagħlim Kristjan bħala li huwa falz, innota: “Dan Pawlu qiegħed idawwar u jaqleb ħafna nies, mhux biss f’Efesu, imma tistaʼ tgħid fl-Asja kollha. Qiegħed jgħidilhom li allat maħduma bl-idejn ma huma allat xejn.”—Atti 19:26.
Nużaw il-Persważjoni fil-Ministeru
Ġesù Kristu istruwixxa lis-segwaċi tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.” (Mattew 28:19, 20) F’iktar minn 230 pajjiż, ix-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jobdu dan il-kmand. Kull xahar matul is-sena taʼ servizz tagħhom 1997, ikkonduċew medja taʼ 4,552,589 studju tal-Bibbja fid-djar madwar id-dinja.
Jekk int għandek il-privileġġ li tikkonduċi studju tal-Bibbja fid-dar, għandek mnejn tkun tistaʼ tantiċipa xi sfidi fejn ikollok tuża l-arti tal-persważjoni. Per eżempju, nagħmlu mod li fis-sessjoni li jmiss taʼ l-istudju, tqum xi mistoqsija rigward it-Trinità. Xi ngħidu jekk tkun taf li l-istudent tiegħek jemmen f’din id-duttrina? Tistaʼ tagħtih xi pubblikazzjoni li tiddiskuti dak is-suġġett. Wara li jkun qraha, għandek mnejn issib li hu ġie pperswadut li Alla u Ġesù m’humiex l-istess. Imma jekk jibqagħlu xi mistoqsijiet, kif tistaʼ tissokta?
Agħti widen sew. Dan se jgħinek tiddetermina x’jemmen diġà l-istudent tiegħek fuq xi suġġett partikulari. Per eżempju, jekk l-istudent tiegħek jgħid, “Jien nemmen fit-Trinità,” tistaʼ mill-ewwel tibda diskussjoni Skritturali biex turi li din id-duttrina hija falza. Imma jeżisti diversi twemmin rigward it-Trinità. Forsi l-istudent tiegħek jemmen f’xi ħaġa li hija wisq differenti minn kif tiddefinixxiha int id-duttrina tat-Trinità. L-istess ħaġa tgħodd għal twemmin ieħor, bħar-riinkarnazzjoni, l-immortalità tar-ruħ, u s-salvazzjoni. Mela agħti widen sew qabel ma titkellem. Tassumi xejn dwar x’jemmen l-istudent tiegħek.—Proverbji 18:13.
Saqsi mistoqsijiet. Dawn jistgħu jinkludu: ‘Minn dejjem kont temmen fit-Trinità? Qatt għamilt studju bir-reqqa taʼ x’tgħid il-Bibbja dwar dan is-suġġett? Li kieku Alla kien parti minn xi trinità, il-Kelma tiegħu, il-Bibbja, ma kinitx se tgħidilna dan b’mod ċar u dirett?’ Int u tgħallem lill-istudent, ieqaf kultant biex tistaqsih mistoqsijiet bħal dawn: ‘Dak li għaddejna s’issa jagħmel sens għalik?’ ‘Taqbel maʼ din l-ispjegazzjoni?’ Billi bis-sengħa ssaqsi l-mistoqsijiet, int tkun qiegħed tinvolvi lill-istudent fil-proċess tat-tagħlim. Hu m’għandux sempliċement joqgħod jismaʼ lilek tispjega fuq xi suġġett.
Uża raġunar sod. Int u tiddiskuti d-duttrina tat-Trinità, per eżempju, tistaʼ tgħid lill-istudent tiegħek: ‘Meta Ġesù ġie mgħammed, instemaʼ leħen mis-sema, jgħid: “Inti Ibni l-għażiż: fik sibt l-għaxqa tiegħi.” Li kieku Alla kien verament qiegħed jiġi mgħammed hawn fuq l-art, kien hu se jsemmaʼ leħnu sas-sema u lura sabiex dak il-kliem ikun jistaʼ jinstemaʼ fuq l-art? Ma kienx ikun b’hekk qiegħed iqarraq? Se jagħmel Alla, “li ma jigdibx,” ħaġa qarrieqa bħal din?’—Luqa 3:21, 22; Titu 1:1, 2.
Raġunar sod ippreżentat bit-tattika huwa taʼ spiss effettiv ġmielu. Ikkunsidra l-eżempju taʼ waħda mara li se nsejħulha Barbara. Tul ħajjitha, minn dejjem kienet temmen li Ġesù kien Alla u parti minn trinità li tinkludi lill-ispirtu s-santu. Imma mbagħad wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah qalilha li Alla u Ġesù huma żewġ individwi distinti, u wrieha skritturi biex isaħħaħ l-istqarrija tiegħu.b Barbara ma setgħetx tmieri l-Bibbja. Fl-istess ħin, ħassitha frustrata. Wara kollox, hi kienet tgħożżha d-duttrina tat-Trinità.
Ix-Xhud qagħad jirraġuna bil-paċenzja maʼ Barbara. “Li kieku kont qed tipprova tgħallimni li żewġ persuni huma ugwali,” hu staqsieha, “liema relazzjoni ġewwa l-familja kont tuża biex iġġib eżempju?” Hi qagħdet taħseb ftit u mbagħad wieġbet: “Forsi nuża żewġt aħwa.” “Eżattament,” weġibha x-Xhud. “Forsi anki tewmin identiċi. Imma hu u jgħallimna biex inħarsu lejn Alla bħala l-Missier u lejh bħala l-Iben, x’messaġġ kien qiegħed jgħaddilna Ġesù?” “Issa qed nifhem,” wieġbet Barbara, b’għajnejha jixegħlu. “Hu qiegħed jiddeskrivi lil wieħed minnhom bħala akbar fiż-żmien u b’iktar awtorità.”
“Iva,” wieġeb ix-Xhud, “u s-semmiegħa Lhud li kellu Ġesù, billi kienu jgħixu f’soċjetà patrijarkali, kienu żgur se jaslu għal dik il-konklużjoni.” Biex jisħaq il-punt tiegħu, ix-Xhud ikkonkluda: “Jekk aħna ħriġna b’eżempju li tant jixraq biex ngħallmu l-ugwaljanza—dak taʼ l-aħwa jew tewmin identiċi—żgur li Ġesù, l-Għalliem il-Kbir, setaʼ jagħmel l-istess hu wkoll. Minflok, hu uża t-termini ‘missier’ u ‘iben’ biex jiddeskrivi r-relazzjoni bejnu u bejn Alla.”
Fl-aħħar Barbara fehmet il-punt, u aċċettatu. Qalbha kienet intlaħqet bl-arti tal-persważjoni.
Nittrattaw l-Emozzjonijiet
Twemmin reliġjuż li jkun rabba l-għeruq fil-fond taʼ spiss jinvolvi element emozzjonali. Ikkunsidra l-każ t’Edna, Kattolika devota. In-neputijiet adolexxenti tagħha tawha provi Skritturali ċari li Alla u Ġesù m’humiex l-istess persuna. Edna fehmet dak li semgħet. Madankollu, hi qalet bil-ħlewwa imma b’mod sod: “Jien nemmen fit-Trinità mqaddsa.”
Forsi int kellek xi esperjenza simili. Ħafna nies iqisu dawn id-duttrini fir-reliġjon tagħhom daqs li kieku kienu parti mill-identità tagħhom infushom. Biex tipperswadi lil studenti tal-Bibbja bħal dawn, hemm bżonn iktar minn loġika xotta jew saħansitra serje taʼ skritturi biex turi li l-opinjoni taʼ dak li jkun hija waħda żbaljata. Sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jissolvew billi tibbilanċja l-arti tal-persważjoni mal-mogħdrija. (Qabbel Rumani 12:15; Kolossin 3:12.) M’għandniex xi ngħidu, għalliem effettiv għandu jkollu konvinzjonijiet sodi. Per eżempju, Pawlu uża frażijiet bħal “jiena żgur” u “jiena naf, u minn dan jiena żgur fil-Mulej Ġesù.” (Rumani 8:38; 14:14) Madankollu, fil-waqt li nesprimu l-konvinzjonijiet tagħna, m’għandniex nużaw xi ton dommatiku jew taʼ qdusija, u lanqas m’għandna nkunu sarkastiċi jew degradanti aħna u nippreżentaw veritajiet Bibliċi. Aħna żgur li ma nixtiqux noffendu jew saħansitra ninsultaw lill-istudent.—Proverbji 12:18.
Ikun ħafna iktar effettiv li tirrispetta t-twemmin taʼ l-istudent u tirrikonoxxi li hu għandu dritt jemmen hekk. Iċ-ċavetta hija l-umiltà. Għalliem umli ma jħossux li di natura hu superjuri għall-istudent tiegħu. (Luqa 18:9-14; Filippin 2:3, 4) Il-persważjoni li togħġob lil Alla tinkludi umiltà li, fil-fatt, tkun qed tgħid: ‘Jehovah kollu ħniena għeni biex nagħraf dan. Ħa naqsamha miegħek.’
Lil sħabu Kristjani f’Korintu, Pawlu kitbilhom: “L-armi tagħna għall-ġlied m’humiex tad-dinja; iżda għandhom il-qawwa taʼ Alla biex iġarrfu l-fortizzi. Aħna nwaqqgħu kull raġunament u kull kburija li tqum kontra l-għarfien taʼ Alla u njassru kull ħsieb għall-ubbidjenza lil Kristu.” (2 Korintin 10:4, 5) Illum, ix-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jużaw il-Kelma t’Alla biex iwaqqgħu kemm duttrini foloz kif ukoll prattiċi u karatteristiċi li jkunu rabbew l-għeruq fil-fond u li ma jogħġbux lil Alla. (1 Korintin 6:9-11) F’li jagħmlu dan, ix-Xhieda jżommu f’moħħhom li b’imħabba Jehovah wera paċenzja magħhom. Kemm huma ferħanin li għandhom il-Kelma tiegħu, il-Bibbja, u li jużaw din l-għodda qawwija biex jaqilgħu mill-għeruq it-tagħlim falz u jilħqu l-qlub bl-arti tal-persważjoni!
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Ewniki u Lojd—Edukaturi Eżemplari,” f’paġni 7-9 taʼ dil-ħarġa taʼ It-Torri taʼ l-Għassa.
b Ara Ġwann 14:28; Filippin 2:5, 6, NW; Kolossin 1:13-15, KŻ. Għal iktar informazzjoni, ara l-browxer Għandek Int Temmen fit-Trinità?, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Kaxxa f’paġna 23]
Kif Tilħaq Qalb l-Istudent Tiegħek
◻ Itlob għad-direzzjoni taʼ Jehovah biex tilħaq qalb l-istudent tiegħek tal-Bibbja.—Neħemija 2:4, 5; Isaija 50:4.
◻ Agħraf x’jemmen l-istudent u għala jistaʼ jsib xi twemmin falz attraenti.—Atti 17:22, 23.
◻ B’mod ħelu u bil-paċenzja, ibni argument loġiku u Skritturali fil-waqt li żżomm bażi taʼ qbil bejnietkom.—Atti 17:24-34.
◻ Jekk ikun possibbli, saħħaħ il-veritajiet Bibliċi b’tixbihat effettivi.—Mark 4:33, 34.
◻ Uri lill-istudent il-benefiċċji taʼ li jaċċetta għarfien eżatt mill-Bibbja.—1 Timotju 2:3, 4; 2 Timotju 3:14, 15.