LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 5/1 pp. 22-26
  • Ġeħova Jħarreġ lir-Rgħajja għall-Merħla Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova Jħarreġ lir-Rgħajja għall-Merħla Tiegħu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imħarrġin minn Rgħajja taʼ l-​Esperjenza
  • Imħarrġin mill-​Kelma t’Alla
  • Imħarrġin mill-​“Ilsir Leali u Għaqli”
  • Rgħajja li Huma “Eżempji għall-Merħla”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Rgħajja, Imitaw lill-Aqwa Rgħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • “Rgħajja li Jogħġbu lil Qalbi”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Rgħajja Kristjani, ‘Iftħu Qalbkom Beraħ’!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 5/1 pp. 22-26

Ġeħova Jħarreġ lir-​Rgħajja għall-​Merħla Tiegħu

“Il-​Mulej jagħti l-​għerf, minn fommu ġej it-​tagħrif u d-​dehen.”—PROVERBJI 2:6.

1, 2. L-​irġiel mgħammdin għala jirsistu għal iktar responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni?

“META ġejt maħtur bħala anzjan kont verament ferħan,” jgħid Nick, li ilu jaqdi bħala indokratur għal sebaʼ snin. “Qist dan il-​privileġġ bħala opportunità biex inkabbar is-​servizz tiegħi lil Ġeħova. Ħassejt li kelli nuri gratitudni kbira għal dak kollu li għamel miegħi. Ridt ukoll ngħin lill-​membri tal-​kongregazzjoni bl-​aħjar mod possibbli, li ngħinhom bl-​istess mod li anzjani oħrajn għenu lili.” Madankollu, flimkien mal-​ferħ kellu wkoll xi ftit tħassib. “Ladarba ma kontx għadni għalaqt it-​30 sena meta ġejt maħtur,” ikompli Nick, “kont inkwetat li ma kellix l-​abbiltajiet li kien hemm bżonn—id-​dehen u l-​għerf—biex nirgħa l-​kongregazzjoni b’mod effettiv.”

2 L-​uħud li Ġeħova jaħtarhom biex jirgħu l-​merħla tiegħu għandhom ħafna raġunijiet biex ikunu ferħanin. L-​appostlu Pawlu fakkar lill-​anzjani t’Efesu dwar raġuni minnhom meta, billi kkwota lil Ġesù, qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Għall-​irġiel mgħammdin, il-​fatt li jaqdu bħala qaddejja ministerjali jew bħala anzjani huwa mod ieħor kif jagħtu lil Ġeħova u lill-​kongregazzjoni. Per eżempju, il-​qaddejja ministerjali jaħdmu flimkien maʼ l-​anzjani. Dawn il-​qaddejja jieħdu ħsieb ukoll għadd taʼ inkarigi oħrajn li jieħdu ħafna ħin imma li huma neċessarji. Aħwa bħal dawn jiġu mqanqlin mill-​imħabba għal Alla u għal għajrhom sabiex jagħtu servizz imprezzabbli.—Marku 12:​30, 31.

3. Xi wħud għala għandhom mnejn iżommu lura milli jirsistu għall-​privileġġi tal-​kongregazzjoni?

3 Xi ngħidu għal raġel Kristjan li għandu mnejn iżomm lura milli jirsisti għall-​privileġġ li jkun qaddej u eventwalment anzjan minħabba li ma jħossux kapaċi? Bħal Nick, hu għandu mnejn jinkwieta li m’għandux l-​abbiltajiet li hemm bżonn biex ikun ragħaj effettiv. Bħala ħu mgħammed, tinsab int fost dawk li jħossuhom b’dan il-​mod? Tħassib bħal dan huwa raġunevoli. Ġeħova jżomm lir-​rgħajja maħturin responsabbli għall-​mod kif jittrattaw lill-​merħla. Ġesù qal: “Kulmin ngħata ħafna, ħafna jintalab mingħandu; u lil min jinkarigawh b’ħafna, jitolbu minnu iktar mis-​soltu.”—Luqa 12:48.

4. Ġeħova kif jassisti lil dawk li hu jaħtar biex jieħdu ħsieb in-​nagħaġ tiegħu?

4 Jistenna Ġeħova li l-​qaddejja u l-​anzjani li jaħtar iġorru t-​tagħbija miżjuda tagħhom waħedhom? Għall-​kuntrarju, hu jipprovdi assistenza prattika li tgħinhom mhux biss biex ikampaw, imma wkoll biex jirnexxu. Kif ġie diskuss fl-​artiklu taʼ qabel, Ġeħova jagħtihom l-​ispirtu qaddis, li l-​frott tiegħu jgħinhom jieħdu ħsieb in-​nagħaġ b’tenerezza. (Atti 20:28; Galatin 5:​22, 23) Barra minn hekk, Ġeħova jagħtihom l-​għerf, l-​għarfien, u d-​dehen. (Proverbji 2:6) Kif jagħmel dan? Ejja niddiskutu tliet modi li bihom Ġeħova jħarreġ lill-​individwi li hu jaħtar biex jieħdu ħsieb in-​nagħaġ tiegħu.

Imħarrġin minn Rgħajja taʼ l-​Esperjenza

5. Pietru u Ġwanni għala kienu rgħajja effettivi?

5 Meta l-​appostli Pietru u Ġwanni ġew quddiem is-​Sinedriju, l-​imħallfin taʼ dik il-​qorti, li mill-​ħarsa tad-​dinja kienu għorrief, qiesu lil dawn l-​irġiel li kien hemm quddiemhom bħala li kienu “komuni u taʼ ftit skola.” Fir-​realtà, huma setgħu jaqraw u jiktbu, imma ma kienu rċivew l-​ebda taħriġ rabbiniku fl-​istudju taʼ l-​Iskrittura. Minkejja dan, Pietru u Ġwanni flimkien mad-​dixxipli l-​oħra taw prova li kienu għalliema effettivi, tant li qanqlu lil ħafna minn dawk li kienu jisimgħuhom biex jibdew jemmnu. Dawn l-​irġiel ordinarji kif irnexxielhom isiru għalliema mill-​aqwa? Wara li semgħet lil Pietru u lil Ġwanni, il-​qorti ‘ntebħet li dawn kienu jkunu maʼ Ġesù.’ (Atti 4:​1-4, 13) Veru, huma kienu rċivew l-​ispirtu qaddis. (Atti 1:8) Imma kien ukoll ovvju—anki għall-​imħallfin li kienu għomja spiritwalment—li Ġesù kien ħarreġ lil dawk l-​irġiel. Waqt li kien għadu magħhom fuq l-​art, Ġesù għallem lill-​appostli mhux biss kif jiġbru lil dawk l-​uħud bħal nagħaġ, imma wkoll kif jirgħuhom wara li jsiru parti mill-​kongregazzjoni.—Mattew 11:29; 20:​24-28; 1 Pietru 5:4.

6. Ġesù u Pawlu liema eżempju taw fit-​taħriġ t’oħrajn?

6 Wara li Ġesù ġie rxoxtat, hu kompla jħarreġ lil dawk li kien ħatar bħala rgħajja. (Rivelazzjoni 1:1; 2:1–3:22) Per eżempju, hu għażel personalment lil Pawlu u ħa ħsieb it-​taħriġ tiegħu. (Atti 22:​6-10) Pawlu apprezza t-​taħriġ li ħa u qasam dak li tgħallem m’anzjani oħrajn. (Atti 20:​17-35) Per eżempju, hu investa ħafna ħin u enerġija biex iħarreġ lil Timotju sabiex isir “ħaddiem” fis-​servizz t’Alla, “li m’għandux minn xiex jistħi.” (2 Timotju 2:15) Bejn dawn iż-​żewġt irġiel ifformat rabta mill-​qrib. Iktar qabel, Pawlu kiteb dwar Timotju: “Bħal iben maʼ missieru tjassar miegħi biex iġib l-​aħbar tajba ’l quddiem.” (Filippin 2:22) Pawlu ma fittixx li jagħmel lil Timotju jew lil xi ħaddieħor dixxiplu tiegħu nnifsu. Minflok, hu inkuraġġixxa lil sħabu fit-​twemmin biex ‘jimitaw lilu, bħalma hu imita lil Kristu.’—1 Korintin 11:1.

7, 8. (a) Liema eżempju juri li meta l-​anzjani jimitaw lil Ġesù u lil Pawlu jkun hemm riżultati tajbin? (b) L-​anzjani meta għandhom jibdew iħarrġu lil uħud li għandhom il-​prospett li jsiru qaddejja ministerjali u anzjani?

7 Billi jimitaw lil Ġesù u lil Pawlu, rgħajja taʼ l-​esperjenza jieħdu l-​inizjattiva biex iħarrġu lill-​aħwa rġiel mgħammdin, b’riżultati tajbin simili. Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ Chad. Hu trabba f’dar maqsuma reliġjożament, imma reċentement inħatar bħala anzjan. Hu jgħid: “Matul is-​snin, diversi anzjani taʼ l-​esperjenza għenuni nagħmel progress spiritwali. Imma minħabba li missieri ma kienx taʼ l-​istess twemmin, dawk l-​anzjani wrew interess partikulari fija u saru bħal missirijiet spiritwali għalija. Huma ħadu l-​ħin biex iħarrġuni fil-​ministeru, u iktar tard, anzjan partikulari ħarriġni biex nieħu ħsieb l-​inkarigi tal-​kongregazzjoni li rċivejt.”

8 Kif turi l-​esperjenza taʼ Chad, rgħajja għaqlin jibdew iħarrġu lil dawk li għandhom il-​prospett li jsiru qaddejja ministerjali u anzjani ħafna qabel ma dawn jagħmlu biżżejjed progress biex jikkwalifikaw għal privileġġi bħal dawn. Għala? Minħabba li l-​Bibbja tikkmanda li kemm il-​qaddejja ministerjali u kemm l-​anzjani għandhom jilħqu livell morali u spiritwali għoli qabel ma jinħatru biex jaqdu. L-​ewwel huma jridu “jgħaddu minn prova jekk jistħoqqilhomx.”—1 Timotju 3:​1-10.

9. Liema responsabbiltà għandhom ir-​rgħajja maturi, u għala?

9 Jekk l-​aħwa rġiel mgħammdin iridu jgħaddu minn prova, ikun biss xieraq jekk l-​ewwel jiġu mħarrġin. Biex nagħtu eżempju: Jekk student fl-​iskola jiġi mitlub jagħmel eżami diffiċli li għalih l-​għalliema ma jipprovdulu l-​ebda taħriġ speċifiku, sejjer l-​istudent jgħaddi mill-​eżami? Wisq probabbli hu se jfalli. Għalhekk, it-​taħriġ huwa bżonnjuż. Madankollu, għalliema diliġenti jħarrġu lill-​istudenti mhux biss biex jgħaddu mill-​eżami, imma wkoll biex jużaw l-​għarfien li jkunu kisbu. B’mod simili, anzjani diliġenti jgħinu lill-​aħwa rġiel mgħammdin jikkultivaw kwalitajiet li huma meħtieġa minn raġel maħtur billi jipprovdulhom taħriġ speċifiku. Huma jagħmlu dan mhux biss biex jgħinu lil dawn l-​aħwa jinħatru ħalli jaqdu, imma wkoll sabiex jgħinuhom isiru kapaċi jieħdu ħsieb il-​merħla b’mod adegwat. (2 Timotju 2:2) M’għandniex xi ngħidu, l-​aħwa rġiel mgħammdin iridu jagħtu s-​sehem tagħhom u jaħdmu iebes sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-​kwalifiki li huma meħtieġa minn qaddej ministerjali jew anzjan. (Titu 1:​5-9) Minkejja dan, meta jkunu lesti li jħarrġu lil dawk li jkunu qed jirsistu għal iktar responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni, ir-​rgħajja taʼ l-​esperjenza jistgħu jgħinuhom jagħmlu progress iktar mgħaġġel.

10, 11. Ir-​rgħajja kif jistgħu jħarrġu lil oħrajn għal iktar privileġġi?

10 Rgħajja taʼ l-​esperjenza b’liema modi speċifiċi jistgħu jħarrġu lil oħrajn biex jieħdu ħsieb il-​privileġġi tal-​kongregazzjoni? L-​ewwelnett, billi jieħdu interess fl-​aħwa rġiel li hemm fil-​kongregazzjoni—billi jaħdmu magħhom regolarment fil-​ministeru taʼ l-​għalqa u jgħinuhom itejbu l-​abbiltà tagħhom sabiex ikunu jistgħu ‘jimmaniġġaw sew il-​kelma tal-​verità.’ (2 Timotju 2:15) Rgħajja maturi jiddiskutu maʼ dawn l-​aħwa rġiel il-​ferħ li jiġi meta taqdi lil oħrajn u s-​sodisfazzjon li huma nfushom se jħossu meta jagħmlu u jilħqu miri spiritwali. B’qalb tajba, huma wkoll joffru suġġerimenti speċifiċi dwar kif ħu jistaʼ jitjieb biex ‘isir eżempju għall-​merħla.’—1 Pietru 5:​3, 5.

11 Meta ħu jiġi maħtur bħala qaddej ministerjali, rgħajja għaqlin ikomplu jħarrġuh. Bruce, li qeda bħala anzjan għal għaxriet taʼ snin, jgħid: “Inħobb noqgħod bil-​qiegħda maʼ qaddej li jkun għadu kif inħatar u nirrivedi miegħu l-​istruzzjonijiet pubblikati mill-​ilsir leali u għaqli. Naqraw ukoll linji taʼ gwida li huma konnessi maʼ l-​inkarigu speċifiku tiegħu, u mbagħad inħobb naħdem miegħu sakemm ikun familjari maʼ l-​inkarigi tiegħu.” Hekk kif qaddej jikseb l-​esperjenza, hu jistaʼ wkoll jiġi mħarreġ biex jagħmel xogħol pastorali. “Meta nieħu qaddej ministerjali miegħi fuq xi żjara pastorali,” ikompli Bruce, “ngħinu jagħżel skritturi speċifiċi li jinkuraġġixxu u jimmotivaw lill-​individwu jew lill-​familja li nkunu se nżuru. Jekk qaddej irid isir ragħaj effettiv, huwa essenzjali li jitgħallem kif juża l-​Iskrittura b’tali mod li jmiss il-​qalb.”—Ebrej 4:12; 5:14.

12. Rgħajja taʼ l-​esperjenza kif jistgħu jħarrġu lil dawk li jkunu għadhom kif inħatru bħala anzjani?

12 Rgħajja li jkunu għadhom kif ġew maħturin ukoll jistgħu jibbenefikaw bil-​kbir minn iktar taħriġ. Nick, li ssemma qabel, jgħid: “B’mod partikulari, żewġ indokraturi akbar fl-​età tawni taħriġ li kien verament t’għajnuna. Ġeneralment, dawn l-​anzjani kienu jifhmu kif ċerti kwistjonijiet għandhom jiġu trattati. Huma dejjem qagħdu jisimgħuni bil-​paċenzja u kienu jikkunsidraw bis-​serjetà l-​opinjoni tiegħi—anki meta ma kinux jaqblu maʼ dak li nkun għedt. Tgħallimt ħafna mill-​fatt li qgħadt nosserva l-​mod umli u mimli rispett kif jittrattaw maʼ l-​aħwa fil-​kongregazzjoni. Dawn l-​anzjani enfasizzaw il-​bżonn li nuża l-​Bibbja bis-​sengħa meta nittratta l-​problemi jew meta nagħti inkuraġġiment.”

Imħarrġin mill-​Kelma t’Alla

13. (a) Ħu x’għandu bżonn sabiex ikun ragħaj effettiv? (b) Ġesù għala qal: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi”?

13 Tabilħaqq, il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, fiha liġijiet, prinċipji, u eżempji li ragħaj għandu bżonn sabiex “ikun kapaċi għalkollox, armat bis-​sħiħ għal kull għemil tajjeb.” (2 Timotju 3:​16, 17) Ħu għandu mnejn ikollu edukazzjoni sekulari tajba, imma l-​għarfien taʼ l-​Iskrittura u l-​mod kif japplikaha se jgħinuh ikun ragħaj effettiv. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Ġesù. Hu kien l-​iktar wieħed li kellu għarfien, l-​iktar wieħed għaqli, u l-​iktar ragħaj spiritwali għaref li qatt mexa fuq l-​art; madankollu, lanqas hu ma straħ fuq l-​għerf tiegħu meta għallem lin-​nagħaġ taʼ Ġeħova. Hu qal: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.” Ġesù għala ta kredtu lil Missieru tas-​sema? Hu spjega: “Min jitkellem minnu nnifsu jfittex il-​glorja tiegħu stess.”—Ġwanni 7:​16, 18.

14. Ir-​rgħajja kif jevitaw li jfittxu l-​glorja għalihom infushom?

14 Rgħajja leali jevitaw li jfittxu l-​glorja għalihom infushom. Huma jibbażaw il-​pariri u l-​inkuraġġiment li jagħtu fuq il-​Kelma t’Alla u mhux fuq l-​għerf tagħhom stess. Huma jifhmu li l-​inkarigu taʼ ragħaj huwa li jgħin lin-​nagħaġ jiksbu “l-​moħħ taʼ Kristu,” u mhux il-​moħħ taʼ l-​anzjani. (1 Korintin 2:​14-16) Per eżempju, xi ngħidu jekk anzjan li kien qed jgħin lil xi koppja tittratta d-​diffikultajiet fiż-​żwieġ jibbaża l-​parir tiegħu fuq l-​esperjenza tiegħu stess minflok fuq il-​prinċipji Bibliċi u l-​informazzjoni li ppubblika “l-​ilsir leali u għaqli”? (Mattew 24:45) Il-​parir tiegħu għandu mnejn ikun skond l-​għarfien limitat tiegħu u influwenzat iżżejjed mid-​drawwiet lokali. M’għandniex xi ngħidu, xi drawwiet m’humiex ħżiena fihom infushom, u l-​anzjan għandu mnejn ikollu esperjenza fil-​ħajja. Imma n-​nagħaġ jibbenefikaw l-​iktar meta r-​rgħajja jinkuraġġuhom biex jisimgħu leħen Ġesù u l-​kliem taʼ Ġeħova minflok ma jisimgħu l-​ħsibijiet tal-​bniedem jew il-​prinċipji tad-​drawwiet lokali.—Salm 12:7 (12:​6, NW); Proverbji 3:​5, 6.

Imħarrġin mill-​“Ilsir Leali u Għaqli”

15. Ġesù liema inkarigu ta lill-​“ilsir leali u għaqli,” u liema hi raġuni waħda għala din il-​klassi taʼ l-​ilsir kellha suċċess?

15 Rgħajja bħall-​appostlu Pietru, Ġwanni, u Pawlu kienu kollha membri tal-​grupp li Ġesù ddeskriva bħala l-​“ilsir leali u għaqli.” Din il-​klassi taʼ l-​ilsir hija magħmula minn ħut Ġesù fuq l-​art li huma midlukin bl-​ispirtu, u li t-​tama tagħhom hi li jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema. (Rivelazzjoni 5:​9, 10) Matul dawn l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema, in-​numru taʼ ħut Kristu li fadal fuq l-​art naqas, bħalma nafu li kellu jiġri. Madankollu, ix-​xogħol li Ġesù inkarigahom biex iwettqu—l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna qabel ma jiġi t-​tmiem—issa huwa mifrux iktar minn qatt qabel. Minkejja dan, il-​klassi taʼ l-​ilsir kellha suċċess kbir! Għala? Sa ċertu punt minħabba li ħarrġet lil xi membri tan-​“nagħaġ oħrajn” sabiex ikunu jistgħu jassistuha fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u tat-​tagħlim. (Ġwanni 10:16; Mattew 24:14; 25:40) Illum, l-​akbar parti minn dan ix-​xogħol qed issir minn dan il-​grupp leali.

16. Il-​klassi taʼ l-​ilsir kif tħarreġ lill-​irġiel maħturin?

16 Il-​klassi taʼ l-​ilsir kif tipprovdi dan it-​taħriġ? Fl-​ewwel seklu, ir-​rappreżentanti tal-​klassi taʼ l-​ilsir kellhom l-​awtorità li jħarrġu u jaħtru indokraturi fil-​kongregazzjonijiet, u min-​naħa l-​oħra, dawn kellhom iħarrġu lin-​nagħaġ. (1 Korintin 4:17) L-​istess illum. Il-​Ġemgħa li Tiggverna—il-​grupp żgħir t’anzjani midlukin li jirrappreżenta l-​klassi taʼ l-​ilsir—tawtorizza rrappreżentanti tagħha sabiex iħarrġu u jaħtru qaddejja u anzjani fl-​għaxriet t’eluf taʼ kongregazzjonijiet li hawn madwar id-​dinja. Barra minn hekk, il-​Ġemgħa li Tiggverna torganizza skejjel sabiex il-​membri tal-​Kumitat tal-​Fergħa, l-​indokraturi li jivvjaġġaw, l-​anzjani, u l-​qaddejja ministerjali jiġu mħarrġin dwar kif inhu l-​aħjar mod li bih jieħdu ħsieb in-​nagħaġ. Iktar direzzjoni tingħata permezz taʼ ittri, artikli pubblikati fit-​Torri taʼ l-​Għassa, u permezz taʼ pubblikazzjonijiet oħrajn, bħalma hu l-​ktieb Organizzati biex Nagħmlu r-​Rieda taʼ Ġeħova.a

17. (a) Ġesù kif wera li għandu fiduċja fil-​klassi taʼ l-​ilsir? (b) Ir-​rgħajja spiritwali kif jistgħu juru li għandhom fiduċja fil-​klassi taʼ l-​ilsir?

17 Ġesù tant kien fiduċjuż fil-​klassi taʼ l-​ilsir li hu ħatar lil din il-​klassi fuq “kulma għandu”—jiġifieri, l-​interessi spiritwali tiegħu kollha fuq l-​art. (Mattew 24:47) Ir-​rgħajja maħturin jagħtu prova li huma wkoll għandhom fiduċja fil-​klassi taʼ l-​ilsir billi japplikaw id-​direzzjonijiet li jirċievu mill-​Ġemgħa li Tiggverna. Iva, meta r-​rgħajja jħarrġu lil oħrajn, huma jħallu lilhom infushom jiġu mħarrġin mill-​Kelma t’Alla, u meta japplikaw it-​taħriġ li tipprovdi l-​klassi taʼ l-​ilsir, huma jkunu qed jinkuraġġixxu l-​għaqda fost il-​merħla. Kemm aħna grati li Ġeħova ħarreġ lil irġiel li għandhom interess profond f’kull membru tal-​kongregazzjoni Kristjana!

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Int Kif Twieġeb?

• Rgħajja spiritwali maturi kif iħarrġu lil oħrajn?

• Ir-​rgħajja għala ma jgħallmux fuq il-​bażi tal-​ħsibijiet tagħhom?

• Ir-​rgħajja kif u għala juru fiduċja fil-​klassi taʼ l-​ilsir?

[Stampi f’paġna 25]

L-​anzjani Kristjani jħarrġu rġiel iżgħar fil-​kongregazzjoni

[Stampi f’paġna 26]

“L-​ilsir leali u għaqli” jipprovdi taħriġ abbundanti għall-​anzjani

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja