LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 11/1 pp. 12-17
  • Raġel Miżżewweġ u Anzjan—Jibbilanċja r-Responsabbiltajiet

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Raġel Miżżewweġ u Anzjan—Jibbilanċja r-Responsabbiltajiet
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Istat T’Anzjan u Ż-​Żwieġ Huma Kompatibbli
  • ‘Ir-​Raġel Miżżewweġ Mifrud Fih Innifsu’
  • Irġiel Miżżewġin Tajbin Kif Ukoll Anzjani Tajbin
  • Dmirijiet Skritturali Lejn Marthom
  • ‘Tribulazzjoni Fil-​Laħam’
  • Nisa Miżżewġin Li Jissagrifikaw Lilhom Infushom
  • Missier u Anzjan—Iwettaq iż-Żewġt Irwoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Tifridx Dak li Alla Għaqqad Flimkien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Gwida Għaqlija għall-Miżżewġin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Kif tirnexxi fiż-​żwieġ Kristjan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 11/1 pp. 12-17

Raġel Miżżewweġ u Anzjan—Jibbilanċja r-​Responsabbiltajiet

‘L-​indokratur għandu jkun raġel taʼ mara waħda.’—1 TIMOTJU 3:2, NW.

1, 2. Iċ-​ċelibat tal-​qassisin għala m’huwiex Skritturali?

FL-​EWWEL seklu, il-​Kristjani leali kienu kkonċernati b’li jibbilanċjaw id-​diversi responsabbiltajiet tagħhom. Meta l-​appostlu Pawlu qal li Kristjan li jibqaʼ ġuvni “jagħmel aħjar,” ried hu jfisser li raġel bħal dan kien se jkun iktar addattat biex jaqdi bħala indokratur fil-​kongregazzjoni Kristjana? Kien hu fil-​fatt qiegħed ipoġġi l-​istat taʼ ġuvni bħala ħtieġa biex wieħed isir anzjan? (1 Korintin 7:38) Iċ-​ċelibat huwa meħtieġ mill-​kleru Kattoliku. Imma huwa ċ-​ċelibat tal-​qassisin Skritturali? Il-​Knejjes Ortodossi tal-​Lvant jippermettu li l-​kappillani tagħhom ikunu rġiel miżżewġin, u madankollu lill-​isqfijiet tagħhom ma jippermettulhomx. Huwa dan fi qbil mal-​Bibbja?

2 It-​12-il appostlu taʼ Kristu, il-​membri li fformaw il-​pedament tal-​kongregazzjoni Kristjana, kienu rġiel miżżewġin. (Mattew 8:14, 15; Efesin 2:20) Pawlu kiteb: “Għandna awtorità biex immexxu lil oħt bħala martna, saħansitra bħall-​bqija taʼ l-​appostli u taʼ ħut il-​Mulej u Kefa [Pietru], mhux tassew?” (1 Korintin 9:5, NW) In-​New Catholic Encyclopedia tirrikonoxxi li “l-​liġi taċ-​ċelibat hija t’oriġini ekkleżjastika” u li l-​“ministri tat-​T[estment il-​] Ġ[did] ma kinux obbligati għaċ-​ċelibat.” Ix-​Xhieda taʼ Jehovah isegwu l-​mudell Skritturali minflok il-​liġi ekkleżjastika.—1 Timotju 4:1-3.

L-​Istat T’Anzjan u Ż-​Żwieġ Huma Kompatibbli

3. Liema fatti Skritturali juru li l-​indokraturi Kristjani jistgħu jkunu rġiel miżżewġin?

3 Minflok ma rrikjeda li l-​irġiel maħturin bħala indokraturi m’għandhomx ikunu miżżewġin, Pawlu kiteb lil Titus: “Għal din ir-​raġuni ħallejtek fi Kreta, biex int tkun tistaʼ tikkorreġi l-​affarijiet li kienu difettużi u tkun tistaʼ tagħmel ħatriet taʼ rġiel ixjeħ [Grieg, pre·sbyʹte·ros] f’belt wara belt, bħalma jien tajtek ordnijiet; jekk hemm xi raġel li hu ħieles mill-​akkużi, raġel taʼ mara waħda, li għandu tfal kredenti li ma kinux taħt akkuża taʼ senswalità estrema jew indixxiplinati. Għax indokratur [Grieg, e·piʹsko·pos, minn fejn ġejja l-​kelma “isqof”] irid ikun ħieles mill-​akkużi bħala l-​prokuratur t’Alla.”—Titus 1:5-7, NW.

4. (a) Kif nafu li ż-​żwieġ m’huwiex ħtieġa għall-​indokraturi Kristjani? (b) Liema vantaġġ għandu ħu mhux miżżewweġ li hu anzjan?

4 Mill-​banda l-​oħra, iż-​żwieġ m’huwiex ħtieġa Skritturali għall-​istat t’anzjan. Ġesù baqaʼ ġuvni. (Efesin 1:22) Pawlu, indokratur li jispikka ġewwa l-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu, ma kienx miżżewweġ dak iż-​żmien. (1 Korintin 7:7-9) Illum, hemm ħafna Kristjani mhux miżżewġin li jaqdu bħala anzjani. L-​istat tagħhom taʼ ġuvni probabbilment iħallilhom iktar ħin biex iwettqu d-​dmirijiet tagħhom bħala indokraturi.

‘Ir-​Raġel Miżżewweġ Mifrud Fih Innifsu’

5. Aħwa rġiel miżżewġin liema fatt Skritturali għandhom jirrikonoxxu?

5 Meta raġel Kristjan jiżżewweġ, għandu jirrealizza li qiegħed jieħu responsabbiltajiet ġodda li se jirrikjedu l-​ħin u l-​attenzjoni tiegħu. Il-​Bibbja tistqarr: “Ir-​raġel mhux miżżewweġ, ħsiebu fil-​ħwejjeġ tal-​Mulej, jiġifieri, kif jogħġob lill-​Mulej. Min hu miżżewweġ, ħsiebu fil-​ħwejjeġ tad-​dinja, jiġifieri, kif jogħġob lil martu, u hu mifrud fih innifsu.” (1 Korintin 7:32-34) F’liema sens mifrud?

6, 7. (a) Liema hu mod wieħed li fih raġel miżżewweġ hu “mifrud fih innifsu”? (b) Pawlu jagħti liema parir lill-​Kristjani miżżewġin? (ċ) Dan kif jistaʼ jinfluwenza d-​deċiżjoni taʼ dak li jkun biex jaċċetta xi inkarigu taʼ xogħol?

6 L-​ewwel ħaġa, raġel miżżewweġ iċedi l-​awtorità fuq ġismu stess. Pawlu għamilha ċara kristall: “Il-​mara ma għandhiex dritt fuq ġisimha, iżda żewġha fuqha; hekk ukoll ir-​raġel ma għandux dritt fuq ġismu, iżda martu fuqu.” (1 Korintin 7:4) Xi wħud li qegħdin jikkontemplaw iż-​żwieġ għandhom mnejn iħossu li dan ma tantx huwa importanti għaliex is-​sess m’huwiex se jkun kollox fiż-​żwieġ tagħhom. Madankollu, ladarba l-​kastità taʼ qabel iż-​żwieġ hija ħtieġa Skritturali, il-​Kristjani ma jkunux jafu verament x’inhuma l-​bżonnijiet intimi tas-​sieħeb jew sieħba futura tagħhom.

7 Pawlu juri li saħansitra koppja li “ħsiebhom fil-​ħwejjeġ taʼ l-​Ispirtu” jridu jikkunsidraw il-​bżonnijiet sesswali taʼ xulxin. Hu ta parir lill-​Kristjani f’Korintu: “Ir-​raġel għandu jagħti lil martu li jmissha; hekk ukoll il-​mara lil żewġha. Iċċaħħdux lil xulxin minn xulxin, jekk ma tkunux ftehimtu minn qabel għal xi żmien, biex tagħtu ruħkom għat-​talb u mbagħad terġgħu bħalma kontu qabel sabiex ma jittentakomx ix-​xitan jekk ma tkunux tifilħu żżommu.” (Rumani 8:5; 1 Korintin 7:3, 5) B’dispjaċir, kien hemm każi t’adulterju meta ma ġiex segwit dan il-​parir. Minħabba f’dan, Kristjan miżżewweġ għandu jiżen l-​affarijiet bir-​reqqa qabel ma jaċċetta xi inkarigu taʼ xogħol li se jisseparah minn martu għal perijodu estiż taʼ żmien. Hu m’għandux iktar l-​istess libertà t’attività bħalma kellu meta kien għadu ġuvni.

8, 9. (a) Pawlu x’ried ifisser meta qal li l-​Kristjani miżżewġin ‘ħsiebhom fil-​ħwejjeġ tad-​dinja’? (b) Il-​Kristjani miżżewġin x’għandhom ikunu anzjużi li jagħmlu?

8 F’liema sens jistaʼ jingħad li rġiel Kristjani miżżewġin, inklużi l-​anzjani, ‘ħsiebhom fil-​ħwejjeġ tad-​dinja [koʹsmos]’? (1 Korintin 7:33) Huwa evidenti sew li Pawlu ma kienx qiegħed jitkellem dwar l-​affarijiet ħżiena taʼ din id-​dinja, li l-​veri Kristjani kollha jridu jistmerruhom. (2 Pietru 1:4; 2:18-20; 1 Ġwann 2:15-17) Il-​Kelma t’Alla tgħidilna biex “[i]nwarrbu l-​ħażen u l-​ġibdiet tad-​dinja [ko·smi·kosʹ], biex ngħixu bir-​rażna u l-​ġustizzja u t-​tjieba f’dan iż-​żmien.”—Titu 2:12.

9 Kristjani miżżewġin, għalhekk, ‘ħsiebhom fil-​ħwejjeġ tad-​dinja’ fis-​sens li b’mod leġittimu jkunu kkonċernati dwar affarijiet tad-​dinja li huma parti mill-​ħajja miżżewġa normali. Dan jinkludi d-​dar, l-​ikel, l-​ilbies, ir-​rikreazzjoni​—biex ma nsemmux it-​tħassib ieħor bla għadd jekk ikun hemm it-​tfal. Imma saħansitra għal koppja bla tfal, jekk iridu li ż-​żwieġ jirnexxi, kemm ir-​raġel u kemm il-​mara jridu jkunu anzjużi biex ‘jogħġbu’ lis-​sieħeb jew sieħba tagħhom. Dan huwa taʼ interess partikulari għal anzjani Kristjani hekk kif jibbilanċjaw ir-​responsabbiltajiet tagħhom.

Irġiel Miżżewġin Tajbin Kif Ukoll Anzjani Tajbin

10. Biex Kristjan jikkwalifika bħala anzjan, l-​aħwa u n-​nies taʼ barra x’għandhom ikunu jistgħu josservaw?

10 Fil-​waqt li ż-​żwieġ m’huwiex ħtieġa għall-​istat t’anzjan, jekk raġel Kristjan hu miżżewweġ, qabel ma jiġi rrikmandat biex jiġi maħtur bħala anzjan, ċertament li għandu jagħti evidenza li qiegħed jistinka biex ikun raġel miżżewweġ tajjeb u li jħobb, waqt li jeżerċita l-​istat taʼ kap b’mod xieraq. (Efesin 5:23-25, 28-31) Pawlu kiteb: “Jekk xi raġel qiegħed jirsisti għal kariga taʼ indokratur, hu jixtieq xogħol mill-​aħjar. L-​indokratur għandu għalhekk ikun bla ħtija, raġel taʼ mara waħda.” (1 Timotju 3:1, 2, NW) Għandu jkun evidenti li anzjan qiegħed jagħmel l-​almu tiegħu biex ikun raġel miżżewweġ tajjeb, sew jekk martu hija Kristjana bħalu u sew jekk le. Fil-​fatt, saħansitra n-​nies taʼ barra l-​kongregazzjoni għandhom ikunu jistgħu jinnotaw li hu jieħu ħsieb sew taʼ martu u tar-​responsabbiltajiet l-​oħrajn tiegħu. Pawlu żied: “Għandu jkollu wkoll isem tajjeb mal-​barranin, li ma jaqax fil-​għajb u jaqaʼ fix-​xibka tax-​xitan.”—1 Timotju 3:7.

11. Il-​frażi “raġel taʼ mara waħda” x’timplika, għalhekk l-​anzjani liema prekawzjoni għandhom jieħdu?

11 M’għandniex xi ngħidu, il-​frażi “raġel taʼ mara waħda” telimina għalkollox il-​poligamija, imma timplika wkoll fedeltà fiż-​żwieġ. (Lhud 13:4) L-​anzjani b’mod partikulari jeħtieġ li joqogħdu attenti b’mod speċjali meta jkunu qegħdin jgħinu xi aħwa nisa fil-​kongregazzjoni. Għandhom jevitaw li jkunu waħedhom meta jżuru lil xi oħt li teħtieġ xi parir u faraġ. Jagħmlu tajjeb li jkunu akkumpanjati minn anzjan ieħor, qaddej ministerjali, jew saħansitra l-​mara tagħhom f’każ li tkun sempliċement żjara taʼ inkuraġġiment.—1 Timotju 5:1, 2.

12. In-​nisa taʼ l-​anzjani u tal-​qaddejja ministerjali maʼ liema deskrizzjoni għandhom jistinkaw biex jaqblu?

12 Inċidentalment, waqt li semma l-​ħtiġijiet għall-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali, l-​appostlu Pawlu kellu wkoll parir għan-​nisa taʼ dawk li huma kkunsidrati għal privileġġi bħal dawn. Hu kiteb: “In-​nisa tagħhom għandhom ikunu serji, ma jqassux fuq l-​oħrajn, ikunu meqjusa fl-​imġiba tagħhom u taʼ min jafdahom f’kollox.” (1 Timotju 3:11) Raġel Kristjan jistaʼ jikkontribwixxi ferm f’li jgħin lil martu biex taqbel maʼ dik id-​deskrizzjoni.

Dmirijiet Skritturali Lejn Marthom

13, 14. Saħansitra jekk mara t’anzjan m’hijiex Xhud bħalu, għala għandu jibqaʼ magħha u jkun raġel miżżewweġ tajjeb?

13 M’għandniex xi ngħidu, dan il-​parir mogħti lin-​nisa taʼ l-​anzjani jew tal-​qaddejja ministerjali jippresumi bil-​quddiem li dawn in-​nisa nfushom huma Kristjani ddedikati. Ġeneralment, dan jiġri għaliex il-​Kristjani huma meħtiġin li jiżżewġu “basta fil-​Mulej.” (1 Korintin 7:39) Imma xi ngħidu dwar ħu li kien diġà miżżewweġ lil waħda li m’hijiex kredenta meta hu ddedika ħajtu lil Jehovah, jew li l-​mara tiegħu ma tibqax fil-​verità bla ma hu għandu tort?

14 Dan, fih innifsu, m’huwiex se jżommu lura milli jkun anzjan. Lanqas, iżda, ma se jiġġustifika li hu jissepara minn maʼ martu sempliċement minħabba li hi m’għandhiex l-​istess twemmin tiegħu. Pawlu ta parir: “Inti marbut maʼ mara? Tfittixx li tinħall.” (1 Korintin 7:27) Hu kompla jistqarr: “Jekk wieħed mill-​aħwa għandu martu ma temminx, u li hi jogħġobha tgħammar miegħu, ma għandux iwarrabha. Jekk imbagħad il-​parti li ma temminx titlaq, ħalliha titlaq; l-​aħwa Nsara, irġiel jew nisa, f’dan il-​każ m’humiex marbuta. Għax Alla sejħilkom biex tgħixu fis-​sliem. Tafx int, mara, jekk issalvax lil żewġek, jew int raġel, jekk issalvax lil martek?” (1 Korintin 7:12, 15, 16) Avolja martu ma tkunx Xhud, anzjan għandu jkun raġel miżżewweġ tajjeb.

15. L-​appostlu Pietru jagħti liema parir lill-​irġiel miżżewġin Kristjani, u x’jistgħu jkunu l-​konsegwenzi jekk anzjan juri li qiegħed jittraskura lil martu?

15 Sew jekk martu hijiex kredenta bħalu jew le, l-​anzjan Kristjan għandu jirrikonoxxi li martu teħtieġ l-​attenzjoni kollha mħabba tiegħu. L-​appostlu Pietru kiteb: “Intom ukoll, irġiel, għammru bil-​għaqal man-​nisa tagħkom; agħtuhom il-​ġieh li ħaqqhom, kemm għax huma aktar dgħajfa minnkom u kemm għax huma wkoll imsejħa għall-​grazzja tal-​ħajja. Hekk ma ssibux tfixkil fit-​talb tagħkom.” (1 Pietru 3:7) Raġel li apposta jonqos li jieħu ħsieb il-​ħtiġijiet taʼ martu jipperikola r-​relazzjoni tiegħu stess maʼ Jehovah; l-​attentat tiegħu biex jersaq lejn Jehovah jistaʼ jiġi mblokkat bħal li kieku ‘bi sħaba, biex it-​talb ma jaqbiżhiex.’ (Lamentazzjonijiet 3:44) Dan jistaʼ jwassal biex jiġi skwalifikat milli jaqdi bħala indokratur Kristjan.

16. Pawlu jagħmel liema punt kruċjali, u l-​anzjani kif għandhom iħossuhom dwar dan?

16 Bħalma ġie nnotat, l-​enfasi prinċipali taʼ l-​argument taʼ Pawlu hija li meta raġel jiżżewweġ, hu jċedi ammont taʼ libertà li kellu bħala ġuvni li ppermettietlu li ‘jgħix marbut mal-​Mulej bla tixrid taʼ moħħ.’ (1 Korintin 7:35) Rapporti juru li xi anzjani miżżewġin mhux dejjem kienu bbilanċjati f’li jirraġunaw fuq il-​kliem ispirat taʼ Pawlu. Bix-​xewqa li jwettqu dak li huma jħossu li anzjani tajbin għandhom jagħmlu, jistgħu jittraskuraw xi dmirijiet tagħhom bħala rġiel miżżewġin. Xi wħud isibuha diffiċli li jirrifjutaw privileġġ fil-​kongregazzjoni, avolja li jaċċettawh ikun b’mod ċar għad-​detriment spiritwali tan-​nisa tagħhom. Huma jieħdu gost bil-​privileġġi li jiġu maż-​żwieġ, imma huma lesti li jwettqu r-​responsabbiltajiet li jiġu miegħu?

17. Xi nisa miżżewġin xi ġralhom, u dan kif setaʼ ġie evitat?

17 Ċertament, iż-​żelu bħala anzjan huwa taʼ min ifaħħru. Minkejja dan, huwa Kristjan ibbilanċjat jekk, f’li jilħaq mad-​dmirijiet tiegħu fil-​kongregazzjoni, jinjora r-​responsabbiltajiet Skritturali tiegħu lejn martu? Waqt li jkun jixtieq li jappoġġja lil dawk fil-​kongregazzjoni, anzjan ibbilanċjat se jkun ikkonċernat ukoll dwar l-​ispiritwalità taʼ martu. Xi nisa t’anzjani saru dgħajfin spiritwalment, u xi wħud ġarrbu “nawfraġju” spiritwali. (1 Timotju 1:19, KŻ) Waqt li mara miżżewġa hi responsabbli li taħdem għas-​salvazzjoni tagħha stess, f’xi każi l-​problema spiritwali setgħet tiġi evitata li kieku l-​anzjan ‘mantna u ħa ħsieb’ martu, “bħalma jagħmel Kristu mal-​Knisja [“kongregazzjoni,” NW].” (Efesin 5:28, 29) Li huwa żgur hu li l-​anzjani jridu ‘jieħdu ħsieb tagħhom infushom u tal-​merħla kollha.’ (Korsiv tagħna.) (Atti 20:28) Jekk huma miżżewġin, dan jinkludi lin-​nisa tagħhom.

‘Tribulazzjoni Fil-​Laħam’

18. Liema huma xi aspetti tat-​“tribulazzjoni” li jġarrbu l-​Kristjani miżżewġin, u dan kif jistaʼ jeffettwa l-​attivitajiet t’anzjan?

18 L-​appostlu kiteb ukoll: “Jekk persuna verġni tiżżewweġ, din ma tikkommetti ebda dnub. Madankollu, dawk li jiżżewġu se jkollhom tribulazzjoni f’laħamhom. Imma jien qiegħed niskansakom.” (1 Korintin 7:28, NW) Pawlu, li xtaq jiskansa lil dawk li kienu kapaċi jsegwu l-​eżempju tiegħu f’li jibqgħu bla ma jiżżewġu mill-​anzjetajiet li b’mod inevitabbli jiġu maż-​żwieġ. Saħansitra għall-​koppji bla tfal, dawn l-​anzjetajiet jistgħu jinkludu problemi taʼ saħħa jew diffikultajiet finanzjarji kif ukoll responsabbiltajiet Skritturali lejn il-​ġenituri anzjani tal-​parti l-​oħra. (1 Timotju 5:4, 8) Anzjan irid, b’mod eżemplari, jiffaċċja dawn ir-​responsabbiltajiet, u dan jistaʼ xi drabi jeffettwa l-​attivitajiet tiegħu bħala indokratur Kristjan. B’ferħ, il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​anzjani qegħdin jagħmlu biċċa xogħol mill-​aħjar f’li jilħqu kemm mar-​responsabbiltajiet tal-​familja tagħhom u kemm maʼ dawk tal-​kongregazzjoni.

19. Pawlu x’ried ifisser meta qal: “Ħa jkun, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx”?

19 Pawlu żied: “Iż-​żmien qsar. Ħa jkun, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx.” (1 Korintin 7:29) M’għandniex xi ngħidu, meta wieħed iqis dak li diġà kien kiteb f’dan il-​kapitlu lill-​Korintin, huwa ovvju li ma riedx ifisser li l-​Kristjani miżżewġin għandhom b’xi mod jittraskuraw lin-​nisa tagħhom. (1 Korintin 7:2, 3, 33) Hu wera x’ried ifisser, meta kiteb: “[Ħalli] dawk li jgawdu d-​dinja, [ikunu] bħallikieku ma jgawduhiex; għax is-​sura taʼ din id-​dinja għad tgħaddi.” (1 Korintin 7:31) Saħansitra iktar issa minn żmien Pawlu jew minn żmien l-​appostlu Ġwanni, ‘id-​dinja qiegħda tgħaddi.’ (1 Ġwann 2:15-17) Għalhekk, Kristjani miżżewġin li jħossu l-​ħtieġa li jagħmlu xi sagrifiċċji f’li jsegwu lil Kristu ma jistgħux ikunu mehdijin esklussivament fil-​ferħ u l-​privileġġi taż-​żwieġ.—1 Korintin 7:5.

Nisa Miżżewġin Li Jissagrifikaw Lilhom Infushom

20, 21. (a) Ħafna nisa Kristjani lesti li jagħmlu liema sagrifiċċji? (b) Mara x’tistaʼ b’mod leġittimu tistenna mir-​raġel tagħha, saħansitra jekk hu anzjan?

20 Sewwa sew bħalma l-​anzjani jagħmlu sagrifiċċji sabiex jibbenefikaw lil oħrajn, ħafna nisa t’anzjani stinkaw biex jibbilanċjaw ir-​responsabbiltajiet tagħhom fiż-​żwieġ b’interessi vitali tas-​Saltna. Eluf taʼ nisa Kristjani huma henjin li jikkoperaw biex żwieġhom ikunu jistgħu jwettqu d-​dmirijiet tagħhom bħala indokraturi. Jehovah iħobbhom għax jagħmlu hekk, u jbierek l-​ispirtu mill-​aħjar li juru. (Filemon 25, NW) Minkejja dan, il-​parir ibbilanċjat taʼ Pawlu juri li n-​nisa taʼ l-​indokraturi jistgħu b’mod leġittimu jistennew ammont raġonevoli taʼ ħin u attenzjoni mill-​irġiel tagħhom. Huwa d-​dmir Skritturali taʼ l-​anzjani miżżewġin li jiddedikaw ħin adegwat għan-​nisa tagħhom biex b’hekk jibbilanċjaw ir-​responsabbiltajiet tagħhom bħala rġiel miżżewġin u indokraturi.

21 Imma xi ngħidu jekk barra milli jkun miżżewweġ, anzjan Kristjan ikun ukoll missier? Dan iżidlu r-​responsabbiltajiet tiegħu u jiftaħ qasam miżjud taʼ indokrar, bħalma se naraw fl-​artiklu li jmiss. (w96 10/15)

Bħala Reviżjoni

◻ Liema fatti Skritturali juru li indokratur Kristjan jistaʼ jkun raġel miżżewweġ?

◻ Jekk anzjan li jkun ġuvni jiżżewweġ, taʼ liema ħaġa għandu jkun konxju?

◻ Kristjan miżżewweġ b’liema modi jkun “ħsiebu fil-​ħwejjeġ tad-​dinja”?

◻ Bosta nisa taʼ indokraturi kif juru spirtu mill-​aħjar taʼ sagrifikar tagħhom infushom?

[Stampa f’paġna 15]

Avolja jkun okkupat f’attivitajiet teokratiċi, anzjan għandu jagħti lil martu attenzjoni kollha mħabba

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja