Tgħejja Qatt Tagħmel il-Ġid
“Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.”—GALATIN 6:9.
1, 2. (a) Għala hu meħtieġ is-sabar biex taqdi lil Alla? (b) Abraham kif urieh is-sabar, u x’għenu jagħmel dan?
BĦALA Xhieda taʼ Jehovah, aħna nieħdu pjaċir nagħmlu r-rieda t’Alla. Aħna nsibu s-serħan ukoll billi nieħdu fuqna l-“madmad” bħala dixxipli. (Mattew 11:29) Minkejja dan, li naqdu lil Jehovah maʼ Kristu m’huwiex dejjem faċli. L-appostlu Pawlu għamlu ċar dan meta ħeġġeġ lil sħabu l-Kristjani: “Tassew li teħtieġu s-sabar biex tagħmlu r-rieda taʼ Alla u tiksbu dak li hu wiegħed.” (Lhud 10:36) Is-sabar huwa meħtieġ għax li taqdi lil Alla jistaʼ jkun taʼ sfida.
2 Il-ħajja t’Abraham ċertament li turih biċ-ċar dan il-fatt. Ħafna drabi hu kellu jagħmel għażliet diffiċli u sab ruħu f’ċirkustanzi mimlijin ansjetà. Il-kmand biex jitlaq minn Ur u jħalli warajh ħajja komda kien biss il-bidu. Fi żmien qasir kellu jiffaċċja l-ġuħ, l-ostilità mill-ġirien, il-fatt li kważi tilef lil martu, il-mibegħda minn xi qraba, u l-ħruxija tal-gwerra. U kien għad baqagħlu provi akbar jistennewh. Imma Abraham qatt ma qataʼ qalbu jagħmel il-ġid. Din hi xi ħaġa straordinarja meta tqis li hu ma kellux il-Kelma t’Alla kompluta, bħalma għandna aħna llum. Minkejja dan, hu bla dubju kien jaf dwar l-ewwel profezija, li fiha Alla ddikjara: “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha.” (Ġenesi 3:15) Bħala l-wieħed li permezz tiegħu kellha tiġi ż-Żerriegħa, Abraham naturalment kien se jkun il-mira tal-mibegħda taʼ Satana. L-għarfien taʼ dan il-fatt bla dubju għen lil Abraham biex jissaporti l-provi tiegħu bil-ferħ.
3. (a) In-nies taʼ Jehovah llum għala għandhom jistennew li jkollhom tribulazzjonijiet huma wkoll? (b) X’inkuraġġiment jagħtina Galatin 6:9?
3 Illum, in-nies taʼ Jehovah għandhom jistennew li jkollhom tribulazzjonijiet huma wkoll. (1 Pietru 1:6, 7) Wara kollox, Apokalissi 12:17 iwissina li Satana qed “jagħmel gwerra” mal-fdal midluk. Bl-istess mod, minħabba r-relazzjoni mill-qrib li għandhom mal-midlukin, anki n-“nagħaġ oħra” huma l-mira taʼ l-għadab taʼ Satana. (Ġwann 10:16) Minbarra l-oppożizzjoni li jiffaċċjaw fil-ministeru pubbliku tagħhom, il-Kristjani jistgħu jesperjenzaw ukoll provi u pressjonijiet fil-ħajjiet persunali tagħhom. Pawlu jħeġġiġna: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.” (Galatin 6:9) Iva, għalkemm l-iskop taʼ Satana hu li jkissrilna l-fidi, irridu niqfulu, sodi fil-fidi. (1 Pietru 5:8, 9) X’jistaʼ jirriżulta jekk aħna nibqgħu leali? Ġakbu 1:2, 3 jispjega: “Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom maʼ kull xorta taʼ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar.”
Attakk Dirett
4. Satana kif uża attakki diretti fi sforz biex ikisser l-integrità tal-poplu t’Alla?
4 Il-ħajja t’Abraham ċertament li tagħti stampa taʼ “kull xorta taʼ tiġrib” li Kristjan jistaʼ jiffaċċja llum. Per eżempju, hu kellu jirreaġixxi għall-attakk taʼ l-invażuri minn Singħar. (Ġenesi 14:11-16) Mhux ħaġa kbira mela li Satana jkompli juża attakki diretti fil-forma taʼ persekuzzjoni. Minn mindu spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija, il-gvernijiet taʼ numru taʼ pajjiżi imponew projbizzjonijiet fuq ix-xogħol Kristjan edukattiv tax-Xhieda taʼ Jehovah. It-2001 Yearbook of Jehovah’s Witnesses jirrapporta dwar il-vjolenza li kellhom jissaportu l-Kristjani fl-Angola taħt idejn l-għedewwa tagħhom. Filwaqt li fdaw f’Jehovah, l-aħwa f’dawn il-pajjiżi rrifjutaw b’mod sod li jieqfu milli jagħmlu x-xogħol Kristjan tagħhom! Huma ma rreaġixxewx billi rrikorrew għall-vjolenza jew irribellaw, imma komplew jippersistu bil-għaqal fix-xogħol taʼ l-ippridkar.—Mattew 24:14.
5. Iż-żgħażagħ Kristjani kif jistgħu jkunu vittmi tal-persekuzzjoni fl-iskola?
5 Madankollu, il-persekuzzjoni mhux bilfors tinvolvi l-vjolenza. Maż-żmien Abraham tbierek b’żewġ subien—Ismagħel u Iżakk. Ġenesi 21:8-12 jgħidilna li darba minnhom Ismagħel kien qed “jiddieħak” (KŻ) b’Iżakk. Fl-ittra tiegħu lill-Galatin, Pawlu juri li dan kien iktar serju minn sempliċi logħob tat-tfal, għax hu jiddeskrivi lil Ismagħel bħala li kien qed jippersegwita lil Iżakk! (Galatin 4:29) Għal din ir-raġuni, it-twaqqigħ għaċ-ċajt minn sħabna taʼ l-iskola u l-attakki verbali mingħand dawk li jopponuna jistgħu jissejħu b’mod xieraq persekuzzjoni. Żagħżugħ Kristjan jismu Ryan jiftakar l-uġigħ li kien iħoss meta kien jaqaʼ taħt idejn sħabu tal-klassi: “Il-15-il minuta li kont nagħmel fil-private biex immur l-iskola u nerġaʼ lura kont narahom sigħat daqskemm kienu jgħajruni u jidħqu bija. Kienu jaħarquni bil-paper clips li kienu jsaħħnuhom bil-lighter tas-sigaretti.” X’kienet ir-raġuni għal dan it-trattament kiefer? “It-taħriġ li rċivejt mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah għamilni differenti miż-żgħażagħ l-oħrajn fl-iskola.” Minkejja dan, bl-appoġġ tal-ġenituri tiegħu, Ryan irnexxielu jissaporti u jibqaʼ leali. Żgħażagħ, ġieli ħassejtukom skuraġġiti minħabba t-twaqqigħ għaċ-ċajt taʼ sħabkom? Taqtgħux qalbkom! Jekk tissaportu lealment se tkunu tistgħu tesperjenzaw it-twettiq tal-kliem taʼ Ġesù: “Henjin intom, meta jgħajjrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta taʼ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.”—Mattew 5:11.
Ansjetajiet taʼ Kuljum
6. Liema affarijiet jistgħu jħassru r-relazzjonijiet bejn il-Kristjani llum?
6 Ħafna mill-provi li nħabbtu wiċċna magħhom illum jinvolvu l-ansjetajiet komuni taʼ kuljum. Abraham innifsu kellu jiffaċċja t-tensjonijiet li kienu qamu bejn ir-rgħajja tiegħu u dawk taʼ neputih Lot. (Ġenesi 13:5-7) Bl-istess mod illum, id-differenzi fil-personalità u l-għira fuq affarijiet żgħar jistgħu jħassru r-relazzjoni tagħna m’oħrajn u saħansitra jheddu l-paċi fil-kongregazzjoni. “Għax fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm issib it-taqlib u kull xorta taʼ ħażen.” (Ġakbu 3:16) Kemm hu importanti għalina li ma naqtgħux qalbna imma nagħmlu bħalma għamel Abraham, inpoġġu l-paċi qabel il-kburija u nfittxu dak li jaqbel lil oħrajn!—1 Korintin 13:5; Ġakbu 3:17.
7. (a) X’għandu jagħmel wieħed li ġie mweġġaʼ minn xi ħadd taʼ l-istess twemmin? (b) Abraham kif ta eżempju mill-aqwa biex inżommu relazzjonijiet tajbin m’oħrajn?
7 Tistaʼ tkun taʼ sfida li nżommu l-paċi meta nħossu li nkunu ġejna trattati ħażin minn xi ħadd taʼ l-istess twemmin. Proverbji 12:18 jgħid: “Min iqassas b’ilsienu [“jitkellem bla ma jaħsibha,” NW] jinfed bħal sejf.” Meta wieħed jitkellem bla ma jaħsibha, anki jekk innoċentement, jistaʼ jikkaġuna wġigħ kbir. L-uġigħ ikun saħansitra akbar jekk inħossu li sfajna vittma taʼ xi qlajjaʼ jew xniegħa kiefra. (Salm 6:7, 8 [6:6, 7, NW]) Imma l-Kristjan ma jistax iħalli l-uġigħ taʼ qalb jaqtagħlu qalbu! Jekk tinsab f’sitwazzjoni bħal din, ħu l-inizjattiva biex tirranġa l-kwistjoni billi b’qalb tajba titkellem maʼ min għamillek l-offiża. (Mattew 5:23, 24; Efesin 4:26) Tqanqal biex taħfirlu. (Kolossin 3:13) Billi ma noqogħdux inżommu f’qalbna, nagħmluha possibbli li ma nibqgħux imweġġgħin u nirranġaw maʼ ħuna. Abraham ma qagħadx iżomm f’qalbu għal Lot. Tant hu hekk li hu mill-ewwel ħa azzjoni biex jeħles lil Lot u l-familja tiegħu!—Ġenesi 14:12-16.
Provi li Nġibuhom b’Idejna Stess
8. (a) Il-Kristjani kif jistgħu ‘jinfnew b’niket kbir’? (b) Abraham għala setaʼ jkollu ħarsa bilanċjata lejn l-affarijiet materjali?
8 Irridu nammettu li xi provi nġibuhom b’idejna stess. Per eżempju, Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu.” (Mattew 6:19) Madankollu, xi aħwa “nfnew b’niket kbir” billi poġġew l-interessi materjali qabel l-interessi tas-Saltna. (1 Timotju 6:9, 10) Abraham kien lest li jissagrifika l-kumdità materjali sabiex jogħġob lil Alla. “Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f’art barranija, u jgħix taħt it-tined flimkien maʼ Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu taʼ l-istess wegħda; għax hu kien iħares ’il quddiem, lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.” (Lhud 11:9, 10) Il-fidi t’Abraham f’“belt” futura, jew gvern divin, għenitu ma joqgħodx jiddependi mill-għana. Ma nkunux għaqlin jekk nagħmlu l-istess ħaġa?
9, 10. (a) Kif tistaʼ x-xewqa għall-prominenza toħloq prova? (b) L-aħwa rġiel illum kif jistgħu jġibu ruħhom bħala ‘wħud iżgħar’?
9 Ikkunsidra aspett ieħor. Il-Bibbja tagħtina dan il-parir qawwi: “Jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta ma hu xejn, ikun iqarraq bih innifsu.” (Galatin 6:3) Barra minn hekk, niġu mħeġġin biex ma ‘nagħmlu xejn b’pika taʼ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma nkunu umli.’ (Filippin 2:3) Xi wħud iġibu provi fuqhom infushom għax jonqsu li japplikaw dan il-parir. Immotivati b’xewqa għall-prominenza minflok b’xewqa li jagħmlu “xogħol sabiħ,” huma jiskuraġġixxu ruħhom u jieħdu fastidju meta ma jingħatawx xi privileġġi fil-kongregazzjoni.—1 Timotju 3:1.
10 Abraham ta eżempju tajjeb billi ma qagħadx ‘jippretendi li kien xi ħaġa aktar milli kien.’ (Rumani 12:3) Meta ltaqaʼ maʼ Melkisedek, Abraham ma ħassx li kien laħaq xi ħaġa minkejja li kellu l-favur t’Alla. Għall-kuntrarju, hu rrikonoxxa l-pożizzjoni superjuri taʼ Melkisedek bħala qassis billi tah l-għexur. (Lhud 7:4-7) Bl-istess mod, il-Kristjani llum għandhom ikunu lesti li jġibu ruħhom bħala ‘wħud iżgħar’ u ma jippretendux li jkunu ċ-ċentru taʼ l-attenzjoni. (Luqa 9:48) Jekk dawk li qed jieħdu t-tmexxija tal-kongregazzjoni jidhru li qed iżommu lura milli jagħtuk xi privileġġi, kun onest u eżamina lilek innifsek biex tara x’tistaʼ tirranġa fil-personalità tiegħek jew fil-mod kif tittratta xi kwistjoni. Minflok ma tieħu għalik fuq il-privileġġi li m’għandekx, ħu vantaġġ sħiħ mill-privileġġ li għandek—il-privileġġ li tgħin lil oħrajn isiru jafu dwar Jehovah. Iva, ‘kun umli taħt l-id setgħana taʼ Alla, biex hu jerfgħek meta jkun il-waqt.’—1 Pietru 5:6.
Fidi fl-Affarijiet li Ma Jidhrux
11, 12. (a) Xi wħud fil-kongregazzjoni għala jistgħu jitilfu s-sens t’urġenza tagħhom? (b) Abraham kif ta eżempju mill-aqwa bil-mod kif ibbaża ħajtu fuq il-fidi fil-wegħdi t’Alla?
11 Prova oħra tistaʼ tkun dak li għandu mnejn jidher li hu dewmien għat-tmiem taʼ din is-sistema ħażina t’affarijiet. Skond it-2 Pietru 3:12, il-Kristjani għandhom ‘jistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum taʼ Alla.’ Madankollu, hemm ħafna li ilhom snin sħaħ jistennewh dan il-“jum,” xi wħud saħansitra għaxriet taʼ snin. Minħabba f’hekk, xi wħud jistgħu jsiru skuraġġiti u jitilfu s-sens t’urġenza tagħhom.
12 Għal darb’oħra, ikkunsidra l-eżempju t’Abraham. Hu bbaża ħajtu fuq il-fidi fil-wegħdi t’Alla, avolja ma kellux ċans jarahom jitwettqu kollha f’ħajtu. Huwa minnu li għex biżżejjed biex jara lil ibnu Iżakk jikber. Madankollu, kellhom jgħaddu sekli sħaħ qabel ma nisel Abraham setaʼ jitqabbel mal-“kwiekeb tas-sema” jew mar-“ramel f’xatt il-baħar.” (Ġenesi 22:17) Madankollu, Abraham ma ħax għalih jew skuraġġixxa ruħu. Huwa għalhekk li l-appostlu Pawlu qal dwar Abraham u patrijarki oħrajn: “Kollha bil-fidi mietu dawn in-nies. Kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed, iżda huma rawh mill-bogħod u sellmulu, waqt li għarfu li huma kienu barranin u għorba [“residenti temporanji,” NW] fuq l-art.”—Lhud 11:13.
13. (a) Il-Kristjani llum kif qishom “residenti temporanji”? (b) Jehovah għala se jtemm lil din is-sistema t’affarijiet?
13 Jekk Abraham irnexxielu jżomm ħajtu ffokata fuq wegħdi li t-twettiq tagħhom kien għadu ‘fil-bogħod,’ kemm imissna nagħmlu iżjed hekk aħna llum, meta t-twettiq taʼ dawn l-affarijiet hu tant viċin! Bħal Abraham, irridu nistħajlu li aħna “residenti temporanji” fis-sistema taʼ Satana, u nirrifjutaw li nissetiljaw fi stil taʼ ħajja li jħeġġiġna nissodisfaw il-kapriċċi persunali. Ovvjament, nippreferu li “t-tmiem taʼ kollox” huwa issa, u mhux biss li qiegħed fil-viċin. (1 Pietru 4:7) Forsi qegħdin inbatu minn problemi serji taʼ saħħa. Jew il-qagħda finanzjarja tagħna qed tagħfas ħafna fuqna. Madankollu, irridu niftakru li Jehovah se jġib it-tmiem mhux biss biex jeħlisna minn ċirkustanzi mill-agħar imma biex iqaddes ismu. (Eżekjel 36:23; Mattew 6:9, 10) It-tmiem se jiġi, mhux neċessarjament meta jkun konvenjenti għalina, imma meta jkun l-aħjar żmien għall-iskopijiet taʼ Jehovah.
14. Il-paċenzja t’Alla kif inhi taʼ benefiċċju għall-Kristjani llum?
14 Ftakar ukoll li “mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) Innota li Alla “qiegħed jistabar bikom”—membri tal-kongregazzjoni Kristjana. (Korsiv tagħna.) B’mod ċar, xi wħud għandhom bżonn iktar żmien biex jagħmlu l-bidliet meħtieġa sabiex fl-aħħar ‘jinstabu fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub.’ (2 Pietru 3:14) Allura, m’għandniex aħna nkunu grati li Alla wera tant paċenzja magħna?
Insibu l-Ferħ Minkejja l-Ostakli
15. Ġesù kif irnexxielu jżomm il-ferħ tiegħu minkejja l-provi, u l-Kristjani llum kif jistgħu jibbenefikaw jekk jimitawh?
15 Il-ħajja t’Abraham tgħallimhom ħafna lezzjonijiet lill-Kristjani llum. Hu mhux biss wera fidi imma wkoll paċenzja, għaqal, kuraġġ, u mħabba bla egoiżmu. Il-qima taʼ Jehovah kienet l-ewwel post f’ħajtu. Iżda rridu niftakru li l-akbar eżempju li rridu nimitaw ġie stabbilit minn Ġesù Kristu. Hu wkoll kellu jiffaċċja għadd taʼ provi u tiġrib, iżda għadda minnhom kollha mingħajr qatt ma tilef il-ferħ tiegħu. Għala? Għaliex hu dejjem żamm moħħu ffokat fuq it-tama li kellu quddiemu. (Lhud 12:2, 3) Għalhekk, Pawlu talab: “[“Jalla,” NW] Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ, jagħtikom il-grazzja li tkunu fehma waħda bejnietkom [“jkollkom bejnietkom l-istess attitudni mentali,” NW] skond Kristu Ġesù.” (Rumani 15:5) Jekk ikollna attitudni mentali tajba, aħna jistaʼ jkollna l-ferħ minkejja l-ostakli li jistaʼ jaqlgħalna Satana.
16. X’nistgħu nagħmlu meta l-problemi tagħna jidhru kbar ħafna?
16 Meta l-problemi jidhru kbar ħafna, ftakar li Jehovah jħobbok bħalma ħabb lil Abraham. Hu jridek tirnexxi. (Filippin 1:6) Afda f’Jehovah kompletament, b’fiduċja li ‘ma jħallikx tiġġarrab aktar milli tiflaħ; jaħseb li mat-tiġrib jagħtik il-qawwa u l-għajnuna biex tkun tiflaħ għalih.’ (1 Korintin 10:13) Ikkultiva d-drawwa li taqra l-Kelma t’Alla kuljum. (Salm 1:2) Ippersevera fit-talb, u staqsi lil Jehovah biex jgħinek tissaporti. (Filippin 4:6) Hu jagħti l-“ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu.” (Luqa 11:13) Ħu vantaġġ mill-provvedimenti li Jehovah pprovda biex isostnik spiritwalment, bħal ngħidu aħna l-pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-Bibbja. Fittex ukoll l-appoġġ taʼ l-aħwa. (1 Pietru 2:17) Attendi lealment għal-laqgħat Kristjani, għax hemmhekk se tirċievi l-inkuraġġiment li għandek bżonn biex tissaporti. (Lhud 10:24, 25) Ifraħ bil-konvinzjoni li s-sabar tiegħek iwassal għal kundizzjoni approvata f’għajnejn Alla u li l-fedeltà tiegħek se tferraħlu qalbu!—Proverbji 27:11; Rumani 5:3-5, NW.
17. Il-Kristjani għala ma jċedux għad-disperazzjoni?
17 Abraham kien maħbub minn Alla bħala l-“ħabib” tiegħu. (Ġakbu 2:23) Xorta waħda, il-ħajja t’Abraham kienet mimlija provi u tribulazzjonijiet. Għaldaqstant, il-Kristjani ma jistennew xejn inqas f’dawn l-aħħar jiem mill-agħar. Fil-fatt, il-Bibbja twissina li “n-nies il-ħżiena u l-uċuħ b’oħra jmorru mill-ħażin għall-agħar.” (2 Timotju 3:1, 13) Minflok ma ċċedi għad-disperazzjoni, ftakar li l-pressjonijiet li niffaċċjaw juru li t-tmiem tas-sistema ħażina taʼ Satana huwa viċin. Imma Ġesù jfakkarna li “min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.” (Mattew 24:13) Għalhekk, ejja “ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid”! Imita lil Abraham, u kun fost dawk li “bil-fidi u s-sabar jiksbu l-wegħdiet.”—Lhud 6:12.
X’Innotajt?
• In-nies taʼ Jehovah llum għala għandhom jistennew li jkollhom provi u tribulazzjonijiet?
• Satana b’liema modi jistaʼ juża attakki diretti?
• Il-konflitti persunali fost il-Kristjani kif jistgħu jiġu solvuti?
• Il-kburija u l-egoiżmu kif jistgħu joħolqu l-provi?
• Abraham b’liema mod ta eżempju tajjeb billi stenna t-twettiq tal-wegħdiet?
’Alla?
[Stampa f’paġna 26]
Ħafna żgħażagħ Kristjani jiġu persegwitati billi jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt minn sħabhom
[Stampa f’paġna 29]
Minkejja li fi żmien Abraham it-twettiq tal-wegħdi t’Alla kien għadu ‘fil-bogħod,’ hu xorta waħda bbaża ħajtu fuqhom