Żomm Sħiħ Daqslikieku Qed Tara lil Alla li Ma Jidhirx!
‘Mosè żamm sħiħ, daqs kemm kieku kien qiegħed jara lil Alla li ma jidhirx.’—LHUD 11:27.
1. Fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù liema stqarrija straordinarja għamel dwar Alla?
JEHOVAH hu dak Alla li ma jidhirx. Meta Mosè talab biex jara l-glorja Tiegħu, Jehovah wieġbu: “Int ma tistax tara ’l wiċċi, għax ebda bniedem ma jarani u jibqaʼ ħaj.” (Eżodu 33:20) U l-appostlu Ġwanni kiteb: “Lil Alla għadu ħadd ma rah.” (Ġwann 1:18) Lanqas Ġesù Kristu, meta kien bniedem fuq l-art, ma setaʼ jarah lil Alla. Madankollu, fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.” (Mattew 5:8) X’ried ifisser Ġesù?
2. Għala ma nistgħux naraw lil Alla bl-għajnejn fiżiċi tagħna?
2 L-Iskrittura tidentifika lil Jehovah bħala Spirtu li ma jidhirx. (Ġwann 4:24; Kolossin 1:15; 1 Timotju 1:17) Għaldaqstant, Ġesù ma kienx qed jgħid li aħna l-bnedmin fil-fatt nistgħu naraw lil Jehovah bl-għajnejn fiżiċi tagħna. Huwa minnu li l-Kristjani midlukin se jaraw lil Alla Jehovah fis-sema meta jiġu rxoxtati bħala ħlejjaq spirti. Imma l-bnedmin li huma “safja f’qalbhom” u għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art jistgħu wkoll “jaraw” lil Alla. Dan kif inhu possibbli?
3. Il-bnedmin kif jistgħu jagħrfu xi ftit mill-kwalitajiet t’Alla?
3 Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa dwar Jehovah billi nosservaw bir-reqqa l-ħolqien tiegħu. B’hekk inkunu nistgħu nimpressjonaw ruħna bil-qawwa tiegħu u nitqanqlu biex nagħrfuh bħala Alla l-Ħallieq. (Lhud 11:3; Apokalissi 4:11) F’dan ir-rigward, l-appostlu Pawlu kiteb: “Il-kwalitajiet inviżibbli [t’Alla] jidhru ċari mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għaliex jintgħarfu mill-affarijiet li ntgħamlu, saħansitra l-qawwa eterna u d-Divinità tiegħu.” (Rumani 1:20, NW) Għalhekk, il-kliem taʼ Ġesù dwar li naraw lil Alla jinkludi l-abbiltà li nagħrfu xi ftit mill-kwalitajiet taʼ Jehovah. Dan nistgħu nagħmluh jekk ikollna għarfien eżatt u jekk naraw b’mod spiritwali bl-‘għajnejn tal-qalb.’ (Efesin 1:18) Il-kliem u l-għemejjel taʼ Ġesù wkoll jgħidulna ħafna affarijiet dwar Alla. Għaldaqstant, Ġesù qal: “Min ra lili ra lill-Missier.” (Ġwann 14:9) Ġesù kien jirrifletti perfettament il-personalità taʼ Jehovah. B’hekk, li jkollna għarfien dwar il-ħajja u t-tagħlim taʼ Ġesù jistaʼ jgħinna naraw, jew nagħrfu, xi ftit mill-kwalitajiet t’Alla.
L-Ispiritwalità Hija Vitali
4. Ħafna wħud kif juru li m’għandhomx spiritwalità llum?
4 Illum, huwa rari li ssib min juri fidi u għandu l-ispiritwalità vera, jiġifieri, jifhem u japprezza tassew l-affarijiet spiritwali. “Mhux kulħadd għandu l-fidi,” qal Pawlu. (2 Tessalonikin 3:2) Ħafna nies huma mitlufin fil-ġiri wara l-interessi persunali u m’għandhomx fidi f’Alla. Il-kondotta midinba u n-nuqqas taʼ spiritwalità tagħhom ma jħalluhomx jaraw bl-għajnejn tal-fehma, għax l-appostlu Ġwanni kiteb: “Min jagħmel il-ħażin ma rax lil Alla.” (3 Ġwann 11) Ladarba dawn l-individwi ma jarawx lil Alla bl-għajnejn fiżiċi tagħhom, huma jġibu ruħhom bħallikieku Alla m’huwiex jara x’qed jagħmlu. (Eżekjel 9:9) Huma jwaqqgħu għaċ-ċajt l-affarijiet spiritwali, u għalhekk ma jistgħux jiksbu t-“tagħrif taʼ Alla.” (Proverbji 2:5) Bix-xieraq, mela, Pawlu kiteb: “Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ taʼ l-Ispirtu taʼ Alla; għalih huma kollha bluha, ma jistax jifhimhom, għaliex ħadd ma jistaʼ jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu.”—1 Korintin 2:14.
5. Dawk li jagħtu importanza lill-affarijiet spiritwali huma konxji taʼ liema fatt?
5 Madankollu, jekk aħna nagħtu importanza lill-affarijiet spiritwali se nibqgħu dejjem konxji li għalkemm Jehovah m’huwiex Alla li joqgħod ifittex in-nuqqasijiet, hu xorta waħda jkun jaf meta naġixxu fuq ħsibijiet jew xewqat ħżiena. Tabilħaqq, “quddiem il-Mulej l-imġiba tal-bniedem; il-Mulej jgħasses il-mixi kollu tiegħu.” (Proverbji 5:21) Jekk niġu megħlubin mid-dnub, aħna nitqanqlu għall-indiema u nfittxu l-maħfra taʼ Jehovah. Dan nagħmluh għax inħobbuh u ma rridux inweġġgħuh.—Salm 78:41; 130:3.
X’Jagħmilna Nżommu Sħaħ?
6. Xi jfisser li żżomm sħiħ?
6 Għalkemm Jehovah hu inviżibbli għalina, ejja dejjem niftakru li aħna viżibbli għalih. Il-fatt li nkunu konxji li jeżisti flimkien mal-konvinzjoni li hu jinsab qrib taʼ dawk kollha li jersqu lejh bit-talb se jgħinna nżommu sħaħ—sodi, bla ma nitħarrku fil-fedeltà tagħna lejh. (Salm 145:18) Nistgħu nkunu bħal Mosè, li dwaru l-appostlu Pawlu kiteb: “Permezz tal-fidi ħalla l-Eġittu bla ma bażaʼ mill-qilla tas-sultan; żamm [“sħiħ,” NW] daqs kemm kieku kien qiegħed jara lil Alla li ma jidhirx.”—Lhud 11:27.
7, 8. X’kien li tah il-kuraġġ lil Mosè quddiem il-Fargħun?
7 Sabiex iwettaq l-inkarigu li tah Alla, li joħroġ lill-Iżraelin mill-jasar taʼ l-Eġittu, Mosè kellu jidher taʼ sikwit quddiem il-Fargħun kiefer meta dan kien ikun f’qorti rjali mdawwar b’ħafna mexxejja u kbarat reliġjużi u militari. X’aktarx li l-ħitan tal-palazz kienu mimlijin idoli. Imma għalkemm ma jidhirx, Jehovah kien reali għal Mosè, mhux bħall-idoli kollha li kienu jirrappreżentaw lill-allat bla ħajja taʼ l-Eġittu. Mhux taʼ b’xejn li l-Fargħun ma kienx ibeżżgħu lil Mosè!
8 X’kien li tah il-kuraġġ lil Mosè biex jidher quddiem il-Fargħun għal darba wara l-oħra? L-Iskrittura tgħidilna li “Mosè kien bniedem umli, l-aktar umli fost il-bnedmin li hawn fuq wiċċ l-art.” (Numri 12:3) Jidher ċar li l-ispiritwalità qawwija taʼ Mosè kif ukoll il-konvinzjoni li kellu li Jehovah kien miegħu tawh is-saħħa li kellu bżonn biex jirrappreżenta lil Alla li ma jidhirx quddiem is-sultan bla qalb taʼ l-Eġittu. Illum, dawk li “jaraw” lil Alla li ma jidhirx b’liema modi jistgħu juru li għandhom fidi fih?
9. X’inhu mod wieħed kif nistgħu nżommu sħaħ?
9 Mod wieħed kif nistgħu nuru l-fidi u nżommu sħaħ daqslikieku qed naraw lil Alla li ma jidhirx huwa billi nippridkaw b’kuraġġ minkejja l-persekuzzjoni. Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu: “Kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi.” (Luqa 21:17) Hu qalilhom ukoll: “Il-qaddej m’huwiex akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Ġwann 15:20) Ftit żmien wara l-mewt tiegħu, ġara eżatt bħalma kien qal Ġesù. Is-segwaċi tiegħu ġew persegwitati b’theddid, arresti, u swat. (Atti 4:1-3, 18-21; 5:17, 18, 40) Minkejja l-mewġa taʼ persekuzzjoni, l-appostli taʼ Ġesù flimkien mad-dixxipli l-oħra komplew jippridkaw l-aħbar tajba bi qlubija.—Atti 4:29-31.
10. Il-fiduċja tagħna fil-fatt li Jehovah jieħu ħsiebna u jipproteġina kif tgħinna fil-ministeru tagħna?
10 Bħal Mosè, is-segwaċi bikrin taʼ Ġesù ma kinux imbeżżgħin mill-ħafna għedewwa viżibbli li kellhom. Id-dixxipli taʼ Ġesù kellhom fidi f’Alla. Minħabba f’dan, huma setgħu jissaportu l-persekuzzjoni ħarxa li sofrew. Iva, huma komplew iżommu sħaħ daqslikieku qed jaraw lil Alla li ma jidhirx. Illum, li nibqgħu dejjem konxji tal-fatt li Jehovah jieħu ħsiebna u jipproteġina jagħmilna qalbenin kif ukoll jimliena b’kuraġġ biex inkomplu bla biżaʼ fix-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar dwar is-Saltna. Il-Kelma t’Alla tgħid li “min jibżaʼ mill-bniedem jaqaʼ fi xkiel; imma min jittama fil-Mulej ikun fil-kenn.” (Proverbji 29:25) B’riżultat taʼ dan, aħna ma nżommux lura għax nibżgħu mill-persekuzzjoni; lanqas ma nistħu minħabba l-ministeru tagħna. Il-fidi tagħna timmotivana biex nagħtu xiehda b’kuraġġ lill-ġirien, lil sħabna tax-xogħol u taʼ l-iskola, u lil oħrajn.—Rumani 1:14-16.
Alla li Ma Jidhirx Imexxi lill-Poplu Tiegħu
11. Skond Pietru u Ġuda, xi wħud li kienu jassoċjaw mal-kongregazzjoni Kristjana kif urew li kienu neqsin mill-ispiritwalità?
11 Il-fidi tgħinna biex naraw lil Jehovah bħala dak li qed imexxi l-organizzazzjoni li għandu fuq l-art. Għaldaqstant, nevitaw li noqogħdu nikkritikaw lil dawk li qed jerfgħu r-responsabbiltà fil-kongregazzjoni. Kemm l-appostlu Pietru kif ukoll Ġuda, ħu Ġesù mill-omm, wissew dwar ċerti wħud li tant kienu neqsin mill-ispiritwalità li kienu jitkellmu b’mod abbużiv dwar l-irġiel li kienu jmexxu fost il-Kristjani. (2 Pietru 2:9-12; Ġuda 8) Kienu dawn l-uħud li jfittxu d-difetti se jitkellmu bl-istess mod kieku kellhom lil Jehovah fiżikament viżibbli quddiemhom? Dażgur li le! Imma peress li Alla ma jidhirx, dawn l-irġiel tal-laħam naqsu li jirrikonoxxu li jridu jagħtuh kont tagħhom infushom.
12. Liema attitudni għandna nuru lejn dawk li qed jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni?
12 Huwa minnu li l-kongregazzjoni Kristjana hija magħmula minn bnedmin imperfetti. Dawk li jaqdu bħala anzjani jagħmlu żbalji li kultant jistgħu jeffettwawna personalment. Minkejja dan, Jehovah qed juża dawn l-irġiel bħala rgħajja tal-merħla tiegħu. (1 Pietru 5:1, 2) Irġiel u nisa li huma spiritwali jagħrfu li dan huwa mod wieħed kif Jehovah jmexxi lin-nies tiegħu. Għalhekk, bħala Kristjani, aħna nevitaw li noqogħdu nikkritikaw u ngergru, iżda nuru rispett lejn l-arranġamenti teokratiċi t’Alla. Billi nobdu lil dawk li qed jieħdu t-tmexxija fostna, inkunu qed nuru li naraw lil Alla li ma jidhirx.—Lhud 13:17.
Naraw lil Alla Bħala l-Istruttur Grandjuż Tagħna
13, 14. Xi jfisser għalik li tara lil Jehovah bħala l-Istruttur Grandjuż?
13 Hemm qasam ieħor li jeħtieġ dehen spiritwali. Isaija bassar: “Għajnejk jaraw l-Imgħallem [“l-Istruttur,” NW] tiegħek.” (Isaija 30:20) Teħtieġ il-fidi biex tagħraf li Jehovah huwa dak li qed jgħallimna permezz taʼ l-organizzazzjoni li għandu fuq l-art. (Mattew 24:45-47) Li naraw lil Alla bħala l-Istruttur Grandjuż tagħna ma jfissirx biss li jkollna drawwiet tajbin taʼ l-istudju tal-Bibbja u li nattendu regolarment għal-laqgħat Kristjani. Ifisser ukoll li nieħdu vantaġġ sħiħ mill-provvedimenti spiritwali t’Alla. Per eżempju, għandna bżonn nagħtu attenzjoni iktar mis-soltu lejn il-gwida li Jehovah jipprovdilna permezz taʼ Ġesù sabiex ma nitbegħdux mit-triq spiritwalment.—Lhud 2:1.
14 Kultant inkunu neħtieġu sforz speċjali biex nieħdu benefiċċju sħiħ mill-ikel spiritwali. Per eżempju, forsi għandna t-tendenza li ċerti rakkonti Bibliċi li ma nkunux nistgħu nifhmuhom ngħadduhom fuq fuq u nieqfu hemm. Għandna mnejn ukoll li meta nkunu qed naqraw ir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! naqbżu ċerti artikli għaliex is-suġġett ma jkunx jinteressana. Jew meta nkunu fil-laqgħat Kristjani, nistgħu nħallu lil moħħna jaħseb fuq affarijiet oħra. Madankollu, nistgħu nibqgħu attenti jekk nirraġunaw bir-reqqa fuq il-punti li jkunu qed jiġu kunsidrati. L-apprezzament profond tagħna għat-tagħlim spiritwali li nirċievu juri li aħna nagħrfu lil Jehovah bħala l-Istruttur Grandjuż tagħna.
Irridu Nagħtu Kont
15. Xi wħud kif aġixxew daqslikieku Jehovah ma kienx qed jarahom?
15 Speċjalment meta naraw li l-ħażen huwa tant mifrux maʼ kullimkien f’dan iż-“żmien taʼ l-aħħar,” huwa vitali li jkollna fidi f’Alla li ma jidhirx. (Danjel 12:4) Id-diżonestà u l-immoralità sesswali tarahom kulfejn iddawwar wiċċek. M’għandniex xi ngħidu, huwa għaqli li niftakru li Jehovah jara dak kollu li nagħmlu anki meta ma jistgħux jarawna bnedmin oħrajn. Xi wħud ma baqgħux konxji taʼ dan il-fatt. Meta ma jkunx hemm min jarahom, jistgħu jinvolvu ruħhom f’xi attività li tmur kontra l-Iskrittura. Per eżempju, xi wħud ċedew għat-tentazzjoni li jaraw divertiment taʼ ħsara u l-pornografija fuq l-Internet, it-televixin, u forom oħrajn tat-teknoloġija moderna. Ladarba dawn l-affarijiet isiru fil-privat, xi wħud aġixxew daqslikieku Jehovah ma kienx qed jara x’kienu qegħdin jagħmlu.
16. X’se jgħinna nżommu mal-livelli għoljin taʼ Jehovah?
16 Ikun tajjeb li nżommu f’moħħna l-kliem taʼ l-appostlu Pawlu: “Kull wieħed minna għad jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” (Rumani 14:12) Irridu dejjem niftakru li kulmeta nidinbu, inkunu qed nidinbu kontra Jehovah. Li nkunu nafu dan għandu jgħinna biex inżommu mal-livelli għoljin tiegħu u nevitaw kondotta mhix nadifa. Il-Bibbja tfakkarna: “Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.” (Lhud 4:13) Huwa minnu li rridu nagħtu kont lil Alla, imma żgur li l-imħabba profonda li għandna għal Jehovah hija r-raġuni ewlenija għala nagħmlu r-rieda tiegħu u nżommu mal-livelli taʼ tjieba tiegħu. Għalhekk, ejja nkunu għaqlin meta niġu biex nagħżlu d-divertiment tagħna, meta nkunu mas-sess oppost, u fi kwistjonijiet oħrajn.
17. Jehovah b’liema tip taʼ interess josservana?
17 Jehovah hu interessat bil-kbir fina, imma dan ma jfissirx li hu qed jistenniena niżbaljaw biex imbagħad jikkastigana. Minflok, hu josservana b’imħabba u interess bħal taʼ missier li jrid jippremja lil uliedu ubbidjenti. Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Missierna tas-sema huwa kuntent bil-fidi tagħna u “li hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh”! (Lhud 11:6) Jalla nuru fidi kompleta f’Jehovah u ‘naqduh b’qalb sħiħa.’—1 Kronaki 28:9.
18. Peress li Jehovah josservana u jinnota l-fedeltà tagħna, liema assiguranza tagħtina l-Iskrittura?
18 Proverbji 15:3 jgħidilna: “Kullimkien iħarsu għajnejn il-Mulej, jgħassu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin.” Iva, Alla jgħasses lill-ħżiena u jimxi magħhom skond kif jaġixxu. Madankollu, jekk aħna fost “it-tajbin,” nistgħu nkunu ċerti li Jehovah jinnota dak li nagħmlu b’fedeltà lejh. Kemm isaħħilna l-fidi tagħna li nkunu nafu li ‘l-ħidma tagħna fil-Mulej m’hijiex għalxejn’ u li Alla li ma jidhirx mhux se ‘jinsa dak li għamilna u l-imħabba li wrejna lejn ismu’!—1 Korintin 15:58; Lhud 6:10.
Nistiednu lil Jehovah Jeżaminana
19. X’inhuma xi ftit mill-benefiċċji li jiġu minn fidi soda f’Jehovah?
19 Bħala l-qaddejja leali taʼ Jehovah, aħna prezzjużi f’għajnejh. (Mattew 10:29-31) Għalkemm ma jidhirx, hu jistaʼ jkun reali għalina, u nistgħu ngħożżu r-relazzjoni prezzjuża li għandna miegħu. Attitudni bħal din lejn Missierna tas-sema ġġibilna ħafna benefiċċji. Il-fidi soda tagħna tgħinna jkollna qalb nadifa u kuxjenza tajba quddiem Jehovah. Il-fidi mingħajr ipokrisija żżommna wkoll milli ngħixu ħajja doppja. (1 Timotju 1:5, 18, 19) Il-fidi li ma titħarrikx tagħna f’Alla hija t’eżempju tajjeb u tistaʼ tħalli effett pożittiv fuq dawk taʼ madwarna. (1 Timotju 4:12) Iktar minn hekk, fidi bħal din tinkuraġġixxi kondotta li jkollha l-approvazzjoni t’Alla u tferraħ qalb Jehovah.—Proverbji 27:11.
20, 21. (a) Għala huwa mixtieq li Jehovah jgħasses fuqna? (b) Kif nistgħu napplikaw Salm 139:23, 24 għalina nfusna?
20 Jekk aħna tassew għaqlin, aħna ferħanin li għandna lil Jehovah jgħasses fuqna. Aħna mhux biss irriduh jarana imma nixtiquh ukoll jeżaminalna bir-reqqa l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna. Fit-talb, nagħmlu sew li nistiednu lil Jehovah jgħarbilna u jara jekk għandniex xi tendenzi mhux xierqa. Ċertament li hu jistaʼ jgħinna nkampaw mal-problemi li jkollna u nagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa. B’mod xieraq, is-salmista David kanta: “Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi; iflini, u kun af ħsibijieti. Ara iniex miexi fi triq ħażina, u mexxini fit-triq taʼ dejjem.”—Salm 139:23, 24.
21 David talab bil-ħniena li Jehovah jgħarblu u jara jekk hux “miexi fi triq ħażina.” Ma nixxennqux aħna, bħas-salmista, li Alla jgħarbel lil qlubna u jara jekk għandniex motivi mhux xierqa? Mela, ejja nitolbu bil-fidi lil Jehovah biex jeżaminana. Imma xi ngħidu jekk inħossuna mtaqqlin minħabba xi żball jew jekk hemm xi ħaġa ġewwa fina li tweġġagħna? F’dan il-każ, ejja nkomplu nitolbu ħerqanin lil Alla tagħna kollu mħabba, Jehovah, u b’umiltà nissottomettu ruħna għad-direzzjoni taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu u l-pariri tal-Kelma tiegħu. Nistgħu nkunu fiduċjużi li hu se jgħinna biex nimxu fit-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem.—Salm 40:12-14 [40:11-13, NW].
22. X’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna dwar Alla li ma jidhirx?
22 Iva, Jehovah se jberikna b’ħajja eterna jekk nagħmlu dak li jrid minna. M’għandniex xi ngħidu, irridu nagħrfu l-qawwa u l-awtorità tiegħu, sewwa sew bħalma għamel l-appostlu Pawlu meta kiteb: “Lis-Sultan taʼ dejjem, li ma jmutx u li ma jidhirx, lil Alla waħdu, ġieħ u glorja għal dejjem taʼ dejjem! Amen.” (1 Timotju 1:17) Jalla minn qalbna nuru dejjem dan it-tip taʼ rispett profond lejn Jehovah. U jiġri x’jiġri, jalla nibqgħu dejjem determinati li nkomplu nżommu sħaħ daqslikieku qed naraw lil Alla li ma jidhirx.
Int Kif Twieġeb?
• Il-bnedmin kif jistgħu jarawh lil Alla?
• Jekk Jehovah hu reali għalina, kif se naġixxu jekk niġu persegwitati?
• Xi jfisser li naraw lil Jehovah bħala l-Istruttur Grandjuż tagħna?
• Għala għandna nixtiequ li Jehovah jeżaminana?
[Stampa f’paġna 18]
Mosè ma beżax mill-Fargħun, iżda aġixxa daqslikieku kien qed jara lil Jehovah, dak Alla li ma jidhirx
[Stampa f’paġna 21]
Ejja qatt ma naġixxu bħallikieku Jehovah ma jistax jara dak li nagħmlu
[Stampa f’paġna 23]
Aħna nfittxu ħerqanin it-tagħrif t’Alla għaliex narawh bħala l-Istruttur Grandjuż tagħna