LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 4/1 pp. 15-20
  • Ibqaʼ Aqdi lil Jehovah b’Qalb Soda

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibqaʼ Aqdi lil Jehovah b’Qalb Soda
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ibqaʼ Fittex l-​Għarfien Eżatt
  • Ftakar fl-​Indiema u fil-​Konverżjoni Tiegħek
  • Qatt Tinsa d-​Dedikazzjoni u l-​Magħmudija Tiegħek
  • Ir-​Rieda Tiegħek Hija Involuta
  • Qalbek Tistaʼ Tibqaʼ Soda
  • Ibqaʼ Aqdi b’Qalb Soda
  • Qiegħed Int Tgħix fi Qbil mad-Dedikazzjoni Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ibqaʼ Sħiħ, u Irbaħ it-Tellieqa għall-Ħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Il-​Magħmudija u r-​Relazzjoni Tiegħek m’Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Inwettqu d-Dedikazzjoni Tagħna “Jum Wara Jum”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 4/1 pp. 15-20

Ibqaʼ Aqdi lil Jehovah b’Qalb Soda

“Qalbi hija soda, O Alla, qalbi hija soda [miegħek].”​—SALM 57:​7, NW.

1. Għala nistgħu nkunu konvinti bħalma kien David?

JEHOVAH jistaʼ jagħmilna sodi fil-​fidi Kristjana, u b’hekk inkunu nistgħu nintrabtu mal-​Kristjanità vera bħala l-​qaddejja dedikati tiegħu. (Rumani 14:4) Għalhekk, nistgħu nkunu konvinti bħas-​salmista David, li ġie mqanqal jgħanni: “Sħiħa qalbi, o Alla!” (Salm 108:2 [108:​1, NW]) Jekk qalbna hija soda m’Alla, se nitqanqlu biex inwettqu d-​dedikazzjoni li għamilna lilu. U jekk inħarsu lejh għall-​gwida u s-​saħħa, żgur li qatt ma nitħarrku. Hu jgħinna nżommu sħiħ, inkunu determinati u konvinti bħala nies taʼ integrità, ‘inħabirku dejjem fil-​ħidma tal-​Mulej.’—1 Korintin 15:58.

2, 3. X’inhu s-​sens tat-​twissijiet taʼ Pawlu li nsibu fl-​1 Korintin 16:13?

2 Meta indirizza lis-​segwaċi taʼ Ġesù f’Korintu tal-​qedem, l-​appostlu Pawlu tahom twissijiet li ċertament japplikaw għall-​Kristjani llum. Hu qal: “Ishru, żommu sħiħ fil-​fidi, kunu qalbiena, saħħu ruħkom ilkoll.” (1 Korintin 16:13) Bil-​Grieg, il-​verb f’kull kmand imsemmi hawn qiegħed fil-​preżent, u b’hekk iħeġġeġ azzjoni kontinwa. X’inhu s-​sens taʼ din it-​twissija?

3 Aħna nistgħu ‘nishru’ spiritwalment billi nopponu lix-​Xitan u nibqgħu qrib t’Alla. (Ġakbu 4:​7, 8) Jekk nistrieħu fuq Jehovah se nkunu nistgħu nibqgħu magħqudin u ‘nżommu sħiħ fil-​fidi Kristjana.’ Aħna—kemm l-​irġiel u kemm il-​ħafna nisa fostna—‘nuru l-​qlubija’ billi naqdu lil Alla bil-​kuraġġ bħala xandara tas-​Saltna. (Salm 68:12 [68:​11, NW]) Aħna ‘nsaħħu ruħna’ billi nħarsu kontinwament lejn Missierna tas-​sema għas-​saħħa sabiex nagħmlu r-​rieda tiegħu.​—Filippin 4:​13.

4. X’wassal għall-​magħmudija tagħna bħala Kristjani?

4 Urejna li aċċettajna l-​verità meta ddedikajna ruħna bla riżerva lil Jehovah u b’simbolu taʼ dan ġejna mgħaddsin taħt l-​ilma. Iżda x’wassal għall-​magħmudija tagħna? L-​ewwel ħadna għarfien eżatt dwar il-​Kelma t’Alla. (Ġwann 17:3) Dan bnielna l-​fidi u qanqalna biex nindmu—nuru dispjaċir veru għal xi ħażen tal-​passat. (Atti 3:19; Lhud 11:6) Imbagħad ġiet il-​konverżjoni tagħna, għax ħallejna warajna d-​drawwiet ħżiena sabiex insegwu ħajja fi qbil mar-​rieda t’Alla. (Rumani 12:2; Efesin 4:​23, 24) Wara dan iddedikajna ruħna b’qalbna kollha lil Jehovah fit-​talb. (Mattew 16:24; 1 Pietru 2:21) Tlabna lil Alla għal kuxjenza safja u ġejna mgħammdin b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħna. (1 Pietru 3:21) Jekk inżommu f’moħħna dawn il-​passi se niġu megħjunin nibqgħu ffokati fuq il-​bżonn li kontinwament nagħmlu sforz biex ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħna u nibqgħu naqdu lil Jehovah b’qalb soda miegħu.

Ibqaʼ Fittex l-​Għarfien Eżatt

5. Għala għandna nibqgħu nieħdu għarfien Skritturali?

5 Biex ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħna lil Alla, irridu nkomplu niksbu għarfien mill-​Iskrittura li jibnilna l-​fidi. Kemm tgħaxxaqna bl-​ikel spiritwali meta fil-​bidu sirna midħla tal-​verità t’Alla! (Mattew 24:​45-47) Dawn “l-​ikliet” kienu delizzjużi—u sostnewna tajjeb spiritwalment. Issa huwa essenzjali li nibqgħu nieħdu ikel spiritwali sustanzjuż sabiex inżommu qalbna soda maʼ Jehovah bħala l-​qaddejja dedikati tiegħu.

6. Kif stajt tiġi megħjun tiżviluppa l-​apprezzament mill-​qalb għall-​verità tal-​Bibbja?

6 Meħtieġ sforz biex niksbu iktar għarfien mill-​Iskrittura. Qisna qed infittxu teżori moħbija—ħaġa li tirrikjedi ħafna taħbit. Imma kemm huwa premju sabiħ li ssib “it-​tagħrif taʼ Alla”! (Proverbji 2:​1-6) Meta xi pubblikatur tas-​Saltna beda jistudja l-​Bibbja miegħek, forsi ntuża l-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem. Għandu mnejn dan ħa ħafna żmien hekk kif iddiskutejtu kull kapitlu, forsi f’iktar minn studju wieħed. Int ibbenefikajt meta kienu jinqraw u jiġu diskussi l-​iskritturi ċitati. Jekk kien ikun hemm xi punt li ma kontx tistaʼ tifhmu, dan kien jiġi spjegat. Min kien jistudja miegħek kien jipprepara sew, kien jitlob għall-​ispirtu t’Alla, u kien jgħinek tiżviluppa gratitudni mill-​qalb għall-​verità.

7. X’jikkwalifika lil individwu biex jgħallem il-​verità t’Alla lill-​oħrajn?

7 Dan l-​isforz kien xieraq, għax Pawlu kiteb: “Ħalli kulmin qiegħed jiġi mgħallem oralment il-​kelma jieħu sehem fl-​affarijiet tajbin kollha maʼ dak li jagħti dan it-​tagħlim orali.” (Galatin 6:​6, NW) Hawn it-​test Grieg jindika li t-​tagħlim tal-​Kelma t’Alla ġie mnaqqax fil-​moħħ u fil-​qalb taʼ dak li kien “mgħallem oralment.” Dan it-​tagħlim li ħadt jikkwalifikak biex tkun għalliem taʼ oħrajn int ukoll. (Atti 18:25) Biex tkun leali lejn id-​dedikazzjoni tiegħek, int għandek tieħu ħsieb is-​saħħa u s-​sodizza spiritwali tiegħek permezz taʼ studju kontinwu tal-​Kelma t’Alla.​—1 Timotju 4:​13; Titu 1:​13; 2:2.

Ftakar fl-​Indiema u fil-​Konverżjoni Tiegħek

8. Kif inhu possibbli li tibqaʼ miexi f’kondotta taʼ tjieba?

8 Tiftakar int x’serħan ħassejt meta tgħallimt il-​verità, indimt, u rċivejt il-​maħfra t’Alla bbażata fuq il-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù? (Salm 32:​2-6 [32:​1-5, NW]; Rumani 5:8; 1 Pietru 3:​18) Żgur li ma tridx terġaʼ lura lejn ħajja midinba. (2 Pietru 2:​20-22) Fost affarijiet oħrajn, it-​talb regulari lil Jehovah se jgħinek biex tibqaʼ miexi f’kondotta taʼ tjieba, tgħix fi qbil mad-​dedikazzjoni tiegħek, u tkompli taqdi lil Jehovah fedelment.​—2 Pietru 3:​11, 12.

9. Issa li erġajna lura minn drawwiet midinba, liema triq għandna nsegwu?

9 Issa li kkonvertejt billi erġajt lura minn drawwiet midinba, ibqaʼ fittex l-​għajnuna t’Alla biex iżżomm qalbek soda miegħu. Fil-​fatt, int kont għaddej mit-​triq il-​ħażina imma wara li ċċekkjajt mal-​mappa korretta bdejt tivvjaġġa fit-​triq it-​tajba. Titlifx it-​triq issa. Ibqaʼ strieħ fuq il-​gwida t’Alla, u kun determinat li tibqaʼ fit-​triq li tieħu għall-​ħajja.​—Isaija 30:​20, 21; Mattew 7:​13, 14.

Qatt Tinsa d-​Dedikazzjoni u l-​Magħmudija Tiegħek

10. Liema punti għandna nżommu f’moħħna rigward id-​dedikazzjoni tagħna lil Alla?

10 Żomm f’moħħok li int iddedikajt ruħek lil Jehovah fit-​talb tiegħek, b’eternità taʼ servizz leali quddiemek. (Ġuda 20, 21) Id-​dedikazzjoni tfisser twarrib apparti, jew separazzjoni, għal skop sagru. (Levitiku 15:31; 22:2) Id-​dedikazzjoni tiegħek la kienet ftehim temporanju u lanqas xi rbit mal-​bnedmin. Kienet dedikazzjoni permanenti lis-​Sovran Universali, u biex ngħixu fi qbil magħha rridu nuru lealtà lejn Alla tul ħajjitna kollha. Iva, ‘sew jekk ngħixu u sew jekk immutu, aħna tal-​Mulej.’ (Rumani 14:​7, 8) Il-​kuntentizza tagħna tiddependi fuq li nkunu sottomessi lejn ir-​rieda tiegħu u fuq li nibqgħu naqduh b’qalb soda.

11. Għala għandek tibqaʼ tiftakar fil-​magħmudija tiegħek u fis-​sinifikat tagħha?

11 Ibqaʼ ftakar dejjem fil-​magħmudija tiegħek b’simbolu tad-​dedikazzjoni li għamilt lil Alla b’qalbek kollha. Int ma ġejtx sforzat biex titgħammed, għax id-​deċiżjoni ħadtha minn jeddek. Determinat issa int li tuża r-​rieda tiegħek fi qbil mar-​rieda t’Alla għall-​bqija taʼ ħajtek? Int tlabt lil Alla għal kuxjenza safja u tgħammidt b’simbolu tad-​dedikazzjoni li għamilt lilu. Ibqaʼ ħu ħsieb dik il-​kuxjenza safja billi tgħix fi qbil mad-​dedikazzjoni tiegħek, u Jehovah jibqaʼ jitfaʼ fuqek barkiet għonja.​—Proverbji 10:22.

Ir-​Rieda Tiegħek Hija Involuta

12, 13. Ir-rieda tagħna kif inhi marbuta mad-​dedikazzjoni u l-​magħmudija?

12 Tabilħaqq, id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija ġabu barkiet kbar lil miljuni taʼ nies madwar id-​dinja. Meta nissimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħna lil Alla billi nitgħammdu fl-​ilma, aħna mmutu rigward il-​ħajja tagħna taʼ l-​imgħoddi iżda ma nitilqux minn idejna r-​rieda tagħna. Bħala wħud li ħaddanna l-​fidi billi ħadna istruzzjoni xierqa, aħna fil-​fatt użajna r-​rieda tagħna meta ddedikajna ruħna lil Alla permezz tat-​talb u tgħammidna. Biex niddedikaw lilna nfusna lil Alla u nitgħammdu hemm bżonn li nsiru nafu x’inhi r-​rieda t’Alla u mbagħad minn jeddna nagħżlu li nagħmluha. (Efesin 5:17) B’dan il-​mod nimitaw lil Ġesù, li uża r-​rieda tiegħu meta ħalla s-​sengħa taʼ mastrudaxxa, tgħammed, u ddedika lilu nnifsu kompletament biex jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru tas-​sema.​—Salm 40:​8, 9 (40:​7, 8, NW); Ġwann 6:​38-​40.

13 Alla Jehovah ried li Ibnu jintgħamel “perfett bis-​saħħa tas-​sofferenzi.” Għalhekk, Ġesù kellu juża r-​rieda tiegħu biex jissaporti dawn is-​sofferenzi bil-​fedeltà kollha. Għal dan l-​għan, hu offra “talb u suppliki b’leħen għoli u bid-​dmugħ . . . U kien mismugħ minħabba fil-​qima tiegħu lejn Alla.” (Lhud 2:​10, 18; 5:​7, 8) Jekk aħna nuru l-​istess qima profonda lejn Alla, aħna wkoll se ‘nkunu mismugħa,’ u nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jagħmilna sodi bħala x-​Xhieda dedikati tiegħu.​—Isaija 43:10.

Qalbek Tistaʼ Tibqaʼ Soda

14. Għala għandna naqraw il-​Bibbja kuljum?

14 X’jistaʼ jgħin lil qalbek tibqaʼ soda m’Alla, u b’hekk tgħix fi qbil mad-​dedikazzjoni tiegħek lilu? Bl-​iskop li dejjem iżżid fl-​għarfien tiegħek dwar il-​Kelma t’Alla, aqra l-​Bibbja kuljum. Din hija xi ħaġa li l-​ilsir leali u diskret kontinwament iħeġġiġna nagħmlu. Dan il-​parir jingħata għaliex biex ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħna għandna bżonn li nibqgħu mexjin fil-​verità t’Alla. Li kieku l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah kienet favur it-​tagħlim falz, il-​parir biex jaqraw il-​Bibbja qatt ma kien jingħata lix-​Xhieda taʼ Jehovah u lil dawk li lilhom jippridkaw.

15. (a) X’għandna nikkunsidraw meta nieħdu xi deċiżjoni? (b) Għala jistaʼ jingħad li l-​impjieg sekulari huwa xogħol sekondarju għall-​Kristjan?

15 Meta tieħu xi deċiżjoni, dejjem ara kif din tistaʼ teffettwa t-​twettiq tad-​dedikazzjoni tiegħek lil Jehovah. Għandu mnejn id-​deċiżjoni jkollha x’taqsam maʼ l-​impjieg tiegħek. Tipprova tużah biex jgħinek iġġib ’il quddiem il-​qima vera? Għalkemm nies li jħaddmu ġeneralment jafu li Kristjani dedikati huma effiċjenti u tistaʼ tafdahom, huma jinnotaw ukoll li x-​Xhieda taʼ Jehovah m’humiex ambizzjużi żżejjed biex jimxu ’l quddiem fid-​dinja u ma jikkompetux m’oħrajn għall-​pożizzjonijiet li jħallu l-​iktar qligħ. Dan għaliex il-​mira tax-​Xhieda m’hijiex il-​ksib taʼ l-​għana, il-​fama, il-​prestiġju, jew il-​poter. Għal dawk li qed jgħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħhom lil Alla, l-​iktar ħaġa importanti hija li jagħmlu r-​rieda tiegħu. Impjieg sekulari li jgħinhom jiksbu l-​bżonnijiet tal-​ħajja huwa xogħol taʼ importanza sekondarja. Bħall-​appostlu Pawlu, il-​vokazzjoni jew ix-​xogħol ewlieni tagħhom huwa l-​ministeru Kristjan. (Atti 18:​3, 4; 2 Tessalonikin 3:​7, 8; 1 Timotju 5:8) Iżżomm int l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajtek?​—Mattew 6:​25-​33.

16. X’nistgħu nagħmlu jekk ansjetà bla bżonn qed tagħmilhielna diffiċli biex ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħna lil Alla?

16 Xi wħud għandhom mnejn kienu kważi mifnijin b’diversi ansjetajiet qabel ma tgħallmu l-​verità. Imma qalbhom kif faret bil-​ferħ, bil-​gratitudni u bl-​imħabba għal Alla meta ħaddnu t-​tama tas-​Saltna! Li jirriflettu fuq il-​barkiet li ilhom igawdu minn dak in-​nhar ’l hawn jistaʼ jgħinhom jgħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah. Mill-​banda l-​oħra, xi ngħidu jekk ansjetà bla bżonn dwar il-​problemi komuni tal-​ħajja f’din is-​sistema issa qed thedded li toħnoq “il-​kelma t’Alla,” sewwa sew bħalma x-​xewk jistaʼ jfixkel il-​pjanti milli jimmaturaw f’siġar tal-​frott? (Luqa 8:​7, 11, 14; Mattew 13:22; Mark 4:​18, 19) Jekk tħoss li dan qed jibda jiġri lilek jew lill-​familja tiegħek, itfaʼ l-​ansjetà tiegħek fuq Jehovah u itolbu jgħinek tikber fl-​imħabba u fl-​apprezzament. Jekk titfaʼ t-​tagħbija tiegħek fuqu, hu jwieżnek u jagħtik is-​saħħa biex tkompli taqdih bil-​ferħ u b’qalb soda miegħu.​—Salm 55:23 (55:​22, NW); Filippin 4:​6, 7; Apokalissi 2:4.

17. Kif inhu possibbli li nkampaw maʼ provi ħorox?

17 Ibqaʼ itlob regolarment lil Alla Jehovah, saħansitra bħalma tlabtu meta ddedikajt ruħek lilu. (Salm 65:​3, 4a [65:​2, NW]) Meta tiġi ttantat biex tagħmel il-​ħażin jew meta tkun qed tiffaċċja xi prova iebsa, fittex il-​gwida u l-​għajnuna t’Alla biex timxi fuq id-​direzzjoni li jagħtik. Żomm f’moħħok kemm hi meħtieġa l-​fidi, għax id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-​għerf [biex ikampa maʼ xi prova], għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu. Mela ħa jitlob bil-​fidi, bla ma jitħasseb xejn, għax min jitħasseb ikun jixbah lill-​mewġ tal-​baħar imqanqal u mqalleb bir-​riħ. Bniedem bħal dan ma għandux jistenna li se jaqlaʼ xi ħaġa mingħand il-​Mulej; hu bniedem mifxul fih innifsu, u m’huwiex żgur mit-​triq li jagħżel.” (Ġakbu 1:​5-8) Jekk xi prova tidher diffiċli ħafna biex negħlbuha, nistgħu nkunu ċerti minn dan li ġej: “Ebda tiġrib ma laħaqkom li bniedem ma jiflaħx għalih; Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu: jaħseb li mat-​tiġrib jagħtikom il-​qawwa u l-​għajnuna biex tkunu tifilħu għalih.”​—1 Korintin 10:13.

18. X’nistgħu nagħmlu jekk xi dnub serju li qed nagħmlu bil-​moħbi qed idgħajjef id-​determinazzjoni tagħna biex ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni li għamilna lil Jehovah?

18 Xi ngħidu jekk bil-​moħbi qed tagħmel xi dnub serju li qed iniggiżlek il-​kuxjenza u jdgħajjef id-​determinazzjoni tiegħek biex tgħix fi qbil mad-​dedikazzjoni li għamilt lil Alla? Jekk int niedem, tistaʼ titfarraġ għax taf li Jehovah ‘ma jwarrabx qalb maqsuma u sogħbiena.’ (Salm 51:19 [51:​17, NW]) Fittex l-​għajnuna taʼ l-​anzjani Kristjani li jħobbuk, billi taf li huma jimitaw lil Jehovah u ma jinjorawx ix-​xewqa tiegħek li terġaʼ tgawdi relazzjoni tajba maʼ Missierek tas-​sema. (Salm 103:​10-14; Ġakbu 5:​13-15) Imbagħad b’tiġdid taʼ saħħa spiritwali u b’qalb soda, int tkun tistaʼ twitti t-​triq għal riġlejk u jsir possibbli għalik li tgħix fi qbil mad-​dedikazzjoni tiegħek lil Alla.​—Lhud 12:​12, 13.

Ibqaʼ Aqdi b’Qalb Soda

19, 20. Għala huwa vitali li nibqgħu ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħna?

19 F’dan iż-​żmien kritiku, irridu naħdmu iebes biex ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħna u nibqgħu naqdu lil Alla b’qalb soda miegħu. Ġesù qal: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-​aħħar, dan isalva.” (Mattew 24:13) Peress li qed ngħixu fl-​aħħar jiem, it-​tmiem jistaʼ jiġi minn mument għall-​ieħor. (2 Timotju 3:1) Iktar minn hekk, ħadd minna ma jistaʼ jkun ċert li għada se jkun għadu ħaj. (Ġakbu 4:​13, 14) Għalhekk, huwa vitali li nibqgħu ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħna llum!

20 L-​appostlu Pietru enfasizza dan fit-​tieni ittra tiegħu. Hu wera li bħalma nqerdu l-​għedewwa t’Alla fid-​Dilluvju, bl-​istess mod l-​art simbolika, li hija s-​soċjetà umana mill-​agħar, se tinqered matul “jum il-​Mulej.” Pietru għalhekk wissa: “Araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom”! Hu ħeġġiġhom ukoll: “Ħuti għeżież, ladarba tafu dan, għassu sewwa li ma tisfgħux maħkuma mill-​iżbalji taʼ dawn in-​nies bla rażan [għalliema foloz u għedewwa t’Alla] u taqgħu mnejn tinsabu fis-​sod.” (2 Pietru 3:​5-17) Xi traġedja tkun dik li kieku xi ħadd mgħammed kellu jisfa maħkum mill-​iżball u jasal fi tmiem ħajtu bħala wieħed li ma żammx qalbu soda m’Alla!

21, 22. Il-kliem taʼ Salm 57:8 (57:​7, NW) kif seħħ fil-​każ taʼ David u tal-​Kristjani veri?

21 Id-​determinazzjoni tiegħek biex tgħix fi qbil mad-​dedikazzjoni li għamilt lil Alla tistaʼ tiġi msaħħa jekk iżżomm f’moħħok il-​jum hieni tal-​magħmudija tiegħek u tfittex l-​għajnuna t’Alla sabiex dak li tgħid u tagħmel iferraħlu qalbu. (Proverbji 27:11) Jehovah qatt ma jiddiżappunta lill-​poplu tiegħu, u żgur li aħna għandna għalxiex inkunu leali lejh. (Salm 94:14) Hu wera ħniena u mogħdrija meta ħeles lil David mill-​għedewwa tiegħu billi ħawdilhom il-​komplotti tagħhom. Bi gratitudni għal dan kollu, David esprima s-​sodizza, iż-​żamma sħiħa taʼ mħabbtu għall-​Ħellies tiegħu. B’sentimenti profondi, hu għanna: “Sħiħa qalbi, o Alla, sħiħa qalbi; ħa ngħanni u ninseġ għanja.”​—Salm 57:8 (57:​7, NW).

22 Bħal David, il-​Kristjani veri ma tħarrkux mid-​devozzjoni tagħhom lejn Alla. Bi qlubhom sodi miegħu, huma jagħtu l-​kredtu lil Jehovah għall-​ħelsien u l-​ħarsien tagħhom, u lilu jgħannu tifħir bil-​ferħ. Jekk qalbek hija soda m’Alla, int se tistrieħ fuqu, u bl-​għajnuna tiegħu se tkun tistaʼ tgħix fi qbil mad-​dedikazzjoni tiegħek. Iva, int tistaʼ tkun bħal dak “il-​bniedem ġust” li dwaru s-​salmista għanna: “Xejn ma jibżaʼ minn aħbar ħażina; qalbu qawwija bit-​tama tal-​Mulej.” (Salm 112:​6, 7) B’fidi f’Alla u b’fiduċja sħiħa fih, int tistaʼ tgħix fi qbil mad-​dedikazzjoni tiegħek u tibqaʼ taqdi lil Jehovah b’qalb soda miegħu.

Tiftakar Int?

• Għala għandna nkomplu nieħdu għarfien eżatt mill-​Bibbja?

• Għala għandna nżommu f’moħħna l-​indiema u l-​konverżjoni tagħna?

• Kif nibbenefikaw jekk niftakru fid-​dedikazzjoni u fil-​magħmudija tagħna?

• X’se jgħinna nibqgħu naqdu lil Jehovah b’qalb soda miegħu?

[Stampi f’paġna 18]

Qiegħed int iżżomm is-​saħħa spiritwali tiegħek billi taqra l-​Kelma t’Alla kuljum?

[Stampa f’paġna 18]

Jekk nagħmlu l-​ministeru Kristjan ix-​xogħol ewlieni tagħna, dan jgħinna biex nibqgħu naqdu lil Jehovah b’qalb soda miegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja