Nieħdu Ħsieb l-Iltiema u r-Romol fl-Hemm Tagħhom
M’huwiex diffiċli biex wieħed jirrikonoxxi li qed ngħixu f’dinja mingħajr imħabba. Meta kien qed jirreferi għax-xorta taʼ nies li jkunu qed jgħixu matul “l-aħħar tad-dinja,” l-appostlu Pawlu kiteb: “Ikun żmien iebes. Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom, . . . bla qalb [‘ma jkollhom ebda affezzjoni naturali, NW].” (2 Timotju 3:1-3) Kemm hu minnu dan il-kliem!
L-AMBJENT morali taʼ żmienna huwa wieħed mir-raġunijiet għala ħafna nies ma tantx tiġihom ħniena minn oħrajn. In-nies huma ferm inqas interessati fil-benesseri t’oħrajn, saħansitra f’xi każi, lanqas f’dak tal-membri tal-familja tagħhom stess.
Dan jeffettwa b’mod ħażin lil ħafna wħud li, minħabba diversi ċirkustanzi, jispiċċaw fqar. In-numru taʼ romol u ltiema qiegħed dejjem jiżdied minħabba l-gwerer, diżastri naturali, u ċ-ċaqliq minn post għall-ieħor tar-refuġjati. (Koħèlet 3:19) “Iktar minn miljun [tifel u tifla] spiċċaw iltiema jew separati mill-familji tagħhom minħabba l-gwerra,” jistqarr rapport mill-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal. Barra minn hekk, hemm ukoll numru kbir t’ommijiet waħedhom, abbandunati, jew divorzjati li għandhom ix-xogħol diffiċli taʼ li jmexxu ’l quddiem u jrabbu lill-familji tagħhom mingħajr l-appoġġ tar-raġel. Is-sitwazzjoni qed tkompli tiggrava minħabba l-fatt li xi pajjiżi qed jiffaċċjaw kriżi ekonomika serja, u dan iwassal biex ħafna miċ-ċittadini tagħhom jgħixu f’faqar estrem.
Meta nqisu dan kollu, hemm xi raġġ dawl għal dawk li għaddejjin mill-hemm? Kif tistaʼ tittaffa s-sofferenza tar-romol u l-iltiema? Qatt xi darba se tintemm din il-problema?
Attenzjoni bl-Imħabba fi Żminijiet Bibliċi
Li wieħed jieħu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi u spiritwali tar-romol u l-iltiema dejjem kien parti integrali mill-qima lejn Alla. Meta kienu jaħsdu l-qamħ jew il-frott tagħhom, l-Iżraelin ma kinux jiġbru dak li kien jibqaʼ fl-għelieqi, jew ilaqqtu wara xulxin. It-tilqit kellu jitħalla “għall-barrani u l-iltim u l-armla.” (Dewteronomju 24:19-21) Il-Liġi taʼ Mosè speċifikat: “La taħqrux l-armla jew l-iltim.” (Eżodu 22:21, 22 [22:22, 23, NW]) Ir-romol u l-iltiema li titkellem dwarhom il-Bibbja jirrappreżentaw b’mod xieraq lil iktar nies fqar, peress li minħabba l-mewt tar-raġel u tal-missier jew taż-żewġ ġenituri, il-membri tal-familja li jibqgħu ħajjin għandhom mnejn jitħallew waħedhom u fqar. Il-patrijarka Ġob stqarr: “Kont neħles il-fqir li jittallab l-għajnuna, u l-iltim li ma kellux min jaqbeż għalih.”—Ġob 29:12.
Matul il-jiem bikrin tal-kongregazzjoni Kristjana, li wieħed jieħu ħsieb dawk imnikktin u tassew fil-bżonn minħabba t-telfa tal-ġenituri jew tar-raġel kien fattur distintiv tal-qima vera. Billi kien jinteressa ruħu ħafna fil-benesseri taʼ wħud bħal dawn, id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Quddiem Alla u Missierna t-tjieba safja u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis ’il bogħod mid-dinja.”—Ġakbu 1:27.
Minbarra li semma l-iltiema u r-romol, Ġakbu wera wkoll interess profond għal oħrajn li kienu fqar u fil-bżonn ħafna. (Ġakbu 2:5, 6, 15, 16) L-appostlu Pawlu wera l-istess interess. Meta hu u Barnaba ngħataw l-inkarigu tagħhom taʼ l-ippridkar, waħda mill-istruzzjonijiet li rċivew kienet li ‘jibqgħu jiftakru fil-fqar.’ “Ħaġa li fittixt nagħmilha minn qalbi,” setaʼ jgħid Pawlu b’kuxjenza nadifa. (Galatin 2:9, 10) Ir-rakkont taʼ l-attivitajiet tal-kongregazzjoni Kristjana ftit wara li ġiet stabbilita nnota: “Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn . . . Mbagħad kien jitqassam kollox skond il-ħtieġa taʼ kull wieħed.” (Atti 4:34, 35) Iva, l-arranġament li ġie stabbilit f’Iżrael tal-qedem biex jieħdu ħsieb l-iltiema, ir-romol, u l-fqar baqaʼ japplika fil-kongregazzjoni Kristjana.
M’għandniex xi ngħidu, l-għajnuna provduta kienet limitata u skond il-mezzi tal-kongregazzjonijiet individwali. Ma kinux iberbqu l-flus bl-addoċċ, u l-għajnuna kienet tingħata lil dawk verament fil-bżonn. L-ebda Kristjan ma kellu jipprofitta ruħu minn dan l-arranġament, u ma kellhiex titpoġġa tagħbija żejda fuq il-kongregazzjoni. Dan kien muri b’mod ċar fl-istruzzjonijiet taʼ Pawlu deskritti fl-1 Timotju 5:3-16. Hemmhekk naraw li jekk il-qraba taʼ dawk fil-bżonn setgħu jgħinuhom, kellhom ikunu huma li jerfgħuha din ir-responsabbiltà. Ir-romol fil-bżonn kellhom jilħqu ċerti ħtiġijiet sabiex jikkwalifikaw għall-għajnuna. Dan kollu jirrifletti l-arranġament għaqli li Jehovah juża biex jieħu ħsieb dawk fil-bżonn. Madankollu, dan juri wkoll li għandu jkun hemm bilanċ sabiex ħadd ma jipprofitta ruħu mill-qalb tajba taʼ dak li jkun.—2 Tessalonikin 3:10-12.
Nieħdu Ħsieb l-Iltiema u r-Romol Illum
Il-prinċipji li l-qaddejja t’Alla kienu jimxu fuqhom fil-passat, rigward li juru interess f’dawk li jinsabu fl-hemm u jgħinuhom, għadhom qed jiġu applikati fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah. L-imħabba taʼ l-aħwa hija karatteristika li tispikka, sewwa sew bħalma stqarr Ġesù: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Meta xi ħadd ikun fil-bżonn jew jisfa vittma taʼ xi diżastru jew taʼ l-effetti tal-gwerra jew xi inkwiet ċivili, il-bqija tal-fratellanza internazzjonali tkun ħerqana biex issib modi kif tagħti għajnuna spiritwali u materjali. Ejja naraw xi esperjenzi li ġraw fi żmienna u li juru x’qed isir f’dan ir-rigward.
Pedro ma tantx jiftakarha lil ommu. Din mietet meta hu kellu biss sena u nofs. Meta Pedro kellu ħames snin, missieru miet ukoll. Għalhekk, Pedro spiċċa waħdu maʼ ħutu. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kienu diġà jmorru għand missieru, u b’hekk Pedro flimkien maʼ ħutu li kienu kollha akbar minnu bdew jagħmlu studju tal-Bibbja fid-dar.
Pedro jirrakkonta: “Il-ġimgħa taʼ wara stess, bdejna nattendu għal-laqgħat. Hekk kif konna nassoċjaw maʼ l-aħwa, stajna nħossu l-imħabba li kienu juru lejna. Il-kongregazzjoni kienet bħal kenn għalija għax l-aħwa kienu juruni mħabba u affezzjoni, bħallikieku kienu l-ġenituri tiegħi.” Pedro jiftakar li wieħed mill-anzjani Kristjani kien jistiednu d-dar tiegħu. Hemmhekk Pedro kien jitkellem u jirrilassa maʼ din il-familja. “Dawn il-memorji huma għeżież ħafna għalija,” jgħid Pedro, li beda jippriedka dwar it-twemmin tiegħu fl-età taʼ 11-il sena u tgħammed meta kellu 15-il sena. Megħjunin minn dawk fil-kongregazzjoni, ħutu l-kbar ukoll għamlu ħafna progress b’mod spiritwali.
Hemm ukoll il-każ taʼ David. Hu u oħtu t-tewmija ġew abbandunati meta l-ġenituri tagħhom isseparaw. Rabbewhom in-nanniet tagħhom u waħda miz-zijiet. “Meta kbirna u rrealizzajna f’liema sitwazzjoni konna, spiċċajna mimlijin inċertezzi u dwejjaq. Kellna bżonn xi ħaġa fuq xiex nistrieħu għall-appoġġ. Ziti saret waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, u grazzi għal dan, ġejna mgħallmin il-verità tal-Bibbja. L-aħwa kienu juruna l-affezzjoni u l-ħbiberija tagħhom. Kienu jħobbuna ħafna u inkuraġġewna biex nilħqu miri u nibqgħu naħdmu għal Jehovah. Meta kelli madwar għaxar snin, kien jiġi għalija qaddej ministerjali biex nieħu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa. Ħu ieħor kien jieħu ħsieb l-ispejjeż tiegħi meta nattendi għall-konvenzjonijiet. Saħansitra kien hemm ħu ieħor li għenni biex inkun nistaʼ nagħti l-kontribuzzjonijiet fis-Sala tas-Saltna.”
David tgħammed meta kellu 17-il sena, u iktar tard beda jaqdi fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Messiku. Anki issa hu jistqarr: “Hemm diversi anzjani li għandhom irwol sinifikanti fl-edukazzjoni tiegħi u jagħtuni pariri siewja. B’dan il-mod qed negħleb l-inċertezzi tiegħi u s-solitudni.”
Abel, anzjan f’kongregazzjoni ġewwa l-Messiku li fiha hemm diversi romol fil-bżonn, jirrakkonta: “Jien konvint li l-akbar bżonn li għandhom ir-romol hu l-appoġġ emozzjonali. Xi drabi, jgħaddu minn perijodi taʼ dipressjoni; iħossuhom waħedhom. Għalhekk, huwa verament importanti li nkunu t’appoġġ, li nisimgħuhom. Aħna [l-anzjani tal-kongregazzjoni] immorru nżuruhom taʼ spiss. Huwa importanti li nieħdu l-ħin biex nagħtu attenzjoni għall-problemi tagħhom. Dan jgħinhom iħossuhom imfarrġin spiritwalment.” Madankollu, kultant tkun meħtieġa wkoll l-għajnuna ekonomika. “Issa qed nibnu dar għal oħt li hi armla,” irrakkonta Abel ftit żmien ilu. “Dan nagħmluh f’xi Sibtijiet u f’xi fil-għaxijiet matul il-ġimgħa.”
Dwar l-esperjenza tiegħu persunali biex jipprovdi l-għajnuna lill-iltiema u r-romol, anzjan ieħor tal-kongregazzjoni jgħid: “Jien nemmen li l-iltiema għandhom ferm iktar bżonn taʼ l-imħabba Kristjana mir-romol. Innotajt li huma x’aktarx iħossuhom imwarrbin iktar milli jħossuhom tfal u adolexxenti oħrajn li għandhom iż-żewġ ġenituri. Għandhom bżonn ħafna espressjonijiet t’affezzjoni mill-aħwa. Huwa tajjeb li wieħed imur fuqhom wara l-laqgħat biex jara kif inhuma. Hemm ħu miżżewweġ li safa ltim meta kien għadu żgħir ħafna. Jien dejjem immur nifraħ bih fil-laqgħat, u hu jgħannaqni meta jarani. Dan isaħħaħ ir-rabta taʼ mħabba vera bejn l-aħwa.”
Jehovah “Jeħles lill-Fqir”
Il-fiduċja f’Jehovah hija fundamentali biex nittrattaw b’suċċess is-sitwazzjoni tar-romol u l-iltiema. Dwar Jehovah jingħad: “Il-Mulej li jħares lill-barranin; hu li jżomm lill-iltim u lill-armla.” (Salm 146:9) Is-soluzzjoni sħiħa għal problemi bħal dawn se tiġi biss permezz tas-Saltna t’Alla taħt il-ħakma taʼ Ġesù Kristu. Meta kien qed jiddeskrivi profetikament din il-ħakma mill-Messija, is-salmista kiteb: “Hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva.”—Salm 72:12, 13.
Hekk kif it-tmiem tas-sistema preżenti t’affarijiet ikompli joqrob, il-pressjonijiet li l-Kristjani b’mod ġenerali jiffaċċjaw żgur li se jiżdiedu. (Mattew 24:9-13) Kuljum hemm bżonn li l-Kristjani juru iktar interess f’xulxin u jkollhom “imħabba sħiħa lejn xulxin.” (1 Pietru 4:7-10) L-irġiel Kristjani, speċjalment l-anzjani, għandhom bżonn juru interess u mogħdrija lejn l-iltiema. U n-nisa maturi fil-kongregazzjoni jistgħu joffru ħafna appoġġ lir-romol u jkunu sors taʼ faraġ. (Titu 2:3-5) Fil-fatt, kulħadd jistaʼ jikkontribwixxi billi jieħu interess b’mod attiv f’uħud li jkunu għaddejjin minn xi hemm.
Il-Kristjani veri ma ‘jagħlqux qalbhom’ meta ‘jaraw ’il ħuhom fil-bżonn.’ Huma konxji ħafna li joqogħdu attenti għat-twissija taʼ l-appostlu Ġwanni: “Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa.” (1 Ġwann 3:17, 18) Mela ejja nieħdu ħsieb “l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom.”—Ġakbu 1:27.
[Kumment f’paġna 11]
“Ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa.” 1 Ġwann 3:18
[Stampi f’paġna 10]
Il-Kristjani veri jieħdu ħsieb l-iltiema u r-romol materjalment,
spiritwalment,u emozzjonalment